Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Ħadd minn Min Jgħammar Hemm Ma Jgħid: ‘Jien Marid’”

“Ħadd minn Min Jgħammar Hemm Ma Jgħid: ‘Jien Marid’”

Kapitlu Sitta u Għoxrin

“Ħadd minn Min Jgħammar Hemm Ma Jgħid: ‘Jien Marid’”

Isaija 33:1-24

1. Għala hu taʼ faraġ il-​kliem taʼ Isaija 33:24?

 “IL-​ĦOLQIEN kollu għadu s’issa jitniehed bl-​uġigħ tal-​ħlas.” Hekk qal l-​appostlu Pawlu. (Rumani 8:22) Minkejja l-​avvanzi li saru fix-​xjenza medika, il-​mard u l-​mewt ikomplu jaħqru lir-​razza umana. Għalhekk, kemm hi taʼ l-​għaġeb il-​wegħda li biha tagħlaq din il-​parti tal-​profezija taʼ Isaija! Immaġina ż-​żmien meta “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” (Isaija 33:24) Meta u kif se titwettaq din il-​wegħda?

2, 3. (a) Il-​ġens taʼ Iżrael b’liema mod hu marid? (b) L-​Assirja kif isservi bħala l-​“ħatar” tad-​dixxiplina minn Alla?

2 Isaija qed jikteb fi żmien meta l-​poplu f’patt m’Alla hu marid spiritwalment. (Isaija 1:5, 6) Dan tant għodos fil-​fond f’dik li hi apostasija u immoralità li jeħtieġ jiġi dixxiplinat bl-​aħrax minn Alla Jehovah. Jehovah juża l-​Assirja bħala l-​“ħatar” tiegħu biex jamministra din id-​dixxiplina. (Isaija 7:17; 10:5, 15) L-​ewwel, is-​saltna b’għaxar tribujiet taʼ Iżrael fit-​tramuntana taqaʼ taħt idejn l-​Assirjani fis-​sena 740 Q.E.K. (2 Slaten 17:1-18; 18:9-11) Ftit snin wara, is-​Sultan Sanħerib taʼ l-​Assirja jibda jattakka bla ħniena s-​saltna taʼ Ġuda fin-​nofsinhar. (2 Slaten 18:13; Isaija 36:1) Hekk kif il-​forza qawwija taʼ l-​Assirja tiknes kollox quddiemha minn kulfejn tgħaddi fil-​pajjiż, il-​qerda totali taʼ Ġuda tidher li hi inevitabbli.

3 Imma l-​Assirja, billi qed taqbeż il-​limitu safejn għandha tiddixxiplina lin-​nies t’Alla, qegħda issa ssus b’ambizzjoni rgħiba biex tikkonkwista d-​dinja. (Isaija 10:7-11) Sejjer Jehovah jippermetti li ma jiġix kastigat il-​mod bla qalb kif l-​Assirja qed tittratta ħażin lin-​nies tiegħu? Se jkun hemm fejqan għall-​mard spiritwali tal-​ġens? F’Isaija kapitlu 33, naqraw it-​tweġibiet li Jehovah jagħti għal dawn il-​mistoqsijiet.

Titħarbat Dik li Tħarbat

4, 5. (a) Kif se jinbidlu l-​affarijiet għall-​Assirja? (b) Isaija liema talba joffri għan-​nom tal-​poplu taʼ Jehovah?

4 Il-​profezija tibda hekk: “Ħażin għalik, int li tħarbat u għadhom ma ħarbtukx; int li tqarraq, u għadhom ma qarrqux bik. Meta ma tħarbatx aktar, iħarbtuk; meta ma tqarraqx aktar, iqarrqu bik.” (Isaija 33:1) Isaija jindirizza direttament lill-​Assirja, dik li tħarbat. Fil-​quċċata tal-​qawwa tiegħu, dan il-​ġens aħrax jidher li ħadd ma jistaʼ għalih. Fil-​fatt, hu ‘ħarbat avolja kien għadhom ma ħarbtuhx,’ billi għamel ħerba mill-​bliet taʼ Ġuda, u saħansitra neżżaʼ d-​dar taʼ Jehovah mill-​ġid li kellha—u dan għamlu mingħajr ma donnu li ġie kastigat! (2 Slaten 18:14-16; 2 Kronaki 28:21) Iżda issa l-​affarijiet se jinbidlu. “Iħarbtuk,” jiddikjara Isaija bi qlubija. Kemm hi taʼ faraġ din il-​profezija għal dawk li huma leali!

5 Matul dan il-​perijodu tal-​biżaʼ, l-​adoraturi leali taʼ Jehovah se jkollhom bżonn iduru lejh għall-​għajnuna. B’hekk, Isaija jitlob: “Mulej ħenn għalina, fik nittamaw. Kun driegħ [taʼ saħħa u t’appoġġ] għalina kull filgħodu, u s-​salvazzjoni tagħna fi żmien it-​taħbit. Għall-​ħsejjes taʼ l-​għagħa ħarbu l-​ġnus; mal-​qawmien tiegħek xterdu l-​popli.” (Isaija 33:2, 3) B’mod xieraq, Isaija jitlob li Jehovah jeħles lin-​nies Tiegħu bħalma għamel ħafna drabi fil-​passat. (Salm 44:4 [44:3, NW]; 68:2 [68:1, NW]) U malli Isaija joffri din it-​talba, hu jbassar kif Jehovah se jweġibha!

6. X’se jiġrilha l-​Assirja, u dan għala huwa xieraq?

6 “Nġabret il-​priża [l-Assirjani], bħalma jinġabru l-​ġradijiet; jinxteħtu fuqha bħalma jinxteħet il-​ġrad.” (Isaija 33:4) Ġuda hija familjari maʼ l-​invażjonijiet qerrieda taʼ l-​insetti. Iżda, din id-​darba huma l-​għedewwa taʼ Ġuda li se jinqerdu. L-​Assirja se ssofri telfa umiljanti, u s-​suldati tagħha se jiġu mġagħlin jaħarbu, u b’hekk iħallu warajhom priża kbira li se tinġabar mill-​abitanti taʼ Ġuda! Huwa biss xieraq li l-​Assirja, magħrufa għall-​ħruxija tagħha, iġġarrab x’ifisser li tiġi mħarbta.—Isaija 37:36.

L-​Assirjan taʼ Żmienna

7. (a) Min illum jistaʼ jitqabbel mal-​ġens taʼ Iżrael li hu marid spiritwalment? (b) Min se jservi bħala l-​“ħatar” taʼ Jehovah biex jeqred lill-​Kristjaneżmu?

7 Il-​profezija taʼ Isaija kif tapplika fi żmienna? Il-​ġens marid spiritwalment taʼ Iżrael jistaʼ jitqabbel mal-​Kristjaneżmu li mhux leali. Sewwa sew bħalma Jehovah uża l-​Assirja bħala “ħatar” biex jikkastiga lill-​Iżrael, hekk ukoll se juża “ħatar” biex jikkastiga lill-​Kristjaneżmu—kif ukoll lill-​bqija taʼ l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, “Babilonja l-​Kbira.” (Isaija 10:5; Apokalissi 18:2-8) Dan il-​“ħatar” se jkun jikkonsisti fi ġnus li huma membri tal-​Ġnus Magħquda—organizzazzjoni li f’Apokalissi hija rappreżentata bħala Bhima taʼ lewn aħmar dagħmieni b’sebat irjus u għaxart iqrun.—Apokalissi 17:3, 15-17.

8. (a) Min illum jistaʼ jitqabbel maʼ Sanħerib? (b) Sanħerib taʼ żmienna lil min se jażżarda jattakka, u x’se jkun ir-​riżultat?

8 Meta l-​Assirjan taʼ żmienna jgħaddi b’saħħa kbira minn ġol-​qasam tar-​reliġjon falza, se jkun jidher bħallikieku li ħadd u xejn ma jistaʼ jwaqqfu. B’attitudni bħal dik taʼ Sanħerib, Satana x-​Xitan se jażżarda jattakka—mhux biss lill-​organizzazzjonijiet apostati li jixirqilhom kastig imma wkoll lill-​Kristjani veri. Flimkien maʼ dawk li fadal mill-​ulied spiritwali midlukin taʼ Jehovah, miljuni sħaħ taʼ nies li ħarġu mid-​dinja taʼ Satana, li tinkludi lil Babilonja l-​Kbira, jieħdu l-​waqfa tagħhom fuq in-​naħa tas-​Saltna taʼ Jehovah. Peress li jirrabja għaliex il-​Kristjani veri ma jkunux iridu jagħtuh qima, Satana, “l-​alla taʼ din id-​dinja,” se jibda jattakkahom bla ħniena. (2 Korintin 4:4; Eżekjel 38:10-16) Għalkemm dan l-​attakk se jkun bla dubju tal-​biżaʼ, in-​nies taʼ Jehovah mhux se jkollhom għalfejn jitwerwru u jċedu. (Isaija 10:24, 25) Għandhom l-​assiguranza mingħand Alla li hu se jkun ‘is-​salvazzjoni tagħhom fi żmien it-​taħbit.’ Hu se jindaħal, billi jġib ħerba fuq Satana u l-​folla tiegħu. (Eżekjel 38:18-23) Sewwa sew bħalma ġara fil-​qedem, dawk li jipprovaw iħarbtu lin-​nies t’Alla se jiġu mħarbtin huma stess! (Qabbel Proverbji 13:22b.) Isem Jehovah se jitqaddes, u dawk li jibqgħu ħajjin se jiġu premjati talli jkunu fittxew ‘l-​għerf u s-​sapjenza u l-​biżaʼ taʼ Alla.’—Aqra Isaija 33:5, 6.

Twissija għan-​Nies bla Fidi

9. (a) X’se jagħmlu ‘l-​qalbenin’ u ‘l-​messaġġiera tas-​sliem’ minn Ġuda? (b) L-​Assirjan kif se jwieġeb għall-​passi li Ġuda tieħu biex iġġib il-​paċi?

9 Iżda, x’se jkun it-​tmiem taʼ nies bla fidi li jgħixu f’Ġuda? Isaija jagħti deskrizzjoni kerha tal-​kundanna li ġejja fuqhom minn taħt idejn l-​Assirja. (Aqra Isaija 33:7.) “In-​nies taʼ Arjel [jew, il-​qalbenin] fl-​armata taʼ Ġuda jgħajtu bil-​biżaʼ meta jaraw l-​Assirjani javanzaw. “Il-​messaġġiera taʼ Salem,” diplomatiċi mibgħutin biex jinnegozjaw il-​paċi mal-​gwerriera Assirjani, jiffaċċjaw twaqqigħ għaċ-​ċajt u umiljazzjoni. Se jibku biki taʼ mrar minħabba li ma jirnexxilhomx f’dan. (Qabbel Ġeremija 8:15.) L-​Assirjan kiefer mhux se jitħassarhom. (Aqra Isaija 33:8, 9.) Se jinjora bla ħniena l-​pattijiet li għamel maʼ l-​abitanti taʼ Ġuda. (2 Slaten 18:14-16) L-​Assirjan se ‘jistmerrhom’ il-​bliet taʼ Ġuda, billi jħares lejhom b’disprezz u tmaqdir, għax m’għandu ebda rispett lejn il-​ħajja umana. Is-​sitwazzjoni se tkun tant imwegħra li l-​pajjiż innifsu bħallikieku se jinfena bil-​vistu. Il-​Libanu, Saron, Basan, u Karmel se jitnikktu bl-​istess mod minħabba l-​ħerba.

10. (a) ‘Il-​qalbenin’ tal-​Kristjaneżmu għala se jkunu hemm għalxejn? (b) Min se jipproteġihom lill-​Kristjani ġenwini matul jum in-​niket tal-​Kristjaneżmu?

10 Ċirkustanzi simili bla dubju se jiżviluppaw fil-​futur qarib meta l-​ġnus jiftħu l-​attakk tagħhom fuq ir-​reliġjon. Bħalma ġara fi żmien Ħeżekija, se jkun għalxejn li wieħed jirreżisti fiżikament dawn il-​forzi qerrieda. Il-​qalbenin tal-​Kristjaneżmu—il-​politikanti, il-​finanzieri, u nies prominenti oħrajn tiegħu—mhux se jkunu jistgħu jiġu jagħtuh l-​għajnuna. ‘Pattijiet,’ jew ftehim, politiċi u finanzjarji mfasslin biex jipproteġu l-​interessi tal-​Kristjaneżmu se jitħassru. (Isaija 28:15-18) Attentati ddisprati biex il-​qerda tinżamm ’il bogħod permezz tad-​diplomazija se jfallu. L-​attivitajiet kummerċjali se jieqfu, hekk kif il-​propjetà u l-​investiment tal-​Kristjaneżmu jiġu konfiskati jew meqrudin. Kulmin jibqagħlu xi sentimenti taʼ ħbiberija għall-​Kristjaneżmu ma jkun jistaʼ jagħmel xejn ħlief li jieqaf ’il bogħod u jibki t-​telfa tiegħu. (Apokalissi 18:9-19) Sejra l-​Kristjanità vera tinkines mal-​falza? Le, għax Jehovah nnifsu jagħti l-​assiguranza: “‘Issa nqum!’ jgħid il-​Mulej, ‘Issa nqum fuq qaddi; issa nogħla ’l fuq.’” (Isaija 33:10) Finalment, Jehovah se jindaħal għan-​nom taʼ nies leali, bħal Ħeżekija, u ma jħallix lill-​Assirjan javanza iktar.—Salm 12:6 [12:5, NW].

11, 12. (a) Il-​kliem taʼ Isaija 33:11-14 meta u kif jitwettaq? (b) Il-​kliem taʼ Jehovah liema twissija jagħti għal żmienna?

11 Dawk li m’humiex leali ma jistgħux jistrieħu fuq din il-​protezzjoni. Jgħid Jehovah: “Intom ħbiltu l-​ħuxlief, u issa tildu t-​tiben; nifsi bħan-​nar jikolkom. U l-​ġnus jinħarqu bħal kalkara tal-​ġir, bħal xwiek maqtugħa u mogħtija n-​nar. Intom li fil-​bogħod tinsabu, isimgħu jien x’għamilt! Intom li qegħdin fil-​qrib, kunu afu bis-​setgħa tiegħi! Il-​ħatja f’Sijon twerwru, fuq il-​ħżiena waqaʼ l-​biżaʼ. Min minna se joqgħod maʼ nar qerriedi? Min minna se joqgħod maʼ nirien dejjem iħeġġu?” (Isaija 33:11-14) Huwa evidenti li dan il-​kliem japplika għaż-​żmien meta Ġuda tiffaċċja għadu ġdid, Babilonja. Wara li jmut Ħeżekija, Ġuda terġaʼ tmur lura lejn it-​triqat mill-​agħar tagħha. Matul is-​snin li ġejjin, il-​kundizzjonijiet f’Ġuda tant imorru għall-​agħar li l-​ġens kollu kemm hu jkollu jsofri n-​nar tal-​qilla t’Alla.—Dewteronomju 32:22.

12 Pjanijiet u proġetti mill-​agħar imfasslin minn uħud diżubbidjenti biex jevitaw il-​ġudizzju t’Alla jtiru mar-​riħ bħat-​tiben. Fil-​fatt, dan l-​istess spirtu kburi u ribelluż tal-​ġens se jagħti bidu għall-​ġrajjiet li jwasslu għall-​qerda tiegħu. (Ġeremija 52:3-11) Uħud mill-​agħar se jsiru “bħal kalkara tal-​ġir”—meqrudin għalkollox! Hekk kif jimmeditaw fuq din il-​kundanna li ġejja fuqhom, l-​abitanti ribellużi taʼ Ġuda se jħosshom ħażin bil-​biżaʼ. Il-​kliem li Jehovah qal lil Ġuda li ma baqgħetx leali jagħti stampa tas-​sitwazzjoni li jinsabu fiha l-​membri tal-​Kristjaneżmu llum. Jekk ma jagħtux kas it-​twissija t’Alla, futur ikrah hemm jistenniehom.

‘Jimxu Kontinwament fis-​Sewwa’

13. X’wegħda ssir lil min ‘jimxi kontinwament fis-​sewwa,’ u din kif twettqet fil-​każ taʼ Ġeremija?

13 Bħala kuntrast, Jehovah mbagħad jgħid: “Min jimxi fis-​sewwa u jgħid id-​dritt, min jistmerr il-​qligħ miksub bil-​qerq, min iwarrab idejh biex ma jixxaħħamx, min isodd widnejh biex b’tixrid id-​dmija ma jismax, min jagħlaq għajnejh biex ħażen ma jarax: dan jgħammar fl-​għoli: fortizza taż-​żonqor il-​kenn tiegħu, il-​ħobż tiegħu jsibu, u l-​ilma qatt ma jonqsu.” (Isaija 33:15, 16) Bħalma jesprimiha f’post ieħor l-​appostlu Pietru, “jaf mela l-​Mulej jeħles it-​tajbin mit-​tiġrib u jħalli l-​ħżiena biex jieħdu l-​kastig f’jum il-​ġudizzju.” (2 Pietru 2:9) Ġeremija jġarrab dan il-​ħelsien. Matul l-​assedju minn Babilonja, in-​nies kellhom “b’qalbhom ittaqtaq . . . jiżnu l-​ħobż li jieklu.” (Eżekjel 4:16) Xi nisa saħansitra kielu l-​laħam taʼ wliedhom stess. (Lamentazzjonijiet 2:20) Madankollu, Jehovah ħa ħsieb li Ġeremija jinżamm fis-​sigurtà.

14. Il-​Kristjani llum kif jistgħu jibqgħu ‘mexjin kontinwament fis-​sewwa’?

14 Il-​Kristjani llum iridu bl-​istess mod ‘jimxu kontinwament fis-​sewwa,’ billi josservaw kuljum il-​livelli taʼ Jehovah. (Salm 15:1-5) Iridu ‘jgħidu s-​sewwa’ u jiċħdu l-​gideb u n-​nuqqas taʼ verità. (Proverbji 3:32) Il-​qerq u t-​tixħim għandhom mnejn li huma aċċettati f’ħafna pajjiżi, imma huma moqżieża għal min ‘jimxi kontinwament fis-​sewwa.’ Il-​Kristjani jridu jżommu wkoll “kuxjenza safja” fin-​negozju, billi bil-​galbu jevitaw proġetti dubjużi jew qarrieqa. (Lhud 13:18; 1 Timotju 6:9, 10) U min ‘sadd widnejh biex b’tixrid id-​dmija ma jismax u għalaq għajnejh biex ħażen ma jarax’ se joqgħod attent meta jagħżel il-​mużika u d-​divertiment. (Salm 119:37) F’jum il-​ġudizzju tiegħu, Jehovah se jipproteġi u jwieżen lill-​adoraturi tiegħu, li jgħixu fi qbil maʼ dawn il-​livelli.—Sofonija 2:3.

Jaraw lis-​Sultan Tagħhom

15. Liema wegħda se twieżen lil-​Lhud leali fl-​eżilju?

15 Isaija mbagħad jagħti din id-​dehra mill-​isbaħ dwar il-​futur: “Jaraw għajnejk sultan fi ġmielu, jaraw art mifruxa ’l bogħod. Ħsiebek imur fuq it-​twerwir li għadda: ‘Fejn hu dak li jgħodd? Fejn hu dak li jiżen? Fejn hu min jgħodd il-​fortizzi?’ Ma tarax iżjed poplu qalil, poplu bi lsien tqil li ma tifhmux, b’ilsien itemtem li ma tfissrux.” (Isaija 33:17-19) Il-​wegħda li fil-​futur se jkun hemm Sultan Messjaniku bis-​Saltna tiegħu se twieżen lil-​Lhud leali matul is-​snin twal taʼ eżilju f’Babilonja, avolja dik is-​Saltna jistgħu jarawha biss mill-​bogħod. (Lhud 11:13) Meta l-​ħakma tal-​Messija finalment issir realtà, it-​tirannija taʼ Babilonja se tkun għoddha ntesiet. Dawk li jibqgħu ħajjin wara l-​attakk taʼ l-​Assirjan se jistaqsu bil-​ferħ: “Fejn huma l-​fizzjali tat-​tirann, li ntaxxawna, għabbewna, ħadulna l-​ħaraġ?”—Isaija 33:18, Moffatt.

16. In-​nies t’Alla minn meta setgħu “jaraw” lis-​Sultan Messjaniku, u b’liema riżultat?

16 Għalkemm kliem Isaija jiggarantixxi li se jkun hemm min jirritorna mill-​jasar taħt Babilonja, eżiljati Lhud individwali se jkollhom jistennew l-​irxoxt biex igawdu t-​twettiq sħiħ taʼ din il-​parti mill-​profezija. Xi ngħidu għall-​qaddejja t’Alla llum? Mill-​1914 ’l hawn, in-​nies taʼ Jehovah setgħu “jaraw,” jew jirrikonoxxu, lis-​Sultan Messjaniku, Ġesù Kristu, fil-​ġmiel spiritwali kollu tiegħu. (Salm 45:3 [45:2, NW]; 118:22-26) B’riżultat taʼ dan, ma baqgħux iktar oppressi u maħkumin mis-​sistema mill-​agħar taʼ Satana, imma jgawdu l-​vera sigurtà spiritwali taħt Sijon, il-​post fejn tinsab is-​Saltna t’Alla.

17. (a) Liema wegħdi jintgħamlu rigward Sijon? (b) Il-​wegħdi taʼ Jehovah rigward Sijon kif jitwettqu fuq is-​Saltna Messjanika u fuq dawk li jappoġġawha mad-​dinja kollha?

17 Ikompli Isaija: “Ħares lejn Sijon, il-​belt taʼ festi tagħna! Jaraw għajnejk ’il Ġerusalemm, dar is-​sliem, għarix ma jħarrku ħadd; il-​kunjardi tagħha ma jaqlagħhom ħadd; il-​ħbula tagħha ma jinqatgħu b’xejn. Għax hemm għalina jkun il-​kobor tal-​Mulej, hemmhekk ix-​xmajjar u l-​widien wesgħin, mnejn ebda ġifen bl-​imqadef ma jgħaddi, u lanqas ma jaqsmu xwieni kbar.” (Isaija 33:20, 21) Isaija jassigurana li s-​Saltna Messjanika t’Alla la tistaʼ tiġi mqaċċta mill-​għeruq u lanqas meqruda. Iktar minn hekk, jidher ċar li din il-​protezzjoni jgawduha wkoll dawk in-​nies leali madwar id-​dinja li llum jappoġġaw is-​Saltna. Saħansitra jekk ħafna individwi jgħaddu minn provi ħorox, is-​sudditi tas-​Saltna t’Alla huma assigurati li l-​ebda sforz biex jinqerdu bħala kongregazzjoni m’għandu ċans jirnexxi. (Isaija 54:17) Jehovah se jipproteġi lin-​nies tiegħu bħalma foss jew gandott kbir jipproteġi belt. Kull għadu li jiġi kontrihom—saħansitra jekk ikun qawwi daqs “ġifen bl-​imqadef” jew ‘xini kbir’—se jiffaċċja l-​qerda!

18. Jehovah liema responsabbiltà jaċċetta?

18 Iżda, dawk li jħobbu s-​Saltna t’Alla għala jistgħu jħossuhom daqshekk fiduċjużi mill-​protezzjoni divina? Jispjega Isaija: “Il-​Mulej hu l-​imħallef tagħna; il-​Mulej il-​leġislatur tagħna. Il-​Mulej is-​sultan tagħna, hu li jsalvana.” (Isaija 33:22) Jehovah jaċċetta r-​responsabbiltà li jipproteġi u jidderieġi lin-​nies tiegħu, li jirrikonoxxu l-​pożizzjoni tiegħu bħala Sovran Suprem. Dawn minn rajhom jissottomettu ruħhom taħt il-​ħakma tiegħu f’idejn is-​Sultan Messjaniku tiegħu, waqt li jirrikonoxxu li Jehovah mhux biss għandu l-​awtorità li jagħmel il-​liġijiet imma wkoll li jara li dawn jitwettqu. Madankollu, peress li Jehovah jħobb is-​sewwa u l-​ħaqq, il-​ħakma tiegħu, permezz taʼ Ibnu, m’hijiex taʼ piż għall-​adoraturi tiegħu. Minflok, huwa ‘għall-​ġid tagħhom’ li jissottomettu ruħhom taħt l-​awtorità tiegħu. (Isaija 48:17) Hu qatt ma se jitlaq lin-​nies leali tiegħu.—Salm 37:28.

19. Isaija kif jiddeskrivi kemm se jkunu dgħajfin l-​għedewwa tan-​nies leali taʼ Jehovah?

19 Isaija jgħid lill-​għedewwa tan-​nies leali taʼ Jehovah: “Rħew il-​ħbula tiegħek, ma jżommux aktar l-​arblu f’postu, ma jifirxux aktar il-​qlugħ. Mbagħad l-​għomja jaqsmu priża kbira, u z-​zopop ikollhom sehem fil-​ħatfa.” (Isaija 33:23) Kull għadu li jersaq se jkun ma jiswa xejn u dgħajjef kontra Jehovah bħal bastiment tal-​gwerra bi ħbula maħlulin, b’arblu jixxengel, u mingħajr qlugħ. Tant se jkun hemm priża x’tittieħed wara l-​qerda taʼ l-​għedewwa t’Alla li saħansitra l-​għomja u z-​zopop se jieħdu sehem fil-​ħtif tagħha. Għalhekk nistgħu nkunu fiduċjużi li permezz tas-​Sultan Ġesù Kristu, Jehovah se jittrijonfa fuq l-​għedewwa tiegħu fit-​“taħbit il-​kbir” li ġej.—Apokalissi 7:14.

Fejqan

20. In-​nies t’Alla se jġarrbu liema tip taʼ fejqan, u meta?

20 Din is-​silta mill-​profezija taʼ Isaija tagħlaq b’wegħda li tqawwi l-​qalb: “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’ Il-​poplu li hemm fiha tinħafirlu ħżunitu.” (Isaija 33:24) Il-​mard li jitkellem dwaru Isaija huwa primarjament spiritwali, għax huwa marbut mad-​dnub, jew il-​‘ħażen.’ Meta dan il-​kliem jitwettaq għall-​ewwel darba, Jehovah jwiegħed li wara li jinħelsu mill-​jasar f’Babilonja, in-​nies tal-​ġens se jitfejqu spiritwalment. (Isaija 35:5, 6; Ġeremija 33:6; qabbel Salm 103:1-5.) Wara li jkunu nħafrulhom id-​dnubiet li jkunu għamlu qabel, il-​Lhud li jirritornaw se jistabbilixxu mill-​ġdid il-​qima safja f’Ġerusalemm.

21. L-​adoraturi taʼ Jehovah llum b’liema mod iġarrbu fejqan spiritwali?

21 Madankollu, il-​profezija taʼ Isaija għandha twettiq modern. Illum, in-​nies taʼ Jehovah wkoll gawdew fejqan spiritwali, billi ġew meħlusin minn tagħlim falz bħalma hu l-​immortalità tar-​ruħ, it-​Trinità, u n-​nar taʼ l-​infern. Huma jirċievu gwida morali, u din tilliberahom minn drawwiet immorali u tgħinhom jieħdu deċiżjonijiet tajbin. U grazzi għas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu li tħallas bħala prezz tal-​fidwa, huma jidhru nodfa quddiem Alla u jgawdu kuxjenza safja. (Kolossin 1:13, 14; 1 Pietru 2:24; 1 Ġwann 4:10) Dan il-​fejqan spiritwali għandu benefiċċji fiżiċi. Per eżempju, il-​fatt li jevitaw is-​sess immorali u l-​użu taʼ prodotti tat-​tabakk jipproteġi lill-​Kristjani minn mard trasmess sesswalment u minn ċerti għamliet taʼ kanċer.—1 Korintin 6:18; 2 Korintin 7:1.

22, 23. (a) Isaija 33:24 xi twettiq grandjuż se jkollu fil-​futur? (b) X’inhi d-​determinazzjoni taʼ l-​adoraturi veri llum?

22 Iktar minn hekk, se jkun hemm twettiq iktar grandjuż tal-​kliem taʼ Isaija 33:24 wara Armageddon, fid-​dinja l-​ġdida t’Alla. Taħt il-​ħakma tas-​Saltna Messjanika, il-​bnedmin se jġarrbu fejqan fiżiku kbir flimkien mal-​fejqan spiritwali li kisbu. (Apokalissi 21:3, 4) Ftit wara l-​qerda tas-​sistema taʼ Satana, bla dubju mad-​dinja kollha se jseħħu mirakli bħal dawk li wettaq Ġesù meta kien fuq l-​art. L-​għomja se jaraw, it-​torox se jisimgħu, iz-​zopop se jimxu! (Isaija 35:5, 6) Minħabba f’hekk, dawk kollha li jibqgħu ħajjin wara t-​tribulazzjoni l-​kbira se jkunu jistgħu jieħdu sehem fix-​xogħol grandjuż li jġibu l-​art f’kundizzjoni taʼ ġenna.

23 Iktar tard, meta jibda l-​irxoxt, dawk li jiġu lura għall-​ħajja bla dubju se jitqajmu f’saħħithom. Imma hekk kif il-​valur tas-​sagrifiċċju li tħallas bħala prezz tal-​fidwa jissarraf u jinfirex dejjem iżjed, dan se jġib iktar benefiċċji fiżiċi, sakemm il-​bnedmin jitgħollew għall-​perfezzjoni. Imbagħad, it-​twajbin se ‘jieħdu l-​ħajja’ fis-​sens l-​iktar sħiħ. (Apokalissi 20:5, 6) F’dak iż-​żmien, kemm spiritwalment u kemm fiżikament, “Ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” X’wegħda eċċitanti! Jalla l-​adoraturi veri kollha llum jiddeċiedu li jkunu fost dawk li se jġarrbu t-​twettiq taʼ din il-​wegħda!

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 344]

Isaija jitlob bil-​fiduċja lil Jehovah

[Stampa f’paġna 353]

Grazzi għas-​sagrifiċċju li tħallas bħala prezz tal-​fidwa, in-​nies taʼ Jehovah jidhru nodfa quddiemu

[Stampa f’paġna 354]

Fid-​dinja l-​ġdida, se jkun hemm fejqan fiżiku kbir