STORJA 82
Mordekaj u Ester
EJJA mmorru lura sa ftit snin qabel m’Esdra mar Ġerusalemm. Mordekaj u Ester huma l-iktar Iżraelin importanti fis-saltna tal-Persja. Ester hi r-reġina u kuġinuha Mordekaj hu biss it-tieni wara s-sultan fl-awtorità. Ejja naraw kif seħħ dan.
Il-ġenituri t’Ester mietu meta kienet żgħira ħafna, u minħabba f’hekk rabbieha Mordekaj. Aħasweru, is-sultan tal-Persja, għandu palazz fil-belt taʼ Susan, u Mordekaj hu wieħed mill-qaddejja tiegħu. Imbagħad darba waħda, il-mara tas-sultan, Vasti, ma tobdihx, allura s-sultan jagħżel mara oħra biex tkun ir-reġina tiegħu. Taf liema mara jagħżel? Iva, liż-żagħżugħa sabiħa Ester.
Qed tarah lil dan ir-raġel kburi li n-nies qed ibaxxu rashom quddiemu? Dan hu Ħaman. Hu raġel importanti ħafna fil-Persja. Ħaman irid li Mordekaj, li jidher bilqiegħda hawnhekk, ibaxxi rasu wkoll quddiemu. Imma Mordekaj ma jagħmilx dan. Hu jħoss li mhuwiex sewwa li tbaxxi rasek quddiem raġel mill-agħar bħal dan. Għalhekk, Ħaman jirrabja ħafna. Allura ara x’jagħmel.
Ħaman jigdeb lis-sultan dwar l-Iżraelin. ‘Huma nies ħżiena li ma jobdux il-liġijiet tiegħek,’ jgħidlu hu. ‘Għandhom jinqatlu.’ Aħasweru ma jafx li martu Ester hi Iżraelija. Allura jismaʼ minn Ħaman, u jgħaddi liġi li f’ċertu jum l-Iżraelin kollha għandhom jinqatlu.
Meta Mordekaj jismaʼ dwar il-liġi jinkwieta ħafna. Hu jibgħat messaġġ lil Ester: ‘Għid lis-sultan u itolbu bil-ħniena biex isalvana.’ Huwa kontra l-liġi tal-Persja li tmur tara lis-sultan jekk ma tkunx mistieden. Imma Ester tmur ħdejh mingħajr stedina. Is-sultan jipponta lejha x-xettru tad-deheb tiegħu, li jfisser li m’għandhiex tinqatel. Ester tistieden lis-sultan u lil Ħaman għal ikla kbira. Matulha, is-sultan jistaqsi lil Ester x’favur trid mingħandu. Ester twieġeb li se tgħidlu jekk hu u Ħaman jiġu għal ikla oħra l-għada.
Waqt din l-ikla Ester tgħid lis-sultan: ‘Jien u niesi se ninqatlu.’ Is-sultan jirrabja. ‘Min jażżarda jagħmel ħaġa bħal din?’ jistaqsi hu.
‘Ir-raġel, l-għadu, hu dan ir-raġel mill-agħar, Ħaman!’ tgħid Ester.
Issa s-sultan jirrabja ħafna. Hu jordna li Ħaman jinqatel. Wara, is-sultan jagħmel lil Mordekaj it-tieni biss fl-awtorità warajh. Mordekaj imbagħad jara li ssir liġi ġdida li tħalli lill-Iżraelin jiġġieldu għal ħajjithom fil-jum li kellhom jinqatlu. Minħabba li issa Mordekaj hu raġel daqshekk importanti, ħafna nies jgħinu lill-Iżraelin u dawn jinħelsu minn taħt idejn l-għedewwa tagħhom.
Il-ktieb Bibliku t’Ester 1-10.