Afda f’Jehovah Meta Tiltaqaʼ maʼ l-Għawġ
Kapitlu Disgħa
Afda f’Jehovah Meta Tiltaqaʼ maʼ l-Għawġ
1. Il-Kristjani llum għala jibbenefikaw jekk jeżaminaw kapitli 7 u 8 taʼ Isaija?
KAPITLI 7 u 8 taʼ Isaija huma studju li jikxef żewġ reazzjonijiet, waħda kontra l-oħra. Kemm Isaija u kemm Aħaż kienu jappartjenu lil ġens li kien dedikat lil Jehovah; it-tnejn li huma kellhom inkarigi mogħtijin minn Alla, wieħed bħala profeta, l-ieħor bħala sultan taʼ Ġuda; u t-tnejn li huma ffaċċjaw l-istess theddida—l-invażjoni taʼ Ġuda mill-qawwiet armati superjuri taʼ l-għadu. Madankollu, Isaija ffaċċja t-theddida b’fiduċja f’Jehovah, filwaqt li Aħaż ċeda għall-biżaʼ. Għala kellhom reazzjoni differenti? Ladarba l-Kristjani llum huma mdawrin b’mod simili minn qawwiet ostili, jagħmlu sewwa jekk jeżaminaw dawn iż-żewġ kapitli taʼ Isaija biex jiskopru x’lezzjonijiet fihom.
Meta Niffaċċjaw xi Deċiżjoni
2, 3. Isaija liema sommarju jagħti fil-kliem tiegħu tal-bidu?
2 Bħalma pittur jiddefinixxi l-qafas taʼ pittura ġdida bi ftit daqqiet taʼ pinzell essenzjali, Isaija jibda r-rakkont tiegħu bi ftit stqarrijiet ġenerali li jimmarkaw il-bidu u t-tmiem tal-ġrajjiet li wasal biex jirrakkonta: “Fi żmien Aħaż bin Ġotam, bin Għużżija, sultan taʼ Ġuda, ġara li Resin, sultan taʼ Aram [“Sirja,” “NW”], u Pekaħ bin Remalija, sultan taʼ Iżrael, telgħu Ġerusalemm biex jaħbtu għaliha, imma ma felħux għaliha.”— Isaija 7:1.
3 Ninsabu fit-tmien seklu Q.E.K. Aħaż sar sultan taʼ Ġuda wara missieru, Ġotam. Resin, sultan tas-Sirja, u Pekaħ, sultan tas-saltna tat-tramuntana taʼ Iżrael, jinvadu lil Ġuda, u l-eżerċti tagħhom jattakkaw b’mod feroċi. Eventwalment, dawn se jassedjaw saħansitra lil Ġerusalemm. Madankollu, l-assedju mhux se jirnexxi. (2 Slaten 16:5, 6; 2 Kronaki 28:5-8) Għala? Dan se nsiru nafuh iktar tard.
4. Aħaż u n-nies tiegħu għala għandhom qalbhom ittaqtaq bil-biżaʼ?
4 Iktar kmieni fil-gwerra, “wasslu l-aħbar f’dar David u qalulu: ‘Aram waqqaf il-kamp f’Efrajm.’ U qalbu u qalb il-poplu triegħdu bħalma jitriegħdu l-friegħi fil-masġar bir-riħ.” (Isaija 7:2) Iva, Aħaż u n-nies tiegħu huma mwerwrin għax saru jafu li s-Sirjani u l-Iżraelin ngħaqdu flimkien u l-eżerċti tagħhom f’dan il-mument preċiż qegħdin ikkampjati fuq l-art taʼ Efrajm (taʼ Iżrael). Qegħdin biss mixja taʼ jumejn jew tlieta ’l bogħod minn Ġerusalemm!
5. In-nies t’Alla llum b’liema mod jixbhu lil Isaija?
5 Jehovah jgħid lil Isaija: “Mur iltaqaʼ maʼ Aħaż, int u ibnek Sijarjasub, f’tarf is-sieqja tal-ġiebja l-fuqanija, fuq triq l-għalqa tal-Ħassiel.” (Isaija 7:3) Aħseb ftit! Fi żmien meta s-sultan suppost li qed ifittex lill-profeta taʼ Jehovah u jitolbu jiggwidah, il-profeta jrid imur hu jsib lis-sultan! Minkejja dan, Isaija jkun pront biex jobdi lil Jehovah. Bl-istess mod, in-nies t’Alla llum ikunu pronti joħorġu biex isibu lin-nies li huma beżgħanin minħabba l-pressjonijiet taʼ din id-dinja. (Mattew 24:6, 14) Kemm hu taʼ sodisfazzjon li kull sena mijiet t’eluf iwieġbu għaż-żjajjar taʼ dawn il-predikaturi taʼ l-aħbar tajba u jaqbdu l-id protettiva taʼ Jehovah!
6. (a) Il-profeta liema messaġġ li jqawwi l-qalb iwassallu lis-Sultan Aħaż? (b) Liema sitwazzjoni teżisti llum?
6 Lil Aħaż, Isaija jsibu barra l-ħitan taʼ Ġerusalemm jispezzjona l-provvista taʼ l-ilma tal-belt biex iħejji għall-assedju li kien ġej. Isaija jagħtih il-messaġġ taʼ Jehovah: “Qis li sserraħ rasek, la tibżax, la taqtax qalbek quddiem dawk iż-żewġt ifdal taʼ ħatbiet idaħħnu, mill-qilla tar-rabja taʼ Resin, taʼ Aram u taʼ bin Remalija.” (Isaija 7:4) Meta iktar kmieni dawk li attakkaw lil Ġuda għamluha ħerba, ir-rabja tagħhom kienet taħraq daqs il-fjammi. Issa saru sempliċement “żewġt ifdal taʼ ħatbiet idaħħnu.” Aħaż m’għandux għalfejn jitkexkex minħabba Resin, is-Sultan tas-Sirja, jew minħabba s-Sultan Iżraeli Pekaħ, bin Remalija. Illum l-istess ħaġa. Għal sekli sħaħ, il-mexxejja tal-Kristjaneżmu tefgħu lill-Kristjani veri taħt persekuzzjoni taħraq. Iżda issa l-Kristjaneżmu jixbah lil ħatba li kważi nħarqet għalkollox. Jiemu huma magħdudin.
7. Isem Isaija u dak taʼ ibnu għala jagħtu raġuni għal tama?
7 Fi żmien Aħaż, m’huwiex biss il-messaġġ taʼ Isaija li jagħti tama lil dawk li jafdaw f’Jehovah imma wkoll it-tifsira taʼ isem Isaija u dak taʼ ibnu. Huwa veru li Ġuda tinsab fil-periklu, imma l-isem Isaija, li jfisser “Salvazzjoni taʼ Jehovah,” jindika li Jehovah se jipprovdi ħelsien. Lil Isaija Jehovah jgħidlu biex jieħu miegħu lil ibnu Sijarjasub, li ismu jfisser “il-fdal jerġaʼ lura.” Saħansitra meta s-saltna taʼ Ġuda finalment taqaʼ, Alla bil-ħniena se jġib fdal lura lejn il-pajjiż.
Iktar minn Gwerra bejn il-Ġnus
8. L-attakk fuq Ġerusalemm għala m’huwiex biss gwerra bejn il-ġnus?
8 Permezz taʼ Isaija, Jehovah jirrivela l-istrateġija taʼ l-għedewwa taʼ Ġuda. Ara x’qegħdin jippjanaw: “Ħa nitilgħu għal Ġuda, naħtfuha f’idejna, u nġegħluha toqgħod għalina, u nqiegħdu sultan fuqha lil bin Tabal.” (Isaija 7:5, 6) Is-Sirjani u l-Iżraelin flimkien jiftehmu biex jikkonkwistaw lil Ġuda u jpoġġu lil min iridu huma minflok Aħaż, li hu min-nisel taʼ David. Jidher ċar li l-attakk fuq Ġerusalemm issa m’huwiex biss gwerra bejn il-ġnus, imma sar taqbida bejn Satana u Jehovah. Għala? Għaliex Alla Jehovah għamel patt mas-Sultan David, u b’hekk assigurah li wliedu kienu se jaħkmu fuq il-poplu taʼ Jehovah. (2 Samwel 7:11, 16) Xi trijonf għal Satana kieku kellu jpoġġi lil xi dinastija rjali oħra fuq it-tron f’Ġerusalemm! Setaʼ saħansitra jfixkel l-iskop taʼ Jehovah li l-linja taʼ David tipproduċi werriet permanenti, il-“Prinċep tas-sliem.”—Isaija 9:6, 7.
L-Assiguranzi Kollhom Imħabba taʼ Jehovah
9. Liema assiguranzi għandhom jinkuraġġixxu lil Aħaż kif ukoll lill-Kristjani llum?
9 Se jirnexxi l-proġett taʼ bejn is-Sirja u l-Iżrael? Le. Jehovah jiddikjara: “Dan ma jseħħx u ma jkun qatt.” (Isaija 7:7) Permezz taʼ Isaija, Jehovah jgħid li l-assedju fuq Ġerusalemm mhux biss se jfalli imma “ħamsa u sittin sena oħra u Efrajm isir bċejjeċ, ma jibqax poplu.” (Isaija 7:8) Iva, sa 65 sena oħra Iżrael mhux se jkun għadu jeżisti bħala poplu. a Din l-assiguranza, b’dan l-orarju speċifiku, għandha tinkuraġġixxi lil Aħaż. Bl-istess mod, in-nies t’Alla llum huma msaħħin għax jafu li d-dinja taʼ Satana dalwaqt se tispiċċa.
10. (a) Il-Kristjani veri llum kif jistgħu jimitaw lil Jehovah? (b) Jehovah x’joffrilu lil Aħaż?
10 Forsi fuq wiċċ Aħaż jidher nuqqas taʼ twemmin, ladarba permezz taʼ Isaija, Jehovah jgħid: “Jekk ma temmnux, ma tibqgħux sħaħ.” Jehovah, fil-paċenzja tiegħu, “issokta jkellem lil Aħaż.” (Isaija 7:9, 10) X’eżempju mill-aħjar! Illum, għalkemm ħafna ma jweġbux fil-pront għall-messaġġ tas-Saltna, nagħmlu tajjeb li nimitaw lil Jehovah billi ‘nissoktaw nitkellmu’ meta nżuruhom darba wara l-oħra. Jehovah mbagħad jgħid lil Aħaż: “Itlob sinjal għalik mingħand il-Mulej, Alla tiegħek, f’qiegħ l-art jew fl-għoli tas-smewwiet.” (Isaija 7:11) Aħaż jistaʼ jitlob sinjal, u Jehovah se jwettqu bħala garanzija li se jipproteġi d-dar taʼ David.
11. X’assiguranza hemm fl-espressjoni “Alla tiegħek” użata minn Jehovah?
11 Innota li Jehovah jgħid: ‘Itlob sinjal mingħand Alla tiegħek.’ Jehovah hu verament qalbu tajba. Diġà nstemaʼ li Aħaż qiegħed iqim lil allat foloz u jsegwi prattiċi pagani moqżieża. (2 Slaten 16:3, 4) Minkejja dan kollu, u minkejja li Aħaż huwa beżgħan, Jehovah għadu jsejjaħ lilu nnifsu Alla taʼ Aħaż. Dan jassigurana li Jehovah ma jgħaġġilx biex iwarrab lill-bnedmin. Hu lest li jestendi idu lejn dawk li jiżbaljaw jew li l-fidi tagħhom iddgħajfet. Din l-assiguranza taʼ l-imħabba t’Alla se tqanqlu lil Aħaż biex jaqbad id Jehovah?
Mid-Dubju għad-Diżubbidjenza
12. (a) Aħaż jadotta liema attitudni taʼ kburija? (b) Minflok ma jdur lejn Jehovah, Aħaż għand min imur għall-għajnuna?
12 Aħaż iwieġeb biex jisfida: “Ma nitlobx: ma rridx nittanta lill-Mulej.” (Isaija 7:12) Aħaż hawnhekk mhux qed josserva l-kliem tal-liġi: “La ġġarrbux lill-Mulej, Alla tagħkom.” (Dewteronomju 6:16) Sekli wara, Ġesù jikkwota dik l-istess liġi meta jittantah Satana. (Mattew 4:7) Iżda, fil-każ taʼ Aħaż, Jehovah qed jistiednu jdur lura lejn il-qima vera u qed joffrilu li jsaħħaħlu l-fidi billi jwettaq sinjal. Madankollu, Aħaż jippreferi jfittex il-protezzjoni band’oħra. Huwa x’aktarx f’dan il-punt li s-sultan jibgħat somma kbira taʼ flus lill-Assirja, biex ifittex l-għajnuna kontra l-għedewwa tiegħu mit-tramuntana. (2 Slaten 16:7, 8) Sadanittant, l-eżerċtu tas-Sirjani u l-Iżraelin jiċċirkonda lil Ġerusalemm u jibda l-assedju.
13. X’bidla ninnotaw fil-vers 13, u din x’tissinjifika?
13 Waqt li jżomm f’moħħu n-nuqqas taʼ fidi tas-sultan, Isaija jgħid: “Isimgħu, mela, dar David: m’hux biżżejjed għalikom li tkiddu lill-bnedmin, biex issa se tkiddu lil Alla tiegħi?” (Isaija 7:13) Iva, Jehovah jistaʼ jixbaʼ jekk jibqaʼ jiġi sfidat. Osserva, ukoll, li l-profeta issa jgħid “Alla tiegħi,” mhux “Alla tiegħek.” (Korsiv tagħna.) X’bidla deċiżiva! Meta Aħaż jiċħad lil Jehovah u jdur lejn l-Assirja, jitlef opportunità mill-aħjar biex jirrestawra r-relazzjoni tiegħu m’Alla. Jalla qatt ma nissagrifikaw ir-relazzjoni tagħna m’Alla billi nagħmlu xi kompromess fit-twemmin Skritturali tagħna sabiex niksbu xi vantaġġi temporanji.
Is-Sinjal taʼ Għimmanu-el
14. Jehovah kif juri l-fedeltà tiegħu lejn il-patt li għamel maʼ David?
14 Jehovah jibqaʼ leali lejn il-patt li għamel maʼ David. Kien offrut sinjal, u sinjal se jingħata! Ikompli Isaija: “Għalhekk is-sinjal jagħtihulkom Sidi stess: Araw, ix-xebba titqal u tiled iben, u ssemmih Għimmanu-el. Baqta u għasel jiekol, meta jasal biex jagħraf iwarrab il-ħażin u jagħżel it-tajjeb. Għaliex qabel ma t-tifel jagħraf iwarrab il-ħażin u jagħżel it-tajjeb, titħarbat l-art, li quddiem is-slaten tagħha inti mbażża’.”—Isaija 7:14-16.
15. Il-profezija dwar Għimmanu-el liema żewġ mistoqsijiet twieġeb?
15 Din hi aħbar tajba għal kulmin qiegħed jibżaʼ li dawk li jinvadu se jġibu fi tmiem il-linja taʼ slaten minn David. L-isem “Għimmanu-el” ifisser “Magħna Hu Alla.” Alla qiegħed maʼ Ġuda u mhux se jippermetti li jitħassar il-patt tiegħu maʼ David. Iżjed minn hekk, lil Aħaż u lin-nies tiegħu jintqalilhom mhux biss dak li se jagħmel Jehovah imma wkoll meta se jagħmlu. Il-ġnus għedewwa se jinqerdu qabel ma t-tifel Għimmanu-el ikun kiber biżżejjed biex jiddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin. U dan iseħħ veru!
16. Jehovah għala jistaʼ jkun li ħallieha inċerta l-identità taʼ Għimmanu-el fi żmien Aħaż?
16 Il-Bibbja ma tirrivelax taʼ min hu t-tifel Għimmanu-el. Imma ladarba ċ-ċkejken Għimmanu-el irid jaqdi bħala sinjal u Isaija iktar tard jistqarr li hu u wliedu ‘huma sinjali,’ Għimmanu-el jistaʼ jkun li hu wieħed mit-tfal tal-profeta. (Isaija 8:18) Forsi Jehovah jħalliha inċerta l-identità taʼ Għimmanu-el fi żmien Aħaż sabiex lill-ġenerazzjonijiet taʼ wara ma jtellfilhomx l-attenzjoni minn fuq Għimmanu-el Akbar. Min hu dan?
17. (a) Min hu Għimmanu-el Akbar, u t-twelid tiegħu x’issinjifika? (b) In-nies t’Alla għala jistgħu jgħajtu llum, “Magħna Hu Alla”?
17 Minbarra fil-ktieb taʼ Isaija, l-isem Għimmanu-el jidher darb’oħra biss fil-Bibbja, f’Mattew 1:23. Jehovah nebbaħ lil Mattew biex il-profezija tat-twelid taʼ Għimmanu-el japplikaha għat-twelid taʼ Ġesù, il-Werriet bi dritt għat-tron taʼ David. (Mattew 1:18-23) It-twelid taʼ l-ewwel Għimmanu-el kien sinjal li Alla ma kienx abbanduna d-dar taʼ David. Bl-istess mod, it-twelid taʼ Ġesù, Għimmanu-el Akbar, kien sinjal li Alla ma kienx abbanduna l-umanità jew il-patt tiegħu tas-Saltna mad-dar taʼ David. (Luqa 1:31-33) Billi r-rappreżentant ewlieni taʼ Jehovah issa kien fost il-bnedmin, Mattew setaʼ jgħid bil-verità, “Magħna Hu Alla.” Illum, Ġesù jaħkem bħala Sultan tas-sema u qiegħed mal-kongregazzjoni tiegħu fuq l-art. (Mattew 28:20) Żgur li n-nies t’Alla għandhom iktar raġuni biex jgħajtu bi qlubija: “Magħna Hu Alla!”
Iktar Konsegwenzi Minħabba n-Nuqqas taʼ Fedeltà
18. (a) Il-kliem li jgħid issa Isaija għala jkexkex lis-semmiegħa tiegħu? (b) Kif dalwaqt se tinqaleb il-folja?
18 Hu kemm hu taʼ faraġ l-aħħar kliem taʼ Isaija, l-istqarrija li se jagħmel issa tkexkex lis-semmiegħa tiegħu: “U l-Mulej iġib fuqek, u fuq il-poplu tiegħek, u fuq dar missierek, jiem li qatt ma ġew mindu nfirdu Efrajm minn Ġuda – is-sultan taʼ l-Assirja!” (Isaija 7:17) Iva, diżastru ġej, u minn idejn is-sultan taʼ l-Assirja. Il-prospett li jkunu dominati mill-Assirjani, li huma magħrufin għall-krudeltà tagħhom, bilfors li jikkaġuna ħafna ljieli bla rqad għal Aħaż u n-nies tiegħu. Aħaż irraġuna li l-ħbiberija maʼ l-Assirja se teħilsu minn Iżrael u s-Sirja. Tabilħaqq, is-sultan taʼ l-Assirja se jwieġeb għat-talba taʼ Aħaż billi eventwalment jattakka lil Iżrael u lis-Sirja. (2 Slaten 16:9) X’aktarx li huwa għalhekk li Pekaħ u Resin se jiġu mġagħlin itemmu l-assedju fuq Ġerusalemm. B’hekk, is-Sirjani u l-Iżraelin mhux se jirnexxilhom jieħdu lil Ġerusalemm. (Isaija 7:1) Iżda issa Isaija jgħid lill-udjenza mistagħġba tiegħu li l-Assirja, li fiha ttamaw għall-protezzjoni, se ssir dik li tgħakkishom!—Qabbel Proverbji 29:25.
19. Dan id-dramm storiku xi twissija fih għal dawk li huma Kristjani llum?
19 Għal dawk li huma Kristjani llum, hemm twissija f’dan ir-rakkont storiku veru. Meta nkunu taħt pressjoni, għandna mnejn niġu ttantati biex nagħmlu kompromess fuq xi prinċipji Kristjani, u b’hekk nirrifjutaw il-protezzjoni taʼ Jehovah. Jekk nagħmlu hekk inkunu qed naraw biss sa mneħirna, u saħansitra nġibu l-qerda fuqna nfusna, bħalma jsir evidenti mill-kliem li jkompli jgħid Isaija. Il-profeta jissokta jiddeskrivi x’se jsir mill-pajjiż u l-poplu tiegħu bħala riżultat taʼ l-invażjoni Assirjana.
20. Min huma ‘d-dubbien’ u ‘n-naħal,’ u x’se jagħmlu?
20 Isaija jaqsam id-dikjarazzjonijiet tiegħu f’erbaʼ partijiet, u kull parti tbassar x’se jiġri “f’dak il-jum”—jiġifieri, il-jum meta l-Assirja tattakka lil Ġuda. “Jiġri f’dak il-jum: isaffar il-Mulej lid-dubbiena, li hemm f’ras ix-xmajjar taʼ l-Eġittu, u lin-naħla li hemm fl-art taʼ l-Assirja. U jiġu u jistrieħu lkoll fil-widien, fl-irdumijiet, fi xquq il-blat, fuq l-għollieq imxewwek u fuq kemm hemm wesgħat.” (Isaija 7:18, 19) L-eżerċti taʼ l-Eġittu u l-Assirja, bħal qtajjaʼ taʼ dubbien u naħal, se jkollhom l-attenzjoni tagħhom miġbuda lejn l-Art Imwegħda. Din mhix se tkun invażjoni taʼ mument. ‘Id-dubbien’ u ‘n-naħal’ se jibqgħu hemm, billi jinvadu sa l-inqas rokna tal-pajjiż.
21. Is-sultan Assirjan b’liema mod se jkun bħal mus?
21 Ikompli Isaija: “Dakinhar iqaxxar Sidi b’mus mikri min-naħa l-oħra tax-xmara, bis-sultan taʼ l-Assirja, il-qorriegħa tar-ras u x-xagħar tar-riġlejn, u jġiżż il-leħja wkoll.” (Isaija 7:20) Issa tissemma biss l-Assirja, it-theddida ewlenija. Aħaż jikri lis-sultan taʼ l-Assirja biex “iqaxxar” lis-Sirja u lil Iżrael. Madankollu, dan il-“mus mikri” mill-inħawi taʼ l-Ewfrat se jiħodha kontra “ras” Ġuda u jqaxxarha għalkollox, billi saħansitra jġiżż il-leħja!
22. Isaija liema eżempji juża biex juri l-konsegwenzi taʼ l-invażjoni fil-qrib mill-Assirja?
22 X’se jkun ir-riżultat? “Jiġri dakinhar, li kull wieħed irabbi baqra u żewġ nagħġiet, u minħabba l-kotra tal-ħalib li jagħmlu jiekol il-baqta, għax baqta u għasel jiekol, kull min jifdal f’nofs l-art.” (Isaija 7:21, 22) Sa dakinhar li l-Assirjani jkunu ‘qaxxru’ l-pajjiż, tant se jkun baqaʼ ftit nies li se jkun meħtieġ biss numru żgħir taʼ annimali biex jipprovdu l-ikel. “Baqta u għasel” se jkun hemm għall-ikel—xejn iktar, la nbid, la ħobż, u lanqas ikel ieħor. Bħallikieku biex jenfasizza kemm se tkun kbira l-ħerba, Isaija tliet darbiet jgħid li fejn qabel kien hemm art produttiva taʼ valur, issa se jkun hemm xewk u ħurrieq. Dawk li jissograw imorru fil-kampanja se jkollhom bżonn “vleġeġ u l-qaws” bħala protezzjoni kontra l-annimali salvaġġi mistoħbijin fl-għollieq. Għelieqi maħsudin se jsiru artijiet li fuqhom jgħaffġu l-gniedes u n-nagħaġ. (Isaija 7:23-25) Din il-profezija tibda titwettaq fi żmien Aħaż stess.—2 Kronaki 28:20.
Tbassir Preċiż
23. (a) Isaija x’inhu kmandat jagħmel issa? (b) Kif inhu konfermat is-sinjal tat-tavlozz?
23 Isaija issa jirritorna lejn is-sitwazzjoni tal-mument. Waqt li Ġerusalemm għadha taħt assedju mis-Sirjani u l-Iżraelin magħqudin flimkien, Isaija jirrapporta: “U l-Mulej qalli: ‘Ħu tavlozz kbir u ikteb fuqu b’ittri komuni: “Lil Maħer-salal-ħas-baż.’” U ħadt xhieda taʼ fiduċja, il-qassis Urija u ’l Żakkarija bin Ġeberkija.” (Isaija 8:1, 2) L-isem Maħer-salal-ħas-baż ifisser “Għaġġel israq, fittex aħtaf.” Isaija jitlob lil żewġt irġiel li huma rispettati fil-komunità biex ikunu xhieda li hu kiteb dan l-isem fuq tavlozz kbir, sabiex iktar tard ikunu jistgħu jikkonfermaw li d-dokument hu awtentiku. Iżda, dan is-sinjal irid jiġi konfermat minn sinjal ieħor.
24. Is-sinjal taʼ Maħer-salal-ħas-baż x’effett għandu jkollu fuq in-nies taʼ Ġuda?
24 Jgħid Isaija: “Mbagħad jien ersaqt lejn il-profetessa, u tqalet, u wildet iben. U l-Mulej qalli: ‘Semmih: “Maħer-salal-ħas-baż.” Għaliex qabel ma t-tifel jitgħallem jgħid: “pa u ma” jittieħed il-ġid taʼ Damasku u l-priża taʼ Samarija quddiem is-sultan taʼ l-Assirja.’” (Isaija 8:3, 4) Kemm it-tavlozz kbir kif ukoll it-tarbija tat-twelid se jservu bħala sinjali li l-Assirja dalwaqt se tieħu bħala priża lis-Sirja u lil Iżrael, l-oppressuri taʼ Ġuda. Dalwaqt kemm? Qabel ma t-tifel ikun jistaʼ jgħid l-ewwel kelmiet li jitgħallmu l-biċċa l-kbira tat-trabi—“Pa” u “Ma.” Tbassira preċiża bħal din għandha tibni l-fiduċja tan-nies f’Jehovah. Jew tistaʼ ġġiegħel lil xi wħud iwaqqgħu għaċ-ċajt lil Isaija u lil uliedu. Hu x’inhu l-każ, il-kliem profetiku taʼ Isaija jseħħ.—2 Slaten 17:1-6.
25. X’similaritajiet hemm bejn żmien Isaija u żmienna?
25 Il-Kristjani jistgħu jitgħallmu mit-twissijiet ripetuti taʼ Isaija. L-appostlu Pawlu rrivelalna li f’dan id-dramm storiku, Isaija ta stampa taʼ Ġesù Kristu u wlied Isaija ffiguraw bil-quddiem lid-dixxipli midlukin taʼ Ġesù. (Lhud 2:10-13) Permezz tas-segwaċi midlukin tiegħu fuq l-art, Ġesù jfakkar lill-Kristjani veri dwar il-ħtieġa li ‘jishru’ f’dawn iż-żminijiet kritiċi. (Luqa 21:34-36) Fl-istess waqt, l-opponenti li ma jindmux jiġu mwissijin dwar il-qerda li ġejja fuqhom, għalkemm twissijiet bħal dawn spiss jitwaqqgħu għaċ-ċajt. (2 Pietru 3:3, 4) It-twettiq fi żmien Isaija taʼ profeziji relatati maż-żmien jiggarantilna li l-orarju t’Alla għal żmienna wkoll se ‘jiġi żgur, ma jiddawwarx ma jasal!’—Ħabakkuk 2:3.
“Ilma” Qerriedi
26, 27. (a) Isaija liema ġrajjiet ibassar? (b) Il-kliem taʼ Isaija x’jindika għall-qaddejja taʼ Jehovah llum?
26 Isaija jkompli bit-twissijiet tiegħu: “Ladarba dan il-poplu stmell l-ilma taʼ Silwam, li jgħaddi ħelu ħelu u nħall bil-biżaʼ quddiem Resin u bin Remalija, għalhekk, araw, Sidi jtellaʼ għal fuqhom l-ilma tax-Xmara kotran u qawwi, is-Sultan taʼ l-Assirja u l-qawwa tiegħu kollha, u togħla ’l fuq mis-swieqi kollha tagħha, u taqbeż xtutha kollha; u tixtered fuq art Ġuda, tgħarraq u tfawwar, sa ma tilħaq sa l-għonq. Il-medda taʼ ġwenħajh, tgħatti l-wisaʼ kollu taʼ artek, Għimmanu-el!”—Isaija 8:5-8.
27 “Dan il-poplu,” is-saltna tat-tramuntana taʼ Iżrael, jiċħad il-patt li Jehovah għamel maʼ David. (2 Slaten 17:16-18) Għalihom, dan jidher li hu dgħajjef daqs l-ilma jqattar taʼ Silwam, il-provvista taʼ l-ilma taʼ Ġerusalemm. Huma jridu jtiru bil-ferħ waqt li jiggwerraw kontra Ġuda. Imma dan it-tmaqdir se jiġi kastigat. Jehovah se jħalli lill-Assirjani ‘jgħarrqu’ lis-Sirja u lil Iżrael, u jgħaddu minn fuqhom, sewwa sew bħalma Jehovah dalwaqt se jħalli l-parti politika preżenti tad-dinja “tgħarraq” il-qasam tar-reliġjon falza. (Apokalissi 17:16; qabbel Danjel 9:26.) Imbagħad, jgħid Isaija, l-“ilma” jfur se ‘jixtered fuq art Ġuda,’ billi jasal dritt “sa l-għonq,” sa Ġerusalemm, fejn jaħkem ir-ras (is-sultan) taʼ Ġuda. b Fi żmienna, il-bojji politiċi tar-reliġjon falza bl-istess mod se jattakkaw lill-qaddejja taʼ Jehovah, billi jiċċirkondawhom “sa l-għonq.” (Eżekjel 38:2, 10-16) X’se jkun ir-riżultat? Sewwa, x’jiġri fi żmien Isaija? Jgħaddu l-Assirjani bħal mewġ fuq is-swar tal-belt u jġorru magħhom lin-nies t’Alla? Le. Alla qiegħed magħhom.
Tibżgħux—“Alla Magħna!”
28. Minkejja l-isforzi qawwija taʼ l-għedewwa tagħhom, Jehovah x’assigurazzjoni jagħtihom lin-nies taʼ Ġuda?
28 Iwissi Isaija: “Kunu afu, ġnus [li topponu lill-poplu f’patt m’Alla], li għad titkissru; agħtu widen, intom ilkoll mill-ibgħad artijiet, tħażżmu, imma għad titkissru, tħażżmu, imma għad titkissru. Fasslu pjan u jisfrattalkom, tkellmu bejnietkom, imma kliemkom ma jseħħx: għax Alla magħna!” (Isaija 8:9, 10) Dan il-kliem iseħħ xi snin wara, matul ir-renju taʼ Ħeżekija, l-iben leali taʼ Aħaż. Meta l-Assirjani jheddu lil Ġerusalemm, l-anġlu taʼ Jehovah joqtol 185,000 minnhom. B’mod ċar, Alla qiegħed mal-poplu tiegħu u mal-linja rjali taʼ David. (Isaija 37:33-37) Matul il-battalja li ġejja taʼ Armageddon, Jehovah bl-istess mod se jibgħat lil Għimmanu-el Akbar mhux biss biex ifarrak f’biċċiet lill-għedewwa Tiegħu imma wkoll biex jeħles lil dawk kollha li jafdaw Fih.—Salm 2:2, 9, 12.
29. (a) Il-Lhud taʼ żmien Aħaż kif inhuma differenti minn dawk taʼ żmien Ħeżekija? (b) Il-qaddejja taʼ Jehovah llum għala ma jidħlux f’alleanzi reliġjużi u politiċi?
29 Kuntrarju għal-Lhud fi żmien Ħeżekija, in-nies taʼ żmien Aħaż m’għandhomx fidi fil-protezzjoni taʼ Jehovah. Huma jiffavorixxu konfederazzjoni, jew “ftehim,” maʼ l-Assirjani bħala difiża kontra s-Sirjani u l-Iżraelin. Madankollu, “id” Jehovah timbotta lil Isaija biex jitkellem kontra “triq dan il-poplu,” jew din ix-xejra popolari. Hu jwissi: “La tibżgħux mit-tbeżżigħ tiegħu, u la titregħdux minnu. Il-Mulej taʼ l-eżerċti, lilu għandkom tqaddsu, minnu għandkom tibżgħu, minnu għandkom titriegħdu.” (Isaija 8:11-13) B’dan f’moħħhom, il-qaddejja taʼ Jehovah llum joqogħdu attenti biex ma jiftehmux maʼ konċilji reliġjużi u legi politiċi jew ipoġġu l-fiduċja tagħhom fihom. Il-qaddejja taʼ Jehovah għandhom fiduċja sħiħa fil-qawwa protettiva t’Alla. Fuq kollox, jekk ‘Jehovah hu magħna, x’jistaʼ jagħmlilna l-bniedem?’—Salm 118:6.
30. X’hemm jistenna lil dawk li ma jafdawx f’Jehovah?
30 Isaija jissokta jtenni li Jehovah se jkun “maqdes,” protezzjoni, għal dawk li jafdaw fih. B’kuntrast, dawk li jiċħduh “għad jogħtru, jaqgħu u jitfarrku, fix-xbiek jinqabdu u jaħtfuhom”—ħames verbi ċari li ma jħallu ebda dubju dwar dak li jridu jgħaddu minnu dawk li ma jafdawx f’Jehovah. (Isaija 8:14, 15) Fl-ewwel seklu, dawk li ċaħdu lil Ġesù għotru u waqgħu bl-istess mod. (Luqa 20:17, 18) Riżultat simili jistenna lil dawk li llum ma jagħtux l-alleanza tagħhom lil Ġesù, is-Sultan tas-sema mqiegħed fuq it-tron.—Salm 2:5-9.
31. Il-Kristjani veri llum kif jistgħu jsegwu l-eżempju taʼ Isaija u taʼ dawk li jagħtu widen għat-tagħlim tiegħu?
31 Fi żmien Isaija, mhux kulħadd jogħtor. Jgħid Isaija: “Jien naqfel din ix-xhieda u nissiġilla t-tagħlim fid-dixxipli tiegħi; nittama fil-Mulej, li ħeba wiċċu minn dar Ġakobb; u nafda fih.” (Isaija 8:16, 17) Isaija u dawk li jagħtu kas it-tagħlim tiegħu m’humiex se jabbandunaw il-Liġi t’Alla. Huma jibqgħu jafdaw f’Jehovah, avolja l-kompatrijotti delinkwenti tagħhom ma jafdawx fih, u b’hekk Jehovah jkollu jaħbi wiċċu minnhom. Jalla nsegwu l-eżempju taʼ dawk li jafdaw f’Jehovah u jkollna l-istess determinazzjoni li niggranfaw mal-qima safja!—Danjel 12: 4, 9; Mattew 24:45; qabbel Lhud 6:11, 12.
“Sinjali” u “Għeġubijiet”
32. (a) Illum, min huma dawk li jservu bħala “sinjali u għeġubijiet”? (b) Il-Kristjani għala għandhom jispikkaw bħala li huma differenti mid-dinja?
32 Isaija issa jipproklama: “Arawni, jien u wliedi li tani l-Mulej, aħna sinjali u għeġubijiet f’Iżrael, mingħand il-Mulej taʼ l-eżerċti, li jgħammar fuq l-għolja taʼ Sijon.” (Isaija 8:18) Iva, Isaija, Sijarjasub, u Maħer-salal-ħas-baż huma sinjali taʼ l-iskopijiet taʼ Jehovah għal Ġuda. Illum, Ġesù u ħutu l-midlukin b’mod simili jservu bħala sinjali. (Lhud 2:11-13) U hemm “kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra” li tissieħeb magħhom fix-xogħol. (Apokalissi 7:9, 14; Ġwann 10:16) M’għandniex xi ngħidu, sinjal ikun taʼ valur biss jekk dan jispikka fejn ikun. Bl-istess mod, il-Kristjani jwettqu l-inkarigu tagħhom bħala sinjali biss jekk jispikkaw bħala li huma differenti minn din id-dinja, billi jpoġġu l-fiduċja sħiħa tagħhom f’Jehovah u bi qlubija jipproklamaw l-iskopijiet tiegħu.
33. (a) Il-Kristjani veri x’inhuma determinati li jagħmlu? (b) Il-Kristjani veri għala se jkunu jistgħu jieqfu sodi?
33 Mela, ħalli kulħadd josserva l-livelli t’Alla, mhux dawk taʼ din id-dinja. Komplu spikkaw bla biżaʼ—bħala sinjali—billi twasslu l-inkarigu mogħti lil Isaija Akbar, Ġesù Kristu: ‘Niedu s-sena tal-grazzja . . . u jum il-vendetta taʼ Alla tagħna.’ (Isaija 61:1, 2; Luqa 4:17-21) Tabilħaqq, meta d-dilluvju Assirjan jogħla fuq l-art—saħansitra jekk jasal sa għonqna—il-Kristjani veri m’humiex se jintemmu. Se nieqfu sodi għaliex “Magħna Hu Alla.”
[Noti taʼ taħt]
a Għal iktar dettalji dwar it-twettiq taʼ din il-profezija, ara l-Insight on the Scriptures, l-1 Volum, paġni 62 u 758, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b L-Assirja tiġi mxebbha wkoll maʼ tajra li bi ġwinħajha miftuħin “tgħatti l-wisaʼ kollu taʼ artek.” B’hekk, kulfejn tinfirex l-art, din se tkun miksija mill-eżerċtu Assirjan.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 103]
Isaija ħa miegħu lil Sijarjasub meta wassal il-messaġġ taʼ Jehovah lil Aħaż
[Stampa f’paġna 111]
Isaija għala kiteb “Maħer-salal-ħas-baż” fuq tavlozz kbir?