Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 87

Iż-Żagħżugħ Ġesù fit-Tempju

Iż-Żagħżugħ Ġesù fit-Tempju

ĦARES lejn iż-​żagħżugħ jitkellem maʼ dawn l-​irġiel akbar. Huma għalliema fit-​tempju t’Alla f’Ġerusalemm. U t-​tifel hu Ġesù. Kiber mhux ħażin. Issa għandu 12-​il sena.

L-​għalliema huma skantati ferm li Ġesù jaf ħafna dwar Alla u dwar l-​affarijiet miktubin fil-​Bibbja. Imma fejn huma Ġużeppi u Marija? Għala mhumiex maʼ Ġesù? Ejja naraw.

Kull sena Ġużeppi jġib il-​familja tiegħu Ġerusalemm għaċ-​ċelebrazzjoni speċjali li tissejjaħ il-​Qbiż. Minn Nazaret għal Ġerusalemm hemm vjaġġ twil. Ħadd m’għandu karozza, u m’hemmx karozzi tal-​linja. Ma kinux jeżistu f’dak iż-​żmien. Ħafna min-​nies jimxu, u jdumu xi tlett ijiem biex jaslu Ġerusalemm.

S’issa Ġużeppi għandu familja kbira. Għalhekk hemm xi aħwa iżgħar taʼ Ġesù x’jieħdu ħsieb. Mela, din is-​sena Ġużeppi u Marija telqu maʼ wliedhom fit-​triq twila lura Nazaret. Huma jaħsbu li Ġesù qiegħed m’oħrajn li qed jivvjaġġaw magħhom. Imma meta jieqfu fl-​aħħar tal-​ġurnata ma jistgħux isibu lil Ġesù. Ifittxuh fost il-​qraba u l-​ħbieb tagħhom, imma mhuwiex magħhom! Allura jmorru lura Ġerusalemm biex ifittxuh hemmhekk.

Fl-​aħħar isibu lil Ġesù hawnhekk mal-​għalliema. Qed jismagħhom u jistaqsihom mistoqsijiet. U n-​nies kollha jiskantaw b’kemm hu għaref Ġesù. Imma Marija tgħid: ‘Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Jien u missierek inkwetajna ħafna aħna u nipprovaw insibuk.’

Ġesù jwieġeb: ‘Għala kellkom għalfejn tfittxuni? Ma kontux tafu li kelli nkun f’dar Missieri?’

Iva, Ġesù jħobb ikun fejn jistaʼ jitgħallem dwar Alla. Mhux hekk għandna nħossuna aħna wkoll? Lura d-​dar f’Nazaret, Ġesù kien imur il-​laqgħat għall-​qima kull ġimgħa. Minħabba li dejjem qagħad attent, hu tgħallem ħafna affarijiet mill-​Bibbja. Ejja nkunu bħal Ġesù u nsegwu l-​eżempju tiegħu.