“Farrġu l-Poplu Tiegħi”
Kapitlu Tletin
“Farrġu l-Poplu Tiegħi”
1. Liema hu mod wieħed kif Jehovah jfarraġna?
JEHOVAH hu dak ‘Alla, li minnu ġej kull faraġ.’ Mod wieħed kif ifarraġna huwa permezz tal-wegħdi li hu ġagħal biex jinkitbu fil-Kelma tiegħu. (Rumani 15:4, 5) Per eżempju, meta tħabbat wiċċek mal-mewt taʼ xi ħadd għażiż għalik, x’jistaʼ jkun iktar taʼ faraġ mill-prospett li dan il-maħbub tiegħek jiġi rxoxtat fid-dinja l-ġdida t’Alla? (Ġwann 5:28, 29) U xi ngħidu għall-wegħda taʼ Jehovah li hu dalwaqt se jtemm il-ħażen u jbiddel din id-dinja f’ġenna? M’huwiex taʼ faraġ li jkollok il-prospett li tibqaʼ ħaj u tgħix f’din il-Ġenna taʼ l-art li ġejja mingħajr qatt ma tmut?—Salm 37:9-11, 29; Apokalissi 21:3-5.
2. Għala nistgħu nafdaw fil-wegħdi t’Alla?
2 Nistgħu nafdawhom tassew il-wegħdi t’Alla? Dażgur li nistgħu! Dak li għamel dawn il-wegħdi hu kompletament taʼ min joqgħod fuqu. Hu għandu kemm il-ħila u kemm ir-rieda li jwettaq kelmtu. (Isaija 55:10, 11) Dan intwera b’mod qawwi meta Jehovah permezz tal-profeta Isaija qal li kien se jieħu ħsieb li l-qima vera terġaʼ tieħu postha f’Ġerusalemm. Ejja nikkunsidraw din il-profezija, kif tidher f’Isaija kapitlu 40, għax dan jistaʼ jsaħħilna l-fidi f’Jehovah, Dak li jwettaq il-wegħdi tiegħu.
Wegħda li Tfarraġ
3, 4. (a) Isaija jniżżel bil-miktub liema kliem taʼ faraġ li n-nies t’Alla se jkollhom bżonnu iktar tard? (b) L-abitanti taʼ Ġuda u Ġerusalemm għala se jittieħdu fl-eżilju lejn Babilonja, u kemm se jdum il-jasar tagħhom?
3 Fit-tmien seklu Q.E.K., il-profeta Isaija jniżżel bil-miktub kliem taʼ faraġ li n-nies taʼ Jehovah se jkollhom bżonnu iktar tard. Eżatt wara li jgħid lis-Sultan Ħeżekija dwar il-qerda li riesqa fuq Ġerusalemm u l-eżilju tal-poplu Lhudi f’Babilonja, Isaija jippreżenta l-kliem taʼ Jehovah li jwiegħed restawr: “‘Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi,’ jgħid Alla tagħkom. ‘Kellmu lil qalb Ġerusalemm u għidulha li ntemm il-jasar tagħha, tħallset ħżunitha, ħadet mingħand il-Mulej darbtejn għal dnubietha kollha.’”—Isaija 40:1, 2.
4 “Farrġu,” l-ewwel kelma taʼ Isaija kapitlu 40, tiddeskrivi sew il-messaġġ taʼ dawl u tama li jinsab fil-bqija tal-ktieb taʼ Isaija. Talli saru apostati, l-abitanti taʼ Ġuda u Ġerusalemm se jittieħdu fl-eżilju lejn Babilonja fis-sena 607 Q.E.K. Imma dawk l-ilsiera Lhud m’humiex se jservu lill-Babiloniżi għal dejjem. Le, il-jasar tagħhom se jdum biss sakemm ‘jitħallas’ l-iżball tagħhom. Kemm se jkun twil dan iż-żmien? Skond il-profeta Ġeremija, 70 sena. (Ġeremija 25:11, 12) Wara dan, Jehovah se joħroġ lil fdal niedem minn Babilonja biex imur lura lejn Ġerusalemm. Wara 70 sena li Ġuda tkun ilha ħerba, x’faraġ se jkun għall-ilsiera li jirrealizzaw li ż-żmien għall-ħelsien imwiegħed tagħhom hu fil-qrib!—Danjel 9:1, 2.
5, 6. (a) Il-vjaġġ twil minn Babilonja sa Ġerusalemm għala mhux se jfixkel it-twettiq tal-wegħda t’Alla? (b) Il-fatt li l-Lhud se jittieħdu lura lejn pajjiżhom liema effett se jkollu fuq ġnus oħrajn?
5 Il-vjaġġ minn Babilonja sa Ġerusalemm huwa minn 800 sa 1,600 kilometru, jiddependi mir-rotta li tittieħed. Sejjer il-vjaġġ twil ifixkel it-twettiq tal-wegħda t’Alla? Assolutament le! Jikteb Isaija: “Leħen jgħajjat: ‘Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert, wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri. Jintradam kull wied, u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet; kull art imħattba titwitta, kull art imħarbta ssir maqgħad. U tfiġġ il-glorja tal-Mulej, u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa, għax fomm il-Mulej tkellem.’”—Isaija 40:3-5.
6 Qabel ma jerħulha għal fuq xi vjaġġ, il-ħakkiema tal-Lvant kienu spiss jibagħtu xi rġiel biex iħejju t-triq billi jwarrbu min-nofs xi ġebel kbir u saħansitra jibnu passaġġi u jwittu l-għoljiet. Fil-każ tal-Lhud li sejrin lura f’arthom, se jkun qisu li Alla nnifsu qiegħed fuq quddiem, iwarrab min-nofs kull xkiel. Wara kollox, dawn huma n-nies li jġorru isem Jehovah, u billi jwettaq il-wegħda tiegħu li jerġaʼ jreġġagħhom f’pajjiżhom, il-glorja tiegħu tkun tistaʼ tidher quddiem il-ġnus kollha. Hi x’inhi l-attitudni tagħhom, dawn il-ġnus se jiġu mġagħlin jaraw li Jehovah hu Dak li jwettaq il-wegħdi tiegħu.
7, 8. (a) Il-kliem taʼ Isaija 40:3 liema twettiq kellu fl-ewwel seklu E.K.? (b) Il-profezija taʼ Isaija kellha liema twettiq akbar fl-1919?
7 Dak li ġara lil-Lhud fis-sitt seklu Q.E.K. ma kienx l-uniku twettiq taʼ din il-profezija. Kien hemm ukoll twettiq fl-ewwel seklu E.K. Ġwanni l-Għammied kien il-leħen taʼ xi ħadd “jgħajjat fid-deżert,” bi twettiq taʼ Isaija 40:3. (Luqa 3:1-6) Taħt ispirazzjoni, Ġwanni applika kliem Isaija għalih innifsu. (Ġwann 1:19-23) Mis-sena 29 E.K., Ġwanni beda jħejji t-triq għal Ġesù Kristu. a It-taħbira li Ġwanni għamel bil-quddiem qanqlet lin-nies biex ifittxu l-Messija mwiegħed sabiex huma, min-naħa tagħhom, ikunu jistgħu jisimgħuh u jsegwuh. (Luqa 1:13-17, 76) Permezz taʼ Ġesù, Jehovah kien se jmexxi lil uħud li jindmu biex ikollhom il-libertà li s-Saltna t’Alla biss tistaʼ tipprovdi—ħelsien mill-jasar għad-dnub u l-mewt. (Ġwann 1:29; 8:32) Kliem Isaija kellu twettiq akbar meta l-fdal taʼ Iżrael spiritwali ġie meħlus minn Babilonja l-Kbira fl-1919 u reġaʼ ħa postu fil-qima vera.
8 Iżda, xi ngħidu għal dawk li se jibbenefikaw mill-ewwel twettiq tal-wegħda—l-ilsiera Lhud li hemm f’Babilonja? Jistgħu jafdawha tassew il-wegħda taʼ Jehovah li jerġaʼ jreġġagħhom lejn il-maħbub pajjiżhom? Dażgur li jistgħu! Bi kliem u tixbihat ċari daqs il-kristall meħudin mill-ħajja taʼ kuljum, Isaija issa jagħti raġunijiet qawwijin għala huma jistaʼ jkollhom fiduċja sħiħa li Jehovah se jwettaq kelmtu.
Alla li Kelmtu Tibqaʼ għal Dejjem
9, 10. Isaija kif jagħmel kuntrast bejn il-ġirja mgħaġġla tal-ħajja tal-bniedem u l-fatt li l-“kelma” t’Alla tibqaʼ għal dejjem?
9 L-ewwel, il-kelma taʼ Dak li jwiegħed it-tiġdid tibqaʼ għal dejjem. Jikteb Isaija: “U leħen qal: ‘Għajjat.’ U jien weġibt: ‘X’ngħajjat?’ Għid: ‘Kull bniedem ħaxix, u sbuħitu bħal ward ir-rabaʼ; jinxef il-ħaxix, jidbiel il-ward, meta minn fuqhom jgħaddi nifs il-Mulej. – Bħal ħaxix il-poplu – Il-ħaxix jinxef, u l-ward jidbiel, iżda l-kelma tal-Mulej tibqaʼ għal dejjem.’”—Isaija 40:6-8.
10 L-Iżraelin jafu tajjeb li l-ħaxix ma jibqax għal dejjem. Matul l-istaġun tan-nixfa, is-sħana tikwi tax-xemx tibdlu minn aħdar għal kannella maħruq. F’xi aspetti, il-ħajja tal-bniedem hi bħall-ħaxix—tgħaddi malajr wisq. (Salm 103:15, 16; Ġakbu 1:10, 11) Isaija jagħmel kuntrast bejn il-ġirja mgħaġġla tal-ħajja tal-bniedem u l-fatt li l-“kelma,” jew l-iskop mistqarr, t’Alla tibqaʼ għal dejjem. Iva, il-“kelma tal-Mulej” tagħna tibqaʼ għal dejjem. Meta jitkellem Alla, ħadd u xejn ma jistaʼ jħassar kliemu jew iżommu milli jitwettaq.—Ġożwè 23:14.
11. Għala nistgħu nafdawh lil Jehovah biex iwettaq il-wegħdi li hemm fil-Kelma miktuba tiegħu?
11 Illum għandna l-istqarrija dwar l-iskop taʼ Jehovah miktuba fil-Bibbja. Din iffaċċjat oppożizzjoni ħarxa matul is-sekli, u tradutturi u nies qalbenin oħrajn issograw ħajjithom biex din tibqaʼ ħajja. Madankollu, l-isforzi tagħhom biss ma jispjegawx għala baqgħet teżisti. Il-kredtu kollu għala din baqgħet teżisti jrid jingħata lil Jehovah, ‘Alla li jgħix u jibqaʼ għal dejjem’ u Dak li jżomm ħajja l-Kelma tiegħu. (1 Pietru 1:23-25) Aħseb ftit: Ladarba Jehovah żamm ħajja l-Kelma miktuba tiegħu, ma nistgħux aħna nafdawh biex iwettaq il-wegħdi li fiha?
Alla Qawwi li Jieħu Ħsieb in-Nagħaġ Tiegħu bi Ħlewwa Kbira
12, 13. (a) Għala nistgħu nafdaw fil-wegħda taʼ tiġdid? (b) X’aħbar tajba hemm għall-eżiljati Lhud, u għala jistaʼ jkollhom fiduċja?
12 Isaija jagħti t-tieni raġuni għala nistgħu nafdaw fil-wegħda taʼ tiġdid. Dak li jagħmel il-wegħda hu Alla qawwi li jieħu ħsieb in-nies tiegħu bi ħlewwa kbira. Ikompli Isaija: “Itlaʼ fuq il-muntanja għolja, int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon; għolli leħnek bil-qawwa kollha, int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm; għajjat, la tibżax. Għid lill-ibliet taʼ Ġuda: ‘Hawn hu Alla tagħkom!’ Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa, u jaħkem bil-qawwa taʼ driegħu. Hawn hu bi ħlasu miegħu, u r-rebħa tiegħu quddiemu. Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu; bi driegħu jiġmagħha, u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom; u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom.”—Isaija 40:9-11.
13 Fi żminijiet Bibliċi kienet id-drawwa li n-nisa jiċċelebraw ir-rebħiet, billi jgħollu leħinhom jew jgħannu l-aħbar tajba dwar il-battalji mirbuħin jew dwar is-serħan li jkun ġej. (1 Samwel 18:6, 7; Salm 68:12 [68:11, NW]) Isaija jindika b’mod profetiku li hemm aħbar tajba għall-eżiljati Lhud, aħbar li tistaʼ tiġi mgħajta bla biżaʼ, saħansitra minn fuq il-qċaċet tal-muntanji—Jehovah se jmexxi lin-nies tiegħu lura lejn il-maħbuba tagħhom Ġerusalemm! Jistgħu jkunu fiduċjużi, għax Jehovah “ġej bil-qawwa.” Għalhekk, ħadd u xejn ma jistaʼ jżommu milli jwettaq il-wegħda tiegħu.
14. (a) Isaija kif ixebbah il-mod taʼ ħlewwa li bih Jehovah se jmexxi lin-nies tiegħu? (b) Liema eżempju juri kif ir-rgħajja jieħdu ħsieb in-nagħaġ tagħhom bi ħlewwa kbira? (Ara l-kaxxa f’paġna 405.)
14 Madankollu, hemm l-aspett ġentili f’dan Alla qawwi. Isaija jiddeskrivi bi mħabba kif Jehovah se jmexxi lin-nies tiegħu lura lejn pajjiżhom. Jehovah hu bħal ragħaj li jħobb u li jiġbor flimkien il-ħrief tiegħu u jġorrhom fi “ħdanu.” Milli jidher il-kelma “ħdanu” hawnhekk tirreferi għall-kfief fil-parti taʼ fuq tal-libsa. Huwa hawnhekk li r-rgħajja kultant iġorru l-ħrief li jkunu għadhom kif twieldu u li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mal-merħla. (2 Samwel 12:3) Xena kommoventi bħal din mill-ħajja tar-rgħajja bla dubju tassigura lin-nies eżiljati taʼ Jehovah kemm hu jieħu ħsiebhom b’imħabba. Ċertament li dan Alla qawwi u li fl-istess ħin juri ħlewwa kbira jistaʼ jiġi fdat li jwettaq dak li wegħedhom!
15. (a) Jehovah meta ġie “bil-qawwa,” u min hu d-‘driegħ li qed jaħkem għalih’? (b) Liema aħbar tajba trid tixxandar bla biżaʼ?
15 Kliem Isaija hu mimli tifsir profetiku għal żmienna. Fl-1914, Jehovah ġie “bil-qawwa” u stabbilixxa s-Saltna tiegħu fis-smewwiet. Id-‘driegħ li qed jaħkem għalih’ hu Ibnu, Ġesù Kristu, li lilu Jehovah tah it-tron tiegħu fis-sema. Fl-1919, Jehovah ħeles lill-qaddejja midlukin tiegħu fuq l-art mill-jasar taħt Babilonja l-Kbira u beda jieħu ħsieb li l-qima safja taʼ dak Alla ħaj u veru terġaʼ tieħu postha għalkollox. Din hi aħbar tajba li trid tixxandar bla biżaʼ, bħallikieku b’leħen għoli minn fuq il-qċaċet tal-muntanji sabiex il-bxara tinfirex maʼ l-erbat irjieħ. Għalhekk, ejja ngħollu leħinna u bil-qlubija nħallu lil oħrajn ikunu jafu li Alla Jehovah ħa ħsieb biex il-qima safja tiegħu terġaʼ tieħu postha fuq din l-art!
16. Jehovah b’liema mod imexxi lin-nies tiegħu llum, u dan liema mudell jistabbilixxi?
16 Il-kliem taʼ Isaija 40:10, 11 għandu iktar valur prattiku għalina llum. Huwa taʼ faraġ li ninnotaw il-ħlewwa kbira li biha Jehovah jmexxi lin-nies tiegħu. Sewwa sew bħalma ragħaj jifhem il-ħtiġijiet taʼ kull waħda min-nagħaġ tiegħu—inkluż il-ħrief ċkejknin li ma jistgħux ilaħħqu mal-bqija tal-merħla—Jehovah jaf safejn jistgħu jaslu kull wieħed u waħda mill-qaddejja leali tiegħu. Iżjed minn hekk, Jehovah, bħala Ragħaj li juri ħlewwa kbira, jistabbilixxi mudell għar-rgħajja Kristjani. L-anzjani jridu jittrattaw il-merħla bil-ħlewwa, waqt li jimitaw il-mod kif Jehovah nnifsu jieħu ħsiebha b’imħabba. Dejjem iridu jżommu f’moħħhom kif iħossu Jehovah dwar kull membru tal-merħla, “li hu xtara bid-demm taʼ Ibnu stess.”—Atti 20:28, NW.
Bla Limitu fil-Qawwa u fl-Għerf
17, 18. (a) L-eżiljati Lhud għala jistaʼ jkollhom fiduċja fil-wegħda taʼ tiġdid? (b) Isaija jqajjem liema mistoqsijiet li jħalluk b’ħalqek miftuħ?
17 L-eżiljati Lhud jistaʼ jkollhom fiduċja fil-wegħda taʼ tiġdid għaliex Alla hu bla limitu fil-qawwa u fl-għerf. Jgħid Isaija: “Min kejjel il-baħar f’qiegħ idu, jew qies bix-xiber il-wisaʼ tas-sema? Min ġabar it-trab taʼ l-art ġo kejla, jew wiżen bi stasija l-muntanji, u b’miżien l-għoljiet? Min mexxa l-ispirtu tal-Mulej, x’kunsillier kellu biex jgħallmu? Lil min talab parir biex jiftaħlu għajnejh; jew min għallmu jġib ruħu bil-ġustizzja, biex jagħtih id-dawl u l-għerf, u jqabbdu t-triq taʼ l-għaqal?”—Isaija 40:12-14.
18 Dawn huma mistoqsijiet li jħallu lill-eżiljati Lhud b’ħalqhom miftuħ hekk kif huma jimmeditaw fuqhom. Jistgħu sempliċi bnedmin ireġġgħu lura l-mili u t-tifrigħ taʼ l-ibħra setgħanin? Dażgur li le! Madankollu, għal Jehovah, l-ibħra li jiksu l-art huma bħal qatra ilma fil-pala t’idu. b Jistgħu l-bnedmin fiċ-ċokon tagħhom ikejlu l-firxa tas-smewwiet mimlija kwiekeb jew jiżnu l-muntanji u l-għoljiet taʼ l-art? Le. Madankollu, il-mod kif Jehovah jkejjel is-smewwiet qisu raġel li jkejjel xi oġġett b’xiber—id-distanza mit-tarf tas-sabaʼ l-kbir sat-tarf tas-sabaʼ ż-żgħir taʼ l-id miftuħa. Alla jistaʼ bħallikieku jiżen il-muntanji u l-għoljiet fuq miżien. Jistgħu saħansitra l-iktar nies għorrief jagħtu parir lil Alla dwar x’għandu jagħmel taħt iċ-ċirkustanzi preżenti jew jgħidulu x’għandu jagħmel fil-futur? Ċertament li le!
19, 20. Biex jenfasizza l-kobor taʼ Jehovah, Isaija juża liema tixbihat ċari daqs il-kristall?
19 Xi ngħidu għall-ġnus setgħanin taʼ l-art—jistgħu dawn jirreżistu lil Alla hekk kif iwettaq il-kelma tal-wegħda tiegħu? Isaija jwieġeb billi jiddeskrivi l-ġnus kif ġej: “Ara, il-ġnus bħal qatra waħda minn barmil ilma, bħal għabra trab f’miżien, hekk qishom! Ara, ix-xtut ma jiżnux aktar minn traba. Is-siġar tal-Libanu m’humiex biżżejjed biex bihom tqabbad in-nar; anqas il-bhejjem tiegħu m’huma biżżejjed biex toffri lil Alla sagrifiċċju tal-ħruq. Il-ġnus kollha qishom xejn quddiemu: huma għalih ħwejjeġ fiergħa u battala.”—Isaija 40:15-17.
20 Għal Jehovah, ġnus sħaħ huma bħal qatra ilma li tqattar minn barmil. M’humiex iktar mill-għabra li tinġemaʼ fuq miżien, bla effett taʼ xejn. c Nassumu li xi ħadd kellu jibni artal enormi u juża bħala ħatab għall-artal is-siġar kollha li jgħattu l-muntanji tal-Libanu. Imbagħad nassumu li kellu joffri bħala sagrifiċċji l-annimali kollha li jiġġerrew fuq dawn il-muntanji. Saħansitra offerta bħal din ma kinitx tkun denja għal Jehovah. Bħallikieku t-tixbihat li uża s’issa ma kinux biżżejjed, Isaija jirrikorri għal stqarrija saħansitra iktar qawwija—il-ġnus kollha huma “anqas mix-xejn” f’għajnejn Jehovah.—Isaija 40:17, KŻ.
21, 22. (a) Isaija kif jenfasizza li Jehovah m’hawnx bħalu? (b) Id-deskrizzjonijiet taʼ Isaija li huma ċari daqs il-kristall iwassluna għal liema konklużjoni? (ċ) Il-profeta Isaija jagħmel liema stqarrija li hi provata mix-xjenza? (Ara l-kaxxa f’paġna 412.)
21 Biex ikompli jenfasizza li lil Jehovah ma tistaʼ tqabblu maʼ ħadd u maʼ xejn, Isaija jissokta juri l-bluha taʼ dawk li jagħmlu l-idoli mid-deheb, fidda, jew injam. Xi bluha li taħseb li xi idolu bħal dan jistaʼ jirrappreżenta kif jixraq lil Dak li “jgħammar ’il fuq minn ħnejjet l-art” u li għandu s-setgħa fuq l-abitanti tagħha!—Aqra Isaija 40:18-24.
22 Dawn id-deskrizzjonijiet kollha li huma ċari daqs il-kristall iwassluna għal konklużjoni waħda—ħadd u xejn ma jistaʼ jżomm lil Jehovah, li m’hawnx bħalu u li hu bla limitu fil-qawwa u fl-għerf, milli jwettaq il-wegħda tiegħu. Min jaf kemm kliem Isaija farraġ u saħħaħ lill-eżiljati Lhud f’Babilonja li kienu mxennqin biex jirritornaw lejn pajjiżhom! Illum aħna wkoll jistaʼ jkollna fiduċja li l-wegħdi taʼ Jehovah dwar il-futur tagħna se jsiru realtà.
“Min Ħalaqhom Dawn il-Ħlejjaq Kollha?”
23. L-eżiljati Lhud għal liema raġuni jistgħu jqawwu qalbhom, u Jehovah issa x’jenfasizza dwaru nnifsu?
23 Hemm jerġaʼ raġuni oħra għala l-eżiljati Lhud jistgħu jqawwu qalbhom. Dak li jwiegħed ħelsien hu l-Ħallieq taʼ l-affarijiet kollha u s-Sors taʼ l-enerġija fiżika kollha. Biex jenfasizza l-kapaċità taʼ l-għaġeb tiegħu, Jehovah jiġbed l-attenzjoni lejn l-abbiltà tiegħu li tidher fil-ħolqien: “‘Maʼ min ixxebbhuni jew tqabbluni?’ jistaqsi l-Qaddis. ‘Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw: min ħalaqhom dawn il-ħlejjaq kollha? Imexxi u jgħodd l-eżerċti tiegħu, u jsejjħilhom b’isimhom wieħed wieħed. Bis-saħħa taʼ qawwietu, bil-qawwa taʼ setgħetu, ħadd minnhom ma jonqos.’”—Isaija 40:25, 26.
24. Billi jitkellem għalih innifsu, Jehovah kif juri li m’hawn ħadd bħalu?
24 Il-Qaddis taʼ Iżrael qiegħed jitkellem għalih innifsu. Biex juri li m’hawn ħadd bħalu, Jehovah jiġbed l-attenzjoni lejn il-kwiekeb tas-smewwiet. Bħal kmandant militari li għandu l-ħila jiggwida lit-truppi tiegħu, Jehovah qiegħed jikkmanda l-kwiekeb. Kieku kellu jsejħilhom, ‘ħadd minnhom ma kien jonqos.’ Għalkemm l-għadd tal-kwiekeb huwa kbir, hu jsejjaħ lil kull waħda b’isimha—isem individwali jew titlu. Bħal suldati ubbidjenti, dawn iżommu posthom u josservaw l-ordni xieraq, għax il-Mexxej tagħhom għandu ‘saħħa f’qawwietu u setgħa kbira.’ Għalhekk, l-eżiljati Lhud għandhom għalfejn ikunu fiduċjużi. Il-Ħallieq, li jikkmanda l-kwiekeb, għandu l-qawwa biex iwieżen lill-qaddejja tiegħu.
25. Kif nistgħu nwieġbu għall-istedina divina li nsibu f’Isaija 40:26, u dan x’effett se jkollu?
25 Min minna jistaʼ jirreżisti l-istedina divina li nsibu f’Isaija 40:26: “Erfgħu għajnejkom ’il fuq u araw”? L-iskoperti li għamlu l-astronomi taʼ żmienna wrew li s-smewwiet bil-kwiekeb huma saħansitra iktar taʼ l-għaġeb minn kif kienu jidhru li huma fi żmien Isaija. L-astronomi li jittawlu fis-smewwiet bit-teleskopji qawwija tagħhom jikkalkulaw li l-univers li jistaʼ jiġi osservat fih xejn inqas minn 125 biljun galassja. Per eżempju, f’waħda minnhom biss—il-galassja Triq tal-Ħalib—hemm, skond xi kalkoli, iktar minn 100 biljun kewkba! Dan l-għarfien għandu jqanqal fi qlubna rispett profond lejn il-Ħallieq tagħna u fiduċja sħiħa fil-kelma tal-wegħda tiegħu.
26, 27. Kif inhuma deskritti s-sentimenti taʼ l-eżiljati f’Babilonja, u liema affarijiet suppost jafu?
26 Billi jaf li s-snin fil-jasar se jmewtu l-ispirtu taʼ l-eżiljati Lhud, Jehovah jispira lil Isaija biex jikteb bil-quddiem dan il-kliem taʼ rassigurazzjoni: “Għaliex titkellem Ġakobb, u int, Iżrael, tgħid: ‘Triqti moħbija mill-Mulej, u mwarrab il-jedd tiegħi minn Alla?’ Jaqaw ma tafx, lanqas ma smajt, ‘Il-Mulej hu Alla taʼ dejjem, il-ħallieq taʼ truf l-art?’ Ma jegħja qatt, u ma jinkeddx, l-għerf tiegħu ma ssibx tarfu.”—Isaija 40:27, 28. d
27 Isaija jikteb il-kliem taʼ Jehovah li jiddeskrivi s-sentimenti taʼ l-eżiljati f’Babilonja, mijiet taʼ kilometri ’l bogħod minn pajjiżhom. Xi wħud jaħsbu li t-“triq” tagħhom—il-korsa iebsa taʼ ħajjithom—ma tidhirx jew mhix magħrufa minn Alla tagħhom. Huma jaħsbu li Jehovah ma jimpurtahx mill-inġustizzji li jsofru. Jiġu mfakkrin dwar affarijiet li suppost jafu, jekk mhux mill-esperjenza persunali, għallinqas minn tagħrif li twasslilhom. Jehovah kapaċi u lest li jeħles lin-nies tiegħu. Hu dak Alla etern u l-Ħallieq taʼ l-art kollha. Għaldaqstant, hu għad għandu l-qawwa li wera fil-ħolqien, u saħansitra s-setgħana Babilonja mhix se teħlisha minn taħt idejh. Alla bħal dan ma jistax jegħja u jiddiżappunta lin-nies tiegħu. Dawn m’għandhomx jistennew li jkunu kapaċi jifhmu għalkollox dak li jagħmel Jehovah, għax l-għerf tiegħu—jew id-dehen, il-fehma u l-intelliġenza tiegħu—ma jistgħux ilaħħqu miegħu.
28, 29. (a) Jehovah kif ifakkar lin-nies tiegħu li hu se jgħin lill-għajjenin? (b) Liema tixbieha tintuża biex turi kif Jehovah jagħti l-qawwa lill-qaddejja tiegħu?
28 Permezz taʼ Isaija, Jehovah jkompli jinkuraġġixxi lill-eżiljati li huma b’qalbhom maqtugħa: “Hu li jagħti l-qawwa lill-għajjien, u jkattar il-qawwa lil min hu bla saħħa. Jintelqu ż-żgħażagħ u jegħjew, fl-aħjar tagħhom jogħtru l-irġiel. Imma dawk li jittamaw fil-Mulej jieħdu saħħithom, itellgħu l-ġwienaħ bħall-ajkli, jiġru bla ma jegħjew, jimxu bla ma jintelqu.”—Isaija 40:29-31.
29 Meta jitkellem dwar il-ħtieġa li jagħti l-qawwa lill-għajjien, Jehovah forsi għandu f’moħħu l-vjaġġ strapazzuż li se jkollhom jagħmlu l-eżiljati sabiex jirritornaw lejn arthom. Jehovah jfakkar lin-nies tiegħu li waħda mill-affarijiet li jħobb jagħmel hi li jgħin lill-għajjenin li jfittxu l-appoġġ tiegħu. Saħansitra l-iktar bnedmin li huma fuq ruħhom—iż-“żgħażagħ” u “l-irġiel”—jistgħu jegħjew bix-xogħol u jaqgħu żorba. Madankollu, Jehovah jwiegħed li jagħti l-qawwa—qawwa bla ma jgħejjew biex jiġru u jimxu—lil dawk li qegħdin jafdaw fih. L-ajkla, tajra b’saħħitha li tistaʼ ttir fl-għoli għal sigħat sħaħ f’titjira li donnha ssir mingħajr ebda sforz, tintuża biex turi kif Jehovah jagħti l-qawwa lill-qaddejja tiegħu. e Bi prospetti t’appoġġ divin bħal dan, l-eżiljati Lhud m’għandhomx għalfejn jiddispraw.
30. Il-Kristjani veri llum kif jistgħu jieħdu l-faraġ mill-aħħar versi taʼ Isaija kapitlu 40?
30 Dawn l-aħħar versi taʼ Isaija kapitlu 40 fihom kliem taʼ faraġ għall-Kristjani veri li qegħdin jgħixu fl-aħħar jiem taʼ din is-sistema mill-agħar. B’tant pressjonijiet u problemi li għandhom ħabta jaqtgħulna qalbna, iserrħilna moħħna li nkunu nafu li Alla tagħna jinnota t-tbatijiet li nissaportu u l-inġustizzji li nsofru. Nistgħu nkunu ċerti li l-Ħallieq taʼ l-affarijiet kollha, Dak li hu “bla tarf id-dehen tiegħu,” se jsewwi l-inġustizzji kollha meta jasal il-waqt u bil-mod kif jaf hu. (Salm 147:5, 6) Sadanittant, m’għandniex għalfejn nissaportu u nistrieħu fuq is-saħħa tagħna biss. Jehovah, li r-riżorsi tiegħu ma jispiċċaw qatt, jistaʼ jagħti l-qawwa—saħansitra “qawwa iktar min-normal”—lill-qaddejja tiegħu fi żminijiet taʼ prova.—2 Korintin 4:7.
31. Il-profezija taʼ Isaija liema wegħda taʼ dawl kien fiha għall-ilsiera Lhud f’Babilonja, u f’liema ħaġa jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa?
31 Aħseb dwar dawk l-ilsiera Lhud f’Babilonja fis-sitt seklu Q.E.K. Mijiet taʼ kilometri ’l bogħod, il-maħbuba tagħhom Ġerusalemm kienet ħerba u t-tempju tagħha f’rovina. Għalihom, il-profezija taʼ Isaija kien fiha wegħda taʼ faraġ b’dawl u tama—Jehovah kien se jerġaʼ jreġġagħhom lejn pajjiżhom! Fis-sena 537 Q.E.K., Jehovah wassal lin-nies tiegħu f’arthom, u b’hekk wera li hu Dak li jwettaq il-wegħdi. Aħna wkoll jistaʼ jkollna fiduċja sħiħa f’Jehovah. Il-wegħdi tiegħu dwar is-Saltna, li huma miktubin bi kliem tant sabiħ fil-profezija taʼ Isaija, se jsiru realtà. Din tabilħaqq li hi aħbar tajba—messaġġ taʼ dawl għall-bnedmin kollha!
[Noti taʼ taħt]
a Isaija jbassar it-tħejjija tat-triq quddiem Jehovah. (Isaija 40:3) Madankollu, l-Evanġelji japplikaw din il-profezija għal dak li għamel Ġwanni l-Għammied biex iħejji t-triq għal Ġesù Kristu. Il-kittieba mnebbħin taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana applikaw dan b’dan il-mod għaliex Ġesù rrappreżenta lil Missieru u ġie f’isem Missieru.—Ġwann 5:43; 8:29.
b Ġie kalkulat li “l-massa taʼ l-oċeani hi bejn wieħed u ieħor 1.35 kwintiljun (1,350,000,000,000,000,000) tunnellata metrika, jew madwar 1 minn 4,400 mill-massa totali taʼ l-Art.”—Encarta 97 Encyclopedia.
c The Expositor’s Bible Commentary jinnota: “Fin-negozju li kien isir fis-swieq tal-Lvant Qarib ma kinitx tiġi kalkulata l-qatra ilma li tibqaʼ fil-qiegħ tal-barmil li kien jintuża bħala kejl jew l-għabra trab taʼ fuq il-miżien meta kien jintiżen il-laħam jew il-frott.”
d F’Isaija 40:28, l-espressjoni “taʼ dejjem” tfisser “għal dejjem,” għax Jehovah hu s-“Sultan taʼ dejjem.”—1 Timotju 1:17.
e L-ajkla tibqaʼ ttir fl-għoli mingħajr ma taħli wisq enerġija. Dan tagħmlu billi b’sengħa kbira tagħmel użu mill-irqajjaʼ taʼ arja sħuna li jkun hemm fl-għoli.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa/Stampa f’paġna 404, 405]
Jehovah, Ragħaj li Jħobb
Isaija jqabbel lil Jehovah maʼ ragħaj li jħobb u li jġorr il-ħrief tiegħu fi ħdanu. (Isaija 40:10, 11) Milli jidher Isaija jibbaża din it-tixbieha sabiħa fuq dak li jagħmlu r-rgħajja fil-ħajja tagħhom taʼ kuljum. Wieħed li dan l-aħħar osserva lil xi rgħajja fuq il-ġnub tal-Muntanja Ħermon fil-Lvant Nofsani jirrapporta: “Kull ragħaj osserva mill-qrib il-merħla tiegħu biex jara jekk hux kollox sejjer sew. Meta kien isib xi ħaruf li jkun għadu kif twieled kien ipoġġih fil-kfief . . . taʼ ħwejġu, ladarba dan kien ikun dgħajjef wisq biex ilaħħaq m’ommu. Meta ħdanu kien jimtela, kien ipoġġi l-ħrief fuq spallejh, billi jżommhom minn saqajhom, jew f’barżakka jew qoffa fuq dahar xi ħmar, sakemm iż-żgħar kienu jkunu jistgħu jlaħħqu maʼ l-ommijiet.” M’huwiex taʼ faraġ li nkunu nafu li aħna naqdu lil Alla li jieħu ħsieb in-nies tiegħu b’mod daqshekk ħlejju?
[Kaxxa/Stampa f’paġna 412]
X’Forma Għandha l-Art?
Fil-qedem, in-nies in ġenerali kienu jemmnu li l-art kienet ċatta. Madankollu, minn kmieni lura fis-sitt seklu Q.E.K., il-filosfu Grieg Pitagora ħareġ bit-teorija li l-art bilfors li hi sfera. Xorta waħda, żewġ sekli qabel ma Pitagora ħareġ bit-teorija tiegħu, il-profeta Isaija stqarr b’ċarezza u ċertezza straordinarji: “Hu jgħammar ’il fuq minn ħnejjet l-art.” (Isaija 40:22, korsiv tagħna.) Il-kelma Ebrajka chugh hawnhekk tradotta “ħnejjet” tistaʼ tiġi tradotta “sfera.” Taʼ interess, huwa biss oġġett forma taʼ sfera li jidher bħala ċirku minn kull anglu. f Għalhekk, ferm qabel żmienu, il-profeta Isaija kiteb stqarrija li hi provata mix-xjenza u ma tinkludix ħrejjef tal-qedem.
[Nota taʼ taħt]
f Fi kliem tekniku, l-art hi sferojdi oblata. Tonda u kemxejn ċatta fil-poli.
[Stampa f’paġna 403]
Ġwanni l-Għammied kien leħen “jgħajjat fid-deżert”