“Ejjew . . . Nirraġunaw Flimkien”
Kapitlu Tlieta
“Ejjew . . . Nirraġunaw Flimkien”
1, 2. Jehovah maʼ min iqabbilhom lill-ħakkiema u lin-nies taʼ Ġerusalemm u Ġuda, u dan għala huwa validu?
L-ABITANTI taʼ Ġerusalemm għandhom mnejn iħossu li għandhom jiġġustifikaw ruħhom wara li semgħu d-denunzja dokumentata f’Isaija 1:1-9. Bla dubju kieku huma jixtiequ li bi kburija jippontaw lejn is-sagrifiċċji kollha li joffru lil Jehovah. Madankollu, Is 1 versi 10 sa 15 jagħtu r-risposta mimlija korla minn Jehovah għal dawn l-attitudnijiet. Din tibda hekk: “Isimgħu l-kelma tal-Mulej, intom prinċpijiet taʼ Sodoma; agħtu widen għat-tagħlim taʼ Alla tagħna, intom nies taʼ Gomorra.”—Isaija 1:10.
2 Sodoma u Gomorra ma nqerdux biss minħabba l-prattiċi sesswali perversi tagħhom imma wkoll minħabba l-attitudnijiet tagħhom taʼ qalb iebsa u kburija. (Ġenesi 18:20, 21; 19:4, 5, 23-25; Eżekjel 16:49, 50) Dawk li semgħu lil Isaija bilfors li nħasdu meta semgħu li ġew imqabblin man-nies taʼ dawk il-bliet misħutin. a Imma Jehovah jara lin-nies tiegħu preċiż kif inhuma, u Isaija ma jdgħajjifx il-messaġġ t’Alla sabiex isemmgħalhom dak li “jixtiequ” jisimgħu.—2 Timotju 4:3.
3. X’irid ifisser Jehovah meta jgħid li ‘xabaʼ’ mis-sagrifiċċji tan-nies, u dan għala huwa l-każ?
3 Innota kif iħossu Jehovah dwar il-qima formalistika tal-poplu tiegħu. “‘X’tiswieli l-kotra tas-sagrifiċċji tagħkom?’, jgħid il-Mulej. ‘Xbajt mis-sagrifiċċji tal-ħruq tal-bdabad, u mix-xaħam tal-bhejjem smien. Id-demm tal-gniedes u l-ħrief, u taʼ l-imtaten ma jogħġobnix.’” (Isaija 1:11) In-nies insew li Jehovah ma jiddependix fuq is-sagrifiċċji tagħhom. (Salm 50:8-13) Hu m’għandu bżonn xejn minn dak li jistgħu joffrulu l-bnedmin. Mela jekk in-nies jaħsbu li qegħdin jagħmlulu xi favur lil Jehovah billi jippreżentaw l-offerti tagħhom b’nofs qalb, qed jiżbaljaw bl-ikrah. Jehovah juża kliem figurattiv qawwi. Il-kelma “xbajt” tistaʼ tiġi tradotta wkoll “ma niflaħx niekol iktar” jew “infqajt.” Qatt esperjenzajt il-fatt li tant tkun imlejt żaqqek li malli tara iktar ikel quddiemek tħossok imdardar? Jehovah hekk ħassu dwar dawk l-offerti—imdardar għall-aħħar!
4. Isaija 1:12 kif jesponi l-frugħa taʼ l-attendenza tan-nies fit-tempju f’Ġerusalemm?
4 Ikompli Jehovah: “Meta tiġu taraw wiċċi min ifittex dawn mingħandkom, biex tiġu tikkalpestawli l-btieħi tiegħi?” (Isaija 1:12) M’hijiex il-liġi taʼ Jehovah stess li tirrikjedi li n-nies ‘jiġu jaraw wiċċu,’ jiġifieri, ikunu preżenti fit-tempju tiegħu f’Ġerusalemm? (Eżodu 34:23, 24) Iva, imma huma jiġu hemmhekk bħala sempliċi formalità, billi dak li hu mistenni minnhom fil-qima safja jagħmluh bla sentiment u bla sinċerità, mingħajr motivi puri. Għal Jehovah, iż-żjajjar numerużi tagħhom fil-btieħi tiegħu jammontaw għal sempliċi ‘kalpestar,’ billi ma jwettqu xejn ħlief li minħabba fihom tittiekel l-art.
5. Liema huma xi atti taʼ qima mwettqin mil-Lhud, u dawn għala saru taʼ “piż” għal Jehovah?
5 Mhux taʼ b’xejn li Jehovah issa juża lingwaġġ saħansitra iktar qawwi! “Iġġibux iżjed offerti fiergħa; sirt nistkerrhu l-bħur, il-qamar ġdid, is-sibt, u l-laqgħat li ssejjħu: ma niflaħx għall-ħażen [“poter soprannaturali,” “NW”] flimkien mal-festi. L-ewwel tax-xhur u l-festi tagħkom, jien nobgħodhom, piż huma għalija, għejejt nerfgħu.” (Isaija 1:13, 14) L-offerti tal-qamħ, il-bħur (l-inċens), is-Sibtijiet, u l-festi huma kollha parti mil-Liġi li Alla ta lil Iżrael. Inkwantu għall-“ewwel tax-xhur” (il-qamar ġdid), il-Liġi sempliċement tesiġi li dawn jiġu osservati, imma tradizzjonijiet bnien ġew stabbiliti bil-mod il-mod madwar l-osservanza. (Numri 10:10; 28:11) Il-qamar ġdid huwa meqjus bħala sibt taʼ kull xahar, meta n-nies kienu jieqfu mix-xogħol u saħansitra jinġabru biex jiġu mgħallmin mill-profeti u mill-qassisin. (2 Slaten 4:23; Eżekjel 46:3; Għamos 8:5) Osservanzi bħal dawn m’humiex ħżiena. Il-problema qegħda f’li wieħed jagħmilhom għal għajnejn in-nies. Iktar minn hekk, il-Lhud qed jirrikorru għall-“poter soprannaturali,” prattiċi spiritistiċi, id f’id maʼ l-osservanza formali tagħhom tal-Liġi t’Alla. b B’hekk, l-atti taʼ qima tagħhom lejn Jehovah huma “piż” għalih.
6. Jehovah f’liema sens sar ‘għajjien’?
6 Iżda, Jehovah kif setaʼ jħossu ‘għajjien’? Wara kollox, hu għandu “saħħa taʼ qawwietu . . . Ma jegħja qatt, u ma jinkeddx.” (Isaija 40:26, 28) Jehovah qed juża kliem figurattiv ħaj biex bis-saħħa tiegħu nkunu nistgħu nifhmu kif iħossu hu. Qatt ġarrejt xi tagħbija tqila ferm għal ħin twil li mbagħad ħassejtek għajjien għall-aħħar u sempliċement ridt ittajjarha minn fuqek? Hekk iħossu Jehovah dwar l-atti ipokriti taʼ qima tan-nies tiegħu.
7. Jehovah għala ma baqax jismaʼ t-talb tan-nies tiegħu?
7 Jehovah issa jsemmi l-atti taʼ qima li huma l-iktar intimi u persunali. “Meta intom tiftħu jdejkom, jien inwarrab għajnejja minnkom; ukoll jekk tkattru t-talb, jien ma nismagħkomx, għax idejkom mimlija demm.” (Isaija 1:15) Li wieħed jiftaħ idejh, billi jżomm idejh miftuħin bil-pali ’l fuq, huwa ġest taʼ supplikar. Għal Jehovah, din il-pożizzjoni saret ma tfisser xejn, għax dan il-poplu għandu idejh mimlijin tixrid taʼ demm. Il-pajjiż miżgħud bil-vjolenza. L-oppressjoni tad-dgħajfin hija ħaġa komuni. Hija ħaġa oxxena li dawn in-nies abbużivi u egoisti jitolbu lil Jehovah u jistennew il-barkiet mingħandu. Mhux taʼ b’xejn li Jehovah jgħid, “Jien ma nismagħkomx”!
8. Il-Kristjaneżmu liema żball jikkommetti llum, u xi Kristjani kif jaqgħu f’nassa simili?
8 Fi żmienna, il-Kristjaneżmu bl-istess mod naqas li jirbaħ il-favur t’Alla bir-ripetizzjoni bla waqfien taʼ talb fieragħ u b’“għamil taʼ l-għaġeb” reliġjuż ieħor. (Mattew 7:21-23, Saydon) Huwa taʼ importanza vitali li aħna ma naqgħux fl-istess nassa. Minn żmien għal żmien, xi Kristjan jiżvija billi jipprattika xi dnub serju, u mbagħad jirraġuna li jekk sempliċement jaħbi dak li qed jagħmel u jżid l-attività tiegħu fil-kongregazzjoni Kristjana, l-għemejjel tiegħu b’xi mod se jpattu għad-dnub tiegħu. Xogħlijiet formalistiċi bħal dawn ma jogħġbuhx lil Jehovah. Hemm biss fejqan wieħed għall-mard spiritwali, bħalma juru l-versi li jmiss taʼ Isaija.
Il-Fejqan għal Mard Spiritwali
9, 10. Kemm hi importanti l-indafa fil-qima tagħna lejn Jehovah?
9 Jehovah, dak Alla li jagħder, issa jibdel għal ton iktar kordjali, iktar li jiġbdek. “Inħaslu u tnaddfu, neħħu l-ħażen taʼ għemilkom minn quddiem għajnejja, ieqfu mill-ħażen. Tgħallmu agħmlu t-tajjeb, fittxu d-dritt, sewwu l-inġustizzji, iddefendu l-iltim, aqbżu għall-armla.” (Isaija 1:16, 17) Hawnhekk insibu sensiela taʼ disaʼ imperattivi, jew kmandi. L-ewwel erbgħa huma negattivi fis-sens li jinvolvu t-tneħħija tad-dnub; l-aħħar ħamsa huma azzjonijiet pożittivi li jwasslu biex wieħed jirċievi l-barka taʼ Jehovah.
10 Il-ħasil u l-indafa minn dejjem kienu parti importanti mill-qima safja. (Eżodu 19:10, 11; 30:20; 2 Korintin 7:1) Imma Jehovah jrid li t-tindif ikun iktar profond, billi jidħol ġewwanett fil-qalb taʼ l-adoraturi tiegħu. L-iktar importanti hija l-indafa morali u spiritwali, u Jehovah għal din qed jirreferi. L-ewwel żewġ kmandi fil-vers 16 m’humiex sempliċi ripetizzjoni. Grammaturgu Ebrew jissuġġerixxi li l-ewwel wieħed, “inħaslu,” jirreferi għal att inizjali taʼ tindif, mentri t-tieni, “tnaddfu,” jirreferi għal sforzi kontinwi biex tinżamm dik l-indafa.
11. Biex niġġieldu kontra d-dnub, x’għandna nagħmlu, u x’m’għandna qatt nagħmlu?
11 Lil Jehovah ma nistgħu naħbulu xejn. (Ġob 34:22; Proverbji 15:3; Lhud 4:13) Mela l-kmand tiegħu, “Neħħu l-ħażen taʼ għemilkom minn quddiem għajnejja,” jistaʼ jfisser biss ħaġa waħda—li ma nibqgħux nagħmlu l-ħażen. Dan ifisser li ma nipprovawx nostru dnubiet serji, għax li nagħmlu hekk huwa dnub fih innifsu. Proverbji 28:13 iwissina: “Min jaħbi ħtijietu ma jiksibx ġid, imma min jistqarrhom u jaqtagħhom jaqlaʼ l-ħniena.”
12. (a) Għala huwa importanti li ‘nitgħallmu nagħmlu t-tajjeb’? (b) L-anzjani b’mod partikulari kif jistgħu japplikaw id-direttivi biex ‘ifittxu d-dritt’ u ‘jsewwu l-inġustizzji’?
12 Hemm ħafna x’nitgħallmu mill-azzjonijiet pożittivi li Jehovah jikkmanda fil-vers 17 taʼ Isaija kapitlu 1. Innota li hu ma jgħidx biss “agħmlu t-tajjeb” imma “tgħallmu agħmlu t-tajjeb.” (Korsiv tagħna.) Huwa l-istudju persunali tal-Kelma t’Alla li se jgħinek tifhem x’inhu tajjeb f’għajnejn Alla u li tkun trid tagħmlu. Iżjed minn hekk, Jehovah ma jgħidx biss agħmlu “d-dritt” imma “fittxu d-dritt.” (Korsiv tagħna.) Saħansitra anzjani bl-esperjenza jkollhom bżonn ifittxu bir-reqqa fil-Kelma t’Alla sabiex isibu l-korsa ġusta f’xi kwistjonijiet komplessi. Tagħhom ukoll hija r-responsabbiltà li ‘jsewwu l-inġustizzji,’ bħalma mbagħad jikkmanda Jehovah. Dawn id-direttivi huma importanti għal rgħajja Kristjani llum, għax dawn iridu jipproteġu l-merħla minn “ilpup qalila.”—Atti 20:28-30.
13. Kif nistgħu napplikaw illum il-kmandi rigward l-iltim u l-armla?
13 L-aħħar żewġ kmandi jinvolvu lil xi wħud mill-poplu t’Alla li huma iktar vulnerabbli—l-iltiema u r-romol. Id-dinja dejjem lesta biex tapprofitta ruħha minn individwi bħal dawn; dan m’għandux ikun fost il-poplu t’Alla. Anzjani b’imħabba “jiddefendu” l-iltiema subien u bniet fil-kongregazzjoni, billi jgħinuhom jirċievu ġustizzja u protezzjoni f’dinja li trid tapprofitta ruħha minnhom u tikkorrompihom. L-anzjani ‘jaqbżu’ għall-armla jew, bħalma tistaʼ tfisser ukoll il-kelma Ebrajka, “jistinkaw” għan-nom tagħha. Tassew, il-Kristjani kollha jridu li jkunu sors taʼ refuġju, faraġ, u ġustizzja għal dawk li huma fil-bżonn fostna għaliex huma prezzjużi għal Jehovah.—Mikea 6:8; Ġakbu 1:27.
14. Liema messaġġ pożittiv huwa mwassal f’Isaija 1:16, 17?
14 X’messaġġ sod u pożittiv iwassal Jehovah permezz taʼ dawn id-disaʼ kmandi! Kultant dawk li jkunu involuti fid-dnub jikkonvinċu ruħhom li sempliċement m’għandhomx il-qawwa li jagħmlu dak li hu xieraq. Ideat bħal dawn huma skuraġġanti. Iktar minn hekk, huma żbaljati. Jehovah jaf—u jridna nkunu nafu—li bl-għajnuna Tiegħu, kwalunkwe midneb jistaʼ jwaqqaf il-korsa midinba tiegħu, idur lura, u minflok, jagħmel dak li hu xieraq.
Appell Ġust taʼ Mogħdrija
15. Il-frażi “ejjew . . . nirraġunaw flimkien” kif tiġi kultant mifhuma ħażin, u xi tfisser attwalment?
15 It-ton taʼ Jehovah issa jsir saħansitra iktar kordjali u taʼ mogħdrija. “‘Ejjew, mela, nirraġunaw flimkien,’ jgħid il-Mulej, ‘mqar jekk dnubietkom ikunu ħomor bħall-iskarlatt, isiru bojod bħas-silġ; mqar jekk ikunu ħomor bħall-kremżi, isiru bojod bħas-suf.’” (Isaija 1:18) Dan il-vers sabiħ jiftaħ bi stedina li spiss tiġi mifhuma ħażin. Per eżempju, The New English Bible tgħid, “Ejjew nargumentawha”—bħallikieku ż-żewġ naħat iridu jċedu xi ħaġa biex jaslu għal qbil. Dan mhux minnu! Jehovah m’għandu l-ebda ħtija, iktar u iktar fil-mod kif ittratta maʼ dan il-poplu ribelluż u ipokrita. (Dewteronomju 32:4, 5) Il-vers mhux qed jitkellem dwar diskussjoni taʼ kompromessi bejn uħud ugwali, imma dwar assemblea ġudizzjali li tistabbilixxi l-ġustizzja. Huwa bħallikieku Jehovah hawnhekk jisfida lil Iżrael għal ġuri fil-qorti.
16, 17. Kif nafu li Jehovah lest li jaħfer saħansitra dnubiet serji?
16 Dan jistaʼ jkun prospett tal-biżaʼ, imma Jehovah hu l-iktar Imħallef ħanin li jagħder. Il-kapaċità tiegħu taʼ maħfra m’hawnx bħalha. (Salm 86:5) Hu biss jistaʼ jaqbad id-dnubiet taʼ Iżrael li huma “bħall-iskarlatt” u jnaddafhom, billi jagħmilhom “bojod bħas-silġ.” Ebda sforz mill-bniedem, ebda metodu sistematiku taʼ għemejjel, sagrifiċċji, jew talb ma jistgħu jneħħu t-tebgħa tad-dnub. Il-maħfra taʼ Jehovah biss tistaʼ tnaddaf id-dnub għalkollox. Alla jagħti din il-maħfra fuq kundizzjonijiet li jistabbilixxi hu, li jinkludu ndiema ġenwina li tiġi mill-qalb.
17 Tant hija importanti din il-verità li Jehovah jirrepetiha b’varjazzjoni poetika—dnubiet “bħall-kremżi” se jsiru bħal suf abjad li hu ġdid u mhux miżbugħ. Jehovah jridna nkunu nafu li hu verament Dak li jaħfer id-dnubiet, saħansitra dnubiet serji ferm, sakemm isibna nedmin ġenwinament. Dawk li jsibuha diffiċli biex jemmnu li dan huwa veru fil-każ tagħhom stess jagħmlu tajjeb li jikkunsidraw xi eżempji bħal dak taʼ Manassi. Dan dineb orribilment—għal snin sħaħ. Madankollu, nidem u ġie maħfur. (2 Kronaki 33:9-16) Jehovah jridna lkoll kemm aħna, inkluż dawk li kkommettew dnubiet serji, inkunu nafu li m’huwiex tard wisq biex “nirraġunaw” miegħu.
18. Jehovah liema għażla jpoġġi quddiem in-nies ribellużi tiegħu?
18 Jehovah jfakkar lin-nies tiegħu li għandhom għażla quddiemhom. “Jekk intom tridu u tobdu, intom tieklu l-ġid taʼ l-art. Iżda jekk tgħidu le u twebbsu raskom, ix-xabla tikolkom, għax fomm il-Mulej tkellem.” (Isaija 1:19, 20) Hawnhekk Jehovah jenfasizza l-attitudnijiet, u juża iktar kliem figurattiv ħaj biex jenfasizza l-punt. L-għażla quddiem Ġuda hija din: Jew tiekol jew tittiekel. Jekk ikollhom attitudni taʼ rieda tajba biex jagħtu widen lil Jehovah u jobduh, se jieklu l-prodott tajjeb tal-pajjiż. Madankollu, jekk jippersistu fl-attitudni ribelluża tagħhom, se jittieklu—mix-xabla taʼ l-għedewwa tagħhom! Bilkemm jiġina f’moħħna li poplu jagħżel ix-xabla taʼ l-għedewwa tiegħu minflok il-ħniena u l-abbundanza t’Alla li jaħfer. Minkejja dan, Ġerusalemm hekk tagħmel, bħalma juru l-versi li jmiss taʼ Isaija.
Lamentazzjoni Funebri fuq il-Belt Maħbuba
19, 20. (a) Jehovah kif iwassal is-sens taʼ tradiment li jħoss hu? (b) Is-“sewwa” b’liema mod ‘għammar f’Ġerusalemm’?
19 F’Isaija 1:21-23, naraw sa fejn wasal il-ħażen taʼ Ġerusalemm f’dan iż-żmien. Isaija issa jagħti bidu għal poeżija ispirata fl-istil taʼ lamentazzjoni, jew bikja: “Kif saret żienja l-belt fidila! Kienet mimlija bil-ġustizzja, kien jgħammar fiha s-sewwa, imma issa l-qattiela.”—Isaija 1:21.
20 Kif waqgħet il-belt, Ġerusalemm! Dik li darba kienet mara miżżewġa leali, issa saret prostituta. Liema ħaġa tistaʼ twassal iktar bil-qawwa s-sens taʼ tradiment u diżappunt li jħoss Jehovah? “Kien jgħammar fiha s-sewwa” din il-belt. Meta? Sewwa, saħansitra qabel ma kien jeżisti Iżrael, lura fi żmien Abraham, din il-belt kienet tissejjaħ Salem. Fuqha kien jaħkem bniedem li kien kemm sultan kif ukoll qassis. Ismu, Melkisedek, ifisser “Sultan tal-Ġustizzja,” u dan b’mod evidenti kien jixraqlu ferm. (Lhud 7:2; Ġenesi 14:18-20) Xi 1,000 sena wara Melkisedek, Ġerusalemm laħqet quċċata, taħt il-ħakmiet taʼ David u Salamun. “Kien jgħammar fiha s-sewwa,” speċjalment meta s-slaten tagħha kienu taʼ eżempju għan-nies billi mxew fil-mogħdijiet taʼ Jehovah. Iżda, sa żmien Isaija, dawn iż-żminijiet huma ’l bogħod, fil-memorja biss.
21, 22. X’inhu mfisser mill-ħmieġ u l-inbid imħallat, u l-mexxejja taʼ Ġuda għala tixirqilhom din id-deskrizzjoni?
21 Donnu li l-mexxejja fost in-nies huma parti kbira ferm mill-problema. Isaija jissokta bil-bikja tiegħu: “Il-fidda tiegħek inbidlet f’karfa [jew, skart], l-inbid tiegħek mifqugħ bl-ilma. Il-prinċpijiet tiegħek qamu fuq tagħhom, u ssieħbu mal-ħallelin. Lkoll iħobbu r-rigali, u jagħmlu għal wara l-qligħ. L-iltim ma jagħmlulux ġustizzja, u l-kawża taʼ l-armla għandhom ma tasalx.” (Isaija 1:22, 23) Żewġ tixbihat ħajjin waħda wara l-oħra jippreparaw moħħ il-qarrej għal dak li se jiġi wara. L-arġentier fuq il-forġa tiegħu jsaffi l-iskart mill-fidda fonduta u jarmih. Il-prinċpijiet u l-imħallfin taʼ Iżrael huma bħall-iskart, mhux bħall-fidda. Jeħtieġ li jintremew. M’humiex iktar taʼ użu bħall-inbid li ġie mħallat bl-ilma u tilef it-togħma tiegħu. Xarba bħal din tkun tajba biss biex tintrema!
22 Is 1 Vers 23 juri għala l-mexxejja jixirqilhom din id-deskrizzjoni. Il-Liġi Mosajka poġġiet lin-nies t’Alla fuq pedestall, billi sseparathom minn ġnus oħrajn. Dan għamlitu, per eżempju, billi ordnat il-protezzjoni taʼ l-iltiema u r-romol. (Eżodu 22:22-24) Imma fi żmien Isaija, l-iltim ftit li xejn għandu tama taʼ xi ġudizzju favorevoli. Inkwantu għall-armla, lanqas biss tistaʼ ssib saħansitra lil xi ħadd biex jismaʼ l-każ tagħha, aħseb u ara kemm se ssib lil xi ħadd biex jistinka għan-nom tagħha. Le, dawn l-imħallfin u mexxejja huma okkupati wisq b’li jieħdu ħsieb l-interessi tagħhom stess—ifittxu lil min ixaħħamhom, jiġru wara min jagħtihom ir-rigali, u jissieħbu mal-ħallelin, b’mod evidenti billi jipproteġu lill-kriminali waqt li lill-vittmi tagħhom iħalluhom isofru. Jerġaʼ agħar, huma “qamu fuq tagħhom,” jew webbsu qalbhom, fil-korsa taʼ ħażen tagħhom. X’sitwazzjoni tal-biki!
Jehovah Se Jirfina lill-Poplu Tiegħu
23. Jehovah jesprimi liema sentimenti lejn l-avversarji tiegħu?
23 Jehovah mhux se jittollerah għal dejjem dan l-abbuż tal-poter. Ikompli Isaija: “Għalhekk dan hu l-oraklu taʼ Sidna, il-Mulej taʼ l-eżerċti, il-Qawwi taʼ Iżrael: ‘Ah! Nivvendika ruħi mill-għedewwa tiegħi; nitħallas mill-għedewwa tiegħi.’” (Isaija 1:24) Jehovah jingħata tliet titli hawnhekk, u dawn jenfasizzaw l-istat tiegħu taʼ Mulej bi dritt u l-qawwa kbira ferm tiegħu. L-esklamazzjoni “Ah!” x’aktarx li tissinjifika li l-ħasra taʼ Jehovah hija issa mħallta mad-determinazzjoni biex jaġixxi fuq il-korla tiegħu. Ċertament li hemm raġuni għal dan.
24. Jehovah għandu l-iskop li juża liema proċess taʼ rfinar għan-nies tiegħu?
24 In-nies taʼ Jehovah stess għamlu lilhom infushom għedewwa tiegħu. Tixirqilhom bis-sħiħ il-vendetta divina. Jehovah se ‘jivvendika ruħu,’ jew jeħles, minnhom. Ifisser dan li l-poplu li jġorr ismu se jinqered kompletament u għal dejjem? Le, għax Jehovah jissokta jgħid: “Nmidd idejja għal fuqek, u nsaffik fil-forġa minn ħmieġek, u ċ-ċomb kollu nneħħilek.” (Isaija 1:25) Jehovah issa juża bħala tixbieha l-proċess taʼ rfinar. Irfinitur tal-qedem spiss kien iżid is-soder bħala għajnuna biex jissepara l-ħmieġ mill-metall prezzjuż. B’mod simili, Jehovah, li lin-nies tiegħu ma jarahomx bħala mill-agħar għalkollox, se ‘jikkastigahom kemm jistħoqqilhom.’ Se jneħħi minn nofshom iċ-“ċomb” biss—dawk li m’humiex mixtiqin għax rashom iebsa u jirrifjutaw li jitgħallmu u jobdu. c (Ġeremija 46:28) B’dan il-kliem, Isaija għandu l-privileġġ li jikteb l-istorja bil-quddiem.
25. (a) Jehovah kif irfinahom lin-nies tiegħu fis-sena 607 Q.E.K.? (b) Jehovah meta rfinahom lin-nies tiegħu fi żmienna?
25 Jehovah fil-fatt irfinahom lin-nies tiegħu, billi neħħa l-ħmieġ taʼ mexxejja korrotti u ribelli oħrajn. Fis-sena 607 Q.E.K., ferm wara żmien Isaija, Ġerusalemm inqerdet u l-abitanti tagħha ttieħdu għal 70 sena t’eżilju f’Babilonja. Dan f’xi modi jixbah azzjoni meħuda minn Alla żmien twil wara. Il-profezija f’Malakija 3:1-5, miktuba ferm wara l-eżilju Babiloniż, uriet li Alla kien se jagħmel xogħol taʼ rfinar mill-ġdid. Din ippontat lejn iż-żmien meta Alla Jehovah kien se jiġi fit-tempju spiritwali tiegħu akkumpanjat mill-“anġlu tal-patt” tiegħu, Ġesù Kristu. Dan seħħ b’mod evidenti fit-tmiem taʼ l-Ewwel Gwerra Dinjija. Jehovah spezzjona lil dawk kollha li kienu jgħidu li huma Kristjani, billi naqqa lill-veri mill-foloz. B’liema riżultat?
26-28. (a) Isaija 1:26 kellu liema twettiq inizjali? (b) Din il-profezija kif twettqet fi żmienna? (ċ) Din il-profezija kif tistaʼ tkun taʼ benefiċċju għall-anzjani llum?
26 Jehovah jwieġeb: “U nraġġaʼ l-imħallfin tiegħek għal li kienu dari, u l-kunsillieri tiegħek għal li kienu fil-bidu. Mbagħad isejjħulek: ‘Belt is-Sewwa, il-Belt Fidila.’ Bil-ġustizzja Sijon għad tinfeda; u dawk li jikkonvertu jinfdew bis-sewwa.” (Isaija 1:26, 27) Din il-profezija twettqet l-ewwel darba fuq Ġerusalemm tal-qedem. Wara li l-eżiljati rritornaw lejn il-belt maħbuba tagħhom fis-sena 537 Q.E.K., kien hemm għal darb’oħra mħallfin u kunsillieri leali bħal dawk tal-passat. Il-profeti Ħaggaj u Żakkarija, il-qassis Ġożwè, l-iskrib Esdra, u l-gvernatur Żerubbabel kollha qdew biex jiggwidaw u jidderieġu lill-fdal leali li rritorna biex jimxi fil-mogħdijiet t’Alla. Madankollu, twettiq saħansitra iktar importanti seħħ fis-seklu 20.
27 Fis-sena 1919, in-nies taʼ Jehovah taʼ żmienna ħarġu mill-perijodu taʼ ttestjar. Dawn inħelsu mill-jasar spiritwali taħt Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Id-distinzjoni bejn dak il-fdal midluk u leali u l-kleru apostat tal-Kristjaneżmu saret ċara. Alla reġaʼ bierek lin-nies tiegħu, billi ‘ġabilhom lura mħallfin u kunsillieri’—irġiel leali li jagħtu pariri lin-nies t’Alla skond il-Kelma tiegħu u mhux skond it-tradizzjonijiet tal-bnedmin. Illum fost il-“merħla ċkejkna” li qed tonqos kontinwament u l-miljuni li qed jiżdiedu taʼ sħabhom in-“nagħaġ oħra,” hemm eluf minn dawn l-irġiel.—Luqa 12:32; Ġwann 10:16; Isaija 32:1, 2; 60:17; 61:3, 4.
28 L-anzjani jżommu f’moħħhom li kultant huma jaġixxu bħala “mħallfin” fil-kongregazzjoni sabiex iżommuha nadifa moralment u spiritwalment u biex jikkoreġu lil min jiżbalja. Huma konċernati profondament li l-affarijiet jagħmluhom kif irid Alla, billi jimitaw is-sens taʼ ġustizzja bilanċjat u mimli ħniena tiegħu. Iżda, fil-biċċa l-kbira tal-każi, dawn jaqdu bħala “kunsillieri.” M’għandniex xi ngħidu, dan huwa ferm differenti milli jkunu prinċpijiet jew tiranni, u huma jagħmlu kull sforz biex qatt ma jagħtu saħansitra l-impressjoni li huma s-“sidien tal-wirt t’Alla.”—1 Pietru 5:3, Karm Żammit.
29, 30. (a) Jehovah liema kliem lissen għal dawk li ma jkunux iridu jibbenefikaw mill-proċess taʼ rfinar? (b) In-nies f’liema sens iħossuhom ‘jistħu’ minħabba s-siġar u l-ġonna tagħhom?
29 Xi ngħidu dwar il-“ħmieġ” imsemmi fil-profezija taʼ Isaija? X’jiġrilhom dawk li ma jkunux iridu jibbenefikaw mill-proċess taʼ rfinar t’Alla? Ikompli Isaija: “Imma l-midinbin u l-ħatjin flimkien jitkissru; u dawk li jitilqu l-Mulej jintemmu. Għax intom għad tistħu mill-ballut li ħabbejtu; u għad titriegħxu minħabba l-ġonna li għażiltu.” (Isaija 1:28, 29) Dawk li jirribellaw u jidinbu kontra Jehovah, billi jinjoraw il-messaġġi taʼ twissija tal-profeti tiegħu sa meta jkun tard wisq, tabilħaqq li “jitkissru” u “jintemmu.” Dan iseħħ fis-sena 607 Q.E.K. Madankollu, x’ifissru dawn ir-referenzi għas-siġar u l-ġonna?
30 Il-Ġudeani għandhom problema persistenti bl-idolatrija. Is-siġar, il-ġonna, u l-imsaġar spiss jidħlu fil-prattiċi baxxi tagħhom. Per eżempju, adoraturi taʼ Bagħal u taʼ Għastoret, seħbitu, jemmnu li fl-istaġun tan-nixfa, iż-żewġ divinitajiet ikunu mejtin u midfunin. Biex iqanqluhom ħalli jistenbħu u jitgħammru, u b’hekk iġibu l-fertilità fil-pajjiż, l-idolatri jinġabru biex iwettqu atti sesswali perversi taħt siġar “sagri” fi msaġar jew f’ġonna. Meta l-pajjiż igawdi x-xita u l-fertilità, l-allat foloz jieħdu l-kredtu; l-idolatri jħossuhom imsaħħin fis-superstizzjonijiet tagħhom. Imma meta Jehovah jġib lill-idolatri ribellużi għat-tmiem diżastruż tagħhom, ebda allat-idoli ma jipproteġuhom. Ir-ribelli jħossuhom ‘jistħu’ minħabba dawn is-siġar u l-ġonna bla saħħa.
31. L-idolatri liema ħaġa jiffaċċjaw li hi agħar mill-mistħija?
31 Iżda l-Ġudeani idolatrużi jiffaċċjaw xi ħaġa agħar mill-mistħija. Billi jbiddel it-tixbieha, Jehovah issa jxebbah lill-idolatra nnifsu maʼ siġra. “Għad tkunu bħal balluta bil-weraq midbiel; bħal ġnien bla ilma fih.” (Isaija 1:30) Fil-klima sħuna u niexfa tal-Lvant Nofsani, din it-tixbieha hija addattata. Ebda siġra jew ġnien ma jistgħu jibqgħu ħajjin għal żmien twil mingħajr provvista kontinwa taʼ ilma. Meta jinxef, dan it-tip taʼ ħaxix jistaʼ jaqbad malajr. Għaldaqstant, it-tixbieha fil-vers 31 issegwi b’mod naturali.
32. (a) Min hu “l-bniedem b’saħħtu” li ssir referenza għalih fil-vers 31? (b) Dan f’liema sens se jsir “stoppa,” b’liema “xrar” se jitkebbes, u b’liema riżultat?
32 “U l-bniedem b’saħħtu jsir stoppa, u għemilu xrar, u jieħdu n-nar flimkien, bla ma ħadd jitfihom.” (Isaija 1:31) Min hu dan il-“bniedem b’saħħtu”? L-espressjoni Ebrajka tagħti s-sens taʼ saħħa u għana. Din x’aktarx tirreferi għal xi ħadd li jsegwi lill-allat foloz u li hu prosperuż u ċert minnu innifsu. Fi żmien Isaija, bħal fi żmienna, m’aħniex neqsin minn bnedmin li jiċħdu lil Jehovah u l-qima safja tiegħu. Xi wħud saħansitra jidhru li jirnexxu. Madankollu, Jehovah jwissi li dawn il-bnedmin se jsiru bħal “stoppa,” ħjut tal-qanneb tant fraġli u niexfa li jinxtorbu malli jxommu n-nar. (Mħallfin 16:8, 9) Għemil l-idolatra—kemm jekk l-allat-idoli tiegħu, l-għana tiegħu, jew hu x’inhu li jieħu post Jehovah fil-qima tiegħu—se jkun bħax-“xrar” li jkebbes. Kemm ix-xrar u kemm l-istoppa se jispiċċaw fix-xejn, jinqerdu totalment, f’nar li ħadd ma jkun jistaʼ jitfih. Ebda potenza fl-univers ma tistaʼ xxejjen il-ġudizzji perfetti taʼ Jehovah.
33. (a) It-twissijiet tal-ġudizzju li ġej mingħand Alla kif jindikaw ukoll il-ħniena tiegħu? (b) Jehovah liema opportunità qed jestendi issa lill-umanità, u din kif teffettwa lil kull wieħed u waħda minna?
33 Huwa dan il-messaġġ finali fi qbil mal-messaġġ taʼ ħniena u maħfra fil-vers 18? Assolutament! Jehovah qabbad lill-qaddejja tiegħu jiktbu u jwasslu dawn it-twissijiet għaliex hu mimli ħniena. Wara kollox, hu “ma jridx li xi ħadd jintilef, imma li kulħadd jersaq għall-indiema.” (2 Pietru 3:9) Huwa l-privileġġ taʼ kull Kristjan veru llum li jipproklama l-messaġġi taʼ twissija t’Alla lill-umanità sabiex dawk li jindmu jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-maħfra ġeneruża tiegħu u jgħixu għal dejjem. Kemm hu qalbu tajba Jehovah li qed jagħti ċans lill-umanità biex ‘tirraġuna’ miegħu qabel ma jkun tard wisq!
[Noti taʼ taħt]
a Skond it-tradizzjoni Lhudija tal-qedem, is-Sultan mill-agħar Manassi ordna li Isaija jinqatel billi jitħanxar minn nofsu. (Qabbel Lhud 11:37.) Sors wieħed jgħid li sabiex iġib din is-sentenza tal-mewt, profeta falz uża l-akkuża li ġejja kontra Isaija: “Lil Ġerusalemm sejħilha Sodoma, u lill-prinċpijiet taʼ Ġuda u Ġerusalemm iddikjarahom (li kienu) n-nies taʼ Gomorra.”
b Il-kelma Ebrajka għal “poter soprannaturali” tiġi tradotta wkoll “dak li jweġġaʼ,” “dak li hu soprannaturali,” u “dak li hu żbaljat.” Skond it-Theological Dictionary of the Old Testament, profeti Ebrej użaw il-kelma biex jikkundannaw il-“ħażen kbir kaġunat mill-użu ħażin tal-poter.”
c L-espressjoni “nmidd idejja għal fuqek” tfisser li Jehovah mhux se jibqaʼ jappoġġa lin-nies tiegħu imma se jibda jikkastigahom.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]