Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Alla Jehovah Qiegħed fit-​Tempju Qaddis Tiegħu

Alla Jehovah Qiegħed fit-​Tempju Qaddis Tiegħu

Kapitlu Tmienja

Alla Jehovah Qiegħed fit-​Tempju Qaddis Tiegħu

Isaija 6:​1-13

1, 2. (a) Il-​profeta Isaija meta jirċievi l-​viżjoni tiegħu tat-​tempju? (b) Is-​Sultan Għużżija għala tilef il-​favur taʼ Jehovah?

 “FIS-​SENA li fiha miet is-​sultan Għużżija, jien rajt lil sidi bilqiegħda fuq tron għoli merfugħ ’il fuq; djul il-​libsa tiegħu kienu jimlew it-​tempju.” (Isaija 6:1) Is-​sitt kapitlu tal-​ktieb taʼ Isaija jibda b’dan il-​kliem tal-​profeta. Ninsabu fis-​sena 778 Q.E.K.

2 Għużżija saltan 52 sena bħala sultan taʼ Ġuda u, fil-​parti l-​kbira, ir-​renju tiegħu kien suċċess brillanti. Billi għamel “is-​sewwa f’għajnejn il-​Mulej,” hu gawda l-​appoġġ t’Alla fil-​proġetti militari, strutturali, u agrikoli tiegħu. Imma s-​suċċess li kellu rriżulta wkoll fir-​rovina tiegħu. Eventwalment, hu tkabbar f’qalbu u “dineb kontra l-​Mulej, Alla tiegħu, u daħal fis-​santwarju tal-​Mulej biex jaħraq l-​inċens.” Minħabba dan l-​att prużuntuż u d-​dagħdigħa tiegħu kontra l-​qassisin li ċanfruh, Għużżija miet imġiddem. (2 Kronaki 26:​3-22) Kien għall-​ħabta taʼ dan iż-​żmien li Isaija beda s-​servizz profetiku tiegħu.

3. (a) Isaija attwalment jarah lil Jehovah? Spjega. (b) Isaija liema xena jara, u għal liema raġuni?

3 Ma jintqalilniex fejn hu stazzjonat Isaija meta jara l-​viżjoni. Imma jidher ċar li dak li jara bl-​għajnejn fiżiċi tiegħu hu viżjoni, u mhux li attwalment jara lil Dak li Jistaʼ Kollox, għax “lil Alla għadu ħadd ma rah.” (Ġwann 1:18; Eżodu 33:20) Xorta waħda, li tara lill-​Ħallieq, Jehovah, saħansitra fil-​viżjoni, hija dehra affaxxinanti. Il-​Wieħed li għandu d-​dritt li jaħkem, il-​Ħakkiem Universali u s-​Sors taʼ kull gvern, qiegħed bil-​qegħda fuq tron fil-​għoli. Dan jissimbolizza l-​irwol tiegħu bħala Sultan u Mħallef għal dejjem. Djul il-​libsa twila u wiesgħa tiegħu jimlew it-​tempju. Isaija qed jissejjaħ għal servizz profetiku li se jfaħħar bil-​kbir il-​qawwa u l-​ġustizzja taʼ Jehovah, is-​Sovran. Bi tħejjija, se jingħata viżjoni tal-​qdusija t’Alla.

4. (a) Id-​deskrizzjonijiet taʼ Jehovah li jidhru fil-​viżjoni u li huma miktubin fil-​Bibbja għala jridu jkunu simboliċi? (b) X’nitgħallmu dwar Jehovah mill-​viżjoni taʼ Isaija?

4 Isaija ma jipprovdi ebda deskrizzjoni taʼ l-​apparenza taʼ Jehovah fil-​viżjoni tiegħu​—kuntrarju għall-​viżjonijiet rapportati minn Eżekjel, Danjel, u Ġwanni. U dawn ir-​rakkonti kollha jvarjaw inkwantu għal dak li jidher fis-​sema. (Eżekjel 1:​26-28; Danjel 7:​9, 10; Apokalissi 4:​2, 3) Madankollu, irridu nżommu f’moħħna n-​natura u l-​iskop taʼ dawn il-​viżjonijiet. M’humiex deskrizzjonijiet letterali tal-​preżenza taʼ Jehovah. L-​għajn fiżika ma tistax tara dak li hu spiritwali, u lanqas il-​moħħ uman limitat ma jistaʼ jifhem il-​qasam taʼ l-​ispirti. Għaldaqstant, il-​viżjonijiet jippreżentaw b’termini umani t-​tagħrif li jrid jitwassal. (Qabbel Apokalissi 1:1.) Fil-​viżjoni taʼ Isaija m’hemmx bżonn li tiġi deskritta l-​apparenza t’Alla. Il-​viżjoni tgħarraf lil Isaija li Jehovah qiegħed fit-​tempju qaddis tiegħu u li hu qaddis u l-​ħaqq tiegħu huwa safi.

Is-​Serafini

5. (a) Min huma s-​serafini, u t-​terminu x’ifisser? (b) Is-​serafini għala jaħbu wiċċhom u riġlejhom?

5 Ismaʼ! Isaija jkompli: “ ’Il fuq minnu kien hemm [“weqfin,” “Saydon”] serafini, kull wieħed b’sitt ġwienaħ: bi tnejn kienu jgħattu wiċċhom, bi tnejn kienu jgħattu riġlejhom, u bi tnejn jittajjru.” (Isaija 6:2) L-​uniku post fil-​Bibbja fejn jissemmew is-​serafini huwa kapitlu 6 taʼ Isaija. Ovvjament, dawn huma ħlejjaq anġeliċi fis-​servizz taʼ Jehovah li għandhom pożizzjoni għolja ferm f’dawk li huma privileġġi u unur, billi huma stazzjonati madwar it-​tron taʼ Jehovah fis-​sema. Kuntrarju għas-​Sultan Għużżija li kien kburi, dawn jokkupaw il-​pożizzjoni tagħhom bl-​umiltà u l-​modestja kollha. Peress li qegħdin fil-​preżenza tas-​Sovran tas-​sema, dawn jgħattu wiċċhom b’par ġwienaħ; u b’rispett kbir lejn il-​post qaddis, jgħattu riġlejhom b’par ieħor. Billi jinsabu qrib is-​Sovran Universali, is-​serafini jagħmlu minn kollox biex ma jiġbdux l-​attenzjoni fuqhom, sabiex ma jnaqqsu xejn mill-​glorja persunali t’Alla. It-​terminu “serafini,” li jfisser “uħud bħan-​nar” jew “uħud imkebbsin,” jissuġġerixxi li minnhom toħroġ id-​dija, u madankollu jaħbu wiċċhom mid-​dija u l-​glorja akbar taʼ Jehovah.

6. X’inhi l-​pożizzjoni tas-​serafini f’relazzjoni maʼ Jehovah?

6 Is-​serafini jużaw it-​tielet par ġwienaħ tagħhom biex itiru u, bla dubju, biex jittajru, jew ‘jieqfu,’ fil-​postijiet tagħhom. (Qabbel Dewteronomju 31:15.) Inkwantu għall-​pożizzjoni tagħhom, il-​Professur Franz Delitzsch jikkummenta: “Is-​serafini ma kinux se jogħlew fuq ras Dak li qagħad bil-​qegħda fuq it-​tron, imma huma ttajru ’l fuq mil-​libsa Tiegħu li biha s-​sala kienet mimlija.” (Commentary on the Old Testament) Dan jidher li hu raġunevoli. Dawn qegħdin ‘weqfin ’il fuq,’ mhux bħala li huma superjuri għal Jehovah, imma bħala l-​qaddejja tiegħu, ubbidjenti u lesti li jservuh.

7. (a) Is-​serafini jwettqu liema inkarigu? (b) Is-​serafini għala jiddikjaraw tliet darbiet il-​qdusija t’Alla?

7 Ismaʼ, issa, lil dawk is-​serafini privileġġati! “U kienu jgħajjtu u jwieġbu lil xulxin: ‘Qaddis, qaddis, qaddis hu l-​Mulej taʼ l-​eżerċti. L-​art kollha mimlija bil-​glorja tiegħu.’” (Isaija 6:3) L-​inkarigu tagħhom huwa li jaraw li l-​qdusija taʼ Jehovah tiġi mxandra u li l-​glorja tiegħu tiġi rikonoxxuta fl-​univers kollu, li minnu l-​art hija parti. Il-​glorja tiegħu tidher f’dak kollu li ħalaq u dalwaqt se jagħrfuha l-​abitanti kollha taʼ l-​art. (Numri 14:21; Salm 19:​2-4 [19:​1-3, NW]; Ħabakkuk 2:14) Id-​dikjarazzjoni tripla, “qaddis, qaddis, qaddis,” m’hijiex evidenza taʼ xi Trinità. Pjuttost, din tenfasizza l-​qdusija t’Alla għal tliet darbiet. (Qabbel Apokalissi 4:8.) Jehovah hu qaddis sal-​grad superlattiv.

8. X’jirriżulta mid-​dikjarazzjonijiet tas-​serafini?

8 Għalkemm l-​għadd taʼ serafini ma jissemmiex, jistaʼ jkun hemm gruppi taʼ serafini stazzjonati qrib it-​tron. F’għanja melodjuża, dawn jirrepetu wieħed wara l-​ieħor id-​dikjarazzjoni tal-​qdusija u l-​glorja t’Alla. Liema riżultat ninnotaw? Ismaʼ mill-​ġdid hekk kif Isaija jkompli: “Bl-​għajat tagħhom is-​sisien taʼ l-​għetiebi theżhżu, u t-​tempju mtela bid-​duħħan.” (Isaija 6:4) Fil-​Bibbja, id-​duħħan jew xi sħaba spiss jipprovdu evidenza viżibbli tal-​preżenza t’Alla. (Eżodu 19:18; 40:​34, 35; 1 Slaten 8:​10, 11; Apokalissi 15:​5-8) Dawn jindikaw glorja li aħna l-​ħlejjaq umani ma nistgħux nersqu lejha.

Ma Jistħoqqlux, u Madankollu Mnaddaf

9. (a) Il-​viżjoni x’effett għandha fuq Isaija? (b) Liema kuntrast huwa evidenti bejn Isaija u s-​Sultan Għużżija?

9 Din il-​viżjoni tat-​tron taʼ Jehovah għandha effett profond fuq Isaija, li jikteb: “Mbagħad jiena għedt: ‘Jaħasra għalija! Mitluf jien! Bniedem b’xufftejh imniġġsa jien! U f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa ngħammar; madankollu rajt b’għajnejja lis-​Sultan, Il-​Mulej taʼ l-​eżerċti.’” (Isaija 6:5) X’kuntrast qawwi dak bejn Isaija u s-​Sultan Għużżija! Għużżija ħa bla jedd il-​pożizzjoni tas-​saċerdozju midluk, u bla biżaʼ t’Alla daħal fil-​post Qaddis tat-​tempju. Għalkemm Għużżija ra l-​gandlieri tad-​deheb, l-​artal tad-​deheb taʼ l-​inċens, u l-​imwejjed tal-​“ħobż tal-​preżenza,” hu ma rax il-​wiċċ t’approvazzjoni taʼ Jehovah u lanqas ma rċieva xi inkarigu speċjali mingħandu. (1 Slaten 7:​48-50) Mill-​banda l-​oħra, il-​profeta Isaija ma jinjorax is-​saċerdozju u lanqas jabbuża jidħol bla permess fit-​tempju. Madankollu, hu jara viżjoni taʼ Jehovah fit-​tempju qaddis tiegħu u jiġi onorat b’inkarigu dirett mingħand Alla. Waqt li s-​serafini ma jissograwx iħarsu lejn Sid it-​tempju fuq it-​tron tiegħu, Isaija jitħalla, fil-​viżjoni, iħares lejn is-​“Sultan, Il-​Mulej taʼ l-​eżerċti” nnifsu!

10. Isaija għala jħossu mkexkex meta jara l-​viżjoni?

10 Il-​kuntrast li jara Isaija bejn il-​qdusija t’Alla u l-​istat midneb tiegħu stess iġagħlu jħossu ferm mhux nadif. Mimli biżaʼ, hu jirraġuna li se jmut. (Eżodu 33:20) Hu jismaʼ lis-​serafini jfaħħru ’l Alla b’xofftejn nodfa, imma xofftejh stess m’humiex nodfa u jkomplu jiċċappsu minħabba n-​nuqqas taʼ ndafa taʼ xofftejn in-​nies li jgħammar fosthom u jismaʼ diskorshom. Jehovah hu qaddis, u l-​qaddejja tiegħu jridu jirriflettu din il-​kwalità. (1 Pietru 1:​15, 16) Għalkemm Isaija diġà ntgħażel bħala kelliemi għal Alla, hu jimpressjona ruħu profondament għaliex jirrealizza li l-​kundizzjoni tiegħu hija midinba u m’għandux ix-​xofftejn nodfa li jixirqu lil kelliemi tas-​Sultan glorjuż u qaddis. X’se tkun ir-​reazzjoni mis-​sema?

11. (a) Wieħed mis-​serafini x’jagħmel, u din l-​azzjoni x’tissimbolizza? (b) Li nirriflettu fuq dak li s-​serafin jgħid lil Isaija kif jistaʼ jgħinna meta nħossuna li ma jistħoqqilniex inkunu qaddejja t’Alla?

11 Minflok ma jkeċċu lill-​umli Isaija minn quddiem il-​preżenza taʼ Jehovah, is-​serafini jaġixxu biex jgħinuh. Tgħid il-​kitba: “Wieħed mis-​serafini ttajjar lejja, b’ġamra nar f’idu, li hu kien qabad bi mqass minn fuq l-​artal, u messli fommi biha u qalli: ‘Ara, din messitlek xufftejk: ħżunitek għebet, u dnubek inħafer.’” (Isaija 6:​6, 7) F’sens simboliku, in-​nar għandu l-​qawwa li jippurifika. Meta jmiss il-​ġamra taqbad min-​nar qaddis taʼ l-​artal maʼ xofftejn Isaija, is-​serafin jassigura lil Isaija li dnubietu nfdew sal-​punt neċessarju biex ikun jistaʼ jirċievi l-​favur t’Alla u inkarigu mingħandu. Kemm hu rassiguranti dan għalina! Aħna wkoll midinbin u ma jistħoqqilniex nersqu lejn Alla. Imma ġejna mifdijin bil-​mertu tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù li ħallas bħala prezz tal-​fidwa u nistgħu nirċievu l-​favur t’Alla u nersqu lejh bit-​talb.​—2 Korintin 5:​18, 21; 1 Ġwann 4:10.

12. Isaija liema artal jara, u x’inhu l-​effett tan-​nar?

12 Il-​fatt li jissemma “l-​artal” jerġaʼ jfakkarna li din hija viżjoni. (Qabbel Apokalissi 8:3; 9:13.) Kien hemm żewġ artali fit-​tempju f’Ġerusalemm. Preċiż quddiem il-​purtiera taʼ l-​Iktar Qaddis kien hemm l-​artal iż-​żgħir taʼ l-​inċens, u faċċata tad-​daħla għas-​santwarju kien hemm l-​artal kbir ferm tas-​sagrifiċċju, fejn in-​nar ma kien jintefa qatt. (Levitiku 6:​12, 13; 16:​12, 13) Imma dawn l-​artali taʼ fuq l-​art kienu tipiċi, u kienu jirrappreżentaw affarijiet akbar. (Lhud 8:5; 9:23; 10:​5, 10) Meta s-​Sultan Salamun inawgura t-​tempju, kien nar mis-​sema li kkonsma l-​offerta maħruqa fuq l-​artal. (2 Kronaki 7:​1-3) U issa huwa nar mill-​artal veru tas-​sema li jwarrab in-​nuqqas taʼ ndafa minn fuq xofftejn Isaija.

13. Jehovah jipproponi liema mistoqsija, u lil min jinkludi meta jgħid ‘imurilna’?

13 Ejja nisimgħu maʼ Isaija. “Mbagħad smajt leħen Sidi jgħid: ‘Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?’ U jien weġibt: ‘Hawn jien: ibgħat lili!’” (Isaija 6:8) Il-​mistoqsija proposta minn Jehovah hija b’mod ċar disinjata biex tqanqal risposta mingħand Isaija, għax ma jidher ebda profeta uman ieħor fil-​viżjoni. Bla dubju din hija stedina għal Isaija biex ikun il-​messaġġier taʼ Jehovah. Imma Jehovah għala jistaqsi, ‘Min se jmurilna?’ Billi jaqleb mill-​pronom persunali fis-​singular “Jien” għall-​plural, Jehovah issa qed jinkludi mill-​inqas persuna oħra miegħu. Lil min? Ma kienx dan l-​Iben uniġenitu tiegħu, li iktar tard sar il-​bniedem Ġesù Kristu? Tabilħaqq, kien dan l-​istess Iben li lilu Alla qal, “Ħa nagħmlu l-​bniedem fuq is-​sura u x-​xbieha tagħna.” (Ġenesi 1:26; Proverbji 8:​30, 31) Iva, maġenb Jehovah fil-​qrati tas-​sema hemm l-​Iben uniġenitu tiegħu.​—Ġwann 1:14.

14. Isaija kif iwieġeb għall-​istedina taʼ Jehovah, u liema eżempju jħallilna?

14 Isaija ma jaħsibhiex darbtejn biex iwieġeb! Minkejja x’jistaʼ jkun il-​messaġġ, hu jwieġeb minnufih: “Hawn jien: ibgħat lili!” Lanqas ma jistaqsi x’jistaʼ jikseb talli jaċċetta l-​inkarigu. L-​ispirtu dispost tiegħu huwa eżempju mill-​aħjar għall-​qaddejja kollha t’Alla llum, li għandhom l-​inkarigu li jippridkaw “l-​Evanġelju tas-​Saltna . . . fid-​dinja kollha.” (Mattew 24:14) Bħal Isaija, dawn jibqgħu fedelment fl-​inkarigu tagħhom u jwettqu x-​‘xhieda lill-​ġnus kollha,’ minkejja n-​nuqqas taʼ rispons mifrux maʼ kullimkien. U, bħalma għamel Isaija, huma jimxu ’l quddiem bil-​fiduċja, billi jafu li l-​inkarigu tagħhom għandu l-​ogħla awtorizzazzjoni.

L-​Inkarigu taʼ Isaija

15, 16. (a) Isaija x’se jgħidlu lil “dan il-​poplu,” u x’se tkun ir-​reazzjoni tal-​poplu? (b) Għandu xi ħtija Isaija għar-​reazzjoni tan-​nies? Spjega.

15 Jehovah issa jispjega x’għandu jgħid Isaija u x’se jkun ir-​rispons: “Mur u għid lil dan il-​poplu: Tisimgħu [“darba wara l-​oħra,” “NW”], iva, imma ma tifhmux, taraw, iva, imma la tagħrfux. Semmen qalb dan il-​poplu, soddlu widnejh, agħmilu għajnejh, li ma jmurx jara b’għajnejh, u jismaʼ b’widnejh, u f’qalbu jifhem, u jdur u jfiq.” (Isaija 6:​9, 10) Ifisser dan li Isaija se jkun żorr u mhux se juża tattika biex b’hekk jimbottahom lil-​Lhud, ħalli jibqgħu miksurin maʼ Jehovah? Assolutament le! Dawn huma n-​nies taʼ Isaija stess li hu għandu ġibda lejhom. Imma kliem Jehovah jindika kif in-​nies se jwieġbu għall-​messaġġ tiegħu, minkejja l-​lealtà kollha murija minn Isaija f’li jwettaq il-​biċċa xogħol fdata lilu.

16 Il-​ħtija hija tan-​nies. Isaija se jkellimhom “darba wara l-​oħra,” imma huma la se jaċċettaw il-​messaġġ u lanqas se jiksbu l-​fehma. Il-​maġġuranza se jkunu stinati u ma jweġbux, bħallikieku huma għomja u torox totalment. Billi jmur għandhom ripetutament, Isaija se jħalli lill-​membri taʼ “dan il-​poplu” juru li ma jridux jifhmu. Dawn se jagħtu prova li qegħdin jagħlqu mħuħhom u qlubhom għall-​messaġġ taʼ Isaija​—il-​messaġġ t’Alla—mibgħut lilhom. Kemm hu veru dan dwar in-​nies illum! Ħafna minnhom ma jkunux iridu jisimgħu lix-​Xhieda taʼ Jehovah hekk kif dawn jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla li ġejja.

17. Meta Isaija jistaqsi, “Sakemm?” għal liema ħaġa jirreferi?

17 Isaija huwa inkwetat: “U jien għedt: ‘Sakemm Sidi?’ U hu wieġeb: ‘Sakemm jitħarbtu l-​bliet, u ħadd ma jgħammar fihom, u d-​djar jibqgħu bla nies, u r-​rabaʼ jinbidel f’xagħri. U l-​Mulej ibiegħed lin-​nies u bosta jkunu l-​imkejjen fil-​pajjiż mitluqa.’” (Isaija 6:​11, 12) Billi jistaqsi, “Sakemm?” Isaija mhux qiegħed jistaqsi kemm se jkollu jdum jippriedka lil poplu li ma jweġibx. Minflok, huwa inkwetat dwar in-​nies u jistaqsi kemm se jdum sejjer l-​istat spiritwali ħażin tagħhom u kemm se jdum isem Jehovah jiġi diżonorat fuq l-​art. (Ara Salm 74:​9-11.) Mela, allura, kemm se ddum sejra s-​sitwazzjoni bla sens?

18. L-​istat spiritwali ħażin tan-​nies kemm se jdum sejjer, u se jibqaʼ ħaj Isaija biex jara t-​twettiq sħiħ tal-​profezija?

18 Jaħasra, ir-​risposta li jagħti Jehovah turi li l-​istat spiritwali ħażin tal-​poplu se jibqaʼ sejjer sakemm jitwettqu l-​konsegwenzi kollha tad-​diżubbidjenza lejn Alla, kif inhu spjegat fil-​patt tiegħu. (Levitiku 26:​21-33; Dewteronomju 28:​49-68) In-​nazzjon se jsir rovina, in-​nies se jiġu turufnati, u l-​art se titħalla ħerba. Isaija mhux se jibqaʼ ħaj biex jara l-​qerda taʼ Ġerusalemm u t-​tempju tagħha mill-​eżerċtu Babiloniż fis-​sena 607 Q.E.K., għalkemm se jipprofetizza għal iktar minn 40 sena, u se jkompli fir-​renju taʼ Ħeżekija, it-​tifel tan-​neputi tas-​Sultan Għużżija. Xorta waħda, Isaija se jibqaʼ jwettaq fedelment l-​inkarigu tiegħu sakemm imut, iktar minn 100 sena qabel ma jseħħ dak id-​diżastru nazzjonali.

19. Għalkemm in-​nazzjon se jitqaċċat bħal siġra, Alla liema assiguranza jagħtih lil Isaija?

19 Il-​qerda li se tħalli lil Ġuda “xagħri” żgur li se tiġi, imma s-​sitwazzjoni m’hijiex bla tama. (2 Slaten 25:​1-26) Jehovah jassigura lil Isaija: “‘U tibqaʼ l-​waħda fl-​għaxra, imma wkoll din terġaʼ tilħaq il-​ħerba. Bħalma l-​balluta u t-​terebint meta jqaċċtuhom, minnhom jibqaʼ biss iz-​zokk.’ Żerriegħa qaddisa jkun iz-​zokk tagħha.” (Isaija 6:13) Iva, “waħda fl-​għaxra, . . . żerriegħa qaddisa,” se tibqaʼ, sewwa sew bħaz-​zokk taʼ balluta li titqaċċat. Bla dubju, din l-​assiguranza tfarraġ lil Isaija​—fdal qaddis se jinstab qalb il-​poplu tiegħu. Għalkemm il-​ġens jgħaddi min-​nar ripetutament, bħal balluta li titqaċċat biex tinħaraq, xorta waħda se jibqaʼ zokk vitali mis-​siġra simbolika taʼ Iżrael. Dan se jkun żerriegħa, jew nisel, li hu qaddis għal Jehovah. Maż-​żmien, dan se jerġaʼ jinbet, u s-​siġra se tikber mill-​ġdid.​—Qabbel Ġob 14:​7-9; Danjel 4:23 [4:​26, NW].

20. L-​aħħar parti tal-​profezija taʼ Isaija kif twettqet inizjalment?

20 Seħħ il-​kliem tal-​profezija? Iva. Sebgħin sena wara li l-​pajjiż taʼ Ġuda kien sar ħerba, fdal li kellu l-​biżaʼ t’Alla rritorna mill-​eżilju f’Babilonja. Dawn l-​uħud bnew it-​tempju u l-​belt mill-​ġdid, u rrestawraw il-​qima vera fil-​pajjiż. Il-​fatt li l-​Lhud irritornaw lejn art twelidhom, mogħtija lilhom minn Alla, għamilha possibbli li din il-​profezija li Jehovah ta lil Isaija titwettaq it-​tieni darba. Kif?​—Esdra 1:​1-4.

Twettiq Ieħor

21-23. (a) Il-​profezija taʼ Isaija f’min sabet twettiq fl-​ewwel seklu, u kif? (b) Min kienet iż-​“żerriegħa qaddisa” fl-​ewwel seklu, u din kif ġiet preservata?

21 Ix-​xogħol profetiku taʼ Isaija ffigura bil-​quddiem ix-​xogħol li kien se jsir 800 sena wara mill-​Messija, Ġesù Kristu. (Isaija 8:18; 61:​1, 2; Luqa 4:​16-21; Lhud 2:​13, 14) Għalkemm iktar importanti minn Isaija, Ġesù kien daqstant lest li jintbagħat minn Missieru tas-​sema, billi qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-​rieda tiegħek.”​—Lhud 10:​5-9; Salm 40:​7-9 [40:​6-8, NW].

22 Bħal Isaija, Ġesù wettaq fedelment ix-​xogħol mogħti lilu u sab l-​istess reazzjoni. Il-​Lhud fi żmien Ġesù ma kinux aħjar minn dawk li lilhom ippriedka l-​profeta Isaija f’li jkunu lesti li jaċċettaw il-​messaġġ. (Isaija 1:4) L-​użu tat-​tixbihat kien karatteristika tal-​ministeru taʼ Ġesù. Dan qanqal lid-​dixxipli tiegħu biex jistaqsu: “Għaliex tkellimhom bil-​parabboli?” Wieġeb Ġesù: “Għax lilkom ingħata li tagħrfu l-​misteri tas-​Saltna tas-​Smewwiet; iżda lilhom dan ma kienx mogħti. Jien għalhekk inkellimhom bil-​parabboli; għax iħarsu kemm iħarsu ma jarawx, u jisimgħu kemm jisimgħu ma jifhmux. U hekk isseħħ fihom il-​profezija taʼ Isaija li tgħid: ‘Tisimgħu kemm tisimgħu ma tifhmux, u tħarsu kemm tħarsu ma tarawx. Għax il-​qalb taʼ dan il-​poplu twebbset: kienu tqal biex jisimgħu b’widnejhom, u għalqu għajnejhom li ma jmorrux jaraw b’għajnejhom, u jisimgħu b’widnejhom u jifhmu b’moħħhom, u hekk ibiddlu ħajjiethom u jiena nfejjaqhom.’”​—Mattew 13:​10, 11, 13-15; Mark 4:​10-12; Luqa 8:​9, 10.

23 Meta kkwota minn Isaija, Ġesù kien qed juri li l-​profezija kellha twettiq fi żmienu. In-​nies in ġenerali kellhom attitudni tal-​qalb bħal dik tal-​Lhud fi żmien Isaija. Għamew u ttarrxu għall-​messaġġ tiegħu u bl-​istess mod sabu l-​qerda tistenniehom. (Mattew 23:​35-38; 24:​1, 2) Dan seħħ meta l-​qawwiet armati Rumani taħt il-​Ġeneral Titu ġew kontra Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K. u ġarrfu l-​belt u t-​tempju tagħha. Madankollu, xi wħud kienu taw widen lil Ġesù u kienu saru dixxipli tiegħu. Lil dawn Ġesù ddikjarahom “henjin.” (Mattew 13:​16-23, 51) Hu kien informahom li meta jaraw lil “Ġerusalemm magħluqa minn kullimkien bl-​eżerċti,” għandhom “jaħarbu mbagħad lejn il-​muntanji.” (Luqa 21:​20-22) B’hekk, iż-​“żerriegħa qaddisa” li kienet eżerċitat fidi u li kienet ġiet imsawra f’ġens spiritwali, l-​“Iżrael taʼ Alla,” ġiet salvata. a​—Galatin 6:16.

24. Pawlu kif applikaha l-​profezija taʼ Isaija, u dan x’jindika?

24 Għall-​ħabta tas-​sena 60 E.K., l-​appostlu Pawlu sab ruħu arrestat ġo daru f’Ruma. Hemmhekk irranġa biex jiltaqaʼ mal-​“kapijiet tal-​Lhud” kif ukoll m’oħrajn u tahom ‘xhieda u fissrilhom x’inhi s-​Saltna taʼ Alla.’ Meta ħafna minnhom m’aċċettawx il-​messaġġ tiegħu, Pawlu spjega li dan kien bi twettiq tal-​profezija taʼ Isaija. (Atti 28:​17-27; Isaija 6:​9, 10) Mela d-​dixxipli taʼ Ġesù wettqu inkarigu simili għal dak taʼ Isaija.

25. Ix-​Xhieda t’Alla taʼ żmienna x’għarfu, u kif iwieġbu?

25 B’mod simili, ix-​Xhieda taʼ Jehovah llum jagħrfu li Alla Jehovah qiegħed fit-​tempju qaddis tiegħu. (Malakija 3:1) Bħal Isaija, huma jgħidu: “Hawn jien: ibgħat lili!” B’mod żeluż, dawn isemmgħu l-​messaġġ taʼ twissija dwar it-​tmiem li riesaq taʼ din is-​sistema t’affarijiet mill-​agħar. Imma, bħalma indika Ġesù, relattivament ftit huma dawk li jiftħu għajnejhom u widnejhom biex jaraw u jisimgħu u jiġu salvati. (Mattew 7:​13, 14) Henjin, tabilħaqq, huma dawk li jiftħu qlubhom biex jisimgħu u jiġu ‘mfejqin’!​—Isaija 6:​8, 10.

[Nota taʼ taħt]

a Fis-sena 66 E.K., bi tpattija għal rewwixta Lhudija, il-​qawwiet armati Rumani taħt Ċestju Gallu ċċirkondaw lil Ġerusalemm u ppenetraw fil-​belt billi waslu sal-​ħitan tat-​tempju. Imbagħad dawn irtiraw, u b’hekk id-​dixxipli taʼ Ġesù setgħu jaħarbu lejn il-​muntanji taʼ Perea qabel ma rritornaw ir-​Rumani fis-​sena 70 E.K.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 94]

“Hawn jien: ibgħat lili!”

[Stampa f’paġna 97]

“Sakemm jitħarbtu l-​bliet, u ħadd ma jgħammar fihom”