Ibqaʼ Stenna lil Jehovah
Kapitlu Tlieta u Għoxrin
Ibqaʼ Stenna lil Jehovah
1, 2. (a) X’fih Isaija kapitlu 30? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?
F’ISAIJA kapitlu 30, naqraw iktar dikjarazzjonijiet divini kontra n-nies mill-agħar. Minkejja dan, din il-parti mill-profezija taʼ Isaija tenfasizza wħud mill-kwalitajiet taʼ Jehovah li jqawwu l-qalb. Fil-fatt, il-karatteristiċi taʼ Jehovah jiġu deskritti bi kliem tant ħaj li nkunu nistgħu, bħallikieku, naraw il-preżenza tiegħu li tfarraġna, nisimgħu leħnu li jiggwidana, u nħossuh ifejjaqna.—Isaija 30:20, 21, 26.
2 Xorta waħda, in-nies taʼ pajjiż Isaija, l-abitanti apostati taʼ Ġuda, ma jridux jirritornaw lejn Jehovah. Minflok, huma jpoġġu l-fiduċja tagħhom fil-bniedem. Jehovah kif iħossu dwar dan? U din il-parti mill-profezija taʼ Isaija kif tgħin lill-Kristjani llum biex jibqgħu jistennew lil Jehovah? (Isaija 30:18) Ejja niskopru.
Bluha u Għawġ
3. Jehovah liema pjan jikxef?
3 Għal xi żmien il-mexxejja taʼ Ġuda kienu qegħdin jippjanaw bil-moħbi biex isibu mod kif jevitaw li jiġu taħt il-madmad taʼ l-Assirja. Madankollu, Jehovah kien qed jarahom. Issa hu jikxef il-pjan tagħhom: “‘Ħażin għalikom, ulied xewwiexa,’ oraklu tal-Mulej. ‘Jippruvaw, iżda mingħajri, jintrabtu u jiftiehmu, iżda mhux skond l-ispirtu tiegħi, biex iżidu dnub fuq dnub. Telqu u niżlu l-Eġittu.’”—Isaija 30:1, 2a.
4. In-nies ribellużi t’Alla kif poġġew l-Eġittu minflok Alla?
4 Kif inħasdu dawk il-mexxejja xewwiexa meta semgħu li l-pjan tagħhom inkixef! Meta jmorru l-Eġittu biex jagħmlu alleanza miegħu din ma tkunx biss azzjoni ostili kontra l-Assirja; b’dan huma jirribellaw kontra Alla Jehovah. Fi żmien is-Sultan David, il-ġens ħares lejn Jehovah bħala l-kenn tiegħu u qagħad ‘fid-dell taʼ ġwinħajh.’ (Salm 27:1; 36:8 [36:7, NW]) Issa huma “jistagħnew bil-qawwa tal-Fargħun” u ‘jfittxu l-kenn taħt dell l-Eġittu.’ (Isaija 30:2b) L-Eġittu poġġewh minflok Alla! Xi tradiment!—Aqra Isaija 30:3-5.
5, 6. (a) L-alleanza maʼ l-Eġittu għala hija żball fatali? (b) Liema vjaġġ li sar qabel mill-poplu t’Alla jenfasizza l-bluha taʼ din il-mawra lejn l-Eġittu?
5 Bħallikieku biex iwieġeb lil kulmin forsi jaħseb li l-missjoni lejn l-Eġittu hija sempliċement żjara taʼ bla ħsieb, Isaija jagħti iktar dettalji. “Oraklu għall-bhejjem tan-Negeb: F’art taʼ hemm u dwejjaq, fejn hemm l-iljun u l-iljuna jgħajjtu, il-lifgħa u s-serp itir, iġorru ġidhom fuq dahar il-ħmir, u t-teżori tagħhom fuq ħotbiet l-iġmla.” (Isaija 30:6a) Jidher ċar li l-vjaġġ huwa pjanat sew. Messaġġiera jorganizzaw grupp taʼ iġmla u ħmir, li jgħabbuhom b’affarijiet li jiswew ħafna flus u jniżżluhom l-Eġittu minn ġo deżert għeri mimli ljuni jgħajtu u sriep velenużi. Fl-aħħar il-messaġġiera jaslu fid-destinazzjoni tagħhom u t-teżori tagħhom jagħtuhom lill-Eġizzjani. Xtraw il-protezzjoni—jew hekk jaħsbu. Madankollu, Jehovah jgħid: “Għal għand poplu li ma jiswiex. L-għajnuna taʼ l-Eġittu hi fiergħa u vojta; għalhekk jien sejjaħtlu: ‘Raħab l-għażżiena.’” (Isaija 30:6b, 7) L-Eġittu qed jiġi ffigurat minn “Raħab,” id-“Dragun.” (Isaija 51:9, 10) Dan iwiegħed kollox imma ma jagħmel xejn. L-alleanza li Ġuda għamlet miegħu hija żball fatali.
6 Hekk kif Isaija jiddeskrivi l-vjaġġ tal-messaġġiera, dawk li jisimgħuh għandhom mnejn jiftakru fi vjaġġ simili li sar fi żmien Mosè. Missirijiethom tal-qedem għaddew minn dak l-istess “deżert kbir u jwaħħax.” (Dewteronomju 8:14-16) Madankollu, fi żmien Mosè, l-Iżraelin kienu ħerġin mill-Eġittu u ’l barra mill-jasar. Din id-darba l-messaġġiera qed jivvjaġġaw lejn l-Eġittu, u b’hekk deħlin biex ikunu taħtu. Xi bluha! Jalla aħna qatt ma nieħdu xi deċiżjoni ħażina bħal din u nibdlu l-libertà spiritwali li għandna mal-jasar!—Qabbel Galatin 5:1.
Oppożizzjoni għall-Messaġġ tal-Profeta
7. Jehovah għala jqabbad lil Isaija jniżżel bil-miktub it-twissija Tiegħu lil Ġuda?
7 Jehovah jgħid lil Isaija jniżżel bil-miktub il-messaġġ li għadu kif għaddielu sabiex ‘ikun għaż-żmien li ġej xhieda għal dejjem.’ (Isaija 30:8) Jehovah ma jaqbilx li jsiru alleanzi mal-bniedem, u b’hekk ma nistriħux Fuqu. Għalhekk irid li dan jitniżżel għall-benefiċċju taʼ ġenerazzjonijiet futuri—inkluż il-ġenerazzjoni tagħna llum. (2 Pietru 3:1-4) Imma f’dan iż-żmien hawn ħtieġa akbar biex dan jitniżżel bil-miktub. “Dan il-poplu xewwiex, ulied giddieba; ulied li ma jridux jisimgħu l-liġi tal-Mulej.” (Isaija 30:9) In-nies m’aċċettawhx il-parir t’Alla. Għaldaqstant, irid jitniżżel bil-miktub sabiex iktar tard ma jkunux jistgħu jiċħdu li rċivew twissija xierqa.—Proverbji 28:9; Isaija 8:1, 2.
8, 9. (a) Il-mexxejja taʼ Ġuda b’liema mod jipprovaw jikkorrompu lill-profeti taʼ Jehovah? (b) Isaija kif juri li mhux se jħalli lil min ibeżżgħu?
8 Isaija issa jagħti eżempju taʼ l-attitudni ribelluża tal-poplu. Dawn “jgħidu lill-veġġenti: ‘La tarawx,’ u lill-profeti: ‘La tħabbrulniex is-sewwa. Għidulna li jogħġobna; ħabbrulna l-ħolm.’” (Isaija 30:10) Billi jordnaw lill-profeti leali biex ma jibqgħux jgħidulhom dak li hu “sewwa,” jew veru, u biex minflok jgħidulhom dak li ‘jogħġobhom’ u dak li hu “ħolm,” jew falz, il-mexxejja taʼ Ġuda juru li jridu min jgħarrxilhom widnejhom. Iridu min ifaħħarhom, mhux min jikkundannahom. Fl-opinjoni tagħhom, jekk xi profeta ma jkunx lest li jipprofetizza skond il-gosti tagħhom, dan għandu ‘joħroġ mit-triq, iwarrab mill-mogħdija.’ (Isaija 30:11a) Dan għandu, jew jgħid affarijiet li jdoqqu għal widnejhom, jew inkella jieqaf jippriedka għalkollox!
9 Dawk li jopponu lil Isaija jinsistu: “Neħħulna minn quddiemna l-Qaddis taʼ Iżrael.” (Isaija 30:11b) Isaija għandu jieqaf jitkellem f’isem Jehovah, il-“Qaddis taʼ Iżrael”! Anki dan it-titlu jdejjaqhom għaliex il-livelli għoljin taʼ Jehovah jikxfu l-kundizzjoni taʼ disprezz tagħhom. Kif jirreaġixxi Isaija? Jiddikjara: “Dan jgħid il-Qaddis taʼ Iżrael.” (Isaija 30:12a) Bla ma joqgħod jaħsibha, Isaija jlissen l-istess kliem li l-opponenti tiegħu jobogħdu jisimgħu. Mhux se jħalli lil min ibeżżgħu. X’eżempju mill-aħjar għalina! Fejn jidħol ix-xandir tal-messaġġ t’Alla, il-Kristjani qatt m’għandhom iċedu. (Atti 5:27-29) Bħal Isaija, ikomplu jipproklamaw: ‘Dan hu li jgħid Jehovah’!
Il-Konsegwenzi taʼ l-Irvell
10, 11. X’se jkunu l-konsegwenzi għal Ġuda minħabba l-irvell tagħha?
10 Ġuda m’aċċettathiex il-kelma t’Alla, fdat f’gidba, u strieħet fuq il-“qerq.” (Isaija 30:12b) X’se jkunu l-konsegwenzi? Minflok ma jisparixxi hu, bħalma jixtieq il-ġens, Jehovah se jġiegħel li l-ġens ma jibqax jeżisti! Dan se jseħħ ħabta u sabta u kompletament, bħalma jenfasizza Isaija permezz taʼ tixbieha. L-irvell tal-ġens huwa bħallikieku “biċċa ħajt imżakkra se taqaʼ mill-għoli, waslet fi tmiemha sakemm tiġġarraf ħabta u sabta.” (Isaija 30:13) Sewwa sew bħalma ħajt għoli li jiżżaqqaq jispiċċa biex iċedi, hekk ukoll in-nies taʼ żmien Isaija se jġarrfuh lil ġenshom bl-irvell tagħhom li dejjem jikber.
11 Permezz taʼ tixbieha oħra Isaija juri kemm se tkun sħiħa l-qerda li ġejja: “Titfarrak bħalma titfarrak ġarra tal-fuħħar, titkisser bla ħniena, u ma tibqax xaqqufa mill-frak tagħha biex tiġbor biha ġamra mill-kenur, jew timla qatra ilma minn ġol-ġiebja.” (Isaija 30:14) Il-qerda taʼ Ġuda tant se tkun sħiħa li fiha ma se jibqaʼ xejn taʼ valur—lanqas saħansitra xaqqufa kbira biżżejjed biex jinġabar il-ġamar minn kenur jew jimtela l-ilma minn ġo ġiebja. Xi tmiem taʼ għajb! Il-qerda li ġejja fuq dawk li llum jirribellaw kontra l-qima vera se tkun daqstant ħabta u sabta u kompleta.—Lhud 6:4-8; 2 Pietru 2:1.
Miċħuda l-Offerta taʼ Jehovah
12. In-nies taʼ Ġuda kif jistgħu jevitawha l-qerda?
12 Iżda, għal dawk li qed jisimgħu lil Isaija, il-qerda tistaʼ tiġi evitata. Hemm soluzzjoni. Il-profeta jispjega: “Dan jgħid Sidi l-Mulej, il-Qaddis taʼ Iżrael: ‘Fil-konverżjoni u l-kalma ssibu s-salvazzjoni tagħkom; fil-kwiet u l-fiduċja qiegħda l-qawwa tagħkom.’” (Isaija 30:15a) Jehovah lest li jsalva lin-nies tiegħu—jekk dawn juru fidi billi jkunu ‘kalmi,’ u ma jipprovawx jiksbu s-salvazzjoni permezz taʼ xi alleanzi mal-bniedem, u billi jibqgħu ‘kwieti,’ u juru fiduċja fil-qawwa protettiva t’Alla mingħajr ma jċedu għall-biżaʼ. “Imma,” Isaija jgħid lin-nies, “intom ma ridtux.”—Isaija 30:15b.
13. Il-mexxejja taʼ Ġuda f’liema ħaġa jpoġġu l-fiduċja tagħhom, u għandhom raġun f’dan?
13 Isaija mbagħad jidħol iktar fid-dettall: “Iżda għedtu: ‘Fuq żwiemel naħarbu,’ għalhekk tassew għad taħarbu. ‘Fuq żwiemel ħfief nirkbu,’ u ħfief ikunu dawk li għad jiġru warajkom.” (Isaija 30:15b, 16) In-nies taʼ Ġuda jaħsbu li mhux Jehovah se jkun il-mezz taʼ salvazzjoni tagħhom imma ż-żwiemel ħfief. (Dewteronomju 17:16; Proverbji 21:31) Madankollu, il-profeta jkompli jgħid li se jitqarrqu fil-fiduċja tagħhom għaliex l-għedewwa tagħhom se jiġru iktar minnhom. Anki l-fatt li jkunu f’għadd kbir mhux se jgħinhom. “Mit-theddida taʼ wieħed jitbeżżgħu elf, quddiem it-theddida taʼ ħamsa taħarbu.” (Isaija 30:17a) L-eżerċti taʼ Ġuda se jitilfu rashom u jaħarbu malli jisimgħu l-għajta taʼ sempliċi ħamsa mill-għadu. a Fl-aħħar, fdal biss se jibqaʼ, jitħalla waħdu, “bħal arblu fuq quċċata taʼ muntanja, bħal lasta fuq għolja.” (Isaija 30:17b) Fi qbil mal-profezija, meta Ġerusalemm tinqered fis-sena 607 Q.E.K., fdal biss isalva.—Ġeremija 25:8-11.
Faraġ Minkejja l-Kundanna
14, 15. Il-kliem taʼ Isaija 30:18 liema faraġ joffri għan-nies li jgħixu f’Ġuda tal-qedem u għall-Kristjani veri llum?
14 Waqt li dan il-kliem serju għadu jidwi f’widnejn dawk li jisimgħu lil Isaija, it-ton tal-messaġġ tiegħu jinbidel. It-theddida taʼ diżastru tinbidel f’wegħda taʼ barkiet. “Madankollu mxennaq il-Mulej biex jagħdirkom, u għalhekk iqum biex iħenn għalikom. Għax Alla ġust hu l-Mulej; henjin dawk li jafdaw fih.” (Isaija 30:18) Xi kliem li jqawwi l-qalb! Jehovah huwa Missier li jagħder u li jixxennaq biex jgħin lil uliedu. L-għaxqa tiegħu hi li juri ħniena.—Salm 103:13; Isaija 55:7.
15 Dan il-kliem li jqawwi l-qalb japplika għall-membri tal-fdal Lhudi li bi ħniena jitħallew jibqgħu ħajjin wara l-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. u għal dawk il-ftit li jirritornaw lejn l-Art Imwegħda fis-sena 537 Q.E.K. Madankollu, kliem il-profeta jfarraġ ukoll lill-Kristjani llum. Niġu mfakkrin li Jehovah se ‘jqum’ għan-nom tagħna, u b’hekk iġib fi tmiem din id-dinja mill-agħar. Adoraturi leali jistgħu jkunu fiduċjużi li Jehovah—“Alla ġust”—mhux se jippermetti li d-dinja taʼ Satana tibqaʼ teżisti jum iktar milli titlob il-ġustizzja. Għalhekk, “dawk li jafdaw fih” għandhom ħafna għalfejn jifirħu.
Jehovah Jfarraġ lin-Nies Tiegħu Billi Jwieġeb it-Talb Tagħhom
16. Jehovah kif ifarraġhom lil dawk skuraġġiti?
16 Iżda, xi wħud għandhom mnejn iħossuhom skuraġġiti peress li l-ħelsien ma ġiex malajr daqskemm kienu ttamaw. (Proverbji 13:12; 2 Pietru 3:9) Jalla dawn jiksbu l-faraġ mill-kliem li jmiss taʼ Isaija, li jenfasizza aspett speċjali mill-personalità taʼ Jehovah. “Iva, poplu taʼ Sijon, int li tgħammar f’Ġerusalemm, ma tibkix aktar. Il-Mulej iħenn għalik mal-ħoss taʼ l-għajta tiegħek, malli jisimgħek jagħtik widen.” (Isaija 30:19) F’dan il-kliem taʼ Isaija hemm it-tenerezza għaliex filwaqt li fil-vers 18 juża l-kelma “għalikom,” fil-plural, fil-vers 19 juża l-kelma “għalik,” fis-singular. Meta Jehovah jfarraġ lill-imnikktin, hu jittratta lil kull persuna individwalment. Bħala Missier, hu ma jistaqsix lil iben skuraġġit, ‘Għala ma tistax tkun b’saħħtek bħal ħuk?’ (Galatin 6:4) Minflok, jiftaħ widnejh biex jismaʼ lil kull wieħed u waħda minna. Fil-fatt, “malli jisimgħek jagħtik widen.” Xi kliem li jqawwi l-qalb! Uħud skuraġġiti jistgħu jissaħħu bil-kbir jekk jitolbu lil Jehovah.—Salm 65:3 [65:2 NW].
Ismaʼ Leħen Alla Jiggwidak Billi Taqra l-Kelma Tiegħu
17, 18. Saħansitra fi żminijiet diffiċli, Jehovah kif jipprovdi gwida?
17 Hekk kif Isaija jkompli jitkellem, hu jfakkar lil dawk li qed jisimgħuh li ġej in-niket. In-nies se jirċievu “ħobż l-imrar, u l-ilma tan-niket.” (Isaija 30:20a) L-imrar u n-niket li se jġarrbu meta jkunu qed jiġu attakkati se jsiru qishom il-ħobż u l-ilma għalihom. Xorta waħda, Jehovah lest li jeħles lil dawk taʼ qalb retta. “Ma jinħebiex iżjed minnek l-Imgħallem tiegħek: għajnejk jaraw l-Imgħallem tiegħek. Minn warajk jisimgħu widnejk kliem li jwissik u jgħidlek: ‘Din hi t-triq; għaddi minnha, sew jekk tikser lejn il-lemin, sew lejn ix-xellug.’”—Isaija 30:20b, 21. b
18 Jehovah hu l-“Imgħallem.” M’hawnx għalliem ieħor bħalu. Iżda, in-nies kif jistgħu ‘jisimgħuh’ u ‘jarawh’? Jehovah jirrivela lilu nnifsu permezz tal-profeti tiegħu, li kliemhom insibuh fil-Bibbja. (Għamos 3:6, 7) Illum, meta l-adoraturi leali jaqraw il-Bibbja, ikun bħallikieku l-leħen t’Alla, bħal dak taʼ missier, qed jgħidilhom fejn għandhom imorru u jħeġġiġhom biex jirranġaw il-korsa taʼ kondotta tagħhom sabiex jimxu fiha. Kull Kristjan għandu jismaʼ b’attenzjoni kbira hekk kif Jehovah jitkellem permezz tal-paġni tal-Bibbja u permezz taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja provduti mill-ilsir leali u diskret. (Mattew 24:45-47) Ħalli kull wieħed u waħda minna jagħti ruħu għall-qari tal-Bibbja, għax dan ikun ifisser ‘ħajtu.’—Dewteronomju 32:46, 47; Isaija 48:17.
Ikkontempla fuq il-Barkiet li Ġejjin fil-Futur
19, 20. Liema barkiet hemm maħżunin għal dawk li jwieġbu għal leħen l-Imgħallem?
19 Dawk li jwieġbu għal leħen l-Imgħallem se jarmu l-istatwi tagħhom, billi jqisuhom bħala xi ħaġa maħmuġa. (Aqra Isaija 30:22.) Imbagħad, dawk li jobdu se jgawdu barkiet taʼ l-għaġeb. Dawn huma deskritti minn Isaija, bħalma nsibu f’Isaija 30:23-26. Din hi profezija taʼ restawr li tgħaxxqek u li titwettaq l-ewwel darba meta fdal Lhudi jirritorna mill-jasar fis-sena 537 Q.E.K. Illum, din il-profezija tgħinna naraw il-barkiet meraviljużi li se jinġiebu mill-Messija fil-ġenna spiritwali issa u fil-Ġenna taʼ l-art letterali li ġejja.
20 “Hu jibgħat ix-xita fuq il-miżrugħ tiegħek, u l-qamħ, frott l-art, ikun bnin u mimli. Dakinhar l-imrieħel tiegħek jirgħu f’wesgħat kbar; fir-rabaʼ l-gniedes u l-ħmir tax-xogħol jieklu għalf immellaħ, mderri bil-midra u mgħoddi mill-għarbiel.” (Isaija 30:23, 24) Qamħ “bnin u mimli”—ikel mimli nutriment—se jkun l-ikel taʼ kuljum għan-nies. L-art se tipproduċi b’tant abbundanza li saħansitra l-annimali se jibbenefikaw. Il-bhejjem se jiġu mitmugħin “għalf immellaħ”—għalf b’togħma tajba merfugħ għal xi okkażjonijiet speċjali. Dan l-ikel ġie saħansitra “mderri”—xi ħaġa li normalment issir biss lill-qamħ li se jkun konsmat mill-bniedem. X’dettalji li jgħaxxquk huma preżentati hawnhekk minn Isaija biex juri r-rikkezza tal-barkiet taʼ Jehovah fuq il-bnedmin leali!
21. Iddeskrivi kemm se jkunu mżejnin b’kollox il-barkiet li ġejjin.
21 “Fuq kull muntanja kbira, fuq kull għolja wieqfa, ikun hemm xmajjar taʼ ilma.” (Isaija 30:25a) c Isaija jippreżenta deskrizzjoni xierqa li tenfasizza kemm huma mżejnin b’kollox il-barkiet taʼ Jehovah. M’hemmx nuqqas taʼ ilma. Dan l-ilma prezzjuż mhux se jgelgel biss fuq l-artijiet baxxi imma fuq kull muntanja, saħansitra “fuq kull muntanja kbira, fuq kull għolja wieqfa.” Iva, il-ġuħ se jkun xi ħaġa tal-passat. (Salm 72:16) Iżjed minn hekk, l-attenzjoni tal-profeta ddur lejn affarijiet li huma saħansitra ogħla mill-muntanji. “Id-dawl tal-qamar ikun jiddi bħad-dawl tax-xemx, u d-dawl tax-xemx jitqawwa sebaʼ darbiet, daqs id-dawl taʼ sebat ijiem; dakinhar il-Mulej idewwi l-ġrieħi tal-poplu tiegħu u jfejjaq it-tbenġil tas-swat tiegħu.” (Isaija 30:26) Kemm twassalna fuq livell għoli u kommoventi din il-profezija brillanti! Il-glorja t’Alla se tiddi bil-qawwa kollha tagħha. Il-barkiet li hemm maħżunin għall-adoraturi leali t’Alla se jisbqu bil-kbir—għal sebaʼ darbiet iktar—lil kull ħaġa li jkunu ġarrbu qabel.
Ġudizzju u Ferħ
22. Flok il-barkiet li ġejjin għal dawk li huma leali, Jehovah x’għandu maħżun għal dawk li huma mill-agħar?
22 It-ton tal-messaġġ taʼ Isaija jerġaʼ jinbidel. “Araw,” jgħid hu, bħallikieku biex jiġbed l-attenzjoni tas-semmiegħa tiegħu. “Isem il-Mulej ġej mill-bogħod, mixgħul bil-korla u b’duħħan tielaʼ madwaru, xufftejh mimlija qilla, u lsienu jiblaʼ bħan-nar.” (Isaija 30:27) S’issa, Jehovah żamm ’il bogħod u ħalla lill-għedewwa tan-nies tiegħu jmorru fejn iridu. Issa jersaq fil-qrib—bħal maltempata bir-ragħad li riesqa bl-għaġla—biex jagħmel il-ħaqq. “Nifsu bħal xmara mfawwra tilħaq sa l-għonq, ġej biex jgħarbel il-ġnus b’għarbiel il-qerda, u jxedd f’xedaq il-popli lġiem, li joħroġhom barra t-triq.” (Isaija 30:28) L-għedewwa tan-nies t’Alla se jiġu mdawrin bi ‘xmara mfawra,’ mheżżin b’mod vjolenti “b’għarbiel,” u miżmumin bi “lġiem.” Huma se jinqerdu għalkollox.
23. X’inhu dak li llum jikkaġuna “ferħ taʼ qalb” għall-Kristjani?
23 It-ton taʼ Isaija jinbidel mill-ġdid hekk kif jiddeskrivi l-kundizzjoni hienja taʼ l-adoraturi leali li xi darba se jirritornaw lejn pajjiżhom. “U jkunilkom l-għana bħal meta billejl tiċċelebraw xi festa, u ferħ taʼ qalb bħal min jimxi bid-daqq tal-flawt, u jmur fuq l-għolja tal-Mulej lejn il-Blata taʼ Iżrael.” (Isaija 30:29) Illum, il-Kristjani veri wkoll iġarrbu “ferħ taʼ qalb” hekk kif jikkontemplaw dwar il-ġudizzju li ġej fuq id-dinja taʼ Satana; il-protezzjoni li se jagħtihom Jehovah, il-“Blata tas-salvazzjoni;” u l-barkiet li se ġġib is-Saltna.—Salm 95:1.
24, 25. Il-profezija taʼ Isaija kif tenfasizza li l-ġudizzju li ġej fuq l-Assirja huwa realtà?
24 Wara din l-espressjoni taʼ kuntentizza, Isaija jirritorna lejn it-tema taʼ ġudizzju u jurina fuq min se jaqaʼ l-għadab t’Alla. “U l-Mulej isammaʼ l-leħen solenni tiegħu, u juri d-daqqa taʼ driegħu, bil-qilla taʼ għadbu u lsien taʼ nar wikkiel, b’xita qawwija, tempesta u silġ kbir. Għax għal leħen il-Mulej titwerwer l-Assirja, meta jidrobha bil-virga tiegħu.” (Isaija 30:30, 31) B’din l-istampa ċara, Isaija jenfasizza r-realtà tal-ġudizzju t’Alla fuq l-Assirja. Fil-fatt, l-Assirja tinsab quddiem Alla u qegħda tirtogħod malli tara ‘d-daqqa tad-driegħ’ taʼ ġudizzju tiegħu.
25 Ikompli l-profeta: “Maʼ kull daqqa taʼ ħatar il-kastig li jniżżel il-Mulej idoqqu t-tnabar u l-arpi flimkien maż-żfin; ixejjer l-armi u jissielet bihom. Ilu mħejji t-Tofet għall-ħruq, lest għas-sultan, fond u wiesaʼ, b’gozz kbir ħatab għan-nar; nifs il-Mulej, bħal wied kubrit, jagħtih in-nar.” (Isaija 30:32, 33) Tofet, li jinsab fil-Wied taʼ Ħinnom, jintuża hawnhekk bħala post figurattiv jaqbad bin-nar. Billi juri li l-Assirja se tispiċċa hemmhekk, Isaija jenfasizza l-qerda ħabta u sabta u kompleta li trid tiġi fuq dak il-ġens.—Qabbel it-2 Slaten 23:10.
26. (a) Il-proklamazzjonijiet taʼ Jehovah kontra l-Assirja kif japplikaw fi żmienna? (b) Illum il-Kristjani kif jibqgħu jistennew lil Jehovah?
26 Għalkemm dan il-messaġġ taʼ ġudizzju huwa mmirat kontra l-Assirja, il-profezija taʼ Isaija tfisser iżjed minn hekk. (Rumani 15:4) Jehovah se jerġaʼ, bħallikieku, jiġi mill-bogħod biex jgħarraq, jheżżeż, u jrażżan lil dawk kollha li jaħqru lill-poplu tiegħu. (Eżekjel 38:18-23; 2 Pietru 3:7; Apokalissi 19:11-21) Jalla jiġi malajr dak il-jum! Sadanittant, il-Kristjani jistennew bil-ħerqa l-jum tal-ħelsien. Huma jiksbu s-saħħa billi jirriflettu fuq il-kliem ċar miktub f’Isaija kapitlu 30. Dan il-kliem jinkuraġġixxi lill-qaddejja t’Alla biex jgħożżu l-privileġġ tat-talb, jagħtu ruħhom għall-istudju tal-Bibbja, u jimmeditaw fuq il-barkiet li se ġġib is-Saltna. (Salm 42:2, 3 [42:1, 2, NW]; Proverbji 2:1-6; Rumani 12:12) B’hekk, kliem Isaija jgħinna lkoll biex nibqgħu nistennew lil Jehovah.
[Noti taʼ taħt]
a Innota illi kieku Ġuda baqgħet leali, setaʼ ġara l-oppost.—Levitiku 26:7, 8.
b Dan hu l-uniku post fil-Bibbja fejn Jehovah jissejjaħ “Imgħallem.”
c Isaija 30:25b jinqara hekk: “F’jum il-ħerba l-kbira, f’jum it-tiġrif tal-fortizzi.” Fl-ewwel twettiq, dan jistaʼ jirreferi għall-waqgħa taʼ Babilonja, li fetħet it-triq għal Iżrael biex tgawdi l-barkiet imbassrin f’Isaija 30:18-26. (Ara paragrafu 19.) Jistaʼ jirreferi wkoll għall-qerda f’Armageddon, li permezz tagħha se jkun possibbli l-iktar twettiq grandjuż taʼ dawn il-barkiet fid-dinja l-ġdida.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 305]
Fi żmien Mosè, l-Iżraelin ħarbu mill-Eġittu. Fi żmien Isaija, Ġuda tmur għall-għajnuna għand l-Eġittu
[Stampa f’paġna 311]
“Fuq kull għolja wieqfa, ikun hemm xmajjar taʼ ilma”
[Stampa f’paġna 312]
Jehovah se jiġi “bil-korla u b’duħħan tielaʼ madwaru”