Ebda Għajnuna Mingħand Din id-Dinja
Kapitlu Erbgħa u Għoxrin
Ebda Għajnuna Mingħand Din id-Dinja
1, 2. (a) L-abitanti taʼ Ġerusalemm għala huma mwerwrin? (b) Meta tqis iċ-ċirkustanzi mwegħra li tinsab fihom Ġerusalemm, liema mistoqsijiet ikunu xierqa?
L-ABITANTI taʼ Ġerusalemm huma mwerwrin—u bir-raġun! L-Assirja, l-iktar imperu setgħan taʼ dan iż-żmien, attakkat il-‘bliet kollha fortifikati taʼ Ġuda, u ħadithom f’idejha.’ Issa, il-forza militari setgħana taʼ l-Assirja qed thedded il-belt kapitali taʼ Ġuda. (2 Slaten 18:13, 17) X’se jagħmlu s-Sultan Ħeżekija u l-bqija taʼ l-abitanti taʼ Ġerusalemm?
2 Peress li l-bliet l-oħrajn taʼ pajjiżu diġà waqgħu, Ħeżekija jaf li Ġerusalemm bl-ebda mod ma tistaʼ tħabbatha mal-qawwa militari setgħana taʼ l-Assirja. Iktar minn hekk, l-Assirjani huma magħrufin dwar kemm huma krudili u vjolenti. L-armata taʼ dan in-nazzjon tant tqanqal biżaʼ li l-opponenti tiegħu ġieli jaħarbu mingħajr lanqas biss jiġġildulu! Meta tqis iċ-ċirkustanzi mwegħra li tinsab fihom Ġerusalemm, fejn jistgħu jduru għall-għajnuna l-abitanti tagħha? Hemm xi ċans li jaħarbu mill-armata Assirjana? U n-nies t’Alla kif daħlu f’sitwazzjoni bħal din? Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet, irridu nħarsu lura u naraw kif Jehovah ttratta man-nazzjon li kien f’patt miegħu fi snin iktar bikrin.
Apostasija f’Iżrael
3, 4. (a) In-nazzjon taʼ Iżrael meta u kif inqasam f’żewġ saltniet? (b) Ġerobogħam liema bidu ħażin taha lis-saltna b’għaxar tribujiet tat-tramuntana?
3 Minn mindu Iżrael telaq mill-Eġittu sa dakinhar li miet Salamun bin David—perijodu taʼ ftit iktar minn 500 sena—it-12-il tribù taʼ Iżrael kienu magħqudin bħala nazzjon wieħed. Wara l-mewt taʼ Salamun, Ġerobogħam mexxa lill-għaxar tribujiet tat-tramuntana f’irvell kontra d-dar taʼ David, u minn dakinhar ’il quddiem in-nazzjon inqasam f’żewġ saltniet. Dan seħħ fis-sena 997 Q.E.K.
4 Ġerobogħam kien l-ewwel sultan tas-saltna taʼ Iżrael fit-tramuntana, u daħħal lis-sudditi tiegħu fl-apostasija billi minflok is-saċerdozju mil-linja taʼ Aron u l-qima legali lil Jehovah, hu ħatar saċerdozju illeġittimu u sistema taʼ qima lill-għoġol. (1 Slaten 12:25-33) Din kienet xi ħaġa moqżieża għal Jehovah. (Ġeremija 32:30, 35) Minħabba dan u raġunijiet oħrajn, hu ppermetta li l-Assirja tieħu lil Iżrael taħt idejha. (2 Slaten 15:29) Is-Sultan Ħosegħa pprova ma jibqax taħt il-madmad taʼ l-Assirja billi kkonfoffa maʼ l-Eġittu, imma l-komplott falla.—2 Slaten 17:4.
Iżrael Idur Lejn Refuġju Falz
5. Iżrael lejn min idur għall-għajnuna?
5 Jehovah jixtieq li jġib lill-Iżraelin lura f’sensihom. a Għalhekk, hu jibgħat lill-profeta Isaija bit-twissija li ġejja: “Ħażin għalihom dawk li jinżlu l-Eġittu għall-għajnuna, għal dawk li jittamaw fiż-żwiemel; il-fiduċja tagħhom fil-kotra tal-karrijiet, u l-qawwa u s-saħħa tar-rikkieba, imma ma jittamawx fil-Qaddis taʼ Iżrael, u l-Mulej ma jfittxuhx.” (Isaija 31:1) Xi traġedja! Iżrael ipoġġi fiduċja akbar fiż-żwiemel u fil-karrijiet tal-gwerra milli f’dak Alla ħaj, Jehovah. Skond Iżrael, li mhux qed jara l-affarijiet b’mod spiritwali, iż-żwiemel taʼ l-Eġittu huma numerużi u setgħanin. Żgur li l-Eġittu se jkun alleat taʼ valur kontra l-armata Assirjana! Madankollu, l-Iżraelin dalwaqt se jindunaw li l-alleanza materjali li għamlu maʼ l-Eġittu ma tiswa xejn.
6. Il-fatt li Iżrael idur lejn l-Eġittu għala juri nuqqas ovvju taʼ fidi f’Jehovah?
6 Permezz tal-patt tal-Liġi, l-abitanti kemm taʼ Iżrael u kemm taʼ Ġuda jinsabu f’relazzjoni dedikata maʼ Jehovah. (Eżodu 24:3-8; 1 Kronaki 16:15-17) Billi jdur lejn l-Eġittu għall-għajnuna, Iżrael juri li m’għandux fidi f’Jehovah u jinjora l-liġijiet li huma parti minn dak il-patt qaddis. Għala? Għaliex fil-patt hemm il-wegħda taʼ Jehovah li jipproteġi lin-nies tiegħu jekk dawn jagħtu qima lilu biss. (Levitiku 26:3-8) Fi qbil maʼ din il-wegħda, darba wara l-oħra, Jehovah pprovda “l-kenn . . . fi żmien l-għawġ.” (Salm 37:39; 2 Kronaki 14:2, 9-12; 17:3-5, 10) Iktar minn hekk, permezz taʼ Mosè, il-medjatur tal-patt tal-Liġi, Jehovah qal lil slaten futuri taʼ Iżrael biex ma jżidux l-għadd taʼ żwiemel għalihom infushom. (Dewteronomju 17:16) Il-fatt li jobdu din ir-regola kien se juri li dawn is-slaten ifittxu lill-“Qaddis taʼ Iżrael” għal protezzjoni. B’sogħba, il-ħakkiema taʼ Iżrael m’għandhomx din ix-xorta taʼ fidi.
7. Il-Kristjani llum x’jistgħu jitgħallmu min-nuqqas taʼ fidi taʼ Iżrael?
7 Il-Kristjani llum jistgħu jitgħallmu lezzjoni minn din il-ħaġa. Iżrael fittex appoġġ viżibbli mingħand l-Eġittu minflok l-appoġġ ferm iktar setgħan provdut minn Jehovah. Bl-istess mod illum, il-Kristjani jistgħu jiġu ttantati biex ipoġġu l-fiduċja tagħhom f’sorsi materjali taʼ sigurtà—flus il-bank, pożizzjoni soċjali, ħbiberija maʼ nies prominenti fid-dinja—minflok f’Jehovah. Huwa minnu li l-Kristjani li huma kapijiet tal-familja jieħdu bis-serjetà r-responsabbiltà tagħhom biex jipprovdu materjalment għall-familja tagħhom. (1 Timotju 5:8) Imma ma jpoġġux il-fiduċja tagħhom f’affarijiet materjali. Huma jħarsu ruħhom minn “kull regħba.” (Luqa 12:13-21) L-uniku “kenn . . . fi żmien id-dwejjaq” huwa Alla Jehovah.—Salm 9:10 [9:9, NW]; 54:9 [54:7, NW].
8, 9. (a) Għalkemm il-pjanijiet taʼ Iżrael minn barra jidhru li huma strateġija tajba, x’se jkun ir-riżultat, u għala? (b) X’inhi d-differenza bejn il-wegħdi tal-bniedem u dawk taʼ Jehovah?
8 Fil-fatt, Isaija jwaqqaʼ għaċ-ċajt lill-mexxejja Iżraelin li fasslu bis-sengħa t-trattat maʼ l-Eġittu, billi jgħid: “Imma hu wkoll għaref u jaf iġib id-deni, u kliemu ma jreġġgħux lura. Hu jqum kontra dar il-ħżiena, u kontra min jgħin għemil il-ħażen.” (Isaija 31:2) Il-mexxejja taʼ Iżrael għandhom mnejn jaħsbu li huma għorrief. Imma l-Ħallieq taʼ l-univers biss hu għaref b’mod suprem. Minn barra, il-pjan taʼ Iżrael li jfittex l-għajnuna mingħand l-Eġittu jidher strateġija tajba. Minkejja dan, li wieħed jifforma alleanza politika bħal din m’hu xejn ħlief adulterju spiritwali f’għajnejn Jehovah. (Eżekjel 23:1-10) B’riżultat taʼ dan, Isaija jgħid li Jehovah se ‘jġib id-deni.’
9 Kulħadd jaf li l-wegħdi tal-bniedem ma tistax torbot fuqhom, u l-protezzjoni li joffri mhix ċerta. Mill-banda l-oħra, Jehovah m’għandux bżonn ‘ireġġaʼ lura kliemu.’ Bla ma jonqos, hu se jagħmel dak li jwiegħed. Kelmtu ma terġax lura għandu mingħajr riżultati.—Isaija 55:10, 11; 14:24.
10. X’se jiġrilhom kemm l-Eġittu u kemm Iżrael?
10 Se juru l-Eġizzjani li huma protezzjoni taʼ min jorbot fuqha għal Iżrael? Le. Isaija jgħid lil Iżrael: “L-Eġizzjani bnedmin huma, m’humiex Alla, u ż-żwiemel tagħhom laħam, u mhux ruħ [jew, spirtu]. Meta l-Mulej imidd idu, jogħtor min jgħin, u jaqaʼ l-megħjun, u lkoll flimkien jintemmu.” (Isaija 31:3) Kemm min jgħin (l-Eġittu) u kemm il-megħjun (Iżrael) se jogħtru, jaqgħu, u jintemmu meta Jehovah jmidd idu biex iwettaq il-ġudizzju tiegħu permezz taʼ l-Assirja.
Il-Waqgħa tas-Samarija
11. Iżrael f’liema dnubiet joktor, u x’inhu r-riżultat aħħari?
11 Fil-ħniena tiegħu darba wara l-oħra Jehovah jibgħat profeti lil Iżrael biex jinkuraġġih ħalli jindem u jerġaʼ lura lejn il-qima safja. (2 Slaten 17:13) Minkejja dan, Iżrael jidneb billi jqim l-għoġol, jieħu sehem fit-taħbir, fil-qima immorali lil Bagħal, u fl-użu taʼ arbli sagri u postijiet għoljin. L-Iżraelin saħansitra “jgħaddu lil uliedhom, subjien u bniet, min-nar,” u b’hekk jissagrifikaw il-frott taʼ laħamhom stess lill-allat tad-demonji. (2 Slaten 17:14-17; Salm 106:36-39; Għamos 2:8) Biex itemm il-ħażen taʼ Iżrael, Jehovah jiddikjara: “Ntemmet Samarija; is-sultan tagħha bħal laqxa f’wiċċ l-ilma.” (Hosegħa 10:1, 7) Fis-sena 742 Q.E.K., il-qawwiet armati taʼ l-Assirja jattakkaw is-Samarija, il-belt kapitali taʼ Iżrael. Wara assedju li jdum tliet snin, is-Samarija taqaʼ f’idejhom, u fis-sena 740 Q.E.K., is-saltna b’għaxar tribujiet ma tibqax teżisti.
12. Jehovah liema xogħol inkariga llum, u x’jiġrilhom dawk li ma jagħtux kas it-twissija?
12 Fi żmienna Jehovah inkariga x-xogħol taʼ l-ippridkar mad-dinja kollha biex iwissi “li kulħadd għandu jindem, hu fejn hu.” (Atti 17:30; Mattew 24:14) Dawk li ma jaċċettawx il-mezz taʼ salvazzjoni mingħand Alla se jsiru bħal “laqxa,” meqrudin bħall-ġens apostat taʼ Iżrael. Mill-banda l-oħra, dawk li qegħdin jittamaw f’Jehovah se “jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Kemm huwa għaqli, għalhekk, li nevitaw l-iżbalji li għamlet is-saltna tal-qedem taʼ Iżrael! Ejja npoġġu l-fiduċja sħiħa tagħna f’Jehovah biex insalvaw.
Il-Qawwa taʼ Jehovah li Ssalvana
13, 14. Jehovah liema kliem taʼ faraġ għandu għal Sijon?
13 Ġerusalemm, il-belt kapitali taʼ Ġuda, tinsab ftit kilometri ’l bogħod mill-fruntiera tan-nofsinhar f’Iżrael. L-abitanti taʼ Ġerusalemm huma konxji biżżejjed dwar dak li ġralha s-Samarija. Issa jsibu ruħhom mheddin mill-istess għadu tal-biżaʼ li temm lill-ġirien tagħhom fit-tramuntana. Se jitgħallmu huma minn dak li seħħ lis-Samarija?
14 Il-kliem li Isaija jissokta jgħid huwa taʼ faraġ għar-residenti taʼ Ġerusalemm. Hu jassigurahom li Jehovah għadu jħobbhom lin-nies li qegħdin f’patt miegħu, billi jgħid: “Dan qalli l-Mulej: ‘Bħalma jgħajjat fuq il-priża l-iljun u ferħ l-iljun, u tinġamaʼ kontrieh il-qatgħa tar-rgħajja, imma hu ma jibżax mill-għajat tagħhom, u anqas jintreħa quddiem il-kotra tagħhom, hekk jinżel il-Mulej taʼ l-eżerċti, biex jitqabad fuq il-muntanja taʼ Sijon u l-għolja tagħha.’” (Isaija 31:4) Bħal ferħ taʼ ljun wieqaf fuq il-priża tiegħu, Jehovah se jipproteġi b’attenzjoni kbira lil Sijon, il-belt qaddisa tiegħu. Ebda ftaħir, ebda kliem taʼ theddid, lanqas l-ebda mossa oħra mit-truppi Assirjani ma se ddawwar lil Jehovah mill-iskop tiegħu.
15. Jehovah kif jittratta b’tenerezza u mogħdrija maʼ l-abitanti taʼ Ġerusalemm?
15 Issa, innota l-mod teneru u taʼ mogħdrija li bih Jehovah se jittratta maʼ l-abitanti taʼ Ġerusalemm: “Bħall-għasafar jittajjru, hekk il-Mulej taʼ l-eżerċti jħares ’il Ġerusalemm, ikenninha u jħarisha, jaħfrilha u jeħlisha.” (Isaija 31:5) L-għasfura dejjem tgħasses biex tiddefendi liż-żgħar tagħha. Bi ġwinħajha miftuħin tittajjar fuq il-bejta tagħha, u toqgħod b’sebaʼ għajnejn biex tgħarrex għal kull sinjal taʼ periklu. Jekk ikun hemm xi għadu li jersaq qrib, hi tinżel malajr biex tiddefendi ż-żgħar tagħha. B’mod simili, Jehovah b’tenerezza se jieħu ħsieb l-abitanti taʼ Ġerusalemm minħabba l-Assirjani li qed jinvaduhom.
“Erġgħu Lura”
16. (a) Jehovah liema appell taʼ mħabba jagħmel lin-nies tiegħu? (b) Meta se jsir evidenti b’mod speċjali kemm in-nies taʼ Ġuda tbegħdu mis-sewwa? Spjega.
16 Jehovah issa jfakkar lin-nies tiegħu li huma dinbu u jinkuraġġihom biex jabbandunaw it-triqat żbaljati tagħhom: “Erġgħu lura għal għand dak li minnu tbegħedtu sewwa. O wlied Iżrael!” (Isaija 31:6) Is-saltna b’għaxar tribujiet taʼ Iżrael ma kinitx l-unika li rribellat. In-nies taʼ Ġuda, li huma “wlied Iżrael” ukoll, ‘tbegħdu sewwa.’ Dan se jkun evidenti b’mod speċjali meta Manassi bin Ħeżekija jilħaq sultan, ftit wara li Isaija jikkonkludi l-messaġġ profetiku tiegħu. Skond dak li tgħid il-Bibbja, “Manassi ħareġ mit-triq lil Ġuda u n-nies taʼ Ġerusalemm u ġagħalhom jagħmlu agħar mill-ġnus li l-Mulej kien qered.” (2 Kronaki 33:9) Tistaʼ timmaġinah dan! Jehovah jeqred ġnus pagani għaliex huma moqżieża fil-ħmieġ tagħhom, u madankollu l-abitanti taʼ Ġuda, li qegħdin f’relazzjoni taʼ patt maʼ Jehovah, huma saħansitra agħar min-nies taʼ dawn il-ġnus.
17. Il-kundizzjonijiet illum b’liema mod jixbhu lil dawk li kien hemm f’Ġuda taħt Manassi?
17 Fil-bidu tas-seklu 21, il-kundizzjonijiet huma simili f’ħafna aspetti għal dawk li kien hemm f’Ġuda fi żmien Manassi. Id-dinja hija maqsuma dejjem iktar b’mibegħda reliġjuża, razzjali, u etnika. Miljuni taʼ nies sfaw vittmi taʼ atti orribbli taʼ qtil, tortura, stupru, u l-hekk imsejjaħ tindif etniku. Mingħajr ebda dubju, nies u ġnus—speċjalment il-ġnus tal-Kristjaneżmu—‘tbegħdu sewwa.’ Madankollu, aħna nistgħu nkunu ċerti li Jehovah mhux se jippermetti li l-ħażen ikompli sejjer għal dejjem. Għala? Minħabba dak li seħħ fi żmien Isaija.
Ġerusalemm Tinħeles
18. Rabsaki liema twissija jagħtih lil Ħeżekija?
18 Is-slaten Assirjani taw kredtu lil allathom kull meta kellhom xi rebħa fil-kamp tal-battalja. Il-ktieb Ancient Near Eastern Texts fih kitbiet taʼ Assurbanipal, monarka Assirjan li sostna li kien gwidat “minn Assur, Bel, Nebu, l-allat kbar, is-sidien [tiegħu], li (dejjem) jimmarċjaw maġenb[u], [meta hu] għeleb lis-suldati (taʼ esperjenza) fil-battalji . . . f’battalja kbira fil-beraħ.” Fi żmien Isaija, Rabsaki, li jirrappreżenta lis-Sultan Sanħerib taʼ l-Assirja, juri li hu wkoll jemmen li l-allat jieħdu sehem fil-gwerer tal-bnedmin mill-kliem li hu jindirizza lis-Sultan Ħeżekija. Hu jwissi lis-sultan Lhudi biex ma jistrieħx fuq Jehovah għas-salvazzjoni u jiġbed l-attenzjoni tiegħu lejn il-fatt li l-allat taʼ ġnus oħrajn ma kellhomx il-ħila jipproteġu lin-nies tagħhom mill-forza militari setgħana taʼ l-Assirjani.—2 Slaten 18:33-35.
19. Ħeżekija kif jirreaġixxi għat-theddid taʼ Rabsaki?
19 Kif jirreaġixxi s-Sultan Ħeżekija? Jgħid ir-rakkont Bibliku: “Malli s-sultan Ħeżekija samaʼ b’dan ċarrat ilbiesu, u nkesa bi xkora, u mar fit-tempju tal-Mulej.” (2 Slaten 19:1) Ħeżekija jirrikonoxxi li Wieħed biss hemm li jistaʼ jgħinu f’din is-sitwazzjoni tal-biżaʼ. Hu jumilja ruħu u jfittex lil Jehovah għad-direzzjoni.
20. Jehovah kif se jaġixxi għan-nom taʼ l-abitanti taʼ Ġuda, u dawn x’għandhom jitgħallmu minn dan?
20 Jehovah jagħti d-direzzjoni mfittxija. Permezz tal-profeta Isaija, hu jgħid: “F’dak il-jum kulħadd jarmi l-allat tiegħu, l-allat tal-fidda u l-allat tad-deheb, l-allat li għamlu jdejkom għad-dnub.” (Isaija 31:7) Meta Jehovah jiġġieled favur in-nies tiegħu, kulħadd se jkun jaf kemm ma jiswew xejn l-allat taʼ Sanħerib. Din hija lezzjoni li l-abitanti taʼ Ġuda qatt m’għandhom jinsew. Minkejja l-fedeltà tas-Sultan Ħeżekija, il-pajjiż taʼ Ġuda, bħal Iżrael, imtela bl-idoli. (Isaija 2:5-8) Biex jibnu mill-ġdid ir-relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah, l-abitanti taʼ Ġuda se jkollhom bżonn jindmu minn dnubiethom u “kulħadd jarmi l-allat tiegħu.”—Ara Eżodu 34:14.
21. Isaija kif jiddeskrivi b’mod profetiku l-atti qerrieda taʼ Jehovah kontra l-Assirjan?
21 Isaija issa jiddeskrivi b’mod profetiku l-atti qerrieda taʼ Jehovah kontra l-għadu li qed ikexkex lil Ġuda: “Taqaʼ l-Assirja b’xabla mhux taʼ bniedem; u xabla mhux taʼ bniedem tikolha. Jekk taħrab minn quddiem ix-xabla, iż-żgħażagħ tagħha jispiċċaw ilsiera.” (Isaija 31:8) Meta jiġi l-konflitt deċiżiv, l-abitanti taʼ Ġerusalemm lanqas biss se jkollhom għalfejn joħorġu x-xwabel tagħhom minn posthom. Il-fjur tat-truppi taʼ l-Assirja jaqaʼ, mhux bix-xwabel tal-bnedmin, imma bix-xabla taʼ Jehovah. Inkwantu għas-Sultan Assirjan Sanħerib, ‘ikollu jaħrab minn quddiem ix-xabla.’ Wara l-mewt taʼ 185,000 mill-gwerriera tiegħu minn id l-anġlu taʼ Jehovah, hu jmur lura d-dar. Iktar tard, waqt li jkun qed imil quddiem Nisrok alla tiegħu, jiġi assassinat minn uliedu stess.—2 Slaten 19:35-37.
22. Il-Kristjani llum x’jistgħu jitgħallmu mill-ġrajjiet li jinvolvu lil Ħeżekija u lill-armata Assirjana?
22 Ħadd, lanqas Ħeżekija, ma setaʼ jobsor kif Jehovah kien se jeħles lil Ġerusalemm mill-armata Assirjana. Minkejja dan, il-mod kif Ħeżekija ttratta maʼ din is-sitwazzjoni taʼ kriżi jipprovdi eżempju eċċellenti għal dawk li llum jiffaċċjaw xi provi. (2 Korintin 4:16-18) Meta tqis x’fama kerha kellhom l-Assirjani li kienu qed jheddu lil Ġerusalemm, tistaʼ tifhem li Ħeżekija kellu raġun ikun beżgħan. (2 Slaten 19:3) Iżda hu xorta waħda kellu fidi f’Jehovah, u fittex il-gwida Tiegħu, u mhux tal-bniedem. X’barka kienet għal Ġerusalemm li għamel hekk! Illum, Kristjani li jibżgħu minn Alla għandhom mnejn ukoll jesperjenzaw xi emozzjoni intensa meta jkunu taħt stress. F’ħafna sitwazzjonijiet, wieħed jistaʼ jifhem għala jistaʼ jkun hemm il-biżaʼ. Madankollu, jekk ‘nixħtu l-ħsibijiet kollha tagħna’ fuq Jehovah, hu se jieħu ħsiebna. (1 Pietru 5:7) Se jgħinna negħlbu l-biżaʼ u se jsaħħaħna biex inkampaw mas-sitwazzjoni li tkun qed tikkaġunalna stress.
23. B’liema mod huwa Sanħerib, mhux Ħeżekija, li jitħalla b’emozzjonijiet taʼ biżaʼ?
23 Fl-aħħar mill-aħħar, huwa Sanħerib, mhux Ħeżekija, li jitħalla b’emozzjonijiet taʼ biżaʼ. Lejn min jistaʼ jdur? Ibassar Isaija: “‘Il-fortizza tagħha ddub bil-biżaʼ u l-fizzjali tagħha mbeżżgħa jħallu l-istendardi.’ Dan hu l-oraklu tal-Mulej, li għandu n-nar fuq Sijon, u l-forġa f’Ġerusalemm.” (Isaija 31:9) L-allat taʼ Sanħerib—“il-fortizza” tiegħu, ir-refuġju li fada fih—jiddiżappuntawh għall-aħħar. Huma bħallikieku ‘jdubu bil-biżaʼ.’ Iktar minn hekk, il-fizzjali taʼ Sanħerib ukoll m’huma taʼ ebda fejda. Huma wkoll jintlaqtu bit-terrur.
24. Liema messaġġ ċar nistgħu nitgħallmu minn dak li ġralu l-Assirjan?
24 Din il-parti mill-profezija taʼ Isaija tipprovdi messaġġ ċar għal kulmin jidħollu f’moħħu li jopponi lil Alla. M’hemm ebda arma, ebda qawwa, ebda proġett li jistaʼ jfixkel l-iskopijiet taʼ Jehovah. (Isaija 41:11, 12) Fl-istess waqt, dawk li jsostnu li jaqdu lil Alla u madankollu jitbegħdu minnu biex ifittxu s-sigurtà f’affarijiet materjali se jiddiżappuntaw ruħhom. Kulmin ‘ma jittamax fil-Qaddis taʼ Iżrael’ se jara lil Jehovah ‘jġib id-deni.’ (Isaija 31:1, 2) Verament, l-uniku refuġju li hu reali u dejjiemi huwa Alla Jehovah.—Salm 37:5.
[Nota taʼ taħt]
a X’aktarx, l-ewwel tliet versi taʼ Isaija kapitlu 31 huma mmirati prinċipalment lejn Iżrael. L-aħħar sitt versi donnhom japplikaw għal Ġuda.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 319]
Dawk li jpoġġu l-fiduċja tagħhom f’affarijiet materjali se jiddiżappuntaw ruħhom
[Stampa f’paġna 322]
Bħal iljun li qed jgħasses il-priża tiegħu, Jehovah se jipproteġi l-belt qaddisa tiegħu
[Stampi f’paġna 324]
Id-dinja hija maqsuma dejjem iktar b’mibegħda reliġjuża, razzjali, u etnika
[Stampa f’paġna 326]
Ħeżekija mar lejn id-dar taʼ Jehovah għall-għajnuna