Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 98

Fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ

Fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ

DAN hu Ġesù fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ. L-​erbat irġiel li qegħdin miegħu huma l-​appostli tiegħu. Huma l-​aħwa Indrì u Pietru, u wkoll l-​aħwa Ġakbu u Ġwanni. Dak hu t-​tempju t’Alla f’Ġerusalemm li tistaʼ tara hemm fil-​bogħod.

Għaddew jumejn minn mindu Ġesù daħal f’Ġerusalemm riekeb fuq felu taʼ ħmara. Hija l-​ġurnata tat-​Tlieta. Iktar kmieni fil-​ġurnata Ġesù kien fit-​tempju. Hemmhekk, il-​qassisin ipprovaw jaqbdu lil Ġesù biex joqtluh. Imma beżgħu jagħmlu dan għax in-​nies iħobbu lil Ġesù.

Ġesù sejjaħ lil dawk il-​mexxejja reliġjużi: ‘Ja sriep u wlied is-​sriep!’ Imbagħad, Ġesù qal li Alla kien se jikkastigahom minħabba l-​affarijiet ħżiena kollha li kienu għamlu. Wara dan, Ġesù telaʼ fuq il-​Muntanja taż-​Żebbuġ, u mbagħad dawn l-​erbaʼ appostli bdew jistaqsuh xi mistoqsijiet. Taf x’qed jistaqsu lil Ġesù?

L-​appostli qed jistaqsu dwar affarijiet li se jiġru fil-​futur. Huma jafu li Ġesù se jtemm il-​ħażen kollu fuq l-​art. Imma jridu jkunu jafu meta se jiġri dan kollu. Ġesù meta se jerġaʼ jiġi biex jaħkem bħala s-​Sultan?

Ġesù jaf li s-​segwaċi tiegħu fuq l-​art mhux se jkunu jistgħu jarawh meta jerġaʼ jiġi. Dan għaliex se jkun fis-​sema, u ma jistgħux jarawh hemmhekk. Għalhekk, Ġesù jgħid lill-​appostli tiegħu ftit mill-​affarijiet li se jkunu qed jiġru fuq l-​art meta hu jkun qed jaħkem bħala s-​Sultan fis-​sema. X’inhuma xi ftit minn dawn l-​affarijiet?

Ġesù jgħid li se jkun hemm gwerer kbar, ħafna nies se jkunu morda u bil-​ġuħ, il-​kriminalità se tmur għall-​agħar, u se jkun hemm terremoti kbar. Ġesù jgħid ukoll li l-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla se tixxandar kullimkien fuq l-​art. Rajna aħna dawn l-​affarijiet jiġru fi żmienna? Iva! U għalhekk nistgħu nkunu ċerti li bħalissa Ġesù qed jaħkem fis-​sema. Dalwaqt se jġib fi tmiem il-​ħażen kollu fuq l-​art.