Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 96

Ġesù Jfejjaq lill-Morda

Ġesù Jfejjaq lill-Morda

HEKK kif Ġesù jivvjaġġa tul il-​pajjiż, hu jfejjaq lill-​morda. L-​aħbar taʼ dawn il-​mirakli tinxtered mal-​irħula u l-​bliet tal-​inħawi. Għalhekk, in-​nies iġibulu dawk li huma zopop u għomja u torox u ħafna oħrajn li huma morda. U Ġesù jfejjaqhom kollha.

Issa għaddew iktar minn tliet snin minn mindu Ġwanni għammed lil Ġesù. U Ġesù jgħid lill-​appostli tiegħu li dalwaqt se jitlaʼ Ġerusalemm, fejn se jiġi maqtul, u mbagħad jiġi mqajjem mill-​mewt. Sadanittant, Ġesù jibqaʼ jfejjaq lill-​morda.

Ġurnata waħda Ġesù jkun qed jgħallem f’jum is-​Sabat. Is-​Sabat hija ġurnata taʼ mistrieħ għal-​Lhud. Il-​mara li tistaʼ tara fl-​istampa kienet marida ħafna. Għal 18-​il sena kienet mgħawġa u ma setgħetx toqgħod bilwieqfa dritta. Għalhekk, Ġesù jpoġġi jdejh fuqha u tibda tiddritta. Hija tfiq!

Dan jirrabja ħafna lill-​mexxejja reliġjużi. ‘Hemm sitt ijiem li fihom għandna naħdmu,’ wieħed minnhom jgħid lill-​folla b’leħen għoli. ‘Dawk huma l-​ġranet li fihom għandkom tiġu għall-​fejqan, mhux fis-​Sabat!’

Imma Ġesù jwieġeb: ‘Ja rġiel ħżiena! Żgur li kwalunkwe wieħed minnkom ikun lest li jħoll lill-​ħmar tiegħu u jieħdu biex jixrob fis-​Sabat. Allura m’għandhiex din l-​imsejkna, li ilha marida 18-​il sena, tiġi mfejqa fis-​Sabat?’ It-​tweġiba taʼ Ġesù ġġiegħel lil dawn l-​irġiel ħżiena jistħu.

Iktar tard, Ġesù u l-​appostli tiegħu jkomplu jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm. Meta jaslu barra l-​belt taʼ Ġeriko, żewġ tallaba għomja jisimgħu li għaddej Ġesù. Għalhekk jgħajtu: ‘Ġesù, għinna!’

Ġesù jsejjaħ lill-​irġiel għomja ħdejh u jistaqsihom: ‘Xi triduni nagħmlilkom?’ Huma jgħidu: ‘Mulej, iftħilna għajnejna.’ Ġesù jmissilhom għajnejhom u mill-​ewwel ikunu jistgħu jaraw! Taf għala Ġesù jagħmel dawn il-​mirakli meraviljużi kollha? Għax iħobb lin-​nies u jrid li jkollhom il-​fidi fih. U għalhekk nistgħu nkunu ċerti li meta jaħkem bħala s-​Sultan ħadd fuq l-​art mhu se jerġaʼ jkun marid.