Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 78

Kitba fuq il-Ħajt

Kitba fuq il-Ħajt

X’INHU jiġri hawn? In-​nies qed jagħmlu festa kbira. Is-​sultan taʼ Babilonja stieden elf mistieden importanti. Qed jużaw it-​tazzi tad-​deheb u l-​fidda u r-​reċipjenti li ttieħdu mit-​tempju taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm. Imma, f’daqqa waħda jidhru fl-​arja s-​swabaʼ t’id taʼ raġel u jibdew jiktbu fuq il-​ħajt. Kulħadd jitwerwer.

Issa s-​sultan hu Belsassar, in-​neputi taʼ Nebukadnessar. Hu jsejjaħ lill-​irġiel għorrief tiegħu biex jidħlu quddiemu. ‘Min jirnexxilu jaqra din il-​kitba u jgħidli xi tfisser,’ jgħid is-​sultan, ‘se jingħata ħafna rigali u jintgħamel it-​tielet l-​iktar ħakkiem importanti fis-​saltna.’ Imma ħadd mill-​irġiel għorrief ma jistaʼ jaqra l-​kitba fuq il-​ħajt, lanqas ma jistgħu jgħidulu xi tfisser.

Omm is-​sultan tismaʼ l-​istorbju u tiġi fil-​kamra tal-​pranzu l-​kbira. ‘Jekk jogħġbok titwerwirx b’dan il-​mod,’ hi tgħid lis-​sultan. ‘Hemm raġel f’saltnatek li jaf l-​allat qaddisin. Meta nannuk Nebukadnessar kien sultan, hu għamlu l-​kap tal-​irġiel għorrief kollha tiegħu. Jismu Danjel. Ibgħat għalih, u hu jgħidlek xi jfisser dan kollu.’

Allura Danjel jinġieb mill-​ewwel quddiem is-​sultan. Wara li jirrifjuta kwalunkwe rigal, Danjel jibda jirrakkonta għala Ġeħova darba neħħa lin-​nannu taʼ Belsassar, Nebukadnessar, milli jkun sultan. ‘Hu kien kburi ħafna,’ jgħid Danjel. ‘U Ġeħova kkastigah.’

‘Imma int,’ jgħid Danjel lil Belsassar, ‘kont taf kulma ġralu, u xorta int kburi bħalma kien Nebukadnessar. Int ġibt it-​tazzi u r-​reċipjenti mit-​tempju taʼ Ġeħova u xrobt minnhom. Faħħart allat magħmulin mill-​injam u l-​ġebel, u ma tajtx unur lill-​Ħallieq Grandjuż tagħna. Dan hu għala Ġeħova bagħat id biex tikteb dan il-​kliem.

‘Hekk hemm miktub,’ jgħid Danjel: ‘MEʹNE, MEʹNE, TEʹKEL u PARʹSIN.’

‘MEʹNE tfisser li Alla għadd il-​jiem taʼ saltnatek u ġabha fi tmiemha. TEʹKEL tfisser li ntiżint fuq il-​miżien u nstab li m’intix tajjeb. PARʹSIN tfisser li saltnatek tingħata lill-​Medi u l-​Persjani.’

Anki waqt li Danjel qed jitkellem, il-​Medi u l-​Persjani bdew jattakkaw lil Babilonja. Huma jaħtfu l-​belt u joqtlu lil Belsassar. Il-​kitba fuq il-​ħajt isseħħ f’dak il-​lejl stess! Imma issa x’se jiġri mill-​Iżraelin? Dalwaqt niskopru, imma l-​ewwel ejja naraw x’jiġri minn Danjel.