Alla Jehovah Juri Ħniena lil Fdal
Kapitlu Sitta
Alla Jehovah Juri Ħniena lil Fdal
1, 2. Il-profeta Isaija x’ibassar dwar Ġuda u Ġerusalemm?
MALTEMPATA vjolenti tolqot reġjun fejn hemm popolazzjoni kbira. Irjieħ qawwijin, xita bil-qliel, u għargħar taʼ qawwa kbira ħallew il-marka tagħhom mal-pajjiż kollu, billi qerdu djar, għamlu l-ħsara lill-uċuħ tar-rabaʼ, u qatlu ħafna nies. Imma l-maltempata tgħaddi malajr, u warajha tħalli perijodu taʼ kalma. Għal dawk li baqgħu ħajjin, dan huwa żmien taʼ restawr u bini mill-ġdid.
2 Il-profeta Isaija jbassar xi ħaġa simili dwar Ġuda u Ġerusalemm. Is-sħab tal-maltempata taʼ ġudizzju divin riesaq b’theddida—u bir-raġun! Il-ħtija tal-ġens hija kbira ħafna. Kemm il-ħakkiema u kemm in-nies imlew il-pajjiż bl-inġustizzji u bit-tixrid taʼ demm. Permezz taʼ Isaija, Jehovah jikxef il-ħtija taʼ Ġuda u jwissi li Hu se jesegwixxi ġudizzju fuq dak il-ġens delinkwenti. (Isaija 3:25) Il-pajjiż taʼ Ġuda se jitħalla ħerba għalkollox wara li tgħaddi din il-maltempata. Dan il-prospett bilfors li jsewwidlu qalbu lil Isaija.
3. Liema aħbar tajba fih il-messaġġ ispirat taʼ Isaija 4:2-6?
3 Imma hemm aħbar tajba! Il-maltempata tal-ġudizzju taʼ tjieba taʼ Jehovah se tgħaddi, u se jkun hemm fdal li jibqaʼ ħaj. Iva, il-ġudizzju taʼ Jehovah fuq Ġuda se jkun bilanċjat bil-ħniena! Il-messaġġ ispirat taʼ Isaija dokumentat f’Isaija 4:2-6 jħares ’il quddiem lejn dan iż-żmien imbierek. Huwa bħallikieku x-xemx tfeġġ minn wara s-sħab; ix-xena tinbidel mid-dehriet u l-ħsejjes taʼ ġudizzju—deskritti f’Isaija 2:6–4:1—għal pajjiż u poplu mġeddin b’mod mill-isbaħ.
4. Għala għandna niddiskutu l-profezija taʼ Isaija dwar ir-restawr taʼ fdal?
4 Il-profezija taʼ Isaija rigward ir-restawr taʼ fdal u s-sigurtà sussegwenti tiegħu titwettaq ukoll fi żmienna—“fl-aħħar jiem.” (Isaija 2:2-4) Ejja niddiskutu dan il-messaġġ f’waqtu, għax mhux biss għandu sinjifikat profetiku imma jgħallimna wkoll dwar il-ħniena taʼ Jehovah u kif aħna bħala individwi nistgħu naqilgħuha.
“Ir-Rimja” taʼ Jehovah
5, 6. (a) Isaija kif jiddeskrivih iż-żmien paċifiku li jiġi wara t-tempesta li ġejja? (b) X’ifisser it-terminu “rimja,” u dan x’jindika dwar il-pajjiż taʼ Ġuda?
5 L-istil t’espressjoni wżat minn Isaija jsir kordjali hekk kif hu jħares lejn żmien iktar paċifiku li ġej wara t-tempesta li riesqa. Hu jikteb: “Dakinhar ir-rimja tal-Mulej tkun ġmiel u glorja, u l-frott taʼ l-art ikun kburija u żína tal-fdal taʼ Iżrael.”—Isaija 4:2.
6 Isaija hawnhekk jitkellem dwar restawr. In-nom Ebrajk tradott “rimja” jirreferi għal ‘dak li jinbet, nebbieta, fergħa.’ Dan hu assoċjat maʼ prosperità, żjieda, u barkiet mingħand Jehovah. Isaija b’hekk ipinġi stampa taʼ tama—il-ħerba li riesqa m’hijiex se tibqaʼ għal dejjem. Bil-barka taʼ Jehovah, il-pajjiż taʼ Ġuda, li darba kien prosperuż, se jerġaʼ jipproduċi frott abbundanti. a—Levitiku 26:3-5.
7. In-nebbieta taʼ Jehovah b’liema mod se “tkun ġmiel u glorja”?
7 Isaija juża termini vivaċi biex jiddeskrivi kemm se tkun kbira t-trasformazzjoni li ġejja fil-futur. In-nebbieta taʼ Jehovah se “tkun ġmiel u glorja.” Il-kelma “ġmiel” tfakkarna fis-sbuħija taʼ l-Art Imwegħda meta Jehovah taha lil Iżrael sekli qabel. Tant kienet sabiħa li kienet meqjusa bħala “ġawhra [“ġojjell,” New American Bible] fost kemm huma l-artijiet.” (Eżekjel 20:6) Kliem Isaija b’hekk jassigura lin-nies li l-pajjiż taʼ Ġuda se jerġaʼ jkollu l-glorja u l-ġmiel li kellu qabel. Tabilħaqq, se jkun bħal ġojjell mill-isbaħ fuq l-art.
8. Min se jkun preżenti biex igawdi l-ġmiel restawrat tal-pajjiż, u Isaija kif jiddeskrivihom is-sentimenti tagħhom?
8 Iżda, min se jkun preżenti biex igawdi l-ġmiel restawrat tal-pajjiż? Il-“fdal taʼ Iżrael,” jikteb Isaija. Iva, se jkun hemm xi wħud li se jibqgħu ħajjin wara l-qerda umiljanti li kienet imbassra qabel. (Isaija 3:25, 26) Fdal minn dawk li jibqgħu ħajjin se jirritorna lejn Ġuda u jieħu sehem fir-restawr tagħha. Għal dawn l-uħud li jirritornaw—il-“fdal”—il-prodott abbundanti tal-pajjiż restawrat tagħhom se jsir “kburija u żína.” (Isaija 4:2) L-umiljazzjoni tal-ħerba se tagħmel il-wisaʼ għal sens taʼ kburija mġedded.
9. (a) Bi twettiq taʼ kliem Isaija, x’ġara fis-sena 537 Q.E.K.? (b) Għala jistaʼ jingħad li l-“fdal” jinkludi lil xi wħud li twieldu fl-eżilju? (Ara n-nota taʼ taħt.)
9 Fi qbil maʼ kliem Isaija, il-maltempata tal-ġudizzju waslet fis-sena 607 Q.E.K. meta l-Babiloniżi qerdu lil Ġerusalemm u ħafna Iżraelin ntilfu. Xi wħud baqgħu ħajjin u ttieħdu fl-eżilju ġewwa Babilonja, imma li ma kienx għall-ħniena t’Alla, assolutament ħadd ma kien jibqaʼ ħaj. (Neħemija 9:31) Eventwalment, Ġuda tħalliet ħerba għalkollox. (2 Kronaki 36:17-21) Imbagħad, fis-sena 537 Q.E.K., dak Alla taʼ ħniena ppermetta li “fdal” jirritorna lejn Ġuda sabiex jirrestawra l-qima vera. b (Esdra 1:1-4; 2:1) L-indiema mill-qalb taʼ dawn l-eżiljati li rritornaw hija espressa b’mod sabiħ f’Salm 137, li x’aktarx inkiteb matul il-jasar jew ftit wara. Lura f’Ġuda dawn għażqu l-ħamrija u żergħu ż-żerriegħa fl-għelieqi. Aħseb ftit kif ħassewhom meta raw li Alla kien qed ibierek l-isforzi tagħhom, billi jġiegħel l-art tnibbet bħall-“ġnien taʼ l-Għeden” mimli frott!—Eżekjel 36:34-36.
10, 11. (a) L-Istudenti tal-Bibbja b’liema mod kienu fil-jasar taħt “Babilonja l-Kbira” kmieni fis-seklu 20? (b) Jehovah kif bierku lill-fdal taʼ Iżraelin spiritwali?
10 Fi żmienna seħħ restawr simili. Kmieni fis-seklu 20, l-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu magħrufin ix-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien, waqgħu f’jasar spiritwali taħt “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 17:5) Għalkemm kienu ċaħdu ħafna tagħlim reliġjuż falz, l-Istudenti tal-Bibbja kienu għadhom imċappsin b’ċerti ideat u prattiċi Babiloniżi. Bħala riżultat taʼ oppożizzjoni mqanqla mill-membri tal-kleru, xi wħud minnhom ġew mitfugħin il-ħabs letteralment. Il-pajjiż spiritwali tagħhom—il-qasam reliġjuż, jew spiritwali, tagħhom—tħalla ħerba.
11 Imma fir-rebbiegħa taʼ l-1919, Jehovah ġietu ħniena minn dan il-fdal taʼ Iżraelin spiritwali. (Galatin 6:16) Hu ra l-indiema tagħhom u x-xewqa li kellhom biex iqimuh fil-verità, u għalhekk ħelishom mill-ħabs letterali u, iktar importanti, mill-jasar spiritwali. Dawn il-membri tal-“fdal” ġew restawrati lejn il-qasam spiritwali mogħti lilhom minn Alla, liema qasam hu ġagħal li jnibbet bl-abbundanza. Dan il-qasam spiritwali għandu dehra kordjali u attraenti li ġibdet lil miljuni taʼ nies oħrajn li jibżgħu minn Alla biex jissieħbu mal-fdal fil-qima vera.
12. Kliem Isaija kif ifaħħar bil-kbir il-ħniena li Jehovah għandu għall-poplu tiegħu?
12 Kliem Isaija hawnhekk ifaħħar bil-kbir il-ħniena li Alla għandu għall-poplu tiegħu. Għalkemm l-Iżraelin bħala ġens daru kontra Jehovah, hu kellu ħniena minn fdal li nidem. Nistgħu niksbu l-faraġ mill-fatt li nafu li saħansitra dawk li jiżbaljaw serjament jistgħu jirritornaw lejn Jehovah bit-tama. Uħud li jindmu m’għandhomx għalfejn iħossu li ma jistgħux jaqilgħu l-ħniena taʼ Jehovah, għax hu ma jwarrabhiex qalb sogħbiena. (Salm 51:19 [51:17, NW]) Il-Bibbja tassigurana: “Ħanin u twajjeb il-Mulej, idum ma jagħdab u kollu mogħdrija. Bħalma jħenn il-missier għal uliedu, hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biżaʼ tiegħu.” (Salm 103:8, 13) Ċertament li Alla mimli ħniena bħal dan jixraqlu t-tifħir kollu tagħna!
Fdal Isir Qaddis għal Jehovah
13. Bħalma huwa dokumentat f’Isaija 4:3, Isaija kif jiddeskrivih lill-fdal li kellu jintwera ħniena minn Jehovah?
13 Diġà ġejna introdotti mal-fdal li kellu jintwera ħniena minn Jehovah, imma issa Isaija jiddeskrivih b’iktar dettall, billi jikteb: “Jiġri li min jibqaʼ f’Sijon u min jitħalla f’Ġerusalemm, qaddis jissejjaħ, min hu miktub għall-ħajja f’Ġerusalemm.”—Isaija 4:3.
14. Min huma dawk li ‘jibqgħu’ u dawk li ‘jitħallew,’ u Jehovah għala se jkollu ħniena minnhom?
14 Min huma dawk li ‘jibqgħu’ u dawk li ‘jitħallew’? Dawn huma l-fdal imsemmi fil-vers taʼ qabel—l-eżiljati Lhud li se jitħallew jirritornaw lejn Ġuda. Issa Isaija juri għala Jehovah se jkollu ħniena minnhom—se jkunu ‘qaddisin’ għalih. Il-qdusija tfisser “indafa jew purità reliġjuża; is-sagru.” Li tkun qaddis jinvolvi li tkun nadif, jew pur, fil-kliem u fl-azzjoni, li tikkonforma ruħek mal-livell taʼ Jehovah dwar x’inhu sewwa u xieraq. Iva, Jehovah se jkollu ħniena minn dawk li huma ‘qaddisin’ għalih, u se jħallihom jirritornaw lejn “il-belt qaddisa,” Ġerusalemm.—Neħemija 11:1.
15. (a) L-espressjoni “miktub għall-ħajja f’Ġerusalemm” tfakkarna dwar liema drawwa Lhudija? (b) Kliem Isaija jimplika liema twissija serja?
15 Se jibqaʼ hemmhekk dan il-fdal leali? Se jkun “miktub għall-ħajja f’Ġerusalemm,” iwiegħed Isaija. Dan ifakkarna fid-drawwa Lhudija li jinżammu reġistri, li jsiru b’attenzjoni kbira, tal-familji u t-tribujiet taʼ Iżrael. (Neħemija 7:5) Li tkun miktub f’reġistru kien ifisser li int ħaj, għax meta kien imut xi ħadd, ismu kien jitneħħa. F’partijiet oħrajn tal-Bibbja, naqraw dwar reġistru, jew ktieb, figurattiv li fih l-ismijiet taʼ dawk li Jehovah jippremja bil-ħajja. Imma l-ismijiet jitniżżlu f’dan il-ktieb taħt kundizzjoni, għax Jehovah jistaʼ ‘jħassarhom.’ (Eżodu 32:32, 33; Salm 69:29 [69:28, NW]) Il-kliem taʼ Isaija, allura, jimplika twissija serja—dawk li jirritornaw jistgħu jibqgħu ħajjin fil-pajjiż restawrat tagħhom biss jekk jibqgħu qaddisin fil-ħarsa t’Alla.
16. (a) Jehovah x’irrikjeda minn dawk li ħalla jirritornaw lejn Ġuda fis-sena 537 Q.E.K.? (b) Għala jistaʼ jingħad li l-ħniena taʼ Jehovah mal-fdal midluk u n-“nagħaġ oħra” ma kinitx għalxejn?
16 Fis-sena 537 Q.E.K., il-membri tal-fdal li rritornaw lejn Ġerusalemm għamlu dan b’motiv pur—biex jirrestawraw il-qima vera. L-ebda bniedem li kien kontaminat bi prattiċi reliġjużi pagani jew bil-kondotta maħmuġa li Isaija kien wissa kontriha b’tant forza ma kellu d-dritt jirritorna. (Isaija 1:15-17) Dawk biss li Jehovah kien iqishom bħala qaddisin setgħu jirritornaw lejn Ġuda. (Isaija 35:8) B’mod simili, minn mindu nħelsu mill-jasar spiritwali fl-1919, il-membri tal-fdal midluk, li issa ngħaqdu magħhom miljuni taʼ “nagħaġ oħra”—dawk bit-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art—għamlu kull sforz biex ikunu qaddisin fil-ħarsa t’Alla. (Ġwann 10:16) Huma ħelsu mit-tagħlim u l-prattiċi Babiloniżi, u individwalment, jagħmlu ħilithom kollha biex iżommu mal-livelli għoljin t’Alla dwar il-moralità. (1 Pietru 1:14-16) Il-ħniena taʼ Jehovah magħhom ma kinitx għalxejn.
17. Jehovah l-ismijiet taʼ min jikteb fi “ktieb il-ħajja,” u x’għandna nkunu determinati li nagħmlu?
17 Ftakar li Jehovah nnota lil dawk li kienu qaddisin f’Iżrael u li hu ‘kiteb l-ismijiet tagħhom għall-ħajja.’ Illum, ukoll, Jehovah jinnota l-isforzi tagħna biex inkunu nodfa fil-moħħ u fil-ġisem hekk kif ‘noffru ġisimna bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla.’ (Rumani 12:1) U dawk kollha li jsegwu korsa taʼ ħajja bħal din jinkitbu minn Alla fi “ktieb il-ħajja”—id-dokument figurattiv li fih l-ismijiet taʼ dawk li huma f’pożizzjoni li jirċievu ħajja taʼ dejjem, jew fis-sema jew fuq l-art. (Filippin 4:3; Malakija 3:16) Ejja, mela, nagħmlu l-almu tagħna kollu biex nibqgħu qaddisin f’għajnejn Alla, għax b’hekk inkunu nistgħu nżommu l-ismijiet tagħna f’dak il-“ktieb” prezzjuż.—Apokalissi 3:5.
Wegħda li Jieħu Ħsiebna b’Imħabba Kbira
18, 19. Skond Isaija 4:4, 5, liema tindif irid isir minn Jehovah, u dan kif se jsir?
18 Imbagħad Isaija juri kif l-abitanti tal-pajjiż restawrat se jsiru qaddisin u liema barkiet hemm jistennewhom, billi jgħid: “Meta Sidi jkun naddaf il-ħmieġ tal-bniet taʼ Sijon, u ħasel id-dmija taʼ Ġerusalemm minn ġo nofsha b’ruħ il-ġustizzja u b’riħ il-qerda, joħloq il-Mulej fuq il-medda kollha tal-muntanja taʼ Sijon, u fuq in-nies miġmugħa fiha sħaba binhar u duħħan, u dija taʼ nar iħeġġeġ billejl, għax fuq kollox tinfirex il-glorja.”—Isaija 4:4, 5.
19 Iktar kmieni Isaija ċanfar lill-“bniet taʼ Sijon,” li l-korruzzjoni morali tagħhom kienet moħbija taħt it-tiżjin ilellex tagħhom. Hu kixef ukoll il-ħtija tad-demm tal-poplu b’mod ġenerali, billi ħeġġiġhom biex jitnaddfu. (Isaija 1:15, 16; 3:16-23) Iżda, hawnhekk, hu jħares ’il quddiem lejn iż-żmien meta Alla nnifsu se jkun “naddaf il-ħmieġ,” jew il-qżiżijiet morali, u “ħasel id-dmija.” (Isaija 4:4) Kif se jsir dan il-ħasil? “B’ruħ il-ġustizzja” u “b’riħ il-qerda.” Il-qerda li ġejja fuq Ġerusalemm u l-eżilju f’Babilonja se jkunu buffuri tal-ġudizzju u tar-rabja taħraq t’Alla fuq ġens maħmuġ. Il-fdal li jibqaʼ ħaj wara dawn il-gwajijiet u jirritorna f’art twelidu se jkun ġie umiljat u rfinut. Huwa għalhekk li se jkun qaddis għal Jehovah u jirċievi l-ħniena.—Qabbel Malakija 3:2, 3.
20. (a) Dwar liema ħaġa jfakkruna l-espressjonijiet “sħaba,” “duħħan,” u “nar iħeġġeġ”? (b) L-eżiljati mnaddfin għala mhux se jkollhom għalfejn jibżgħu?
20 Permezz taʼ Isaija, Jehovah jwiegħed li se jieħu ħsiebu b’imħabba kbira lil dan il-fdal imnaddaf. L-espressjonijiet “sħaba,” “duħħan,” u “nar iħeġġeġ” ifakkruna dwar kif Jehovah ħa ħsieb l-Iżraelin wara li telqu mill-Eġittu. “Kolonna tan-nar u s-sħaba” pproteġiethom mill-Eġizzjani li ġew jiġru warajhom; din iggwidathom ukoll fid-deżert. (Eżodu 13:21, 22; 14:19, 20, 24) Meta Jehovah wera ruħu fuq il-Muntanja Sinaj, il-muntanja “bdiet iddaħħan kollha kemm hi.” (Eżodu 19:18) L-eżiljati mnaddfin, allura, mhux se jkollhom għalfejn jibżgħu. Jehovah se jkun il-Protettur tagħhom. Hu se jkun magħhom kemm jekk jinġabru fi djarhom stess u kemm jekk jiltaqgħu flimkien f’konvenzjonijiet qaddisin.
21, 22. (a) Għarix, jew kamp, għal liema skop kienu jinbnew taʼ spiss? (b) Liema prospett hemm quddiem il-fdal imnaddaf?
21 Isaija jikkonkludi d-deskrizzjoni tiegħu dwar il-protezzjoni divina billi jiffoka fuq il-ħajja taʼ kuljum. Hu jikteb: “Għarix għad-dell mis-sħana binhar u kenn u lqugħ mill-irwiefen u x-xita.” (Isaija 4:6) Taʼ spiss, għarix, jew kamp, kienu jinbnew f’għalqa tad-dwieli jew f’għalqa kwalunkwe biex jipprovdu kenn meħtieġ ferm mix-xemx taħraq taʼ l-istaġun niexef u mill-kesħa u l-maltempati taʼ l-istaġun tax-xita.—Qabbel Ġona 4:5.
22 Meta jħabbtu wiċċhom mas-sħana tikwi tal-persekuzzjoni u l-maltempati taʼ l-oppożizzjoni, il-membri tal-fdal imnaddaf se jsibu li Jehovah hu s-Sors tagħhom taʼ protezzjoni, sigurtà, u kenn. (Salm 91:1, 2; 121:5) B’hekk, jitpoġġa quddiemhom prospett mill-isbaħ: Jekk iħallu warajhom it-twemmin u l-prattiċi mhux nodfa taʼ Babilonja, jissottomettu ruħhom għat-tindif tal-ġudizzju minn Jehovah, u jagħmlu ħilithom biex jibqgħu qaddisin, allura se jibqgħu fis-sigurtà, bħallikieku ġo “għarix” taʼ protezzjoni divina.
23. Jehovah għala berikhom lill-fdal midluk u lil sħabhom?
23 Innota li l-ewwel jiġi t-tindif, imbagħad il-barkiet. Dan seħħ ukoll fi żmienna. Lura fl-1919 il-membri tal-fdal midluk issottomettew ruħhom umilment biex jiġu rfinuti, u Jehovah “ħasel” in-nuqqas taʼ ndafa tagħhom. Minn dakinhar ’l hawn, “kotra kbira” taʼ nagħaġ oħra wkoll ħallew lilhom infushom jiġu mnaddfin minn Jehovah. (Apokalissi 7:9) Imnaddfin b’dan il-mod, il-fdal u sħabhom tbierku, għax Jehovah ħadhom fi ħdanu biex jieħu ħsiebhom u jipproteġihom. Hu ma jżommx lura mirakolożament is-sħana tikwi tal-persekuzzjoni jew il-maltempati taʼ l-oppożizzjoni milli jgħakksuhom. Imma hu jipproteġihom, billi bħallikieku jibni fuqhom ‘għarix għad-dell u lqugħ mix-xita.’ Kif?
24. Kif inhu evidenti li Jehovah bierek lill-poplu tiegħu bħala organizzazzjoni?
24 Ikkunsidra dan: Xi wħud mill-gvernijiet l-iktar potenti fl-istorja pprojbew ix-xogħol taʼ l-ippridkar mix-Xhieda taʼ Jehovah jew ipprovaw jeliminawhom kompletament. Madankollu, ix-Xhieda baqgħu sodi u komplew jippridkaw bla heda! Il-ġnus setgħana għala ma kellhomx il-ħila jwaqqfu l-attività taʼ dan il-grupp taʼ nies li hu relattivament żgħir u donnu bla difiża? Għaliex Jehovah poġġa lill-qaddejja nodfa tiegħu ġo “għarix” taʼ protezzjoni li ebda bniedem ma jistaʼ jġarrfu!
25. X’ifisser għalina bħala individwi li jkollna lil Jehovah bħala l-Protettur tagħna?
25 Xi ngħidu dwarna bħala individwi? Li jkollna lil Jehovah bħala l-Protettur tagħna ma jfissirx li għandna ħajja mingħajr problemi f’din is-sistema t’affarijiet. Ħafna Kristjani leali jiffaċċjaw għawġ kbir, bħal faqar, diżastri naturali, gwerer, mard, u mewt. Meta niffaċċjaw affarijiet taʼ dwejjaq bħal dawn, ejja ma ninsew qatt li Alla tagħna qiegħed magħna. Hu jipproteġina spiritwalment, billi jipprovdi dak li neħtieġu—saħansitra ‘l-kobor tal-qawwa’ iktar min-normal—biex nissaportu l-provi fedelment. (2 Korintin 4:7) Fis-sigurtà tal-preżenza tiegħu, ma jkollniex għalfejn nibżgħu. Wara kollox, sakemm nagħmlu l-almu tagħna kollu biex inżommu ruħna qaddisin fil-ħarsa tiegħu, xejn ‘ma jistaʼ jifridna mill-imħabba taʼ Alla.’—Rumani 8:38, 39.
[Noti taʼ taħt]
a Xi studjużi jissuġġerixxu li l-frażi “rimja tal-Mulej” tirreferi għall-Messija, li ma kienx se jidher qabel ma Ġerusalemm tkun ġiet restawrata. Fit-Targumi Aramajċi, il-parafrażi taʼ din l-espressjoni tgħid: “Il-Messija [Kristu] taʼ Jehovah.” Huwa interessanti l-fatt li l-istess nom Ebrajk (tseʹmach) jintuża iktar tard minn Ġeremija meta jitkellem dwar il-Messija bħala “rimja ġusta” mqajma lil David.—Ġeremija 23:5; 33:15.
b Il-“fdal” inkluda lil xi wħud li kienu twieldu fl-eżilju. Dawn jistgħu jiġu kunsidrati li huma “fdal,” ladarba qatt ma kienu jitwieldu li kieku l-antenati tagħhom ma kinux baqgħu ħajjin wara l-qerda.—Esdra 9:13-15; qabbel Lhud 7:9, 10.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 63]
Maltempata taʼ ġudizzju divin ġejja fuq Ġuda