STORJA 94
Hu Jħobb lit-Tfal Żgħar
ĦARES lejn Ġesù hawn b’idejh madwar it-tifel żgħir. Jidher ċar li Ġesù verament jimpurtah miż-żgħar. L-irġiel li qed jarawh huma l-appostli tiegħu. Ġesù x’qed jgħidilhom? Ejja naraw.
Ġesù u l-appostli għadhom kif ġew lura minn vjaġġ twil. Fit-triq l-appostli argumentaw bejniethom. Għalhekk, wara l-vjaġġ, Ġesù staqsiehom: ‘Dwar xiex kontu qed targumentaw fit-triq?’ Fil-verità, Ġesù jaf dwar xiex kienu qed jargumentaw. Imma jistaqsi l-mistoqsija biex jara jekk l-appostli jgħidulux.
L-appostli ma jwiġbux, għax fit-triq kienu qed jargumentaw dwar min minnhom hu l-akbar. Xi appostli jridu jkunu iktar importanti mill-oħrajn. Ġesù kif se jgħidilhom li mhuwiex sewwa li jridu jkunu l-akbar?
Hu jsejjaħ lit-tifel ċkejken u jqiegħdu quddiemhom kollha. Imbagħad jgħid lid-dixxipli tiegħu: ‘Verament ngħidilkom, jekk ma tinbidlux u ssiru bħal tfal żgħar, qatt ma se tidħlu fis-Saltna t’Alla. L-akbar wieħed fis-Saltna hu dak li jsir bħal dan it-tifel.’ Taf għala Ġesù qal dan?
It-tfal iż-żgħar ma joqogħdux jinkwetaw dwar li jkunu akbar jew iktar importanti minn nies oħrajn. Għalhekk, l-appostli għandhom jitgħallmu jkunu bħat-tfal b’dan il-mod u ma joqogħdux jiġġieldu dwar min hu l-akbar u l-iktar importanti.
Hemm drabi oħrajn ukoll meta Ġesù juri kemm jimpurtah mit-tfal żgħar. Ftit xhur wara xi nies iġibu t-tfal tagħhom biex jaraw lil Ġesù. L-appostli jipprovaw iwaqqfuhom. Imma Ġesù jgħid lill-appostli tiegħu: ‘Ħallu t-tfal jiġu ħdejja u twaqqfuhomx, għax is-Saltna t’Alla hi taʼ min hu bħalhom.’ Imbagħad, Ġesù jieħu lit-tfal f’idejh u jberikhom. Mhijiex xi ħaġa sabiħa li tkun taf li Ġesù jħobb lit-tfal żgħar?