Afda f’Jehovah biex Jiggwidak u Jipproteġik
Kapitlu Sittax
Afda f’Jehovah biex Jiggwidak u Jipproteġik
1, 2. In-nies t’Alla liema periklu jiffaċċjaw fit-tmien seklu Q.E.K., u ħafna minnhom lejn min huma inklinati li jduru għall-protezzjoni?
BĦALMA rajna fil-kapitli taʼ qabel taʼ dan il-ktieb, il-poplu t’Alla jiffaċċja theddida tal-biżaʼ fit-tmien seklu Q.E.K. L-Assirjani għatxana għad-demm qegħdin iħarbtu pajjiż wara l-ieħor, u dalwaqt se jattakkaw is-saltna taʼ Ġuda fin-nofsinhar. L-abitanti tal-pajjiż lejn min se jduru għall-protezzjoni? Huma qegħdin f’relazzjoni taʼ patt maʼ Jehovah u fuqu għandhom jistrieħu għall-għajnuna. (Eżodu 19:5, 6) Hekk għamel is-Sultan David. Hu rrikonoxxa: “Il-Mulej il-blata tiegħi, il-fortizza u l-ħellies tiegħi.” (2 Samwel 22:2) Iżda, b’mod evidenti, fit-tmien seklu Q.E.K. hemm ħafna li ma jpoġġux il-fiduċja f’Jehovah bħala l-fortizza tagħhom. Huma iktar inklinati li jħarsu lejn l-Eġittu u l-Etjopja, bit-tama li dawn iż-żewġt iġnus jipprovdu protezzjoni qawwija kontra t-theddida taʼ invażjoni mill-Assirja. Qegħdin jiżbaljaw.
2 Permezz tal-profeta tiegħu Isaija, Jehovah jwissi li diżastru se jġarrbu jekk ifittxu refuġju fl-Eġittu jew fl-Etjopja. Il-kliem imnebbaħ tal-profeta jipprovdi lezzjoni taʼ benefiċċju għall-kontemporanji tiegħu u fih lezzjoni siewja għalina dwar kemm huwa importanti li nafdaw f’Jehovah.
Pajjiż it-Tixrid taʼ Demm
3. Iddeskrivi l-enfasi li l-Assirja poġġiet fuq il-qawwa militari.
3 L-Assirjani kienu magħrufin għas-setgħa militari tagħhom. Il-ktieb Ancient Cities jinnota: “Huma kienu jqimu s-saħħa, u kienu jitolbu biss lil idoli kolossali tal-ġebel, iljuni u gniedes li kellhom saqajn goffi, ġwinħajn l-ajkla, u rjus taʼ bnedmin, li kienu simboli taʼ saħħa, kuraġġ, u rebħa. Il-ġlied kien l-attività ewlenija tal-ġens, u l-qassisin kienu jippromwovu l-gwerra bla waqfien.” Kellu raġun il-profeta Bibliku Naħum jiddeskrivi lil Ninwè, il-belt kapitali taʼ l-Assirja, bħala “belt id-dmija.”—Naħum 3:1.
4. L-Assirjani kif nisslu l-biżaʼ fil-qlub taʼ ġnus oħrajn?
4 L-Assirjani wżaw tattiċi tal-gwerra li kienu krudili b’mod mhux tas-soltu. Riljievi taʼ dak iż-żmien juru gwerriera Assirjani jiġbdu lill-ilsiera tagħhom permezz taʼ ganċijiet imqabbdin maʼ mneħirhom jew maʼ xofftejhom. Lil xi lsiera kienu jagħmuhom bil-lanez. Skrizzjoni minnhom tirrakkonta dwar konkwista fejn l-eżerċtu Assirjan qattaʼ lill-ilsiera f’biċċiet u fforma żewġt igzuz barra l-belt—wieħed bl-irjus u l-ieħor bl-idejn u bir-riġlejn. It-tfal taʼ dawk konkwistati kienu jiġu maħruqin fin-nar. Il-biżaʼ mqanqal minn din il-krudeltà żgur li swielhom ferm lill-Assirjani f’sens militari, billi skuraġġixxa r-reżistenza minn dawk li kienu jisfidaw lill-eżerċti tagħhom.
Il-Gwerra Kontra Asdod
5. Min kien ħakkiem Assirjan potenti fi żmien Isaija, u r-rakkont Bibliku dwaru kif ġie vindikat?
5 Fi żmien Isaija, l-Imperu Assirjan laħaq l-ogħla livell taʼ qawwa taħt is-Sultan Sargon. a Għal ħafna snin, il-kritiċi ddubitaw l-eżistenza taʼ dan il-ħakkiem, għax ma setgħu jsibu ebda referenza għalih f’sorsi sekulari. Madankollu, maż-żmien, xi arkeoloġi skoprew ir-rovini tal-palazz taʼ Sargon, u b’hekk ir-rakkont tal-Bibbja ġie vindikat.
6, 7. (a) X’aktarx għal liema raġunijiet Sargon jordna attakk fuq Asdod? (b) Il-waqgħa taʼ Asdod kif teffettwahom lill-ġirien tal-Filistja?
6 Isaija jiddeskrivi fil-qosor waħda mill-kampanji militari taʼ Sargon: “Fis-sena meta Tartan kien mibgħut minn Sargon, sultan taʼ l-Assirja, u ħabat għal Asdod u ħadha f’idejh.” (Isaija 20:1) b Sargon għala jordna attakk fuq il-belt Filistea taʼ Asdod? L-ewwelnett, il-Filistja hija alleata taʼ l-Eġittu, u Asdod, fejn hemm tempju taʼ Dagon, tinsab fit-triq li tgħaddi matul il-kosta mill-Eġittu u minn ġol-Palestina. B’hekk, il-belt qegħda f’post strateġiku. Il-waqgħa tagħha tistaʼ titqies bħala pass preliminarju għall-konkwista taʼ l-Eġittu. Iżjed minn hekk, dokumenti Assirjani jirrapportaw li Ażuri, is-sultan taʼ Asdod, kien qed jikkonfoffa kontra l-Assirja. Għaldaqstant, Sargon ineħħi lis-sultan ribelluż u jpoġġi fuq it-tron lil Aħimiti, wieħed minn ħut is-sultan Ażuri, taʼ warajh. Xorta waħda, dan ma jissetiljax l-affarijiet. Tfaqqaʼ rewwixta oħra, u din id-darba Sargon jaġixxi b’iktar forza, billi jordna attakk fuq Asdod, li tiġi assedjata u konkwistata. X’aktarx li Isaija 20:1 qed jalludi għal din il-ġrajja.
7 Il-waqgħa taʼ Asdod isservi taʼ theddida għall-ġirien tagħha, speċjalment għal Ġuda. Jehovah jaf li n-nies tiegħu huma inklinati li jfittxu “driegħ tal-laħam,” bħalma huma l-Eġittu jew l-Etjopja lejn in-nofsinhar. Għalhekk, hu jinkariga lil Isaija biex jirreċta twissija waħxija.—2 Kronaki 32:7, 8.
“Għarwien u Ħafi”
8. Isaija jirreċta liema att profetiku mnebbaħ?
8 Jehovah jgħid lil Isaija: “Mur, ħoll il-libsa tax-xkejjer minn ġenbejk u neħħi l-qorq minn riġlejk.” Isaija jaġixxi fi qbil mal-kmand taʼ Jehovah. “U għamel hekk, u kien jimxi għarwien u ħafi.” (Isaija 20:2) Il-libsa tax-xkejjer hija biċċa lbies ħarxa li spiss tintlibes mill-profeti, kultant f’konnessjoni maʼ xi messaġġ taʼ twissija. Tintlibes ukoll fi żminijiet taʼ kriżi jew meta tinstemaʼ xi aħbar taʼ gwaj. (2 Slaten 19:2; Salm 35:13; Danjel 9:3) Ifisser dan li Isaija tassew jippassiġġa ’l hawn u ’l hinn għarwien fis-sens li jkun assolutament mingħajr xi għata protettiv? Mhux bilfors. Il-kelma Ebrajka tradotta “għarwien” tistaʼ tirreferi wkoll għal li wieħed ikun liebes ħafif jew ftit li xejn. (1 Samwel 19:24, nota taʼ taħt fin-NW) Mela jistaʼ jkun li Isaija sempliċement neżaʼ l-ilbies taʼ fuq, waqt li żamm il-bluża qasira li kienet normalment tintlibes fuq il-laħam. Ilsiera rġiel spiss jiġu rappreżentati b’din il-manjiera fi skulturi Assirjani.
9. X’inhi t-tifsira profetika taʼ l-azzjoni taʼ Isaija?
9 Ma jitħalla ebda dubju dwar xi tfisser l-azzjoni mhix tas-soltu taʼ Isaija: “U l-Mulej qal: ‘Bħalma l-qaddej tiegħi Isaija kien jimxi għarwien u ħafi għal tliet snin b’sinjal u theddida għall-Eġittu u għal Kus [“Etjopja,” “KŻ”], hekk issa s-sultan taʼ l-Assirja jkaxkar il-priġunieri mill-Eġittu u l-itturufnati minn Kus, żgħażagħ u xjuħ għeriewen u ħafjin, b’warranihom mikxuf b’għajb għall-Eġittu.’” (Isaija 20:3, 4) Iva, l-Eġizzjani u l-Etjopjani dalwaqt se jittieħdu lsiera. Ħadd ma se jeħlisha. Anki “żgħażagħ u xjuħ”—it-tfal u l-anzjani—se jittiħdilhom kulma għandhom u jittieħdu fl-eżilju. Permezz taʼ din l-istampa skuraġġanti, Jehovah jwissi lill-abitanti taʼ Ġuda li se jkun għalxejn li jpoġġu l-fiduċja tagħhom fl-Eġittu u fl-Etjopja. Il-kollass taʼ dawn il-ġnus se jwassal għall-“għajb” tagħhom—l-umiljazzjoni aħħarija tagħhom!
It-Tama Titfarrak, il-Ġmiel Jgħib
10, 11. (a) X’se tkun ir-reazzjoni taʼ Ġuda meta din tirrealizza li l-Eġittu u l-Etjopja huma bla saħħa quddiem l-Assirja? (b) L-abitanti taʼ Ġuda għala għandhom mnejn huma inklinati li jafdaw fl-Eġittu u fl-Etjopja?
10 Wara dan, Jehovah jiddeskrivi profetikament ir-reazzjoni tan-nies tiegħu hekk kif jirrealizzaw li l-Eġittu u l-Etjopja, ir-refuġju li ttamaw fih, spiċċaw bla saħħa quddiem l-Assirjani. “U jitħawwdu u jistħu minħabba Kus [“Etjopja,” “KŻ”], it-tama tagħhom, u mill-Eġittu, il-ftaħir tagħhom. U dakinhar dawk li jgħammru f’din ix-xtajta jgħidu: ‘Araw, din kienet it-tama tagħna, għandhom morna maħruba għall-għajnuna biex neħilsu mis-sultan taʼ l-Assirja! U issa aħna kif se nsalvaw?’”—Isaija 20:5, 6.
11 Ġuda tidher bħala sempliċi strixxa art max-xtajta meta titqabbel mal-qawwiet taʼ l-Eġittu u l-Etjopja. Forsi ftit mill-abitanti taʼ “din ix-xtajta” huma msaħħrin bil-ġmiel taʼ l-Eġittu—il-piramidi impressjonanti tagħha, it-tempji għoljin tagħha, u l-vilel spazjużi tagħha mdawrin bil-ġonna kollha fjuri u siġar tal-frott, u vaski. L-arkitettura manjifika taʼ l-Eġittu donnha hi evidenza taʼ stabbilità u permanenza. Żgur li dan il-pajjiż ma jistax isir ħerba! Bla dubju li l-Lhud huma impressjonati wkoll bl-arċiera, il-karrijiet, u l-ifirsa taʼ l-Etjopja.
12. Ġuda f’min għandha tpoġġi l-fiduċja tagħha?
12 Meta tqis it-twissija rreċtata minn Isaija u l-kliem profetiku taʼ Jehovah, dawk kollha li jgħidu li jemmnu f’Alla u li huma inklinati li jafdaw fl-Eġittu u fl-Etjopja għandhom għalfejn jirriflettu bis-serjetà. Kemm ikun aħjar li jpoġġu l-fiduċja tagħhom f’Jehovah milli fil-bniedem taʼ l-art! (Salm 25:2; 40:5 [40:4, NW]) Kif jiżvolġu l-affarijiet, Ġuda ssofri ħafna taħt idejn is-sultan taʼ l-Assirja, u iktar tard, tara t-tempju u l-belt kapitali tagħha meqrudin minn Babilonja. Madankollu, jibqaʼ “l-waħda fl-għaxra,” “żerriegħa qaddisa,” bħaz-zokk taʼ siġra massiċċa. (Isaija 6:13) Meta jasal il-waqt, il-messaġġ taʼ Isaija se jsaħħaħ bil-kbir il-fidi taʼ dan il-grupp żgħir li jkompli jafda f’Jehovah!
Poġġi l-Fiduċja Tiegħek f’Jehovah
13. Illum liema pressjonijiet jeffettwaw lil kulħadd—kemm lil dawk li jemmnu u kemm lil dawk li ma jemmnux?
13 It-twissija li hemm f’Isaija dwar kemm ikun għalxejn li wieħed jafda fl-Eġittu u fl-Etjopja m’hijiex biss xi storja antika. Għandha valur prattiku għal żmienna. Aħna qegħdin ngħixu fi “żmien iebes.” (2 Timotju 3:1) Diżastri finanzjarji, faqar mifrux maʼ kullimkien, inċertezza politika, taqlib ċivili, u gwerer fuq skala żgħira jew kbira għandhom effetti devastanti—mhux biss fuq dawk li jiddisprezzaw il-ħakma t’Alla imma wkoll fuq dawk li jqimu lil Jehovah. Il-mistoqsija li tiffaċċja lil kull wieħed minna hi, ‘Lejn min se ndur għall-għajnuna?’
14. Għala għandna npoġġu l-fiduċja tagħna f’Jehovah biss?
14 Xi wħud jistgħu jimpressjonaw ruħhom bil-ġenji finanzjarji, il-politikanti, u x-xjenzati tal-lum, li jgħidu li huma kapaċi jsolvu l-problemi tal-bniedem billi jużaw l-inġenwità u t-teknoloġija tal-bniedem. Madankollu, il-Bibbja tgħid b’mod ċar: “Aħjar tistkenn fil-Mulej milli tittama fil-kbarat.” (Salm 118:9) Il-proġetti kollha tal-bniedem biex iġib il-paċi u s-sigurtà ma se jkunu taʼ ebda fejda għar-raġuni li semma b’mod xieraq il-profeta Ġeremija: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.
15. Fejn qegħda l-unika tama għall-umanità mnikkta?
15 Għalhekk, huwa imperattiv li l-qaddejja t’Alla ma jimpressjonawx ruħhom bla bżonn b’dawk li jistgħu jidhru li huma saħħa jew għerf taʼ din id-dinja. (Salm 33:10; 1 Korintin 3:19, 20) L-unika tama li teżisti għall-umanità mnikkta qegħda f’idejn il-Ħallieq, Jehovah. Dawk li jpoġġu l-fiduċja tagħhom fih se jiġu salvati. Bħalma ġie mnebbaħ biex jikteb l-appostlu Ġwanni, “[i]d-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kittieba taʼ l-istorja jirreferu għal dan is-sultan bħala Sargon II. Qablu kien hemm sultan ieħor taʼ Babilonja, mhux taʼ l-Assirja, li jingħata l-isem taʼ “Sargon I.”
b “Tartan” m’huwiex isem imma titlu mogħti lill-kmandant ewlieni taʼ l-eżerċtu Assirjan, x’aktarx it-tieni individwu l-iktar potenti fl-imperu.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 209]
L-Assirjani kienu jagħmuhom lil xi wħud mill-ilsiera tagħhom
[Stampi f’paġna 213]
Xi wħud jistgħu jimpressjonaw ruħhom b’dak li jwettaq il-bniedem, imma jkun aħjar li tafda f’Jehovah