Gwaj għall-Għalqa tad-Dwieli Infidila!
Kapitlu Sebgħa
Gwaj għall-Għalqa tad-Dwieli Infidila!
1, 2. “Il-maħbub” x’iħawwel, imma din kif tiddiżappuntah?
“DIN il-parabbola kważi m’hawnx oħra tal-kalibru tagħha għas-sbuħija skwiżita tal-lingwaġġ u s-sengħa gwappa f’dik li hi komunikazzjoni effettiva.” Hekk qal wieħed kummentatur tal-Bibbja meta rrefera għall-ewwel versi taʼ Isaija kapitlu 5. Kliem Isaija m’huwiex biss kapulavur, imma jagħti wkoll deskrizzjoni kommoventi taʼ kif Jehovah b’imħabba jieħu ħsieb il-poplu tiegħu. Fl-istess waqt, dan il-kliem iwissina kontra affarijiet li ma jogħġbuhx.
2 Il-parabbola taʼ Isaija tibda hekk: “Ħa ngħanni lill-maħbub tiegħi l-għanja taʼ mħabbtu għall-għalqa tad-dwieli tiegħu. Il-maħbub tiegħi kellu għalqa tad-dwieli fuq għolja għammiela. Għażaqha u naddafha miż-żrar, u ħawwel fiha dwieli mill-aħjar; bena torri f’nofsha, u wkoll ħaffer magħsar fiha. Stennieha tagħmel l-għeneb tajjeb, iżda kull ma għamlet kien għeneb qares.”—Isaija 5:1, 2; qabbel Mark 12:1.
Il-Kura taʼ l-Għalqa tad-Dwieli
3, 4. Liema kura b’imħabba tingħata lill-għalqa tad-dwieli?
3 Kemm jekk Isaija jgħanni letteralment din il-parabbola lis-semmiegħa tiegħu u kemm jekk le, din żgur li tiġbdilhom l-attenzjoni. Il-biċċa l-kbira x’aktarx li huma familjari maʼ kif titħawwel għalqa tad-dwieli, u d-deskrizzjoni taʼ Isaija hija ħajja u realistika. Bħal dawk li jkabbru d-dwieli llum, sid l-għalqa tad-dwieli ma jħawwilx żrieragħ taʼ l-għeneb, imma fergħa jew żarġun minn dielja oħra biex ikollu “dwieli mill-aħjar,” taʼ kwalità għolja. B’mod xieraq, hu jħawwel din l-għalqa tad-dwieli “fuq għolja għammiela,” post fejn għalqa tad-dwieli tistaʼ tiffjorixxi.
4 Biex għalqa tad-dwieli tagħmilha tipproduċi trid verament taqtaʼ bi snienek. Isaija jiddeskrivi lis-sid bħala li qed ‘jagħżaq l-art u jnaddafha miż-żrar’—xogħol tedjanti li jħallik bla nifs! Hu x’aktarx li juża l-ġebel il-kbir ‘biex jibni torri.’ Fil-qedem, dawn it-torrijiet kienu jservu bħala stazzjonijiet għall-għassiesa li kienu jgħassu l-uċuħ tar-rabaʼ mill-ħallelin u l-annimali. a Ukoll, hu jibni ħajt tal-ġebel madwar l-għalqa tad-dwieli. (Isaija 5:5) Dan spiss kien isir biex il-ħamrija vitali tal-wiċċ ma tkunx tistaʼ tinġarr maʼ l-ilma.
5. Is-sid x’jistenna b’mod xieraq mill-għalqa tad-dwieli tiegħu, imma x’jieħu?
5 Billi ħadem daqshekk iebes biex jipproteġi l-għalqa tad-dwieli tiegħu, is-sid għandu kull dritt li jistenna li din tagħmel il-frott. B’dan f’moħħu, hu jħaffer magħsar taʼ l-inbid. Imma sseħħ it-tama tiegħu għall-ħsad? Le, l-għalqa tad-dwieli tipproduċi għeneb qares.
L-Għalqa tad-Dwieli u Sidha
6, 7. (a) Min hu sid l-għalqa tad-dwieli, u x’inhi l-għalqa tad-dwieli? (b) Is-sid jinkuraġġixxi liema ħaqq?
6 Min hu s-sid, u x’inhi l-għalqa tad-dwieli? Sid l-għalqa tad-dwieli jindika t-tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet meta hu nnifsu jgħid: “U issa, intom li tgħammru f’Ġerusalemm, rġiel taʼ Ġuda, agħmlu intom ħaqq bejni u bejn l-għalqa tad-dwieli tiegħi. X’kien fadalli nagħmel għall-għalqa tiegħi u ma għamiltux? Stennejtha tagħmel għeneb tajjeb, u kull ma għamlet kien għeneb qares. U issa ħa nurikom x’sejjer nagħmel jien lill-għalqa tiegħi tad-dwieli. Nneħħilha l-ilqugħ taʼ madwarha, u jħarbtuha; nġarrfilha l-ħajt, biex in-nies tgħaffiġha.”—Isaija 5:3-5.
7 Iva, Jehovah hu sid l-għalqa tad-dwieli, u bħallikieku poġġa lilu nnifsu f’awla tal-qorti, u talab li jsir ħaqq bejnu u bejn l-għalqa tad-dwieli li ddiżappuntatu. Allura, x’inhi l-għalqa tad-dwieli? Jispjega s-sid: “L-għalqa tad-dwieli tal-Mulej taʼ l-eżerċti hija d-dar taʼ Iżrael; u l-irġiel taʼ Ġuda huma l-mixtla taʼ l-għalqa tiegħu.”—Isaija 5:7a.
8. X’hemm sinjifikanti dwar il-fatt li Isaija jsejjaħ lil Jehovah, il-“maħbub tiegħi”?
8 Lil Jehovah, li hu sid l-għalqa tad-dwieli, Isaija jsejjaħlu l-“maħbub tiegħi.” (Isaija 5:1) Isaija jistaʼ jitkellem b’dan il-mod intimu dwar Alla sempliċement għaliex għandu relazzjoni mill-qrib Miegħu. (Qabbel Ġob 29:4; Salm 25:14.) Madankollu, l-imħabba li kellu l-profeta għal Alla m’hi xejn meta tqabbilha maʼ l-imħabba li wera Alla għall-“għalqa tad-dwieli” tiegħu—il-ġens li kien “ħawwel.”—Qabbel Eżodu 15:17; Salm 80:9, 10 [80:8, 9, NW].
9. Jehovah kif ħa ħsieb il-ġens tiegħu bħal għalqa tad-dwieli taʼ valur?
9 Jehovah “ħawwel” il-ġens tiegħu fl-art taʼ Kangħan u tahom il-liġijiet u r-regolamenti tiegħu, li servew bħala ħajt biex ma jħalluhomx jiġu korrotti minn ġnus oħrajn. (Eżodu 19:5, 6; Salm 147:19, 20; Efesin 2:14) Barra minn hekk, Jehovah tahom imħallfin, qassisin, u profeti biex jgħallmuhom. (2 Slaten 17:13; Malakija 2:7; Atti 13:20) Meta Iżrael kien ikun mhedded minn xi aggressjoni militari, Jehovah kien iqajjem lil min jeħlishom. (Lhud 11:32, 33) Jehovah għandu raġun jistaqsi: “X’kien fadalli nagħmel għall-għalqa tiegħi u ma għamiltux?”
Nidentifikaw l-Għalqa tad-Dwieli t’Alla Llum
10. Ġesù ta liema parabbola li tinvolvi għalqa tad-dwieli?
10 Jistaʼ jkun li Ġesù kellu kliem Isaija f’moħħu meta rrakkonta l-parabbola tal-bdiewa qattiela: “Kien hemm wieħed, sid taʼ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa. U siefer f’art oħra.” Jiddispjaċina ngħidu, il-bdiewa ttradewh lil sid l-għalqa tad-dwieli, u saħansitra qatlulu lil ibnu. Ġesù ssokta juri li din il-parabbola ma kinitx tinvolvi biss lil Iżrael letterali meta qal: “Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna taʼ Alla tittieħed mingħandkom [Iżrael tal-laħam] u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha.”—Mattew 21:33-41, 43.
11. Liema għalqa tad-dwieli spiritwali eżistiet fl-ewwel seklu, imma x’ġara wara l-mewt taʼ l-appostli?
11 Dan il-“ġens” ġdid hu l-“Iżrael taʼ Alla”—ġens spiritwali taʼ Kristjani midlukin li b’kollox jgħoddu 144,000. (Galatin 6:16; 1 Pietru 2:9, 10; Apokalissi 7:3, 4) Ġesù qabbel lil dawn id-dixxipli maʼ “friegħi” fuq id-“dielja vera,” li tirrappreżenta lilu stess. Naturalment, dawn il-friegħi hu mistenni minnhom li jagħmlu l-frott. (Ġwann 15:1-5) Dawn iridu juru kwalitajiet bħal taʼ Kristu u jipparteċipaw fix-xogħol taʼ li jippridkaw “dan l-Evanġelju tas-Saltna.” (Mattew 24:14; Galatin 5:22, 23) Imma mindu mietu t-tnax-il appostlu, il-maġġuranza taʼ dawk li jsostnu li huma friegħi tad-“dielja vera” wrew li kienu foloz—billi pproduċew għeneb qares minflok frott tajjeb.—Mattew 13:24-30, 38, 39.
12. Kliem Isaija kif jikkundanna lill-Kristjaneżmu, imma x’lezzjoni fih għall-Kristjani veri?
12 Għalhekk, il-kundanna minn Isaija fuq Ġuda llum tapplika għall-Kristjaneżmu. Studju taʼ l-istorja tiegħu—il-gwerer tiegħu, il-kruċjati tiegħu, l-Inkwiżizzjonijiet tiegħu—jirrivela kemm kien qares il-frott tiegħu! Minkejja dan, il-Kristjani midlukin, il-vera għalqa tad-dwieli, u sħabhom tal-“kotra kbira” jridu jagħtu kas kliem Isaija. (Apokalissi 7:9) Jekk iridu jogħġbu lil sid l-għalqa tad-dwieli, dawn iridu, kemm individwalment u kemm bħala grupp, jipproduċu frott li jogħġob lilu.
“Għeneb Qares”
13. Jehovah x’se jagħmlilha l-għalqa tad-dwieli tiegħu minħabba li pproduċiet frott ħażin?
13 Billi għamel sforzi kbar biex irawwem u jikkultiva l-għalqa tad-dwieli tiegħu, Jehovah bi dritt jistennieha ssir ‘ġnejna tad-dwieli li fiha għaxqa!’ (Isaija 27:2) Madankollu, minflok ma tipproduċi frott li jittiekel, din tipproduċi “għeneb qares,” letteralment “żibel” jew “frott ħażin (imħassar).” (Isaija 5:2; nota taʼ taħt fin-NW; Ġeremija 2:21) Għalhekk, Jehovah jiddikjara li se jneħħi “l-ilqugħ” protettiv tiegħu minn madwar il-ġens. Il-ġens se jintgħamel “xagħra” u se jġarrab l-abbandun u n-nixfa. (Aqra Isaija 5:6.) Mosè kien wissiehom li kellhom jgħaddu minn dawn l-affarijiet jekk ma jobdux il-Liġi t’Alla.—Dewteronomju 11:17; 28:63, 64; 29:22, 23.
14. Jehovah liema frott jistenna mingħand il-ġens tiegħu, imma għall-kuntrarju dan x’jipproduċi?
14 Alla jistenna li l-ġens jipproduċi frott tajjeb. Mikea, il-kontemporanju taʼ Isaija, jiddikjara: “Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-imġiba tiegħek maʼ Alla tiegħek.” (Mikea 6:8; Żakkarija 7:9) Madankollu, il-ġens ma jagħtix kas it-twissija taʼ Jehovah. “[Alla] stenna l-ġustizzja, u araw sab it-tixrid tad-demm, stenna s-sewwa, u araw samaʼ l-għajat tal-maħqura.” (Isaija 5:7b) Mosè bassar li l-ġens żleali kien se jipproduċi għeneb velenuż “mid-dielja taʼ Sodoma.” (Dewteronomju 32:32) X’aktarx, allura, l-immoralità sesswali, inkluż l-omosesswalità, hija mod wieħed kif kienu qed jitbegħdu mil-Liġi t’Alla. (Levitiku 18:22) L-espressjoni “tixrid tad-demm” qed tiġi wżata minflok “ksur tal-liġi.” Imġiba brutali bħal din bla dubju rriżultat f’“għajat” mill-maħqurin—għajat li wasal f’widnejn Dak li ħawwel l-għalqa tad-dwieli.—Qabbel Ġob 34:28.
15, 16. Il-Kristjani veri kif jistgħu jevitaw li jipproduċu l-frott ħażin li pproduċa Iżrael?
15 Alla Jehovah “jħobb id-dritt u s-sewwa.” (Salm 33:5) Hu kkmanda lil-Lhud: “La tgħawwiġx fil-ħaqq li tagħmel; la tħarisx lejn wiċċ il-fqir; lanqas ma tweġġaħ lill-kbir għal wiċċu; imma tagħmel ħaqq mill-proxxmu tiegħek fis-sewwa.” (Levitiku 19:15) Għalhekk, ma rridux nuru parzjalità meta nittrattaw maʼ xulxin, u qatt ma nħallu affarijiet bħalma huma r-razza, l-età, l-għana, jew il-faqar jinfluwenzaw il-mod kif aħna niġġudikaw lin-nies. (Ġakbu 2:1-4) Huwa partikolarment importanti li dawk li jaqdu f’pożizzjonijiet taʼ indokrar ‘ma jxaqilbu lejn ħadd,’ waqt li jfittxu dejjem li jisimgħu ż-żewġ qniepen fi kwistjoni qabel ma jiġġudikaw.—1 Timotju 5:21; Proverbji 18:13.
16 Iżjed minn hekk, billi l-Kristjani qegħdin jgħixu f’dinja taʼ mingħajr liġi jkun faċli għalihom li jiżviluppaw attitudni negattiva jew ribelluża lejn il-livelli divini. Imma l-Kristjani veri jridu jkunu ‘lesti li jobdu’ l-liġijiet t’Alla. (Ġakbu 3:17, NW) Minkejja l-immoralità sesswali u l-vjolenza taʼ “din id-dinja ħażina tallum,” dawn jeħtieġ li ‘jqisu sewwa kif iġibu ruħhom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief.’ (Galatin 1:4; Efesin 5:15) Iridu jaħarbu ideat permissivi dwar is-sess, u meta jkun hemm xi nuqqas taʼ qbil, għandhom ifittxu li jintlaħaq ftehim mingħajr “saħna, korla, tagħjir, għajat.” (Efesin 4:31) Billi jikkultivaw it-tjieba, il-Kristjani veri jonoraw ’l Alla u jiksbu l-favur tiegħu.
Il-Prezz tar-Regħba
17. Liema kondotta mill-agħar hija kundannata fl-ewwel gwaj taʼ Isaija?
17 Fil-vers 8, Isaija m’għadux jikkwota kliem Jehovah. Waqt li jikkundanna xi ftit mill-“għeneb qares” prodott f’Ġuda, hu jlissen personalment l-ewwel wieħed minn sitt gwajijiet: “Gwaj għal dawk li jżidu dar maʼ dar, u jgħaqqdu għalqa maʼ għalqa, sakemm ma jibqax aktar wisaʼ u tibqgħu tgħammru weħidkom f’nofs il-pajjiż! Jien smajt b’widnejja l-Mulej taʼ l-eżerċti: ‘Naħlef li dawn il-ħafna djar isiru ħerba, djar kbar u sbieħ, u ħadd ma jgħammar fihom. Għax għaxar fiddien dwieli jagħtu bat wieħed; u ħomer żerriegħa jagħmlu efa.’”—Isaija 5:8-10.
18, 19. Il-kontemporanji taʼ Isaija kif jinjoraw il-liġijiet taʼ Jehovah rigward il-propjetà, u x’se jkun ir-riżultat għalihom?
18 F’Iżrael tal-qedem l-art kollha fl-aħħar mill-aħħar kienet tappartjeni lil Jehovah. Kull familja kellha wirt mogħti lilha minn Alla, li setgħet tikrih jew tisilfu imma qatt ma tbigħu “għal dejjem.” (Levitiku 25:23) Din il-liġi kienet tevita li jsiru l-abbużi, bħal monopolji fuq propjetà immobbli. Din ipproteġiet ukoll lill-familji milli jogħdsu iktar ’l isfel fil-faqar. Madankollu, xi wħud f’Ġuda kienu qed jiksru b’regħba l-liġijiet t’Alla rigward il-propjetà. Kiteb Mikea: “Jekk jitlebilbu għall-għelieqi, jisirquhom; jekk għad-djar, jaħtfuhom; jagħmlu l-vjolenza fuq raġel u daru, fuq is-sid u ġidu.” (Mikea 2:2) Imma Proverbji 20:21 iwissi: “Il-ġid miksub bl-għaġla mill-ewwel, ma jkollux barka fi tmiemu.”
19 Jehovah jwiegħed li jneżżaʼ lil dawn l-uħud rgħibin mill-ġid tagħhom miksub b’mezzi illeċiti. Id-djar li jaħtfu ‘ħadd ma se jgħammar fihom.’ L-artijiet li jixxennqu għalihom se jipproduċu sempliċi farka mill-kapaċità tagħhom. Ma jintqalx eżattament kif u meta se titwettaq din is-saħta. X’aktarx li tirreferi, għallinqas parti minnha, għall-kundizzjonijiet kaġunati mill-eżilju Babiloniż li kien ġej fil-futur.—Isaija 27:10.
20. Il-Kristjani llum kif jistgħu ma jimitawx l-attitudni taʼ regħba murija minn xi wħud f’Iżrael?
20 Il-Kristjani llum iridu jistmerru r-regħba bla xabaʼ bħal dik murija minn xi Iżraelin lura f’dak iż-żmien. (Proverbji 27:20) Meta l-affarijiet materjali jsiru importanti b’mod esaġerat, ikun faċli li dak li jkun jispiċċa li jagħmel kulma jiġi għal idejh biex jikseb il-flus. Wieħed jistaʼ faċilment jaqaʼ fin-nassa taʼ negozju diżonest jew xi proġetti mhux realistiċi li bihom isir sinjur f’ħakka t’għajn. “Kastig ikollu min irid jistagħna malajr.” (Proverbji 28:20) Kemm hu importanti, għalhekk, li nkunu kuntenti b’dak li għandna!—1 Timotju 6:8.
In-Nasba taʼ Divertiment Dubjuż
21. Liema dnubiet huma kundannati fit-tieni gwaj taʼ Isaija?
21 Imbagħad jiġi t-tieni gwaj taʼ Isaija: “Gwaj għal dawk li jbakkru fil-għodu, u jiġru għal wara s-sokor; jiddawwru billejl sa ma jisħnu bl-inbid. Kitarra u arpa, tanbur u flawt, u nbid x’jixorbu fl-ikliet tagħhom, u xejn ma jaħsbu f’għemil il-Mulej, u għemil idejh ma jagħtux kasu.”—Isaija 5:11, 12.
22. Liema nuqqas taʼ rażna jintwera f’Iżrael, u x’se jkun ir-riżultat għall-ġens?
22 Jehovah hu “Alla hieni” u ma jċaħħadx lill-qaddejja tiegħu minn rikreazzjoni raġunevoli. (1 Timotju 1:11, NW) Madankollu, dawn l-uħud li jiġru wara l-pjaċiri jaqbżu kull limitu! “Min jisker, jisker billejl,” tgħid il-Bibbja. (1 Tessalonikin 5:7) Imma x-xalaturi tal-profezija jibdew ilegilgu l-inbid malli titlaʼ x-xemx u jibqgħu jixorbu sa fil-għaxija! Huma jġibu ruħhom bħallikieku Alla ma jeżistix, bħallikieku mhux se jitlobhom kont taʼ dak li jagħmlu. Isaija jbassar futur ikrah għal uħud bħal dawn. “Għalhekk il-poplu tiegħi jitturufnawh, għax hu poplu bla moħħ. U l-kbarat tiegħu bil-ġuħ imutu, tinxef bil-għatx il-kotra tiegħu.” (Isaija 5:13) Peress li ma jridx jaġixxi skond l-għarfien veru, il-poplu f’patt m’Alla—il-kbar u ż-żgħar—se jinżel f’Xeol.—Aqra Isaija 5:14-17.
23, 24. Il-Kristjani huma mħeġġin li juru liema rażna u moderazzjoni?
23 It-“tbahrid,” jew ix-“xalar,” kien ukoll problema fost xi Kristjani fl-ewwel seklu. (Galatin 5:21; KŻ; 2 Pietru 2:13) Mela m’għandniex għalfejn nissorprendu ruħna li xi Kristjani dedikati llum urew nuqqas taʼ għaqal fejn għandhom x’jaqsmu l-laqgħat soċjali. L-użu bla kontroll taʼ xorb alkoħoliku ġagħal lil xi wħud isiru storbjużi u bla rażan. (Proverbji 20:1) Kien hemm saħansitra dawk li ġabu ruħhom b’mod immorali taħt l-influwenza taʼ ħafna alkoħol, u xi laqgħat soċjali tħallew jibqgħu sejrin kważi l-lejl kollu, u b’hekk fixklu l-attivitajiet Kristjani tal-ġurnata taʼ wara.
24 Madankollu, Kristjani bilanċjati jipproduċu frott kif irid Alla u jeżerċitaw ir-rażna u l-moderazzjoni meta jagħżlu r-rikreazzjoni. Huma jagħtu kas il-parir taʼ Pawlu li nsibu f’Rumani 13:13: “Ngħixu kif jixraq, bħal f’binhar; mhux bl-ikel iż-żejjed u s-sokor, mhux biż-żína u t-tbahrid.”
Nobogħdu d-Dnub u Nħobbu l-Verità
25, 26. Isaija jesponi liema raġunar mill-agħar min-naħa taʼ l-Iżraelin fit-tielet u r-rabaʼ gwaj tiegħu?
25 Ismaʼ issa t-tielet u r-rabaʼ gwaj taʼ Isaija: “Gwaj għal dawk li jiġbdu l-ħażen lejhom bil-ħbula tal-barrin; u d-dnub bil-ħbula tal-karrijiet. Gwaj għal dawk li jgħidu: ‘Ħa jfittex jagħmel li għandu jagħmel ħalli narawh; ħa joqrob u jseħħ ħsieb il-Qaddis taʼ Iżrael, ħalli nagħrfuh!’ Gwaj għal dawk li jsejjħu tajjeb il-ħażin, u ħażin it-tajjeb; u jibdlu d-dlam mad-dawl, li jibdlu l-morr mal-ħelu, u l-ħelu mal-morr.”—Isaija 5:18-20.
26 Xi stampa ħajja dik taʼ dawk li jipprattikaw id-dnub! Dawn jintrabtu mad-dnub bħalma bhejjem tal-ġbid ikunu marbutin mal-karettuni. Dawn il-midinbin ma jibżgħux minn xi jum taʼ ġudizzju li ġej. Biex iwaqqgħu kollox għaċ-ċajt jgħidu: “Ħa jfittex jagħmel li għandu jagħmel” Alla! Minflok ma jissottomettu ruħhom għal-Liġi t’Alla, dawn jgħawġu l-affarijiet, billi “jsejjħu tajjeb il-ħażin, u ħażin it-tajjeb.”—Qabbel Ġeremija 6:15; 2 Pietru 3:3-7.
27. Il-Kristjani llum kif jistgħu jevitaw attitudni bħal dik taʼ l-Iżraelin?
27 Il-Kristjani llum iridu jevitaw assolutament kull attitudni bħal din. Per eżempju, huma jirrifjutaw li jħaddnu l-ħarsa tad-dinja dwar li l-fornikazzjoni u l-omosesswalità huma aċċettabbli. (Efesin 4:18, 19) Veru, Kristjan għandu mnejn “jieħu xi pass falz” li jistaʼ jwasslu biex jikkommetti dnub serju. (Galatin 6:1, NW) L-anzjani fil-kongregazzjoni lesti li jgħinu lil dawk li jkunu waqgħu u jeħtieġu l-assistenza. (Ġakbu 5:14, 15) Bl-għajnuna tat-talb u taʼ pariri bbażati fuq il-Bibbja, ikun possibbli li wieħed jirkupra spiritwalment. Inkella, ikun hemm il-periklu li jsir ‘ilsir tad-dnub.’ (Ġwann 8:34) Minflok ma jwaqqgħu lil Alla għaċ-ċajt, u b’hekk ma jibqgħux konxji tal-jum taʼ ġudizzju li ġej, il-Kristjani jistinkaw biex jibqgħu “bla tebgħa u bla dnub” quddiem Jehovah.—2 Pietru 3:14; Galatin 6:7, 8.
28. Liema dnubiet huma kundannati fil-gwajijiet finali taʼ Isaija, u l-Kristjani llum kif jistgħu jevitawhom dawn id-dnubiet?
28 B’mod xieraq, Isaija jżid dawn il-gwajijiet finali: “Gwaj għal dawk li huma għorrief f’għajnejhom, u mingħalihom għandhom id-dehen. Gwaj għal dawk qalbiena għal xorb l-inbid, u rġiel jinqalgħu għat-taħlit taʼ xorb is-sokor. Gwaj għal dawk li jeħilsu l-ħati mit-tixħim; u mid-dritt tiegħu jċaħħdu l-bniedem sewwa.” (Isaija 5:21-23) B’mod evidenti, dan il-kliem kien indirizzat lil dawk li kienu jaqdu bħala mħallfin fil-pajjiż. L-anzjani tal-kongregazzjoni llum jevitaw li jkunu jidhru “għorrief f’għajnejhom.” Huma jaċċettaw umilment il-pariri mingħand sħabhom l-anzjani l-oħrajn u jżommu mill-qrib maʼ l-istruzzjonijiet organizzazzjonali. (Proverbji 1:5; 1 Korintin 14:33) Jużaw il-moderazzjoni f’dak li hu użu taʼ xorb alkoħoliku, u qatt ma jixorbu qabel ma jkunu se jwettqu xi responsabbiltà fil-kongregazzjoni. (Hosegħa 4:11) L-anzjani jevitaw ukoll li saħansitra jidhru li qishom qegħdin juru xi favoritiżmu. (Ġakbu 2:9) X’differenza mill-kleru tal-Kristjaneżmu! Ħafna minn dawn jiskużaw lil midinbin għonja u taʼ pożizzjoni f’nofshom, b’kuntrast dirett mat-twissijiet taʼ l-appostlu Pawlu li nsibu f’Rumani 1:18, 26, 27; fl-1 Korintin 6:9, 10; u f’Efesin 5:3-5.
29. Liema tmiem taʼ hemm kbir jistenna lill-għalqa tad-dwieli Iżraelija taʼ Jehovah?
29 Isaija jikkonkludi dan il-messaġġ profetiku billi jiddeskrivi tmiem taʼ hemm kbir għal dawk li “warrbu l-liġi tal-Mulej” u li m’għamlux frott taʼ tjieba. (Isaija 5:24, 25; Hosegħa 9:16; Malakija 3:19 [4:1, NW]) Hu jiddikjara: “[Jehovah] għolla . . . [“sinjal,” “NW”] lill-ġens mill-bogħod; u saffarlu minn truf l-art; arawh ġej ħafif ħafif.”—Isaija 5:26; Dewteronomju 28:49; Ġeremija 5:15.
30. Min se jlaqqaʼ “ġens” kbir kontra l-poplu taʼ Jehovah, u b’liema riżultat?
30 Fil-qedem, arblu f’post fl-għoli setaʼ jservi taʼ “sinjal,” jew post fejn kienu jiltaqgħu n-nies jew l-eżerċti. (Qabbel Isaija 18:3; Ġeremija 51:27.) Issa Jehovah nnifsu se jlaqqaʼ lil dan il-“ġens” kbir bla isem biex jesegwixxi l-ħaqq tiegħu. b Hu se ‘jsaffarlu,’ jiġifieri, jiġbidlu l-attenzjoni lejn il-poplu xellerat tiegħu bħala oġġett li hu taʼ min jikkonkwistah. Il-profeta mbagħad jiddeskrivi l-attakk qawwi u tal-biżaʼ li jsir b’ħeffa kbira minn dawn il-konkwistaturi bħal iljuni. Dawn se “jaħtfu l-priża,” jiġifieri, il-ġens t’Alla, u “jaħarbu biha” lejn il-jasar. (Aqra Isaija 5:27-30a.) U x’riżultat taʼ niket għall-pajjiż tal-poplu taʼ Jehovah! “U jħares lejn l-art, u ara, dalma u diqa, u d-dawl imdallam bis-sħab iswed tagħha.”—Isaija 5:30b.
31. Il-Kristjani veri kif jistgħu jevitaw li jsofru l-kastig mogħti lill-għalqa tad-dwieli Iżraelija taʼ Jehovah?
31 Iva, l-għalqa tad-dwieli mħawla minn Alla b’tant imħabba tispiċċa għerja—tajba biss biex tinqered. X’lezzjoni qawwija fih kliem Isaija għal dawk kollha li jixtiequ jaqdu lil Jehovah llum! Jalla jistinkaw biex jagħmlu biss frott taʼ tjieba, għat-tifħir taʼ Jehovah u għas-salvazzjoni tagħhom stess!
[Noti taʼ taħt]
a Xi studjużi jemmnu li kien ferm iktar komuni li n-nies jibnu xi għarix jew xi kamp, oġġett temporanju u irħas, milli torri tal-ġebel. (Isaija 1:8) Il-preżenza taʼ torri kienet tindika li s-sid kien ikun stinka ferm għall-“għalqa tad-dwieli” tiegħu.
b Fi profeziji oħrajn, Isaija jidentifika lil Babilonja bħala n-nazzjon li jesegwixxi l-ħaqq qerriedi taʼ Jehovah fuq Ġuda.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 83]
Il-midneb ikun marbut mad-dnub bħalma bhima tal-ġbid tkun marbuta maʼ karettun
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 85]