Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

STORJA 86

Irġiel Gwidati Minn Kewkba

Irġiel Gwidati Minn Kewkba

QED taraha dik il-​kewkba tiddi li qed jipponta lejha wieħed minn dawn l-​irġiel? Din il-​kewkba dehret meta telqu minn Ġerusalemm. Dawn l-​irġiel huma mil-​Lvant, u jistudjaw il-​kwiekeb. Huma jemmnu li din il-​kewkba ġdida qed tiggwidahom lejn xi ħadd importanti.

Meta l-​irġiel waslu Ġerusalemm, staqsew: ‘Fejn hu t-​tifel li se jsir is-​sultan tal-​Lhud?’ “Lhud” hu isem ieħor għall-​Iżraelin. ‘L-​ewwel darba li rajna l-​kewkba tat-​tifel kienet meta konna fil-​Lvant,’ jgħidu l-​irġiel, ‘u ġejna biex inqimuh.’

Erodi, is-​sultan f’Ġerusalemm, ma ħax pjaċir meta semaʼ b’dan. Ma riedx li sultan ieħor jiħodlu postu. Għalhekk, Erodi sejjaħ lill-​qassisin ewlenin u staqsa: ‘Fejn se jitwieled is-​sultan imwiegħed?’ Huma wieġbu: ‘Il-​Bibbja tgħid f’Betlehem.’

Għalhekk, Erodi jsejjaħ lill-​irġiel mil-​Lvant u jgħid: ‘Morru fittxu lit-​tifel ċkejken u meta ssibuh għiduli. Jien irrid immur u nqimu wkoll.’ Imma, fil-​verità, Erodi ried isib it-​tifel biex joqtlu!

Imbagħad, il-​kewkba timxi quddiem l-​irġiel lejn Betlehem, u tieqaf fuq il-​post fejn hu t-​tifel. Meta l-​irġiel jidħlu fid-​dar isibu lil Marija u liċ-​ċkejken Ġesù. Huma joħorġu xi rigali u jagħtuhom lil Ġesù. Imma mbagħad, Ġeħova jwissi lill-​irġiel permezz taʼ ħolma biex ma jmorrux lura għand Erodi. Allura, imorru lura lejn il-​pajjiż tagħhom minn triq oħra.

Meta Erodi jsir jaf li l-​irġiel mil-​Lvant telqu d-​dar, hu jirrabja ħafna. Għalhekk, jagħti kmand biex is-​subien kollha f’Betlehem li għandhom minn sentejn ’l isfel jinqatlu. Imma Ġeħova jwissi lil Ġużeppi minn qabel permezz taʼ ħolma, u Ġużeppi jitlaq mal-​familja tiegħu lejn l-​Eġittu. Iktar tard, meta Ġużeppi jsir jaf li miet Erodi, jieħu lil Marija u Ġesù lura d-​dar f’Nazaret. Hawnhekk jikber Ġesù.

Min taħseb li ġiegħel lil dik il-​kewkba ġdida tiddi? Ftakar li l-​irġiel marru l-​ewwel f’Ġerusalemm wara li raw il-​kewkba. Satana x-​Xitan ried joqtol lill-​Iben t’Alla, u kien jaf li s-​Sultan Erodi taʼ Ġerusalemm kien se jipprova joqtlu. Għalhekk bilfors li Satana hu dak li għamel il-​kewkba tiddi.