Id-Deċiżjoni taʼ Jehovah Kontra l-Ġnus
Kapitlu Ħmistax
Id-Deċiżjoni taʼ Jehovah Kontra l-Ġnus
1. Isaija jiddokumenta liema proklamazzjoni taʼ ġudizzju kontra l-Assirja?
JEHOVAH jistaʼ juża l-ġnus biex jiddixxiplina lin-nies tiegħu għall-ħażen tagħhom. Iżda xorta waħda ma jiskużax lil dawk il-ġnus għall-kefrija bla bżonn li juru, il-kburija tagħhom, u l-mibegħda tagħhom lejn il-qima vera. B’hekk, ħafna minn qabel hu jnebbaħ lil Isaija biex jiddokumenta “oraklu fuq Babilonja.” (Isaija 13:1) Madankollu, Babilonja se tkun taʼ theddida fil-futur. Fi żmien Isaija, hija l-Assirja li qegħda taħqar lill-poplu f’patt m’Alla. L-Assirja teqred is-saltna taʼ Iżrael fit-tramuntana u tagħmel ħerba mill-parti l-kbira taʼ Ġuda. Imma t-trijonf taʼ l-Assirja huwa limitat. Jikteb Isaija: “Ħalef il-Mulej taʼ l-eżerċti u qal: ‘Bħalma ħsibt jien hekk jiġri; bħalma jien iddeċidejt, hekk isir. Lill-Assirja nkisser f’arti, u fuq il-muntanji tiegħi nisħaqha: u minn fuqhom jitneħħa l-madmad tagħha, minn fuq spallejhom titneħħa tagħbijietha.’” (Isaija 14:24, 25) Ftit wara li Isaija jlissen din il-profezija, it-theddida Assirjana titwarrab minn fuq Ġuda.
2, 3. (a) Fi żminijiet tal-qedem, Jehovah kontra min jerfaʼ idu? (b) X’ifisser li Jehovah jerfaʼ idu kontra l-“ġnus kollha”?
2 Iżda, xi ngħidu dwar ġnus oħrajn li huma għedewwa tal-poplu f’patt m’Alla? Dawn ukoll iridu jiġu ġudikati. Isaija jiddikjara: “Din hija d-deċiżjoni li ttieħdet għall-art kollha; u din hi l-id merfugħa fuq il-ġnus kollha. Il-Mulej taʼ l-eżerċti ddeċieda, u min se jfixklu? U idu merfugħa min se jniżżilha?” (Isaija 14:26, 27) Id-“deċiżjoni” taʼ Jehovah hija iktar minn sempliċi parir. Hija d-determinazzjoni soda tiegħu, id-digriet tiegħu. (Ġeremija 49:20, 30) “Id” Alla hija l-qawwa tiegħu fl-azzjoni. Fil-versi finali taʼ Isaija kapitlu 14 vsi 29-32 u f’kapitli 15 sa 19 taʼ Is, id-deċiżjoni taʼ Jehovah hija kontra l-Filistja, Mowab, Damasku, l-Etjopja, u l-Eġittu.
3 Madankollu, Isaija jgħid li id Jehovah hija merfugħa kontra l-“ġnus kollha.” Għaldaqstant, waqt li dawn il-profeziji taʼ Isaija jitwettqu għall-ewwel darba fl-antik, japplikaw ukoll bħala prinċipju matul iż-“żmien taʼ l-aħħar” meta Jehovah jerfaʼ idu kontra s-saltniet kollha taʼ l-art. (Danjel 2:44; 12:9; Rumani 15:4; Apokalissi 19:11, 19-21) Jehovah, dak Alla li jistaʼ kollox, jirrivela b’mod fiduċjuż id-deċiżjoni tiegħu ferm minn qabel. Ħadd ma jistaʼ jniżżillu l-id merfugħa.—Salm 33:11; Isaija 46:10.
“Serpent tan-Nar Itir” Kontra l-Filistja
4. X’inhuma xi dettalji tad-dikjarazzjoni taʼ Jehovah kontra l-Filistja?
4 L-ewwel li jingħataw l-attenzjoni huma l-Filistin. “Fis-sena li miet is-sultan Aħaż tħabbar dan l-oraklu: ‘La tiftaħarx, Filistja, kollha, talli tkisser il-ħatar li kien isawwtek. Minn għerq is-serp toħroġ lifgħa, u frottu jkun serpent tan-nar itir.’”—Isaija 14:28, 29.
5, 6. (a) Għużżija b’liema mod kien bħal serpent għall-Filistin? (b) Ħeżekija x’juri li hu kontra l-Filistja?
5 Is-Sultan Għużżija kien b’saħħtu biżżejjed biex irażżan it-theddida imposta mill-Filistja. (2 Kronaki 26:6-8) Għalihom, hu kien bħal serpent, u l-ħatar tiegħu baqaʼ jsawwat lil dak il-ġar li ma kienx ħabib tiegħu. Wara li miet Għużżija—“tkisser il-ħatar” tiegħu—ħakem il-leali Ġotam, imma “l-poplu kompla jitħassar.” Warajh, Aħaż sar sultan. L-affarijiet inbidlu, u l-Filistin għamlu attakki militari li rnexxew fuq Ġuda. (2 Kronaki 27:2; 28:17, 18) Madankollu, issa l-affarijiet qegħdin jerġgħu jinbidlu. Is-Sultan Aħaż imut fis-sena 746 Q.E.K., u ż-żagħżugħ Ħeżekija jieħu t-tron. Jekk il-Filistin iħossu li l-affarijiet se jibqgħu favur tagħhom, qed jarralhom bl-ikrah. Ħeżekija juri li hu għadu u qattiel. Peress li hu dixxendent taʼ Għużżija (il-‘frotta’ mill-“għerq” tiegħu), Ħeżekija hu bħal “serpent tan-nar itir”—joħroġ għall-attakk b’ħeffa li ma bħalha, jolqot bħal leħħa taʼ berqa, u jipproduċi effett taʼ ħruq, bħallikieku qed jitfaʼ l-velenu fil-vittmi tiegħu.
6 Din hija deskrizzjoni xierqa tas-sultan il-ġdid. “[Ħeżekija] ħarbat lill-Filistin sa Gaża u l-inħawi tagħha, mit-torrijiet taʼ l-għassiesa sa l-ibliet iffortifikati.” (2 Slaten 18:8) Skond l-annali tas-Sultan Assirjan Sanħerib, il-Filistin isiru sudditi taʼ Ħeżekija. Il-“foqra”—is-saltna mdgħajfa taʼ Ġuda—jibdew igawdu s-sigurtà u l-ġid materjali, waqt li l-Filistja ssofri l-ġuħ.—Aqra Isaija 14:30, 31.
7. Ħeżekija x’dikjarazzjoni taʼ fidi jrid jagħmlilhom lill-ambaxxaturi li hemm f’Ġerusalemm?
7 Donnu jidher li hemm l-ambaxxaturi f’Ġuda—forsi jfittxu alleanza kontra l-Assirja. X’għandu jintqalilhom? “Xi jwieġbu lill-messaġġiera tal-ġnus?” Għandu Ħeżekija jfittex is-sigurtà f’alleanzi barranin? Le! Lill-messaġġiera għandu jgħidilhom: “Il-Mulej waqqaf lil Sijon fis-sod, u fiha jistkennu l-imsejknin tal-poplu tiegħu.” (Isaija 14:32) Is-sultan irid ikollu fiduċja sħiħa f’Jehovah. Il-pedament taʼ Sijon huwa sod. Il-belt se tibqaʼ wieqfa bħala menqa taʼ sigurtà mit-theddida Assirjana.—Salm 46:2-8 [46:1-7, NW].
8. (a) Xi ġnus illum kif aġixxew bħall-Filistja? (b) Bħalma għamel fil-qedem, Jehovah x’għamel biex jappoġġa lill-poplu tiegħu llum?
8 Bħal Filistja, xi ġnus illum jopponu b’kefrija lill-adoraturi t’Alla. Xhieda Kristjani taʼ Jehovah ġew mitfugħin il-ħabs u f’kampijiet tal-konċentrament. Ġew projbiti. Numru minnhom inqatlu. Xi opponenti jkomplu “jiftiehmu bejniethom kontra l-ħajja tal-ġust.” (Salm 94:21) Għall-għedewwa tagħhom, dan il-grupp Kristjan jistaʼ jidher li hu ‘fqir’ u ‘msejken.’ Madankollu, bl-appoġġ taʼ Jehovah, huma jgawdu abbundanza spiritwali, waqt li l-għedewwa tagħhom isofru l-ġuħ. (Isaija 65:13, 14; Għamos 8:11) Meta Jehovah jerfaʼ idu kontra l-Filistin taʼ żmienna, dawn l-“imsejknin” se jkunu fis-sigurtà. Fejn? Fi sħubija man-“nies tad-dar taʼ Alla,” li tagħha Ġesù hu l-ġebla tax-xewka tal-pedament fiż-żgur. (Efesin 2:19, 20) U se jkunu taħt il-protezzjoni taʼ “Ġerusalemm tas-sema,” is-Saltna ċelestjali taʼ Jehovah, li għandha bħala Sultan lil Ġesù Kristu.—Lhud 12:22; Apokalissi 14:1.
Mowab Jiġi Msikket
9. Id-dikjarazzjoni li jmiss kontra min issir, u dan il-poplu kif wera li kien għadu tal-poplu t’Alla?
9 Lejn il-lvant tal-Baħar il-Mejjet hemm ġar ieħor taʼ Iżrael—Mowab. Kuntrarju għall-Filistin, il-Mowabin jiġu minn Iżrael, billi huma dixxendenti taʼ Lot, in-neputi t’Abraham. (Ġenesi 19:37) Minkejja din ir-relazzjoni, Mowab għandu storja taʼ għadwa maʼ Iżrael. Per eżempju, lura fi żmien Mosè, is-sultan taʼ Mowab kera lill-profeta Balgħam, bit-tama li dan jisħet lill-Iżraelin. Meta dan fallielu, Mowab uża l-immoralità u l-qima taʼ Bagħal biex jitfaʼ fin-nassa lil Iżrael. (Numri 22:4-6; 25:1-5) Mhux taʼ b’xejn, mela, li Jehovah issa jnebbaħ lil Isaija biex jikteb “l-oraklu kontra Mowab”!—Isaija 15:1a.
10, 11. X’se jiġrilu Mowab?
10 Il-profezija taʼ Isaija hija mmirata kontra għadd taʼ bliet u postijiet f’Mowab, inkluż Għar, Kir (jew Kir-ħareset), u Dibon. (Isaija 15:1b, 2a) Il-Mowabin se jitniehdu mnikkta għall-ftajjar taż-żbib taʼ Kir-ħareset, li forsi kienu l-prodott prinċipali taʼ dik il-belt. (Isaija 16:6, 7) Xibna u Ġagħżer, li huma famużi għall-ikkultivar tad-dwieli, se jitgħaffġu. (Isaija 16:8-10) Għeglat-selisija, li isimha għandu mnejn ifisser “Għoġla taʼ Tliet Snin,” se ssir bħal għoġla b’saħħitha li qed tgħajjat għajat taʼ djieqa li jġiblek ħniena. (Isaija 15:5) Il-ħaxix taʼ l-art se jinxef filwaqt li l-“ilmijiet taʼ Dimon” isiru mimlijin demm minħabba t-tbiċċir tal-Mowabin. L-“ilmijiet taʼ Nimrim” se jsiru “ħerba,” jew f’sens figurattiv jew f’sens letterali—x’aktarx għaliex qawwiet armati taʼ l-għadu jimblokkaw il-kurrenti tagħhom.—Isaija 15:6-9.
11 Il-Mowabin se jitħażżmu bl-ixkejjer, l-ilbies tal-vistu. Se jqarwżu rjushom b’simbolu taʼ l-għajb u l-lamentazzjoni. Il-leħja tagħhom se tiġi “mqaxxra,” u dan juri niket u umiljazzjoni estremi. (Isaija 15:2b-4) Isaija nnifsu, li hu ċert mit-twettiq taʼ dawn il-ġudizzji, iħoss emozzjonijiet profondi. Bħall-kordi vibranti taʼ xi arpa, il-partijiet ġewwinin tiegħu jitqanqlu bil-ħasra minħabba l-messaġġ taʼ gwaj kontra Mowab.—Isaija 16:11, 12.
12. Kif twettaq il-kliem taʼ Isaija kontra Mowab?
12 Meta se titwettaq din il-profezija? Dalwaqt. “Dan hu kliem il-Mulej, li darba qal għal Mowab. Imma issa l-Mulej qal: ‘Fi tliet snin, magħdudin bħal tliet snin tal-ħaddiem mikri, il-glorja taʼ Mowab bil-kotra kollha tiegħu jżebilħuha u ma jibqax minnu ħlief fdal żgħir ħafna u bla fejda.’” (Isaija 16:13, 14) Fi qbil maʼ dan, hemm evidenza arkeoloġika li matul it-tmien seklu Q.E.K., Mowab sofra telfa kbira u ħafna mil-lokalitajiet tiegħu spiċċaw bla nies. Tiglat-pileser III semma lil Salamanu taʼ Mowab fost il-ħakkiema li ħallsuh il-ħaraġ. Sanħerib irċieva l-ħaraġ mingħand Kammusunadbi, sultan taʼ Mowab. Il-monarki Assirjani Asarħaddun u Assurbanipal irreferew għas-Slaten Mowabin Musuri u Kamasaltu bħala li kienu sudditi tagħhom. Il-Mowabin ilhom sekli sħaħ li ma baqgħux jeżistu bħala poplu. Instabu fdalijiet taʼ bliet li huwa maħsub li kienu Mowabin, imma s’issa ftit li xejn ġiet skoperta evidenza fiżika taʼ dan li darba kien għadu qawwi taʼ Iżrael.
Jgħib “Mowab” taʼ Żmienna
13. Liema organizzazzjoni llum tistaʼ titqabbel maʼ Mowab?
13 Illum teżisti organizzazzjoni mad-dinja kollha simili għal Mowab tal-qedem. Hija l-Kristjaneżmu, il-parti prinċipali taʼ “Babilonja l-Kbira.” (Apokalissi 17:5) Kemm Mowab u kemm Iżrael kienu dixxendenti taʼ Teraħ, missier Abraham. Bl-istess mod, il-Kristjaneżmu, bħall-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin li teżisti llum, isostni li għandu l-għeruq fil-kongregazzjoni Kristjana taʼ l-ewwel seklu. (Galatin 6:16) Madankollu, il-Kristjaneżmu—bħal Mowab—huwa korrott, billi jippromwovi l-immoralità spiritwali u l-qima taʼ allat oħra għajr dik taʼ l-uniku Alla veru, Jehovah. (Ġakbu 4:4; 1 Ġwann 5:21) Bħala klassi, il-mexxejja tal-Kristjaneżmu jopponu lil dawk li jippridkaw l-aħbar tajba dwar is-Saltna.—Mattew 24:9, 14.
14. Minkejja d-deċiżjoni taʼ Jehovah kontra “Mowab” taʼ żmienna, liema tama teżisti għal membri individwali taʼ din l-organizzazzjoni?
14 Mowab eventwalment ġie msikket. L-istess se jiġrilu l-Kristjaneżmu. Jehovah se jġagħlu jsir ħerba, billi juża potenza moderna ekwivalenti għall-Assirja. (Apokalissi 17:16, 17) Madankollu, hemm tama għal xi nies li qegħdin f’dan “Mowab” taʼ żmienna. F’nofs l-ipprofetizzar tiegħu kontra Mowab, Isaija jgħid: “Jitwaqqaf fuq it-tjieba u s-sewwa t-tron, u joqgħod fuqu fis-sod, fit-tinda taʼ David, mħallef li jfittex id-dritt, u ħafif biex jagħmel il-ġustizzja.” (Isaija 16:5) Fl-1914, Jehovah stabbilixxa fis-sod it-tron taʼ Ġesù, Ħakkiem fil-linja tas-Sultan David. Il-kariga taʼ Ġesù bħala sultan hija espressjoni tal-qalb tajba bl-imħabba taʼ Jehovah u, bi twettiq tal-patt t’Alla mas-Sultan David, se tibqaʼ għal dejjem. (Salm 72:2; 85:11, 12 [85:10, 11, NW]; 89:4, 5 [89:3, 4, NW]; Luqa 1:32) Ħafna wħud ġwejdin telqu minn “Mowab” taʼ żmienna u ssottomettew ruħhom lejn Ġesù sabiex jiksbu l-ħajja. (Apokalissi 18:4) Kemm huwa taʼ faraġ għal dawn li jkunu jafu li Ġesù se “jxandar il-ġustizzja lill-ġnus”!—Mattew 12:18; Ġeremija 33:15.
Damasku Tispiċċa f’Rovina
15, 16. (a) Damasku u Iżrael liema passi ostili jieħdu kontra Ġuda, u x’ikun ir-riżultat għal Damasku? (b) Min huwa inkluż fid-dikjarazzjoni kontra Damasku? (ċ) Il-Kristjani llum x’jistgħu jitgħallmu mill-eżempju taʼ Iżrael?
15 Wara dan, Isaija jikteb “oraklu fuq Damasku.” (Aqra Isaija 17:1-6.) Damasku, li tinsab lejn it-tramuntana taʼ Iżrael, hija “ras Aram [“Sirja,” NW].” (Isaija 7:8) Matul ir-renju tas-Sultan Aħaż taʼ Ġuda, Resin taʼ Damasku f’alleanza maʼ Pekaħ taʼ Iżrael jinvadi lil Ġuda. Madankollu, fuq it-talba taʼ Aħaż, l-Assirjan Tiglat-pileser III jiggwerra kontra Damasku, jikkonkwistaha u jeżilja lil ħafna mill-abitanti tagħha. Wara dan, Damasku ma tibqax thedded lil Ġuda.—2 Slaten 16:5-9; 2 Kronaki 28:5, 16.
16 X’aktarx minħabba l-alleanza taʼ Iżrael maʼ Damasku, id-dikjarazzjoni taʼ Jehovah kontra Damasku tinkludi wkoll espressjonijiet taʼ ġudizzju kontra s-saltna infidila tat-tramuntana. (Isaija 17:3-6) Iżrael se jsir bħal għalqa fi żmien il-ħsad li ma jkun fiha kważi xejn qamħ jew bħal żebbuġa li minnha l-biċċa l-kbira taż-żebbuġ ikun tfarfar minn mal-friegħi. (Isaija 17:4-6) X’eżempju taʼ min jaħseb fuqu għal dawk li huma dedikati lil Jehovah! Hu jistenna devozzjoni esklużiva u jaċċetta biss servizz sagru li jiġi mill-qalb. U jobgħod lil dawk li jduru kontra ħuthom.—Eżodu 20:5; Isaija 17:10, 11; Mattew 24:48-50.
Fiduċja Sħiħa f’Jehovah
17, 18. (a) Xi wħud f’Iżrael kif jirreaġixxu għad-dikjarazzjonijiet taʼ Jehovah, imma x’inhi r-reazzjoni ġenerali? (b) Il-ġrajjiet illum kif jixbhu lil dawk taʼ żmien Ħeżekija?
17 Isaija issa jgħid: “Dakinhar il-bniedem idur lejn min għamlu; idawwar għajnejh lejn il-Qaddis taʼ Iżrael. Ma jħarisx iżjed lejn l-artali li għamlu jdejh, ma jħarisx aktar fuq li għamlu subgħajh: ix-xbihat taʼ l-Asera u l-plieri tax-Xemx.” (Isaija 17:7, 8) Iva, hemm xi wħud f’Iżrael li jagħtu kas id-dikjarazzjoni taʼ twissija mingħand Jehovah. Per eżempju, meta Ħeżekija jistieden lill-abitanti taʼ Iżrael biex jingħaqdu maʼ Ġuda ħalli jiċċelebraw il-Qbiż, ikun hemm xi Iżraelin li jaċċettaw u jivvjaġġaw lejn in-nofsinhar biex jissieħbu maʼ ħuthom fil-qima safja. (2 Kronaki 30:1-12) Iżda, xorta waħda l-biċċa l-kbira mill-abitanti taʼ Iżrael iwaqqgħu għaċ-ċajt lill-messaġġiera li jwasslulhom l-istedina. Il-pajjiż huwa apostat b’mod li ma jistax jitfejjaq. Għaldaqstant, id-deċiżjoni taʼ Jehovah kontra tiegħu titwettaq. L-Assirja teqred il-bliet taʼ Iżrael, l-art issir ħerba u l-mergħat ma jipproduċu xejn.—Aqra Isaija 17:9-11.
18 Xi ngħidu għal-lum? Iżrael kien ġens apostat. Għaldaqstant, il-mod kif Ħeżekija pprova jgħin lil xi individwi f’dak il-ġens biex jirritornaw lejn il-qima vera jfakkarna dwar kif il-veri Kristjani llum jipprovaw jgħinu lil xi individwi li qegħdin fl-organizzazzjoni apostata tal-Kristjaneżmu. Mill-1919 ’l hawn, messaġġiera mill-“Iżrael taʼ Alla” qed imorru fil-Kristjaneżmu u jistiednu lin-nies biex jieħdu sehem magħhom fil-qima safja. (Galatin 6:16) Il-biċċa l-kbira rrifjutaw. Ħafna minnhom waqqgħu għaċ-ċajt lill-messaġġiera. Iżda, kien hemm xi wħud li aċċettaw. Dawn issa jgħoddu bil-miljuni, u l-għaxqa tagħhom hi li ‘jdawru għajnejhom lejn il-Qaddis taʼ Iżrael,’ biex jiġu mgħallmin minnu. (Isaija 54:13) Huma jabbandunaw il-qima fuq l-artali mhux qaddisin—id-devozzjoni lejn allat magħmulin mill-bniedem u l-fiduċja fihom—u jduru ħerqanin lejn Jehovah. (Salm 146:3, 4) Bħal Mikea, il-kontemporanju taʼ Isaija, kull wieħed minnhom jgħid: “Imma jien nittama fil-Mulej, nistenna ’l Alla tas-salvazzjoni tiegħi, Alla tiegħi jismagħni.”—Mikea 7:7.
19. Jehovah lil min se jhedded, u dan x’se jkun ifisser għalihom?
19 X’kuntrast maʼ dawk li jpoġġu l-fiduċja tagħhom fil-bniedem li jmut! Mewġ kbir taʼ vjolenza u taqlib jolqot kontinwament lill-umanità f’dawn l-aħħar jiem. Il-“baħar” taʼ l-umanità ribelluża u bla kwiet iqanqal skuntentizza u rivoluzzjoni. (Isaija 57:20; Apokalissi 8:8, 9; 13:1) Jehovah se ‘jheddidha’ lil din il-folla storbjuża. Is-Saltna tiegħu mis-sema se teqred lil kull organizzazzjoni u lil kull individwu li jaqilgħu l-inkwiet, u dawn se “jaħarbu ’l bogħod . . . bħal tromba trab quddiem ir-riefnu.”—Isaija 17:12, 13; Apokalissi 16:14, 16.
20. Minkejja li ‘ġidhom jinħataf’ mill-ġnus, il-veri Kristjani liema fiduċja għandhom?
20 X’se jkun ir-riżultat? Jgħid Isaija: “Fil-għaxija kien hemm il-biżaʼ tagħhom, sa minn qabel is-sebħ għabu lkoll. Din hi x-xorti taʼ dawk li jisirquna, dan hu s-sehem taʼ dawk li jaħtfulna ġidna.” (Isaija 17:14) Huma ħafna dawk li qegħdin jaħtfu l-ġid tan-nies taʼ Jehovah, billi jittrattawhom ħażin u bla rispett. Peress li m’humiex—u ma jixtiqux ikunu—parti mir-reliġjonijiet prinċipali tad-dinja, il-veri Kristjani jitqiesu bħala priża faċli minn kritiċi preġudikati u opponenti fanatiċi. Imma n-nies t’Alla huma fiduċjużi li s-“sebħ,” meta t-tribulazzjonijiet tagħhom se jintemmu, riesaq b’ħeffa kbira.—2 Tessalonikin 1:6-9; 1 Pietru 5:6-11.
L-Etjopja Ġġib Għotja lil Jehovah
21, 22. Liema ġens imiss li jirċievi dikjarazzjoni taʼ ġudizzju, u kif jitwettaq il-kliem imnebbaħ taʼ Isaija?
21 Għallinqas f’żewġ okkażjonijiet, l-Etjopja, li tinsab lejn in-nofsinhar taʼ l-Eġittu, involviet ruħha f’azzjoni militari kontra Ġuda. (2 Kronaki 12:2, 3; 14:1, 9-15; 16:8) Issa Isaija jbassar ġudizzju fuq dak il-ġens: “Gwaj għall-art taʼ l-insetti jżanżnu, ’l hemm mix-xmajjar taʼ Kus [“Etjopja,” “KŻ”]!” (Aqra Isaija 18:1-6.) a Jehovah joħroġ digriet li l-Etjopja se tiġi ‘miżbura, imqaċċta, u mormija.’
22 L-istorja sekulari tgħidilna li fl-aħħar parti tat-tmien seklu Q.E.K., l-Etjopja kkonkwistat l-Eġittu u ħakmitu għal xi 60 sena. Wara dan, l-Imperaturi Assirjani Asarħaddun u Assurbanipal invadew l-Eġittu. Meta Assurbanipal qered Tebe, l-Assirja rebħet u ħadet taħt idejha l-Eġittu, u b’hekk temmet id-dominanza taʼ l-Etjopja fuq il-Wied tan-Nil. (Ara wkoll Isaija 20:3-6.) Xi ngħidu għal żmienna?
23. L-“Etjopja” taʼ żmienna liema parti tilgħab, u għala tiġi meqruda?
23 Fil-profezija taʼ Danjel dwar iż-“żmien taʼ l-aħħar,” is-‘sultan aggressiv tat-tramuntana’ huwa deskritt bħala li għandu l-Etjopja u l-Libja ‘jkarkru warajh,’ jiġifieri, iwieġbu għad-direzzjoni tiegħu. (Danjel 11:40-43) L-Etjopja tissemma wkoll bħala li qegħda fil-qawwiet armati għall-battalja taʼ ‘Gog mill-art taʼ Magog.’ (Eżekjel 38:2-5, 8) Il-qawwiet armati taʼ Gog, inkluż is-sultan tat-tramuntana, se jinqerdu meta jattakkaw lill-ġens qaddis taʼ Jehovah. Għaldaqstant, id Jehovah se tintrafaʼ wkoll kontra l-“Etjopja” taʼ żmienna minħabba li topponi s-sovranità taʼ Jehovah.—Eżekjel 38:21-23; Danjel 11:45.
24. Jehovah b’liema mod irċieva ‘għotjiet’ mingħand il-ġnus?
24 Madankollu, il-profezija tgħid ukoll: “F’dak iż-żmien iġib offerta lill-Mulej taʼ l-eżerċti poplu taʼ nies misluta b’ġilda mielsa – poplu jbażżaʼ fil-qrib u fil-bogħod, . . . fil-post taʼ isem il-Mulej taʼ l-eżerċti, fuq l-għolja taʼ Sijon.” (Isaija 18:7) Għalkemm il-ġnus ma jirrikonoxxux is-sovranità taʼ Jehovah, huma kultant aġixxew b’tali mod li kien taʼ benefiċċju għall-poplu taʼ Jehovah. F’xi pajjiżi, l-awtoritajiet għaddew liġijiet u ħadu deċiżjonijiet fil-qrati li taw drittijiet legali lill-adoraturi leali taʼ Jehovah. (Atti 5:29; Apokalissi 12:15, 16) U hemm għotjiet oħrajn. “Għalik is-slaten iġibu l-għotjiet. . . . Ħa jiġu l-kbarat mill-Eġittu; tiftaħ l-Etjopja jdejha lejn Alla.” (Salm 68:30-32 [68:29-31, NW]) Illum, miljuni taʼ “Etjopjani” fi żmienna li jibżgħu minn Jehovah qegħdin iġibu “għotja” fil-forma taʼ qima. (Malakija 1:11) Huma qegħdin jieħdu sehem fix-xogħol enormi taʼ l-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna maʼ l-art kollha. (Mattew 24:14; Apokalissi 14:6, 7) X’għotja mill-aħjar offruta lil Jehovah!—Lhud 13:15.
Qalb l-Eġittu Tinħall
25. Bi twettiq taʼ Isaija 19:1-11, x’jiġrilu l-Eġittu tal-qedem?
25 Ġuda għandha lill-Eġittu bħala ġar imiss magħha lejn in-nofsinhar, u dan ilu żmien twil jaġixxi bħala għadu tal-poplu f’patt m’Alla. Isaija kapitlu 19 jirrakkonta l-kundizzjonijiet instabbli li kienu jeżistu fl-Eġittu meta kien ħaj Isaija. Hemm gwerra ċivili fl-Eġittu, “belt kontra belt, u saltna kontra saltna.” (Isaija 19:2, 13, 14) Kittieba taʼ l-istorja jippreżentaw evidenza taʼ dinastiji rivali li kienu jaħkmu partijiet differenti tal-pajjiż fl-istess waqt. L-għerf taʼ l-Eġittu, li tant kienu kburin bih, bl-‘allat fiergħa u s-saħħara’ tiegħu, ma jsalvahx minn “idejn sid kiefer.” (Isaija 19:3, 4) L-Eġittu jiġi konkwistat suċċessivament mill-Assirja, Babilonja, il-Persja, il-Greċja, u Ruma. Dawn il-ġrajjiet kollha jwettqu l-profeziji taʼ Isaija 19:1-11.
26. Fit-twettiq akbar, l-abitanti taʼ l-“Eġittu” taʼ żmienna kif se jirreaġixxu għall-atti taʼ ġudizzju minn Jehovah?
26 Madankollu, fil-Bibbja, l-Eġittu spiss jissimbolizza d-dinja taʼ Satana. (Eżekjel 29:3; Ġoel 4:19 [3:19, NW]; Apokalissi 11:8) Għalhekk, għandu twettiq akbar l-“oraklu fuq l-Eġittu” li lissen Isaija? Iva, tabilħaqq! Il-kliem li bih tibda l-profezija għandu jġiegħel lil kulħadd jagħti kas: “Arawh il-Mulej riekeb fuq sħaba ħafifa u dieħel l-Eġittu; jitriegħdu l-allat taʼ l-Eġittu quddiemu, u qalb l-Eġittu tinħall ġo fih.” (Isaija 19:1) Jehovah dalwaqt se jaġixxi kontra l-organizzazzjoni taʼ Satana. F’dak iż-żmien, l-allat taʼ din is-sistema t’affarijiet se jkunu jidhru li huma fiergħa. (Salm 96:5; 97:7) “Qalb l-Eġittu tinħall” bil-biżaʼ. Ġesù bassru dan iż-żmien: “Il-ġnus fuq l-art, b’qalbhom ittaqtaq, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u taʼ l-imwieġ; in-nies ruħhom ħierġa bil-biżaʼ billi jobsru x’ikun ġej fuq id-dinja.”—Luqa 21:25, 26.
27. Liema firdiet interni kienu mbassrin għall-“Eġittu,” u dan kif qed jitwettaq illum?
27 Dwar iż-żmien li jwassal għall-esekuzzjoni tal-ħaqq minnu, Jehovah jgħid profetikament: “U nkeskes l-Eġizzjani kontra l-Eġizzjani, jitqabdu wieħed kontra ħuh, u ieħor kontra sieħbu; belt kontra belt, u saltna kontra saltna.” (Isaija 19:2) Mindu s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fl-1914, “is-sinjal tal-miġja” taʼ Ġesù kien immarkat b’ġens li jqum kontra ġens u saltna kontra saltna. Massakri tribwali, ġenoċidji mdemmijin, u l-hekk imsejjaħ tindif etniku ħadu miljuni taʼ ħajjiet matul dawn l-aħħar jiem. Din it-“tbatija kbira” se tkompli tmur għall-agħar hekk kif it-tmiem jersaq iktar qrib.—Mattew 24:3, 7, 8.
28. F’jum il-ġudizzju, ir-reliġjon falza x’se tkun tistaʼ tagħmel biex issalva lil din is-sistema t’affarijiet?
28 “Toħroġ ruħ l-Eġittu minn ġo fih, u jien inħawwadlu ħsiebu; u jmorru jistħarrġu l-allat u s-saħħara, l-erwieħ u l-bassara.” (Isaija 19:3) Meta Mosè deher quddiem il-Fargħun, is-saħħara taʼ l-Eġittu twaqqgħu fl-għajb, għax ma setgħux iħabbtuha mal-qawwa taʼ Jehovah. (Eżodu 8:14, 15 [8:18, 19, NW]; Atti 13:8; 2 Timotju 3:8) Bl-istess mod, f’jum il-ġudizzju, ir-reliġjon falza mhux se tkun kapaċi ssalva lil din is-sistema korrotta. (Qabbel Isaija 47:1, 11-13.) Eventwalment, l-Eġittu ġie taħt “sid kiefer,” l-Assirja. (Isaija 19:4) Dan jiffigura bil-quddiem il-futur ikrah li qed tiffaċċja din is-sistema t’affarijiet.
29. Meta jiġi jum Jehovah, taʼ liema użu se jkunu l-politikanti?
29 Iżda, xi ngħidu għall-mexxejja politiċi? Jistgħu huma jagħtu daqqa t’id? “Tassew boloh il-prinċpijiet taʼ Sogħan! L-aqwa għorrief tal-Fargħun parir iblah tawh.” (Aqra Isaija 19:5-11.) Kemm m’huwiex raġunevoli li tittama li għorrief umani se jkunu taʼ xi użu f’jum il-ġudizzju! Anki jekk għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għarfien kollu tad-dinja, dawn m’għandhomx għerf divin. (1 Korintin 3:19) Huma ċaħdu lil Jehovah u daru lejn l-hekk imsejħa xjenza, filosofija, flus, divertiment, u allat sostituti oħrajn. Bħala riżultat, m’għandhom ebda għarfien dwar l-iskopijiet t’Alla. Jinsabu mqarrqin u mħawdin. Ix-xogħlijiet tagħhom huma fiergħa. (Aqra Isaija 19:12-15.) “L-għorrief jitħawwdu, jitħabblu u jinqabdu. Arawhom, ċaħdu l-kelma tal-Mulej, u issa x’għerf baqgħalhom?”—Ġeremija 8:9.
Sinjal u Xiehda għal Jehovah
30. “Art Ġuda” b’liema mod se “tkun taʼ biżaʼ għall-Eġittu”?
30 Madankollu, waqt li l-mexxejja taʼ l-“Eġittu” huma dgħajfin, “bħan-nisa,” xorta waħda għad hemm xi individwi li jfittxu l-għerf divin. Il-midlukin taʼ Jehovah u sħabhom ‘ixandru t-tifħir t’Alla.’ (Isaija 19:16; 1 Pietru 2:9) Qegħdin jagħmlu kulma jistgħu biex iwissu lin-nies dwar il-mewt li ġejja fuq l-organizzazzjoni taʼ Satana. Billi jħares ’il quddiem lejn din is-sitwazzjoni, Isaija jgħid: “Art Ġuda tkun taʼ biżaʼ għall-Eġittu; kull meta xi ħadd isemmihielu jitwerwer minħabba l-ħsieb li fassal għalih il-Mulej taʼ l-eżerċti.” (Isaija 19:17) Il-messaġġiera leali taʼ Jehovah joħorġu jgħidu l-verità lin-nies—inkluż it-taħbira dwar il-kastigi mbassrin minn Jehovah. (Apokalissi 8:7-12; 16:2-12) Dan jiddisturbahom lill-mexxejja reliġjużi tad-dinja.
31. Kif iseħħ li “lsien Kangħan” jiġi mitkellem fi bliet taʼ l-Eġittu (a) fil-qedem? (b) fi żmienna?
31 X’inhu r-riżultat sorprendenti taʼ dan ix-xogħol taʼ proklamazzjoni? “Dakinhar ikun hemm ħamest ibliet fl-art taʼ l-Eġittu jitkellmu lsien Kangħan u jaħilfu b’isem il-Mulej taʼ l-eżerċti; waħda minnhom tissejjaħ Belt ix-Xemx [“Belt il-ħerba,” “KŻ”].” (Isaija 19:18) Fl-antik, din il-profezija milli jidher twettqet meta l-lingwa Ebrajka kienet mitkellma fi bliet Eġizzjani minn Lhud li kienu ħarbu hemmhekk. (Ġeremija 24:1, 8-10; 41:1-3; 42:9–43:7; 44:1) Illum, hemm nies fit-territorju taʼ l-“Eġittu” taʼ żmienna li tgħallmu jitkellmu d-“diskors bla qerq” tal-verità Biblika. (Sofonija 3:9) Waħda mill-ħamest ibliet figurattivi tissejjaħ “Belt il-ħerba,” u dan jissinjifika li parti mid-“diskors bla qerq” huwa relatat maʼ li l-organizzazzjoni taʼ Satana tiġi esposta u magħmula “ħerba.”
32. (a) Liema “artal” qiegħed f’nofs l-art taʼ l-Eġittu? (b) Il-midlukin kif inhuma bħal “kolonna” ħdejn il-konfini taʼ l-Eġittu?
32 Grazzi għax-xogħol taʼ proklamazzjoni min-nies taʼ Jehovah, l-isem kbir tiegħu ċertament li se jsir magħruf f’din is-sistema t’affarijiet. “Dakinhar ikun hemm artal għall-Mulej f’nofs l-art taʼ l-Eġittu u plier f’ġieħ il-Mulej f’tarf l-art.” (Isaija 19:19) Dan il-kliem jipponta lejn il-pożizzjoni taʼ Kristjani midlukin, li qegħdin f’relazzjoni taʼ patt m’Alla. (Salm 50:5) Bħala “artal,” dawn qegħdin joffru s-sagrifiċċji tagħhom; bħala “kolonna u pedament tal-verità,” qegħdin jagħtu xiehda dwar Jehovah. (1 Timotju 3:15; Rumani 12:1; Lhud 13:15, 16) Qegħdin “f’nofs l-art,” għaliex jinsabu—flimkien maʼ sħabhom in-“nagħaġ oħra”—f’iktar minn 230 pajjiż u gżira tal-baħar. Imma “m’humiex tad-dinja.” (Ġwann 10:16; 17:15, 16) Qegħdin, bħallikieku, weqfin fuq il-konfini bejn din id-dinja u s-Saltna t’Alla, lesti biex jaqsmu għan-naħa l-oħra taʼ dawn il-konfini u jirċievu l-premju tagħhom fis-sema.
33. Il-midlukin b’liema mod huma “sinjal” u “xhieda” fl-“Eġittu”?
33 Ikompli Isaija: “U jkun taʼ sinjal u xhieda għall-Mulej taʼ l-eżerċti fl-art taʼ l-Eġittu. Meta jsejjħu lill-Mulej minħabba dawk li jaħqruhom, hu jibagħtilhom salvatur, li jaqbeż għalihom u jeħlishom.” (Isaija 19:20) Bħala “sinjal” u “xhieda,” il-midlukin jieħdu t-tmexxija fix-xogħol taʼ l-ippridkar u jeżaltaw isem Jehovah f’din is-sistema t’affarijiet. (Isaija 8:18; Lhud 2:13) Madwar id-dinja jistaʼ jinstemaʼ l-għajat taʼ nies oppressi, imma b’mod ġenerali, il-gvernijiet umani ma jistgħux jgħinuhom. Madankollu, Jehovah se jibgħat Salvatur Grandjuż, is-Sultan Ġesù Kristu, biex jillibera lill-ġwejdin kollha. Meta dawn l-aħħar jiem jilħqu l-quċċata tagħhom fil-gwerra t’Armageddon, hu se jġib serħan u barkiet dejjiema lil bnedmin li jibżgħu minn Alla.—Salm 72:2, 4, 7, 12-14.
34. (a) Jehovah kif se jsir magħruf mill-“Eġizzjani,” u dawn liema sagrifiċċju u għotja se jagħtuh? (b) Jehovah meta se jsawwat lill-“Eġittu,” u liema fejqan se jiġi wara?
34 Sadanittant, hija r-rieda t’Alla li kull xorta taʼ nies jiksbu l-għarfien eżatt u jiġu salvati. (1 Timotju 2:4) Għaldaqstant, Isaija jikteb: “U jgħarraf il-Mulej lilu nnifsu lill-Eġizzjani; u l-Eġizzjani jagħrfu dakinhar lill-Mulej, iservuh bil-vittmi u l-offerti, u jagħmlu l-wegħdi lill-Mulej u jrodduhom. U l-Mulej isawwat lill-Eġittu, isawwtu u jfejjqu. Huma jerġgħu lura għal għand il-Mulej, u hu jikkalma u jfejjaqhom.” (Isaija 19:21, 22) Nies mill-ġnus kollha tad-dinja taʼ Satana, “Eġizzjani” individwali, isiru jafu lil Jehovah u jagħtuh sagrifiċċju, ‘il-kelma taʼ xufftejhom li tistqarr ismu.’ (Lhud 13:15) Dawn jagħmlu wegħda lil Jehovah billi jiddedikaw ruħhom lilu, u jroddulu l-wegħda tagħhom billi jgħixu ħajja taʼ servizz leali. Wara s-‘swat’ li Jehovah se jagħti lil din is-sistema t’affarijiet f’Armageddon, hu se juża s-Saltna tiegħu biex ifejjaq lill-umanità. Matul ir-Renju Millennjali taʼ Ġesù, l-umanità se titwassal għall-perfezzjoni spiritwali, mentali, morali, u fiżika—fejqan tabilħaqq!—Apokalissi 22:1, 2.
‘Ikun Imbierek il-Poplu Tiegħi’
35, 36. Bi twettiq taʼ Isaija 19:23-25, liema konnessjonijiet saru jeżistu fl-antik bejn l-Eġittu, l-Assirja, u Iżrael?
35 Il-profeta mbagħad jara bil-quddiem żvilupp rimarkevoli: “Dakinhar ikun hemm triq mill-Eġittu għall-Assirja, u l-Assirja tiġi l-Eġittu u l-Eġittu jmur l-Assirja, u l-Eġizzjani jservu lill-Mulej flimkien maʼ l-Assiri. Dakinhar Iżrael ikun it-tielet maʼ l-Eġittu u l-Assirja, barka f’nofs l-art. Iberikhom il-Mulej taʼ l-eżerċti u jgħid: ‘Mbierek l-Eġittu l-poplu tiegħi, l-Assirja xogħol idejja, u Iżrael il-wirt tiegħi.’” (Isaija 19:23-25) Iva, xi darba se jkunu jeżistu relazzjonijiet taʼ ħbiberija bejn l-Eġittu u l-Assirja. Kif?
36 Fl-imgħoddi, meta kien jeħles lill-poplu tiegħu mill-ġnus, Jehovah kien jiftħilhom toroq wesgħin lejn il-libertà, biex ngħidu hekk. (Isaija 11:16; 35:8-10; 49:11-13; Ġeremija 31:21) Twettiq limitat taʼ din il-profezija seħħ wara t-telfa taʼ Babilonja meta wħud eżiljati mill-Assirja u l-Eġittu, kif ukoll minn Babilonja, inġiebu lura lejn l-Art Imwegħda. (Isaija 11:11) Iżda xi ngħidu dwar żmienna?
37. Miljuni llum kif jgħixu bħallikieku hemm triq wiesgħa bejn l-“Assirja” u l-“Eġittu”?
37 Illum, il-fdal taʼ Iżraelin spiritwali u midlukin huwa “barka f’nofs l-art.” Huma jippromwovu l-qima vera u qegħdin ixandru l-messaġġ tas-Saltna lin-nies fil-ġnus kollha. Xi wħud minn dawn il-ġnus huma bħall-Assirja, militaristiċi għall-aħħar. Ġnus oħrajn huma iktar liberali, forsi bħall-Eġittu—li darba kien is-“sultan tan-nofsinhar” fil-profezija taʼ Danjel. (Danjel 11:5, 8) Miljuni taʼ individwi mill-ġnus militaristiċi u mill-ġnus iktar liberali qabdu t-triq lejn il-qima vera. B’hekk, nies mill-ġnus kollha huma magħqudin ‘iservu lill-Mulej.’ M’hemm ebda firda nazzjonalistika bejniethom. Huma jħobbu lil xulxin, u jistaʼ jingħad verament li “l-Assirja tiġi l-Eġittu u l-Eġittu jmur l-Assirja.” Huwa bħallikieku hemm triq wiesgħa li tgħaddi minn wieħed għal għand l-ieħor.—1 Pietru 2:17.
38. (a) Iżrael kif se ‘jkun it-tielet maʼ l-Eġittu u l-Assirja’? (b) Jehovah għala jgħid ‘Ikun imbierek il-poplu tiegħi’?
38 Iżda, Iżrael kif “ikun it-tielet maʼ l-Eġittu u l-Assirja”? Kmieni fiż-“żmien taʼ l-aħħar,” il-biċċa l-kbira minn dawk li kienu jaqdu lil Jehovah fuq l-art kienu membri taʼ l-“Iżrael taʼ Alla.” (Danjel 12:9; Galatin 6:16) Mis-snin tletin ’l hawn, feġġet kotra kbira taʼ “nagħaġ oħra,” bit-tama li jgħixu fuq l-art. (Ġwann 10:16a; Apokalissi 7:9) Waqt li joħorġu mill-ġnus—iffigurati minn qabel mill-Eġittu u l-Assirja—huma jiġu bi ħġarhom lejn id-dar taʼ qima taʼ Jehovah u jistiednu lil oħrajn jissieħbu magħhom. (Isaija 2:2-4) Huma jwettqu l-istess xogħol taʼ ppridkar bħal ħuthom il-midlukin, jissaportu provi simili, juru l-istess fedeltà u integrità, u jieklu mill-istess mejda spiritwali. Verament, il-midlukin u n-“nagħaġ oħra” huma “merħla waħda, ragħaj wieħed.” (Ġwann 10:16b) Jistaʼ xi ħadd jiddubita jekk Jehovah, meta jħares lejn iż-żelu u s-sabar tagħhom, jiħux gost bl-attività tagħhom? Mhux taʼ b’xejn li hu jlissen barka fuqhom, billi jgħid: ‘Ikun imbierek il-poplu tiegħi’!
[Nota taʼ taħt]
a Xi studjużi jissuġġerixxu li l-espressjoni “art taʼ l-insetti jżanżnu” tirreferi għall-ġradijiet li minn żmien għal żmien jinvadu l-Etjopja fi qtajjaʼ kbar. Oħrajn jindikaw li l-kelma Ebrajka għal ‘iżanżnu,’ tsela·tsalʹ, tixbah fil-ħoss l-isem mogħti lid-dubbiena tsetse, tsal tsalya, mill-Galla, poplu Ħamitiku li jgħix fl-Etjopja moderna.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 191]
Gwerriera Filistin jattakkaw lill-għedewwa tagħhom (Tinqix Eġizzjan mis-seklu 12 Q.E.K.)
[Stampa f’paġna 192]
Figura mnaqqxa fil-ġebel taʼ gwerrier jew alla Mowabi (bejn is-seklu 11 u t-8 seklu Q.E.K.)
[Stampa f’paġna 196]
Gwerrier Sirjan riekeb fuq ġemel (id-disaʼ seklu Q.E.K.)
[Stampa f’paġna 198]
Il-“baħar” taʼ l-umanità ribelluża jqanqal skuntentizza u rivoluzzjoni
[Stampa f’paġna 203]
Is-saħħara taʼ l-Eġittu ma setgħux iħabbtuha mal-qawwa taʼ Jehovah