Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Id Jehovah Tintrafaʼ ’l Fuq

Id Jehovah Tintrafaʼ ’l Fuq

Kapitlu Wieħed u Għoxrin

Id Jehovah Tintrafaʼ ’l Fuq

Isaija 25:1–​27:13

1. Isaija għala japprezzah lil Jehovah?

 ISAIJA għandu mħabba profonda lejn Jehovah u hija l-​għaxqa tiegħu li jfaħħru. Hu jgħajjat: “Mulej, Alla tiegħi int; nfaħħrek u nsebbaħ lil ismek.” X’inhu li jgħin lill-​profeta biex ikollu dan l-​apprezzament mill-​qalb lejn il-​Ħallieq tiegħu? Fattur ewlieni huwa l-​għarfien li għandu dwar Jehovah u dwar l-​attivitajiet tiegħu. Il-​kliem li jgħid issa Isaija jirrivela dan l-​għarfien: “Għaliex għamilt ħwejjeġ taʼ l-​għaġeb, kif ħsibt żmien ilu, u bis-​sewwa, kif imiss.” (Isaija 25:1) Bħal Ġożwè, li għex qablu, Isaija jaf li Jehovah hu leali u taʼ min jafdah u li kulma ‘jaħseb’ iseħħ; hu jwettaq l-​affarijiet li jkollu l-​iskop li jagħmel.—Ġożwè 23:14.

2. Isaija issa jlissen liema ħsieb taʼ Jehovah, u x’jistaʼ jkun l-​iskop taʼ dan il-​ħsieb?

2 Il-​ħsibijiet taʼ Jehovah jinkludu d-​dikjarazzjonijiet tiegħu taʼ ġudizzju kontra l-​għedewwa taʼ Iżrael. Isaija issa jlissen waħda minnhom: “Għax il-​belt għamiltha gozz ġebel, ħerba l-​belt bis-​swar imdawwra. Il-​fortizza tal-​kburin ma għadhiex belt iżjed, ma tinbena qatt aktar.” (Isaija 25:2) X’inhi din il-​belt li m’għandhiex isem? Jistaʼ jkun li Isaija qed jirreferi għal Għar taʼ Mowab—Mowab ilha żmien twil miġġielda mal-​poplu t’Alla. a Jew jistaʼ jkun li qed jirreferi għal belt oħra, iktar b’saħħitha—Babilonja.—Isaija 15:1; Sofonija 2:​8, 9.

3. L-​għedewwa taʼ Jehovah b’liema mod jigglorifikawh?

3 L-​għedewwa taʼ Jehovah kif se jirreaġixxu meta jseħħ il-​ħsieb tiegħu kontra l-​belt b’saħħitha tagħhom? “Għalhekk ifaħħrek [jew, jigglorifikak] poplu b’saħħtu, il-​belt taʼ ġnus qawwija tibżaʼ minnek.” (Isaija 25:3) Wieħed jistaʼ jifhem li l-​għedewwa taʼ dak Alla li jistaʼ kollox se jibżgħu minnu. Iżda, kif jigglorifikawh? Se jabbandunaw l-​allat foloz tagħhom u jħaddnu l-​qima safja? Xejn minn dan! Minflok, bħall-​Fargħun u Nabukodonosor, huma jigglorifikaw lil Jehovah meta jiġu mġagħlin jirrikonoxxu li hu ferm iżjed superjuri minnhom u li ma jistgħux iżommuh.—Eżodu 10:​16, 17; 12:​30-33; Danjel 4:34 [4:​37, NW].

4. Liema “belt taʼ ġnus qawwija” teżisti llum, u kif saħansitra hi trid tigglorifika lil Jehovah?

4 Illum “il-​belt taʼ ġnus qawwija” hija “l-​Belt il-​Kbira, li għandha s-​saltna fuq is-​slaten taʼ l-​art,” jiġifieri, “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 17:​5, 18) Il-​parti prinċipali taʼ dan l-​imperu hija l-​Kristjaneżmu. Il-​mexxejja reliġjużi tal-​Kristjaneżmu kif jigglorifikawh lil Jehovah? Billi kontra qalbhom jammettu li hu wettaq affarijiet taʼ l-​għaġeb għan-​nom tax-​Xhieda tiegħu. B’mod partikulari fl-​1919 meta Jehovah rrestawra lill-​qaddejja tiegħu għal attività dinamika wara li ħelishom mill-​jasar spiritwali taħt Babilonja l-​Kbira, dawn il-​mexxejja “twerwru u taw glorja lil Alla tas-​sema.”—Apokalissi 11:13. b

5. Jehovah kif jipproteġihom lil dawk li għandhom fiduċja sħiħa fih?

5 Għalkemm f’għajnejn l-​għedewwa tiegħu jidher tal-​biżaʼ, Jehovah hu kenn għall-​ġwejdin u l-​umlin li jridu jaqduh. Dittaturi politiċi u reliġjużi jistgħu jagħmlu minn kollox biex ikissru l-​fidi tal-​veri adoraturi, imma ma jirnexxilhomx għaliex dawn għandhom fiduċja sħiħa f’Jehovah. Meta jasal il-​waqt, hu malajr isikket lil min jopponih, qisu qed jgħatti bi sħaba x-​xemx taħraq tad-​deżert jew jilqaʼ b’ħajt il-​forza taʼ xi maltempata bix-​xita.—Aqra Isaija 25:​4, 5.

‘Mejda għall-​Popli Kollha’

6, 7. (a) Jehovah x’festa jħejji, u għal min? (b) X’tiffigura bil-​quddiem il-​mejda mimlija ikel mill-​aqwa profetizzata minn Isaija?

6 Bħal missier li jħobb, Jehovah mhux biss jipproteġi lil uliedu imma jitmagħhom ukoll, speċjalment b’mod spiritwali. Wara li ħeles lin-​nies tiegħu fl-​1919, hu poġġielhom quddiemhom mejda tar-​rebħa, provvista abbundanti taʼ ikel spiritwali: “U jagħmel il-​Mulej taʼ l-​eżerċti għall-​popli kollha fuq din il-​muntanja, mejda b’ikel fin, mejda bi nbejjed ħelwa, b’laħam imsemmen bil-​mudullun, u nbejjed fini.”—Isaija 25:6.

7 Il-​mejda hija mifruxa fuq il-​“muntanja” taʼ Jehovah. X’inhi din il-​muntanja? Hija “l-​għolja tad-​dar tal-​Mulej” li lejha jiġru bi ħġarhom il-​ġnus kollha “fl-​aħħar jiem.” Hija l-​“muntanja qaddisa” taʼ Jehovah, fejn l-​adoraturi leali tiegħu ma jagħmlu ebda deni u ma jikkaġunaw ebda ħsara. (Isaija 2:2; 11:9) F’dan il-​post fl-​għoli taʼ qima, Jehovah jifrex il-​mejda tiegħu mimlija ikel mill-​aqwa għal nies leali. U l-​affarijiet tajbin spiritwali li issa jiġu provduti b’tant ġenerożità jiffiguraw bil-​quddiem l-​affarijiet tajbin fiżiċi li se jiġu provduti meta s-​Saltna t’Alla ssir l-​uniku gvern għall-​bnedmin. Imbagħad mhux se jkun hemm iktar ġuħ. “Ikun kotran il-​qamħ fuq l-​art, jogħla sal-​qċaċet taʼ l-​għoljiet.”—Salm 72:​8, 16.

8, 9. (a) Liema żewġ għedewwa kbar tal-​bnedmin se jitneħħew min-​nofs? Spjega. (b) Alla x’se jagħmel biex ineħħi min-​nofs l-​għajb tan-​nies tiegħu?

8 Dawk li issa jieħdu sehem fil-​festa spiritwali provduta minn Alla għandhom prospetti glorjużi. Iftaħ widnejk għal dak li jkompli jgħid Isaija. Waqt li jqabbel id-​dnub u l-​mewt maʼ “għata,” jew “velu,” li jifga lill-​popli, hu jgħid: “U [Jehovah] jċarrat minn fuq din il-​muntanja l-​velu li kien jgħatti wiċċ il-​popli kollha, għata li kien jaħbi kollha kemm huma l-​ġnus. Jeqred il-​mewt għal dejjem, jixxotta Sidi l-​Mulej id-​dmugħ minn fuq kull wiċċ.”—Isaija 25:​7, 8a.

9 Iva, m’hemmx iktar dnub u mewt! (Apokalissi 21:​3, 4) Iktar minn hekk, l-​għajb tal-​gideb li l-​qaddejja taʼ Jehovah ssaportew għal eluf taʼ snin se jispiċċa wkoll. [I]ħassar l-​għajb tal-​poplu tiegħu minn wiċċ l-​art kollha: għax il-​Mulej tkellem.” (Isaija 25:8b) Dan kif se jseħħ? Jehovah se jneħħi min-​nofs lil dawk li qed iġibu dan l-​għajb, Satana u ż-​żerriegħa tiegħu. (Apokalissi 20:​1-3) Mhux taʼ b’xejn li n-​nies t’Alla se jitqanqlu biex ifaħħru ’l Alla b’dan il-​kliem: “Dan hu Alla tagħna: fih ittamajna li jsalvana; dan hu l-​Mulej li fih ittamajna: nifirħu u nithennew bis-​salvazzjoni tiegħu.”—Isaija 25:9.

Il-​Kburin Jitniżżlu

10, 11. Jehovah liema trattament aħrax iħejji għal Mowab?

10 Jehovah jsalva lil dawk mill-​poplu tiegħu li juru l-​umiltà. Madankollu, Mowab, il-​ġâr taʼ Iżrael, huwa mkabbar, u Jehovah jistmerrha l-​kburija. (Proverbji 16:18) Għalhekk, lil Mowab inqatgħatlu li jiġi umiljat. “Għax id il-​Mulej tinżel fuq din il-​muntanja. U Mowab jisħquh fejn ikun, [i]t-tiben fil-​miżbla bħalma jisħquh. U jmidd idejh ġo fiha, bħalma l-​għawwiem imiddhom biex jgħum; imma jkollu jniżżel kburitu, minkejja t-​taħbit taʼ jdejh. U jaqleb u jġarraf il-​Mulej il-​fortizzi għolja tas-​swar tiegħu u jwaddabhom fit-​trab taʼ l-​art.”—Isaija 25:​10-12.

11 Id Jehovah se “tinżel” fuq il-​muntanja taʼ Mowab. X’se jkun ir-​riżultat? L-​imkabbar Mowab se jintlaqat u jinsaħaq bħal “fil-​miżbla.” Fi żmien Isaija, it-​tiben jiżdied mad-​demel biex isir il-​fertilizzant; għalhekk, Isaija jbassar umiljazzjoni għal Mowab, minkejja li s-​swar għoljin tiegħu jidhru qishom li jipprovdu sigurtà.

12. Mowab għala jintgħażel għad-​dikjarazzjoni taʼ ġudizzju mingħand Jehovah?

12 Jehovah għala jagħżel lil Mowab għal dan il-​ħsieb aħrax? Il-​Mowabin huma dixxendenti taʼ Lot, in-​neputi t’Abraham u adoratur taʼ Jehovah. B’hekk, dawn m’humiex biss ġirien tal-​ġens li qiegħed f’patt m’Alla imma wkoll qrabatu. Minkejja dan, huma adottaw allat foloz u wrew mibegħda ħarxa lejn Iżrael. Jixirqilhom it-​tmiem li hemm merfugħ għalihom. F’din il-​ħaġa, Mowab hu bħall-​għedewwa tal-​qaddejja taʼ Jehovah llum. Hu speċjalment bħall-​Kristjaneżmu, li jsostni li għandu l-​għeruq fil-​kongregazzjoni Kristjana taʼ l-​ewwel seklu imma li, bħalma rajna qabel, huwa l-​parti prinċipali taʼ Babilonja l-​Kbira.

Innu taʼ Salvazzjoni

13, 14. Il-​poplu t’Alla llum liema “belt qawwija” għandu, u min huma dawk li jitħallew jidħlu fiha?

13 Xi ngħidu għan-​nies t’Alla? Kuntenti ferm li għandhom il-​favur u l-​protezzjoni taʼ Jehovah, huma jgħollu leħinhom biex ikantaw. “Dakinhar jitkanta dan l-​innu fl-​art taʼ Ġuda: ‘Għandna belt qawwija; bnielna swar u ħitan għall-​ħelsien tagħna. Iftħu l-​bibien, biex jidħol il-​poplu ġust li jżomm is-​sewwa.’” (Isaija 26:​1, 2) Waqt li bla dubju dan il-​kliem kellu twettiq fil-​qedem, għandu wkoll twettiq ċar illum. “Il-​poplu ġust” taʼ Jehovah, Iżrael spiritwali, hu mogħni b’organizzazzjoni b’saħħitha bħal belt. Għandhom raġun jithennew, ikantaw!

14 Liema tip taʼ nies jidħlu f’din il-​“belt”? L-​innu jagħti t-​tweġiba: “Il-​fehma tiegħu sħiħa fik; inti [Alla] ssaħħaħlu s-​sliem, għax fik ittama. Ittamaw fil-​Mulej, għal dejjem, għax il-​Mulej hu l-​blata taʼ dejjem.” (Isaija 26:​3, 4) “Il-​fehma” li għandha l-​approvazzjoni taʼ Jehovah hija x-​xewqa f’dak li jkun li jobdi l-​prinċipji taʼ tjieba t’Alla u jafda fih, mhux fis-​sistemi kummerċjali, politiċi, u reliġjużi tad-​dinja li ma jistgħux iżommu fuq saqajhom. “Il-​Mulej” Jehovah hu l-​unika blata li nistgħu nistrieħu fuqha għas-​sigurtà. Dawk li għandhom fiduċja sħiħa f’Jehovah jirċievu l-​protezzjoni tiegħu u jgawdu “sliem” kontinwu.—Proverbji 3:​5, 6; Filippin 4:​6, 7.

15. Il-​“belt imkabbra” kif tniżżlet ’l isfel illum, u b’liema mod tintrifes minn “saqajn il-​fqir”?

15 X’kuntrast maʼ dak li jiġrilhom l-​għedewwa tal-​poplu t’Alla! “Lil min kien fl-​għoli niżżlu, il-​belt imkabbra niżżilha, waqqagħha għal isfel, fit-​trab xeħitha; taħt is-​saqajn tirtifes, saqajn il-​fqir, ir-​rifs taʼ l-​imsejknin.” (Isaija 26:​5, 6) Mill-​ġdid, hawnhekk Isaija għandu mnejn qed jirreferi għal xi “belt imkabbra” f’Mowab, jew forsi qed jgħid għal xi belt oħra, bħalma hi Babilonja, li ċertament togħla f’dik li hi kburija. Hu x’inhu l-​każ, Jehovah pattihielha lill-​“belt imkabbra,” u din tintrifes mill-​‘foqra u l-​imsejknin’ tiegħu. Illum din il-​profezija tiddeskrivi b’mod xieraq lil Babilonja l-​Kbira, partikolarment lill-​Kristjaneżmu. Fis-​sena 1919 din il-​“belt imkabbra” ġiet imġagħla teħles lin-​nies taʼ Jehovah—waqgħa umiljanti—u dawn, mill-​banda l-​oħra, qed ikunu żguri li jirfsu taħt saqajhom lil dik li qabel kienet iżżommhom priġunieri tagħha. (Apokalissi 14:8) Kif? Billi jħabbru pubblikament il-​vendetta li ġejja fuqha mingħand Jehovah.—Apokalissi 8:​7-12; 9:​14-19.

Xewqa għall-​Ġustizzja u għat-​‘Tifkira’ taʼ Jehovah

16. Isaija jagħti liema eżempju mill-​aħjar taʼ devozzjoni?

16 Wara dan l-​innu trijonfanti, Isaija juri kemm hi kbira d-​devozzjoni tiegħu u xi premjijiet hemm għal min jaqdi lil dan Alla tal-​ġustizzja. (Aqra Isaija 26:​7-9.) Il-​profeta jipprovdi eżempju mill-​aħjar billi ‘jittama f’Jehovah’ u għandu xewqa profonda għall-​‘isem’ u t-​‘tifkira’ taʼ Jehovah. X’inhi t-​tifkira taʼ Jehovah? Eżodu 3:15 jgħid: “Jaħweh . . . ikun ismi għal dejjem u dan l-​isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel.” Isaija jgħożż l-​isem taʼ Jehovah u dak kollu li jirrappreżenta, inkluż il-​livelli u l-​modi taʼ tjieba Tiegħu. Dawk li jikkultivaw imħabba simili għal Jehovah huma assigurati mill-​barka tiegħu.—Salm 5:8; 25:​4, 5; 135:13; Hosegħa 12:5.

17. Liema privileġġi mhux se jkunu disponibbli għal dawk mill-​agħar?

17 Madankollu, mhux kulħadd iħobb lil Jehovah u l-​livelli għoljin tiegħu. (Aqra Isaija 26:10.) Dawk li huma mill-​agħar, b’ras iebsa ma jkunux iridu jitgħallmu t-​tjieba sabiex jidħlu “f’art id-​dritt,” lanqas meta jiġu mistiedna jagħmlu dan. Din l-​art hija okkupata mill-​qaddejja taʼ Jehovah li huma retti moralment u spiritwalment. B’riżultat taʼ dan, dawk mill-​agħar ‘ma jqisuhx il-​kobor tal-​Mulej.’ Mhux se jibqgħu ħajjin biex igawdu l-​barkiet li se jiġu fuq il-​bnedmin wara li jkun ġie mqaddes l-​isem taʼ Jehovah. Saħansitra fid-​dinja l-​ġdida, meta l-​art kollha kemm hi se tkun “art id-​dritt,” se jkun hemm xi wħud li ma jwiġbux għall-​qalb tajba bl-​imħabba taʼ Jehovah. L-​ismijiet taʼ dawn mhux se jinkitbu fil-​ktieb tal-​ħajja.—Isaija 65:20; Apokalissi 20:​12, 15.

18. Fi żmien Isaija, b’liema mod hemm dawk li minn jeddhom jagħżlu li jkunu għomja, u meta se jkollhom ‘jaraw’ lil Jehovah?

18 “Mulej, għollejt idek, u huma ma rawhiex. Ħa jaraw il-​ħeġġa tiegħek għall-​poplu u jistħu; ħa jkollhom in-​nar lest għall-​għedewwa tiegħek.” (Isaija 26:11) Fi żmien Isaija, id Jehovah tidher li hi fl-​għoli meta Hu jipproteġi lin-​nies tiegħu billi jaġixxi kontra l-​għedewwa tagħhom. Imma l-​biċċa l-​kbira tan-​nies dan ma rrikonoxxewhx. Meta jasal il-​waqt, dawk li minn jeddhom jagħżlu li jkunu għomja spiritwalment, se jkollhom ‘jaraw,’ jew jirrikonoxxu, lil Jehovah meta jintemmu fin-​nar imħeġġeġ taʼ qilltu. (Sofonija 1:18) Iktar tard, Alla jgħid lil Eżekjel: “[I]kunu jafu li jien il-​Mulej” Jehovah.—Eżekjel 38:23.

“Il-​Mulej Iwiddeb lil Min Iħobb”

19, 20. Jehovah għala u kif iddixxiplina lin-​nies tiegħu, u min ibbenefika minn dan?

19 Isaija jaf li kwalunkwe sliem u riżq gawduti min-​nies taʼ pajjiżu huma frott il-​barka taʼ Jehovah. “Mulej, int tagħtina s-​sliem, għemilna kollu għamiltu int għalina.” (Isaija 26:12) Minkejja dan u minkejja li Jehovah poġġa quddiem in-​nies tiegħu l-​opportunità li jsiru “saltna taʼ qassisin u ġens qaddis,” Ġuda għaddiet minn ħafna taqlib. (Eżodu 19:6) In-​nies tagħha daru kemm-il darba lejn il-​qima t’allat foloz. B’riżultat taʼ dan, kemm-il darba ħadu d-​dixxiplina. Madankollu, din id-​dixxiplina turi l-​imħabba taʼ Jehovah għaliex “il-​Mulej iwiddeb lil min iħobb.”—Lhud 12:6.

20 Spiss, Jehovah jiddixxiplina lin-​nies tiegħu billi jippermetti li jiġu dominati minn ġnus oħrajn, “sidien oħra.” (Aqra Isaija 26:13.) Fis-​sena 607 Q.E.K., jippermetti lill-​Babiloniżi biex jiħduhom fl-​eżilju. Jibbenefikaw minn dan? Fiha nfisha s-​sofferenza m’hijiex taʼ benefiċċju għal dak li jkun. Madankollu, jekk min isofri jitgħallem minn dak li jgħaddi minnu, jindem, u jagħti devozzjoni lil Jehovah biss, allura se jibbenefika. (Dewteronomju 4:​25-31) Hemm xi Lhud li juru ndiema li togħġob ’l Alla? Iva! Isaija jgħid profetikament: “Aħna lilek u lil ismek biss infaħħru.” Wara li jirritornaw mill-​eżilju fis-​sena 537 Q.E.K., il-​Lhud spiss ikollhom bżonn dixxiplina għal dnubiet oħrajn, imma qatt ma jerġgħu jqimu lill-​allat tal-​ġebel.

21. X’se jiġrilhom dawk li ħaqru lin-​nies t’Alla?

21 X’jiġrilhom dawk li jaħtfu lil Ġuda taħt idejhom? “Huma mejta, ma jgħixux, erwieħ li ma jqumux. Hekk int ikkastigajthom u qridthom, u ħassart kull tifkira tagħhom.” (Isaija 26:14) Babilonja se ssofri minħabba l-​kefrija li wriet mal-​ġens magħżul taʼ Jehovah. Permezz tal-​Medi u l-​Persjani, Jehovah se jegħleb l-​imkabbra Babilonja u jeħles lill-​poplu eżiljat tiegħu. Din il-​belt kbira, Babilonja, se tintgħamel bla saħħa, daqs li kieku mejta. Maż-​żmien, mhix se tibqaʼ teżisti.

22. Fi żmienna, kif tbierku n-​nies t’Alla?

22 Fit-​twettiq taʼ żmienna fl-​1919, fdal taʼ Iżrael spiritwali, li kien ġie dixxiplinat, inħeles minn taħt Babilonja l-​Kbira u ddaħħal mill-​ġdid fis-​servizz taʼ Jehovah. Mogħtijin il-​ħajja mill-​ġdid, il-​Kristjani midlukin intefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar. (Mattew 24:14) Mill-​banda l-​oħra, Jehovah berikhom biż-​żjieda, billi saħansitra daħħal kotra kbira taʼ “nagħaġ oħra” biex jaqdu magħhom. (Ġwann 10:16) “Int kattart il-​ġens, Mulej, kattart il-​poplu u ssebbaħt, wessajt it-​truf kollha tal-​pajjiż. Mulej fid-​dwejjaq fittixnik, sejjaħnielek int u tikkastigana.”—Isaija 26:​15, 16.

‘Iqumu Lkoll’

23. (a) Liema turija impressjonanti tal-​qawwa taʼ Jehovah sseħħ fis-​sena 537 Q.E.K.? (b) Liema turija simili seħħet fl-​1919 E.K.?

23 Isaija jirritorna għas-​sitwazzjoni li tiffaċċja Ġuda waqt li din għadha fil-​jasar taħt Babilonja. Hu jqabbel il-​ġens maʼ mara tqila fil-​ħlas imma li ma tistax twelled mingħajr għajnuna. (Aqra Isaija 26:​17, 18.) Din l-​għajnuna tiġi fis-​sena 537 Q.E.K., meta n-​nies taʼ Jehovah jirritornaw lejn art twelidhom, ħerqanin biex jibnu t-​tempju mill-​ġdid u jirrestawraw il-​qima vera. Fil-​fatt, il-​ġens jitqajjem mill-​imwiet. “Għax jgħixu mill-​ġdid il-​mejtin tiegħek, il-​katavri jqumu lkoll. Jistenbħu u jgħannu dawk li jgħammru fit-​trab. In-​nida tiegħek hi nida taʼ dawl, u l-​art trodd il-​mejtin.” (Isaija 26:19) X’turija tal-​qawwa taʼ Jehovah hi din! Iżjed minn hekk, x’turija kbira kien hemm meta dan il-​kliem twettaq f’sens spiritwali fl-​1919! (Apokalissi 11:​7-11) U kemm inħarsu ’l quddiem bil-​ħerqa lejn iż-​żmien meta dan il-​kliem jitwettaq b’mod letterali fid-​dinja l-​ġdida u dawk li huma bla saħħa fil-​mewt ‘jisimgħu leħen Ġesù u joħorġu’ mill-​oqbra!—Ġwann 5:​28, 29.

24, 25. (a) Fis-​sena 539 Q.E.K., il-​Lhud kif għandhom mnejn obdew il-​kmand taʼ Jehovah biex jinħbew? (b) Il-​“kmamar” taʼ ġewwa liema ħaġa għandhom mnejn jindikaw fi żmienna, u x’attitudni rridu nikkultivaw lejhom?

24 Madankollu, biex nies leali jgawdu l-​barkiet spiritwali mwegħdin permezz taʼ Isaija, dawn iridu jobdu dak li jikkmandahom Jehovah: “Mur, poplu tiegħi, idħol fil-​kmamar tiegħek [taʼ ġewwa], u sakkar il-​bibien warajk! Inħeba għal ftit sa ma tgħaddi l-​korla. Għax, araw, il-​Mulej ħiereġ minn għamartu, biex jitħallas tal-​ħażen tan-​nies taʼ l-​art; l-​art tikxef id-​demm li xorbot, u ma tgħattix aktar il-​maqtulin tagħha.” (Isaija 26:​20, 21; qabbel Sofonija 1:14.) Din is-​silta forsi għandha l-​ewwel twettiq meta l-​Medi u l-​Persjani, immexxijin mis-​Sultan Ċiru, jirbħu lil Babilonja fis-​sena 539 Q.E.K. Skond Xenofon, kittieb Grieg taʼ l-​istorja, meta Ċiru jidħol Babilonja, hu jikkmanda lil kulħadd biex jissakkar f’daru għaliex il-​kavallerija tiegħu għandha “ordnijiet biex toqtol lil kulmin jinstab barra.” Illum, il-​“kmamar” taʼ ġewwa f’din il-​profezija għandhom xebh kbir maʼ l-​għaxriet t’eluf taʼ kongregazzjonijiet li l-​poplu taʼ Jehovah għandu madwar id-​dinja. Dawn il-​kongregazzjonijiet se jkomplu jkunu taʼ importanza kbira f’ħajjitna, saħansitra matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. (Apokalissi 7:14) Kemm huwa vitali li dejjem ikollna attitudni pożittiva lejn il-​kongregazzjoni u nassoċjaw regolarment magħha!—Lhud 10:​24, 25.

25 Dalwaqt ġej it-​tmiem għad-​dinja taʼ Satana. Kif Jehovah se jipproteġi lill-​poplu tiegħu matul dak iż-​żmien taʼ biżaʼ, għadna ma nafux. (Sofonija 2:3) Madankollu, li nafu hu li jekk irridu nibqgħu ħajjin għandna bżonn nuru fidi f’Jehovah, flimkien maʼ lealtà u ubbidjenza lejh.

26. X’inhu “Liwjatan” fi żmien Isaija u fi żmienna, u x’jiġrilu dan id-​“dragun li hemm fil-​baħar”?

26 Meta jħares lejn dak iż-​żmien, Isaija jipprofetizza: “F’dak il-​jum jikkastiga l-​Mulej bix-​xabla qalila, kbira u qawwija tiegħu lil Liwjatan, is-​serp ħafif, lil Liwjatan, is-​serp jitkagħweġ; joqtol id-​dragun li hemm fil-​baħar.” (Isaija 27:1) Fl-​ewwel twettiq, il-​kelma “Liwjatan” tirreferi għall-​pajjiżi fejn inxterdu n-​nies taʼ Iżrael, bħalma huma Babilonja, l-​Eġittu, u l-​Assirja. Dawn il-​pajjiżi mhux se jkunu jistgħu jżommu lin-​nies taʼ Jehovah milli jirritornaw lejn art twelidhom fiż-​żmien xieraq. Iżda, min hu Liwjatan taʼ żmienna? Jidher li hu Satana—“is-​Serp tal-​qedem”—u s-​sistema dinjija mill-​agħar tiegħu hawnhekk fuq l-​art, l-​għodda li juża biex jiggwerra kontra Iżrael spiritwali. (Apokalissi 12:​9, 10; 13:​14, 16, 17; 18:24) “Liwjatan” tilef il-​qabda li kellu fuq in-​nies t’Alla fl-​1919, u dan dalwaqt se jisparixxi għalkollox meta Jehovah se “joqtol id-​dragun li hemm fil-​baħar.” Sadanittant, xejn minn dak li “Liwjatan” jistaʼ jipprova jagħmel kontra n-​nies taʼ Jehovah ma se jkollu suċċess veru.—Isaija 54:17.

Ġnejna tad-​Dwieli taʼ Nbid Aħmar

27, 28. (a) L-​għalqa tad-​dwieli taʼ Jehovah b’liema ħaġa mliet l-​art kollha? (b) Jehovah kif jipproteġiha l-​għalqa tad-​dwieli tiegħu?

27 B’għanja oħra, Isaija issa jagħti stampa b’mod sabiħ tal-​frott li joħroġ mill-​poplu meħlus taʼ Jehovah: “F’dak il-​jum jgħidu: ‘Għannulha lill-​ġnejna tad-​dwieli [“taʼ nbid aħmar,” “KŻ”], il-​ġnejna fiha għaxqa! Jiena l-​Mulej, l-​għassies tagħha. Kull ħin u kull waqt insaqqiha. Biex ma tiġrilha ebda ħsara, lejl u nhar jien inħarisha.’” (Isaija 27:​2, 3) Il-​fdal taʼ Iżrael spiritwali u l-​imseħbin tagħhom li jaħdmu iebes tabilħaqq imlew l-​art kollha kemm hi bi frott spiritwali. Kemm għandhom għalfejn jiċċelebraw—ikantaw! Il-​kredtu kollu jmur lil Jehovah, li b’imħabba kbira qiegħed jieħu ħsieb l-​għalqa tad-​dwieli tiegħu.—Qabbel Ġwann 15:​1-8.

28 Verament, il-​ferħ taʼ Jehovah ħa post ir-​rabja li kellu qabel! “Ma għadnix mgħaddab. Li kien hemm ix-​xewk u l-​ħurrieq, kont nagħmlilhom gwerra, naħraqhom ilkoll f’salt wieħed, sakemm ma jfittxux il-​kenn fija u ma jagħmlux paċi miegħi, u ma jagħmlux paċi miegħi.” (Isaija 27:​4, 5) Biex ikun żgur li d-​dwieli tiegħu jkomplu jipproduċu abbundanza taʼ “nbid aħmar,” Jehovah jgħaffeġ u jikkonsma qisu bin-​nar kwalunkwe influwenza li bħal ħaxix ħażin tistaʼ tħassar l-​għalqa tad-​dwieli tiegħu. Għaldaqstant, ħalli ħadd ma jissogra jipperikola l-​istat tajjeb tal-​kongregazzjoni Kristjana! Minflok, ħalli kulħadd ‘ifittex il-​kenn f’Jehovah,’ kif ukoll il-​favur u l-​protezzjoni tiegħu. Meta jagħmel dan ikun qed jagħmel paċi m’Alla—xi ħaġa tant importanti li Isaija jsemmiha darbtejn. X’ikun ir-​riżultat? “U jfiġġ jum meta jxenxel għerq Ġakobb, meta jarmi u jiżhar Iżrael, u wiċċ id-​dinja jimlewh bil-​frott.” (Isaija 27:6) c X’evidenza meraviljuża tal-​qawwa taʼ Jehovah tidher fit-​twettiq taʼ dan il-​vers! Mill-​1919 ’l hawn, il-​Kristjani midlukin imlew l-​art bil-​“frott,” ikel spiritwali li jsostni. B’riżultat taʼ dan, ngħaqdu magħhom miljuni taʼ nagħaġ oħra leali, li flimkien magħhom qegħdin ‘lejl u nhar jaqdu lil Alla.’ (Apokalissi 7:15) F’nofs dinja korrotta, dawn iżommu bil-​ferħ mal-​livelli għoljin tiegħu. U Jehovah jkompli jberikhom biż-​żjieda. Jalla aħna qatt ma ninsew il-​privileġġ grandjuż tagħna li nieħdu sehem mill-​“frott” u naqsmuh m’oħrajn permezz taʼ l-​għajta tagħna taʼ tifħir!

[Noti taʼ taħt]

a L-isem Għar x’aktarx li jfisser “Belt.”

b Ara Revelation​—Its Grand Climax At Hand!, paġna 170.

c Isaija 27:​7-13 huwa diskuss fil-​kaxxa li hemm f’ paġna 285.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 285]

 “It-​Tromba l-​Kbira” Tħabbar il-​Libertà

Fis-​sena 607 Q.E.K., l-​uġigħ taʼ Ġuda jiżdied meta Jehovah jiddixxiplina lill-​ġens stinat tiegħu billi jitfgħu fl-​eżilju. (Aqra Isaija 27:7-11.) L-​iżball tal-​ġens huwa kbir wisq biex jitpatta bis-​sagrifiċċji taʼ l-​annimali. Għalhekk, bħalma wieħed ixerred in-​nagħaġ jew il-​mogħoż billi ‘jkeċċihom’ jew inkella ‘jkaxkar’ il-​weraq b’riħ qawwi, Jehovah jkeċċi lill-​Iżraelin minn art twelidhom. Wara dan, saħansitra popli dgħajfin, li jiġu mxebbhin maʼ nisa, ikunu kapaċi jinqdew b’dak li jibqaʼ fil-​pajjiż.

Madankollu, jasal iż-​żmien li Jehovah jeħles lill-​poplu tiegħu mill-​jasar, bħalma l-​bidwi jeħles iż-​żebbuġ maqbud, biex ngħidu hekk, mis-​siġar. “U dakinhar jiġri li l-​Mulej jidres il-​qamħ mix-​xmara taʼ l-​Ewfrat sal-​Wied taʼ l-​Eġittu, u intom tinġabru wieħed wieħed, ulied Iżrael. Dakinhar tindaqq it-​tromba l-​kbira, u jiġu lura l-​mitlufin f’art l-​Assirja, u l-​imxerrdin fl-​art taʼ l-​Eġittu, u jqimu lill-​Mulej, fuq il-​muntanja mqaddsa f’Ġerusalemm.” (Isaija 27:12, 13) Wara r-​rebħa li jikseb fis-​sena 539 Q.E.K., Ċiru joħroġ digriet li bih jeħles lil-​Lhud kollha li jinsabu fl-​imperu tiegħu, u dan jinkludi lil dawk li qegħdin fl-​Assirja u fl-​Eġittu. (Esdra 1:1-4) Huwa bħallikieku ndaqqet ‘tromba kbira’ li tidwi l-​innu tal-​libertà għan-​nies t’Alla.

[Stampi f’paġna 275]

“Mejda b’ikel fin”

[Stampa f’paġna 277]

Babilonja mgħaffġa taħt is-​saqajn minn dawk li kienu priġunieri

[Stampa f’paġna 278]

“Idħol fil-​kmamar tiegħek” taʼ ġewwa