STORJA 84
Anġlu Jżur lil Marija
DIN il-mara ħelwa hi Marija. Hi Iżraelija li tgħix fir-raħal taʼ Nazaret. Alla jaf li hi persuna tassew mill-aħjar. Dan hu għala bagħat l-anġlu tiegħu Gabrijel biex ikellimha. Taf x’ġie jgħidilha Gabrijel lil Marija? Ejja naraw.
‘Il-ġurnata t-tajba, int li ġejt favorita bil-kbir,’ jgħidilha Gabrijel. ‘Ġeħova hu miegħek.’ Marija qatt ma rat lil din il-persuna qabel. Hi tinkwieta, għaliex ma tafx x’ried ifisser. Imma mill-ewwel Gabrijel iserrħilha rasha.
‘Tibżax Marija,’ jgħidilha hu. ‘Ġeħova ferħan ħafna bik. Għalhekk se jagħmel xi ħaġa tal-għaġeb għalik. Dalwaqt se jkollok tarbija tifel. U trid issemmih Ġesù.’
Gabrijel ikompli jispjega: ‘Dan it-tifel se jkun kbir, u se jissejjaħ Bin l-Alla l-Iktar Għoli. Ġeħova se jagħmlu Sultan, bħalma kien David. Imma Ġesù se jkun Sultan għal dejjem, u Saltnatu qatt ma se tintemm!’
‘Kif jistaʼ jkun dan kollu?’ tistaqsi Marija. ‘Lanqas biss jien miżżewġa. Qatt m’għext maʼ raġel, allura kif jistaʼ jkolli tarbija?’
‘Il-qawwa t’Alla se tiġi fuqek,’ iwieġeb Gabrijel. ‘Allura t-tifel se jkun imsejjaħ l-Iben t’Alla.’ Imbagħad hu jgħid lil Marija: ‘Ftakar fil-qariba tiegħek, Eliżabetta. In-nies qalu li kienet xiħa wisq biex ikollha t-tfal. Imma dalwaqt se jkollha iben. Allura, m’hemm xejn li Alla ma jistax jagħmel.’
Mill-ewwel, Marija tgħid: ‘Jien il-qaddejja taʼ Ġeħova! Ħa jiġri minni eżatt kif għedt.’ L-anġlu mbagħad jitlaq.
Marija tħaffef biex tmur iżżur lil Eliżabetta. Meta Eliżabetta tismaʼ leħen Marija, it-tarbija f’Eliżabetta taqbeż bil-ferħ. Eliżabetta timtela bl-ispirtu t’Alla u tgħid lil Marija: ‘Int imbierka b’mod speċjali fost in-nisa.’ Marija tibqaʼ m’Eliżabetta għal xi tliet xhur, u mbagħad tmur lura d-dar f’Nazaret.
Marija dalwaqt tiżżewweġ raġel jismu Ġużeppi. Imma meta Ġużeppi jsir jaf li Marija se jkollha tarbija, hu ma jaħsibx li għandu jiżżewwiġha. Imbagħad l-anġlu t’Alla jgħidlu: ‘Tibżax tieħu lil Marija bħala martek. Għaliex hu Alla li taha iben.’ Allura Marija u Ġużeppi jiżżewġu u jistennew it-twelid taʼ Ġesù.