Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id-​Dar taʼ Jehovah Merfugħa ’l Fuq

Id-​Dar taʼ Jehovah Merfugħa ’l Fuq

Kapitlu Erbgħa

Id-​Dar taʼ Jehovah Merfugħa ’l Fuq

Isaija 2:​1-5

1, 2. Liema kliem huwa mnaqqax fuq ħajt f’misraħ il-​Ġnus Magħquda, u minfejn oriġina?

 “JIBDLU x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-​xabla kontra ġens ieħor, u s-​sengħa tal-​gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.” Dan il-​kliem huwa mnaqqax fuq ħajt f’misraħ il-​Ġnus Magħquda fil-​Belt taʼ New York. Għal għaxriet taʼ snin is-​sors taʼ dik il-​kwotazzjoni ma kienx identifikat. Ladarba l-​mira tal-​ĠM hija li taħdem favur is-​sliem fid-​dinja, kien faċli li wieħed jikkonkludi li kienu l-​fundaturi tal-​ĠM li oriġinaw dan il-​kliem fl-​1945.

2 Madankollu, fl-​1975, l-​isem Isaija ġie mnaqqax fil-​ħajt taħt il-​kwotazzjoni. Dakinhar sar evidenti li l-​kliem m’oriġinax fi żmienna. Fil-​fatt, kien dokumentat bħala profezija ’l fuq minn 2,700 sena ilu f’dak li issa huwa t-​tieni kapitlu tal-​ktieb taʼ Isaija. Għal eluf taʼ snin dawk li jħobbu s-​sliem ħasbu fil-​fond fuq kif u meta kellhom iseħħu l-​affarijiet imbassrin minn Isaija. M’għandniex għalfejn noqogħdu nberrnu iktar. Illum naraw quddiemna t-​twettiq taʼ l-​għaġeb taʼ din il-​profezija tal-​qedem.

3. Min huma l-​ġnus li jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet?

3 Min huma l-​ġnus li jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet? Żgur li m’humiex il-​ġnus u l-​gvernijiet politiċi taʼ żmienna. Sa llum dawn il-​ġnus żviluppaw xwabel, jew armamenti, kemm biex jiggwerraw u kemm biex iżommu s-​“sliem” permezz tal-​forza. Attwalment, it-​tendenza tal-​ġnus minn dejjem kienet li jibdlu s-​sikek tal-​moħriet tagħhom fi xwabel! Il-​profezija taʼ Isaija titwettaq minn rappreżentanti mill-​ġnus kollha, nies li jqimu lil Jehovah, dak “Alla tas-​sliem.”​—Filippin 4:9.

Il-​Ġnus li Jiġru Lejn il-​Qima Safja

4, 5. X’ibassru l-​ewwel versi taʼ Isaija kapitlu 2, u liema ħaġa tenfasizza kemm hu taʼ min joqgħod fuqu dan il-​kliem?

4 Isaija kapitlu 2 jibda b’dan il-​kliem: “Il-​kelma li ġiet f’dehra lil Isaija bin Amos, dwar Ġuda u Ġerusalemm. Għad jiġri fl-​aħħar jiem li . . . [“l-​muntanja,” “KŻ”] tad-​dar tal-​Mulej togħla ’l fuq mill-​qċaċet tal-​muntanji, u tintrefaʼ ’l fuq mill-​għoljiet, lejha għad jiġru l-​ġnus kollha.”​—Isaija 2:​1, 2.

5 Innota li dak li jbassar Isaija m’huwiex sempliċi spekulazzjoni. Isaija hu mqabbad biex jikteb ġrajjiet li ‘għad jiġru’​—bla ma jfallu. Kulma Jehovah jkollu l-​iskop li jagħmel ‘ikollu r-​riżq.’ (Isaija 55:​11, ) Huwa evidenti li biex jenfasizza kemm hi taʼ min joqgħod fuqha l-​wegħda tiegħu, Alla nebbaħ lill-​profeta Mikea, li kien jgħix fl-​istess żmien taʼ Isaija, biex jikteb fil-​ktieb tiegħu l-​istess profezija li hija mniżżla f’Isaija 2:​2-4.​—Mikea 4:​1-3.

6. Il-​profezija taʼ Isaija meta titwettaq?

6 Meta se titwettaq il-​profezija taʼ Isaija? “Fl-​aħħar jiem.” In-​New World Translation tgħid: “Fil-​parti finali tal-​jiem.” L-​Iskrittura Griega Kristjana bassret xi karatteristiċi li kellhom jidentifikaw dan il-​perijodu. Inkluż fosthom hemm gwerer, theżżiż taʼ l-​art, mard li jittieħed, ġuħ, u “żmien iebes.” a (2 Timotju 3:​1-5; Luqa 21:​10, 11) It-​twettiq taʼ dawn il-​profeziji jagħti evidenza abbundanti li aħna qegħdin ngħixu “fil-​parti finali tal-​jiem,” l-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema dinjija preżenti. Loġikament, allura, għandna nistennew li fi żmienna naraw jitwettqu l-​affarijiet li bassar Isaija.

Muntanja li Fuqha Ssir il-​Qima

7. Isaija liema stampa profetika jpitter?

7 F’erbaʼ kelmiet, Isaija jpitter stampa profetika ċara ferm. Naraw muntanja għolja, inkurunata b’dar glorjuża, it-​tempju taʼ Jehovah. Din il-​muntanja hija ogħla mill-​muntanji u l-​għoljiet taʼ madwarha, u madankollu, la twerwrek u lanqas tintimidak; anzi, tiġbdek. Nies mill-​ġnus kollha jixxennqu biex jitilgħu fuq il-​muntanja tad-​dar taʼ Jehovah; dawn jiġru lejha. Dan faċli biex nimmaġinawh, imma x’ifisser?

8. (a) Fi żmien Isaija, l-​għoljiet u l-​muntanji maʼ liema ħaġa jiġu assoċjati? (b) X’jiffigura l-​ġiri tal-​ġnus lejn il-​“muntanja” tad-​dar tal-​Mulej Jehovah?

8 Fi żmien Isaija l-​għoljiet u l-​muntanji spiss jiġu assoċjati mal-​qima. Per eżempju, jintużaw bħala siti għal qima idolatruża u għal santwarji t’allat foloz. (Dewteronomju 12:2; Ġeremija 3:6) Madankollu, id-​dar, jew tempju, taʼ Jehovah żżejjen il-​quċċata tal-​Muntanja Morija f’Ġerusalemm. Iżraelin leali jivvjaġġaw tliet darbiet fis-​sena lejn Ġerusalemm u jitilgħu fuq il-​Muntanja Morija biex iqimu lil dak Alla veru. (Dewteronomju 16:16) Mela l-​ġiri tal-​ġnus lejn il-​“muntanja” tad-​dar tal-​Mulej Jehovah jiffigura l-​ġbir taʼ ħafna popli lejn il-​qima vera.

9. X’tirrappreżenta l-​“muntanja” tad-​dar tal-​Mulej Jehovah?

9 M’għandniex xi ngħidu, illum in-​nies t’Alla ma jinġabrux fuq xi muntanja letterali b’tempju tal-​ġebel. Fis-​sena 70 E.K., it-​tempju taʼ Jehovah f’Ġerusalemm inqered mill-​eżerċti Rumani. Barra minn dan, l-​appostlu Pawlu għamilha ċara li t-​tempju f’Ġerusalemm u t-​tabernaklu li kien hemm qabel it-​tempju kienu figurattivi. Dawn irrappreżentaw realtà akbar spiritwali, it-​“tabernaklu veru li hu magħmul mill-​Mulej u mhux mill-​bnedmin.” (Lhud 8:2) Dak it-​tabernaklu, jew tinda, spiritwali huwa l-​arranġament biex wieħed jersaq lejn Jehovah fil-​qima bbażat fuq is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu bħala prezz tal-​fidwa. (Lhud 9:​2-10, 23) Fi qbil maʼ dan, il-​“muntanja” tad-​dar tal-​Mulej Jehovah msemmija f’Isaija 2:2 tirrappreżenta l-​qima safja u eżaltata taʼ Jehovah fi żmienna. Dawk li jħaddnu l-​qima safja ma jinġabrux f’xi post ġeografiku; jinġabru magħqudin fil-​qima.

Il-​Qima Safja Tiġi Elevata

10, 11. Il-​qima taʼ Jehovah f’liema sens ġiet elevata fi żmienna?

10 Il-​profeta jgħid li “l-​muntanja” tad-​dar tal-​Mulej Jehovah, jew il-​qima safja, kellha “togħla ’l fuq mill-​qċaċet tal-​muntanji” u “tintrefaʼ ’l fuq mill-​għoljiet.” Ħafna snin qabel żmien Isaija, is-​Sultan David tellaʼ l-​arka tal-​patt fuq il-​Muntanja Sijon f’Ġerusalemm, li kienet tinsab 760 metru ’l fuq mil-​livell tal-​baħar. L-​arka tqegħdet hemmhekk sakemm ittrasferewha għal fuq il-​Muntanja Morija, fit-​tempju li kien tlesta minn kollox. (2 Samwel 5:7; 6:​14-19; 2 Kronaki 3:1; 5:​1-10) B’hekk, sa żmien Isaija l-​arka sagra kienet diġà ġiet elevata fiżikament u mpoġġija fit-​tempju, f’pożizzjoni ogħla mill-​ħafna għoljiet taʼ madwarha wżati għall-​qima falza.

11 M’għandniex xi ngħidu, f’sens spiritwali, il-​qima taʼ Jehovah minn dejjem kienet superjuri għall-​prattiċi reliġjużi taʼ dawk li jaqdu lil allat foloz. Madankollu, fi żmienna, Jehovah eżalta l-​qima tiegħu m’ogħla s-​sema, ’il fuq mill-​għamliet kollha taʼ qima mhix nadifa, iva, ferm ’il fuq mill-​“għoljiet” u l-​“qċaċet tal-​muntanji” kollha. Kif? Prinċipalment permezz tal-​ġbir flimkien taʼ dawk li jridu jqimuh “fl-​ispirtu u l-​verità.”​—Ġwann 4:23.

12. Min huma “wlied is-​Saltna,” u liema ġbir seħħ?

12 Kristu Ġesù rrefera għal “tmiem id-​dinja” bħala żmien taʼ ħsad meta l-​anġli kellhom jiġbru lil ‘ulied is-​Saltna’​—dawk li għandhom it-​tama li jaħkmu maʼ Ġesù fil-​glorja tas-​sema. (Mattew 13:​36-43) Mill-​1919 ’l hawn, Jehovah awtorizza lil dawk li ‘baqaʼ’ minn dawn l-​ulied biex jieħdu sehem maʼ l-​anġli fix-​xogħol tal-​ħsad. (Apokalissi 12:17) B’hekk, ‘ulied is-​Saltna,’ l-​aħwa midlukin taʼ Ġesù, huma dawk li jinġabru l-​ewwel. Imbagħad huma jieħdu sehem f’xogħol ieħor taʼ ġbir.

13. Jehovah kif bierek lill-​fdal midluk?

13 Matul dan iż-​żmien taʼ ħsad, Jehovah għen progressivament lill-​membri tal-​fdal midluk biex jifhmu u japplikaw il-​Kelma Tiegħu, il-​Bibbja. Dan ukoll ikkontribwixxa biex il-​qima safja tiġi elevata. Għalkemm “dlamijiet jiksu l-​art, u sħab iswed il-​popli,” il-​midlukin ‘jiddu bħal kwiekeb’ fost l-​ispeċi umana, għax Jehovah naddafhom u rfinahom. (Isaija 60:2; Filippin 2:15) Mogħnijin bir-​“rieda taʼ Alla bl-​għerf kollu u d-​dehen spiritwali,” dawn l-​uħud midlukin bl-​ispirtu “jiddu bħax-​xemx fis-​Saltna taʼ Missierhom.”​—Kolossin 1:9; Mattew 13:43.

14, 15. Minbarra l-​ġbir taʼ “wlied is-​Saltna,” liema ġbir ieħor seħħ, u dan kif kien imbassar minn Ħaggaj?

14 Iktar minn hekk, kien hemm oħrajn li ġrew lejn il-​“muntanja” tad-​dar tal-​Mulej Jehovah. Ġesù sejħilhom in-​“nagħaġ oħra” tiegħu u dawn għandhom it-​tama li jgħixu għal dejjem fuq art magħmula ġenna. (Ġwann 10:16; Apokalissi 21:​3, 4) Mis-​snin tletin ’l hawn, dawn tfaċċaw bl-​eluf, imbagħad bil-​mijiet taʼ eluf, u issa bil-​miljuni! F’waħda mill-​viżjonijiet mogħtijin lill-​appostlu Ġwanni, dawn jiġu deskritti bħala “kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.”​—Apokalissi 7:9.

15 Il-​profeta Ħaggaj bassar li kellha titfaċċa din il-​kotra kbira meta kiteb: “Hekk jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti: ‘Dalwaqt, ftit ieħor biss, u jiena nheżheż is-​smewwiet u l-​baħar u l-​blat, u nqanqal il-​ġnus kollha, u l-​ġid kollu tal-​popli [dawk li jingħaqdu mal-​Kristjani midlukin fil-​qima safja] jiġi kollu hawn, u nimla dan it-​tempju bil-​glorja,’ jgħid il-​Mulej taʼ l-​eżerċti.” (Ħaggaj 2:​6, 7) L-​eżistenza taʼ din il-​“kotra kbira,” li dejjem tiżdied, u sħabhom il-​midlukin terfaʼ ’l fuq, iva tigglorifika, il-​qima safja fid-​dar taʼ Jehovah. Qatt qabel ma kien hawn għadd daqshekk kbir taʼ nies li huma magħqudin fil-​qima taʼ dak Alla veru, u dan iġib glorja lil Jehovah u lil Ġesù Kristu, is-​Sultan tiegħu mqiegħed fuq it-​tron. Is-​Sultan Salamun kiteb: “Kbir hu s-​sultan li għandu poplu kbir.”​—Proverbji 14:28.

Qima Eżaltata fil-​Ħajjiet tan-​Nies

16-18. Xi wħud liema bidliet għamlu sabiex iqimu lil Jehovah b’mod aċċettabbli?

16 Jehovah jixraqlu l-​kredtu kollu għall-​fatt li l-​qima safja ġiet elevata fi żmienna. Xorta waħda, dawk li javviċinawh għandhom il-​privileġġ li jieħdu sehem f’dan ix-​xogħol. Sewwa sew bħalma jirrikjedi sforz biex wieħed jitlaʼ fuq muntanja, hekk, ukoll, jirrikjedi sforz biex wieħed isir jaf bil-​livelli taʼ tjieba t’Alla u jgħix fi qbil magħhom. Bħall-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu, il-​qaddejja t’Alla llum ħallew warajhom stili taʼ ħajja u prattiċi li m’humiex fi qbil mal-​qima vera. Dawk li kienu żienja, idolatri, adulteri, ħallelin, rgħiba, skaren, u oħrajn bidlu l-​mogħdijiet tagħhom u ‘tnaddfu’ fil-​ħarsa t’Alla.​—1 Korintin 6:​9-11.

17 L-​esperjenza taʼ waħda żagħżugħa hija tipika. Din kitbet: “Jien kont mitlufa u bla tama. Tajtha għall-​immoralità u għas-​sokor. Kelli mard sesswali. Kont inbigħ id-​drogi wkoll u ma kien jimpurtani minn xejn.” Wara li studjat il-​Bibbja, hi għamlet bidliet kbar sabiex tkun tistaʼ tgħix fi qbil mal-​livelli t’Alla. Issa hi tgħid: “Ingawdi paċi tal-​moħħ, rispett lejja nnifsi, tama għall-​futur, familja vera u, fuq kollox, relazzjoni maʼ Missierna, Jehovah.”

18 Saħansitra wara li jikseb l-​approvazzjoni taʼ Jehovah, kull individwu jrid ikompli jigglorifika l-​qima safja billi jagħmilha prominenti f’ħajtu. Eluf taʼ snin ilu, permezz taʼ Isaija, Jehovah esprima l-​fiduċja tiegħu li kellu jkun hemm kotriet illum li bil-​ħerqa kienu se juru li l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjithom hija l-​qima tiegħu. Qiegħed int fosthom?

Poplu Mgħallem il-​Mogħdija taʼ Jehovah

19, 20. In-​nies t’Alla x’jiġu mgħallmin, u fejn?

19 Isaija jgħidilna iktar dwar dawk li llum iħaddnu l-​qima safja, billi jżid: “Kotra taʼ popli għad jiġu u jgħidu: ‘Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-​għolja tal-​Mulej, lejn id-​dar taʼ Alla taʼ Ġakobb, biex jgħallimna triqatu, u nimxu fil-​mogħdijiet tiegħu. Għax minn Sijon joħroġ it-​tagħlim, u l-​kelma tal-​Mulej minn Ġerusalemm.’”​—Isaija 2:3.

20 Lin-​nies tiegħu Jehovah ma jħallihomx jiġġerrew ’l hawn u ’l hinn bħal nagħaġ mitlufin. Permezz tal-​Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja, hu jagħtihom it-​“tagħlim” u l-​“kelma” tiegħu sabiex jitgħallmu mogħdijietu. Dan l-​għarfien jgħammarhom biex ‘jimxu fil-​mogħdijiet tiegħu.’ Peress li qlubhom huma mimlijin apprezzament u f’armonija mad-​direzzjoni divina, dawn ikellmu lil xulxin dwar il-​mogħdijiet taʼ Jehovah. Huma jinġabru flimkien f’konvenzjonijiet kbar u fi gruppi iżgħar​—fi Swali tas-​Saltna u fi djar privati—​sabiex jisimgħu l-​mogħdijiet t’Alla u jitgħallmuhom. (Dewteronomju 31:​12, 13) B’hekk, jimitaw il-​mudell tal-​Kristjani bikrin, li kienu jiltaqgħu flimkien biex jinkuraġġixxu u jqanqlu lil xulxin biex joktru fl-​‘imħabba u fl-​għemil tajjeb.’​—Lhud 10:​24, 25.

21. Il-​qaddejja taʼ Jehovah f’liema xogħol jieħdu sehem?

21 Huma jistiednu lil oħrajn biex ‘jitilgħu’ lejn il-​qima eżaltata t’Alla Jehovah. Kemm jaqbel tajjeb dan mal-​kmand mogħti minn Ġesù lid-​dixxipli tiegħu preċiż qabel ma telaʼ fis-​sema! Qalilhom: “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-​ġnus kollha, u għammduhom fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​Ispirtu s-​Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien.” (Mattew 28:​19, 20) B’appoġġ divin, ix-​Xhieda taʼ Jehovah joħorġu b’ubbidjenza madwar id-​dinja kollha, jgħallmu u jagħmlu dixxipli, billi jgħammduhom.

Xwabel f’Sikek tal-​Moħriet

22, 23. X’ibassar Isaija 2:4, u uffiċjal tal-​ĠM x’qal dwar dan?

22 Issa niġu għall-​vers li jmiss, li parti minnu huwa mnaqqax fuq il-​ħajt taʼ misraħ il-​ĠM. Isaija jikteb: “Il-​Mulej jagħmel il-​ħaqq bejn il-​ġnus, u jaqtaʼ s-​sentenza bejn ħafna popli; u huma jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel. Ebda ġens ma jerfaʼ x-​xabla kontra ġens ieħor, u s-​sengħa tal-​gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed.”​—Isaija 2:4.

23 Dan diffiċli ferm biex iseħħ. Federico Mayor, direttur-ġenerali taʼ l-​Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika, u Kulturali tal-​Ġnus Magħquda, darba qal: “L-​oxxenitajiet kollha tal-​gwerra, imwasslin lilna llum il-​ġurnata permezz taʼ tagħmir awdjo-viżiv, jidhru li m’għandhomx il-​ħila jwaqqfu l-​avvanz taʼ l-​organizzazzjoni politika u militari mostruża li ilha stabbilita u miżmuma matul ħafna sekli. Il-​ġenerazzjonijiet preżenti għandhom il-​biċċa xogħol Biblika, kważi impossibbli, li ‘jibdlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet’ u jgħaddu minn istint taʼ gwerra​—żviluppat minn żmien żemżem—għal tfittxija għas-​sliem. It-​twettiq taʼ dan kieku jkun l-​aqwa att u l-​iktar wieħed nobbli li n-​‘nies taʼ madwar il-​globu’ jistgħu jwettqu, u l-​aqwa wirt għad-​dixxendenti tagħna.”

24, 25. Il-​kliem taʼ Isaija minn min jitwettaq, u b’liema mod?

24 Il-​ġnus in ġenerali qatt ma se jwettqu dan l-​għan sublimi għax qiegħed sempliċement fejn ma jistax jintlaħaq minnhom. Il-​kliem taʼ Isaija jitwettaq minn individwi minn ħafna ġnus, li huma magħqudin fil-​qima safja. Jehovah ‘rraġuna’ magħhom. Hu għallem lin-​nies tiegħu biex jgħixu fis-​sliem bejniethom. Verament, f’dinja maqsuma u mifnija bil-​ġlied, dawn bidlu figurattivament ix-​“xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet, u l-​lanez tagħhom fi mnieġel.” Kif?

25 L-​ewwelnett, ma jappoġġaw lil ebda naħa fil-​gwerer tan-​nazzjonijiet. Ftit qabel il-​mewt taʼ Ġesù, ġew xi rġiel armati biex jarrestawh. Meta Pietru silet sejf biex jiddefendi lil Sidu, Ġesù qallu: “Erġaʼ daħħal sejfek f’postu għax kull min jaqbad is-​sejf, bis-​sejf jinqered.” (Mattew 26:52) Minn dakinhar ’l hawn, is-​segwaċi taʼ Ġesù li mxew wara l-​passi tiegħu bidlu x-​xwabel tagħhom f’sikek tal-​moħriet u żammew lura milli jaqbdu l-​armi biex joqtlu lill-​proxxmu tagħhom u milli jappoġġaw il-​gwerer b’xi modi oħrajn. Huma ‘jfittxu li jżommu s-​sliem maʼ kulħadd.’​—Lhud 12:14.

Insusu wara l-​Mogħdijiet taʼ Sliem

26, 27. In-​nies t’Alla kif ‘ifittxu s-​sliem u jqisu li jiksbuh’? Agħti xi eżempju.

26 Biex in-​nies t’Alla jkollhom is-​sliem ma jridux biss jirrifjutaw li jieħdu sehem fil-​gwerer. Għalkemm jinsabu f’iktar minn 230 pajjiż u jirrappreżentaw lingwi u kulturi bla għadd, huma jgawdu s-​sliem bejniethom. Fihom wieħed jistaʼ jara t-​twettiq modern tal-​kliem taʼ Ġesù, li qal lid-​dixxipli tiegħu fl-​ewwel seklu: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-​imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:35) Il-​Kristjani llum huma “dawk li jġibu l-​paċi.” (Mattew 5:9) Huma ‘jfittxu s-​sliem u jqisu li jiksbuh.’ (1 Pietru 3:11) Dak li jsostnihom hu Jehovah, dak “Alla tas-​sliem.”​—Rumani 15:33.

27 Hemm eżempji impressjonanti taʼ nies li tgħallmu jkunu wħud li jġibu l-​paċi. Żagħżugħ jikteb dwar il-​ħajja bikrija tiegħu: “L-​esperjenza iebsa għallmitni kif niddefendi ruħi. Għamlitni aħrax u rrabjat għall-​ħajja. Dejjem kont nispiċċa f’xi ġlieda. Ma kinitx tgħaddi ġurnata li ma kontx niġġieled maʼ xi żagħżugħ differenti fejn konna noqogħdu, kultant bl-​idejn, kultant bil-​ġebel jew bil-​fliexken. Trabbejt f’ambjent li għamilni vjolenti ferm.” Madankollu, eventwalment hu wieġeb għall-​istedina biex imur lejn il-​“muntanja” tad-​dar tal-​Mulej Jehovah. Tgħallem il-​mogħdijiet t’Alla u sar qaddej paċifiku t’Alla.

28. Il-​Kristjani x’jistgħu jagħmlu biex ifittxu s-​sliem?

28 Il-​biċċa l-​kbira tal-​qaddejja taʼ Jehovah ma jiġux minn sfond vjolenti bħal dan, imma xorta waħda, f’affarijiet relattivament żgħar​—atti taʼ qalb tajba, maħfra, u empatija—​jistinkaw biex ixerrdu s-​sliem maʼ persuni oħrajn. Għalkemm huma imperfetti, jagħmlu ħilithom biex japplikaw il-​parir tal-​Bibbja sabiex ‘jistabru b’xulxin, u, jekk xi ħadd minnhom ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor, jaħfru lil xulxin.’​—Kolossin 3:13.

Futur taʼ Sliem

29, 30. Xi prospett hemm għall-​art?

29 Jehovah għamel xi ħaġa meraviljuża f’dawn l-​“aħħar jiem.” Ġabar mill-​ġnus kollha nies li jridu jaqduh. Għallimhom jimxu fil-​mogħdijiet tiegħu, mogħdijiet taʼ sliem. Dawn huma li se jibqgħu ħajjin wara t-​“taħbit il-​kbir” li ġej u jgħaddu għal ġo dinja ġdida paċifika li fiha l-​gwerer se jitneħħew għal dejjem.​—Apokalissi 7:14.

30 Ix-​xwabel​—l-​armamenti—​m’humiex se jibqgħu jeżistu. Is-​salmista kiteb dwar dak iż-​żmien: “Ejjew, araw x’għamel il-​Mulej, għemejjel taʼ l-​għaġeb fuq l-​art. Iwaqqaf il-​gwerer sa tarf l-​art; l-​ark jaqsam u l-​lanza jkisser, jaħraq it-​tarka bin-​nar.” (Salm 46:​9, 10 [46:8, 9, NW]) Meta tqis prospett bħal dan, dak li issa jħeġġiġna Isaija biex nagħmlu huwa addattat illum daqskemm kien addattat meta kitbu: “Ejja, dar Ġakobb, ħalli nimxu fid-​dawl tal-​Mulej!” (Isaija 2:5) Iva, jalla d-​dawl taʼ Jehovah jdawlilna triqitna issa, u jalla nimxu fil-​mogħdija tiegħu għall-​eternità kollha.​—Mikea 4:5.

[Nota taʼ taħt]

a Ara l-​ktieb Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, kapitlu 11, “Dawn Huma l-​Aħħar Jiem!,” pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]