Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 83

Is-Swar taʼ Ġerusalemm

Is-Swar taʼ Ġerusalemm

ARA kemm qed isir xogħol hawnhekk. L-​Iżraelin qed iħabirku biex jibnu s-​swar taʼ Ġerusalemm. Meta s-​Sultan Nebukadnessar qered lil Ġerusalemm 152 sena qabel, hu ġarraf is-​swar u ħaraq il-​bibien tal-​belt. L-​Iżraelin ma reġgħux bnew is-​swar mill-​ewwel meta ġew lura minn Babilonja.

Kif taħseb li ħassewhom in-​nies minħabba li għexu hawnhekk dawn is-​snin kollha mingħajr swar madwar belthom? Ma ħassewhomx fis-​sigurtà. L-​għedewwa tagħhom setgħu jidħlu faċilment u jattakkawhom. Imma issa dan ir-​raġel Neħemija fl-​aħħar qed jgħin lin-​nies jerġgħu jibnu s-​swar. Taf min hu Neħemija?

Neħemija hu Iżraeli mill-​belt taʼ Susan, fejn jgħixu Mordekaj u Ester. Neħemija kien jaħdem fil-​palazz tas-​sultan, allura jistaʼ jkun li kien ħabib tajjeb taʼ Mordekaj u r-​Reġina Ester. Imma l-​Bibbja ma tgħidilniex li Neħemija kien jaħdem għar-​raġel t’Ester, is-​Sultan Aħasweru. Hu kien jaħdem għas-​sultan taʼ warajh, is-​Sultan Artaserse.

Ftakar li Artaserse hu s-​sultan tajjeb li ta lil Esdra dawk il-​flus kollha biex jiħodhom Ġerusalemm ħalli jsewwi t-​tempju taʼ Ġeħova. Imma Esdra ma beniex is-​swar imġarrfin tal-​belt. Ejja naraw kif ġara li Neħemija għamel dan ix-​xogħol.

Għaddew 13-​il sena minn meta Artaserse ta l-​flus lil Esdra biex isewwi t-​tempju. Neħemija issa hu l-​kuppier ewlieni tas-​Sultan Artaserse. Dan ifisser li hu jservi l-​inbid lis-​sultan, u jaċċerta ruħu li ħadd ma jipprova jivvelena lis-​sultan. Dan hu xogħol importanti ħafna.

Imbagħad, darba minnhom, ħu Neħemija, Ħanani, u rġiel oħrajn mill-​art t’Iżrael jiġu jżuru lil Neħemija. Huma jgħidulu dwar l-​inkwiet li qed ikollhom l-​Iżraelin, u kif is-​swar taʼ Ġerusalemm għadhom imġarrfin. Dan inikket ħafna lil Neħemija u hu jitlob lil Ġeħova dwaru.

Darba minnhom is-​sultan jinnota li Neħemija għandu qalbu sewda, u jistaqsi: ‘Għala tidher daqshekk imnikket?’ Neħemija jgħidlu li dan hu minħabba li Ġerusalemm tinsab f’kundizzjoni tant ħażina u minħabba li s-​swar huma mġarrfin. ‘X’tixtieq?’ jgħidlu s-​sultan.

‘Ħallini mmur Ġerusalemm,’ jgħid Neħemija, ‘biex nerġaʼ nibni s-​swar.’ Is-​Sultan Artaserse hu qalbu tajba ħafna. Hu jgħid lil Neħemija li jistaʼ jmur, u jgħinu jikseb l-​injam ħalli jagħmel ftit mix-​xogħol tal-​bini. Ftit wara li Neħemija jasal Ġerusalemm, hu jgħid lin-​nies dwar il-​pjanijiet tiegħu. Huma jieħdu gost bl-​idea, u jgħidulu: ‘Ejja nibdew nibnu.’

Meta l-​għedewwa tal-​Iżraelin jaraw is-​sur tielaʼ, huma jgħidu: ‘Ħa nitilgħu u noqtluhom, u nwaqqfu x-​xogħol tal-​bini.’ Imma Neħemija jismaʼ dwar dan, u jagħti lill-​ħaddiema sjuf u lanez. U hu jgħid: ‘Tibżgħux mill-​għedewwa tagħna. Iġġieldu għal ħutkom, għal uliedkom, għan-​nisa tagħkom, u għal djarkom.’

In-​nies huma kuraġġużi ħafna. Huma jżommu l-​armi tagħhom lesti lejl u nhar, u jibqgħu jibnu. Allura fi 52 jum biss is-​swar ikunu lesti. Issa n-​nies jistgħu jħossuhom ħelsin mill-​periklu fil-​belt. Neħemija u Esdra jgħallmu lin-​nies il-​liġi t’Alla, u n-​nies jifirħu.

Imma l-​affarijiet xorta għadhom mhumiex l-​istess bħalma kienu qabel ma l-​Iżraelin ittieħdu bħala priġunieri lejn Babilonja. In-​nies huma maħkumin mis-​sultan tal-​Persja u jkollhom jaqduh. Imma Ġeħova wiegħed li se jibgħat sultan ġdid, u li dan is-​sultan kien se jġib il-​paċi lin-​nies. Min hu dan is-​sultan? Kif se jġib il-​paċi fuq l-​art? Jgħaddu xi 450 sena qabel ma jkollhom iktar informazzjoni dwar dan. Imbagħad ikun hemm twelid importanti ħafna taʼ tarbija. Imma din hi storja oħra.