Il-Wegħda għal Prinċep tas-Sliem
Kapitlu Għaxra
Il-Wegħda għal Prinċep tas-Sliem
1. L-umanità x’ġarrbet minn żmien Kajjin ’l hawn?
XI SITT elef sena ilu, twieldet l-ewwel tarbija umana. Kien tifel bl-isem taʼ Kajjin, u t-twelid tiegħu kien speċjali ferm. La l-ġenituri tiegħu, la l-anġli, u lanqas saħansitra l-Ħallieq ma kienu raw tarbija umana qabel. Din it-tarbija tat-twelid setgħet ġabet tama għal razza umana kundannata. Kemm kien taʼ diżappunt meta, wara li kiber, dan it-tifel sar qattiel! (1 Ġwann 3:12) Minn dakinhar ’l hawn, l-umanità rat b’għajnejha għadd bla qjies taʼ qtil. Peress li huma inklinati biex jagħmlu l-ħażin, il-bnedmin la huma fil-paċi maʼ xulxin u lanqas m’Alla.—Ġenesi 6:5; Isaija 48:22.
2, 3. Ġesù Kristu liema prospetti fetaħ, u x’irridu nagħmlu aħna biex nirċievu dawn il-barkiet?
2 Xi erbaʼ millennji wara t-twelid taʼ Kajjin, twieldet tarbija, tifel ieħor. Kien jismu Ġesù, u t-twelid tiegħu wkoll kien speċjali ferm. Twieled minn verġni, bil-qawwa taʼ l-ispirtu qaddis—l-uniku twelid bħalu fl-istorja. Meta twieled, kotra taʼ anġli ferriħin kantaw tifħir lil Alla, billi qalu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!” (Luqa 2:13, 14) Ġesù mhux talli ma kienx qattiel, imma talli fetaħ it-triq għall-bnedmin biex ikunu fil-paċi m’Alla u biex jiksbu l-ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 3:16; 1 Korintin 15:55.
3 Isaija pprofetizza li lil Ġesù kienu se jsejħulu “Prinċep tas-sliem.” (Isaija 9:5 [9:6, NW]) Kien se joffri ħajtu stess għan-nom taʼ l-umanità, u b’hekk il-maħfra tad-dnubiet setgħet issir possibbli. (Isaija 53:11) Illum, il-paċi m’Alla u l-maħfra tad-dnubiet jistgħu jinkisbu fuq il-bażi taʼ fidi f’Ġesù Kristu. Imma dawn il-barkiet ma jiġux awtomatikament. (Kolossin 1:21-23) Dawk li jriduhom iridu jitgħallmu jobdu lil Alla Jehovah. (1 Pietru 3:11; qabbel Lhud 5:8, 9.) Fi żmien Isaija, Iżrael u Ġuda jagħmlu preċiż l-oppost.
Iduru Lejn id-Demonji
4, 5. X’sitwazzjoni teżisti fi żmien Isaija, u xi wħud lejn min iduru?
4 Minħabba d-diżubbidjenza tagħhom, in-nies taʼ żmien Isaija qegħdin fi stat morali tal-biki, f’ħofra taʼ dlam spiritwali fil-veru sens tal-kelma. Is-saltna tan-nofsinhar taʼ Ġuda, fejn hemm it-tempju t’Alla, ukoll m’għandhiex sliem. Bħala riżultat taʼ l-infedeltà tagħhom, in-nies taʼ Ġuda huma mheddin b’invażjoni mill-Assirjani, u quddiemhom għandhom żminijiet ibsin. Lejn min iduru għall-għajnuna? B’sogħba, ħafna jduru lejn Satana, mhux lejn Jehovah. Huma ma jsejħux lil Satana b’ismu. Pjuttost, bħas-Sultan Sawl tal-qedem, huma jieħdu sehem fl-ispiritiżmu, u jfittxu tweġibiet għall-problemi tagħhom billi jipprovaw jikkomunikaw mal-mejtin.—1 Samwel 28:1-20.
5 Xi wħud qegħdin saħansitra jxerrdu din il-prattika. Isaija jiġbed l-attenzjoni lejn din l-apostasija meta jgħid: “Meta jgħidulkom: ‘Staqsu l-ispirti u l-bassara, li jfesfsu u jgedewdu,’ wieġbu: ‘Jaqaw mhux lil Alla għandu l-poplu jistaqsi? Mela jistaqsi l-mejtin għall-ħajjin?’” (Isaija 8:19, “Saydon”) Il-medji taʼ l-ispirti jistgħu jingannaw lin-nies, billi “jfesfsu u jgedewdu.” Dawn il-ħsejjes li jinstemgħu u li huma attribwiti lill-ispirti tal-mejtin, jistgħu jsiru billi l-medjum ħaj isemmaʼ vuċi misterjuża. Iżda, kultant, id-demonji jistgħu jinvolvu ruħhom direttament u jagħmlu taʼ birruħhom li huma l-mejtin, bħalma ġara milli jidher meta Sawl irrikorra għand is-saħħara taʼ Għajn-dor.—1 Samwel 28:8-19.
6. L-Iżraelin li rrikorrew għall-ispiritiżmu għala huma ħatjin b’mod speċjali?
6 Dan kollu qed iseħħ f’Ġuda minkejja l-fatt li Jehovah pprojbixxa li jiġi prattikat l-ispiritiżmu. Taħt il-Liġi Mosajka, din hija offiża kapitali. (Levitiku 19:31; 20:6, 27; Dewteronomju 18:9-12) Nies li huma l-pussess speċjali taʼ Jehovah għala jikkommettu nuqqas gravi bħal dan? Għaliex taw daharhom lil-Liġi u l-pariri taʼ Jehovah u saru ‘mġarrfin mid-dnub u mwebbsin fil-qalb.’ (Lhud 3:13) “Smina bil-ħażen bħax-xaħam qalbhom,” u tbegħdu minn Alla tagħhom.—Salm 119:70. a
7. Ħafna llum kif jimitaw lill-Iżraelin taʼ żmien Isaija, u x’se jkun il-futur għal dawn l-uħud jekk ma jindmux?
7 Dawn x’aktarx li jirraġunaw, ‘X’tiswa l-Liġi taʼ Jehovah meta quddiem wiċċna għandna t-theddida t’attakk mill-Assirjani?’ Huma jridu soluzzjoni taʼ malajr u faċli għall-għawġ tagħhom u m’humiex lesti li jistennew lil Jehovah biex iwettqu r-rieda tiegħu. Fi żmienna wkoll, ħafna jinjoraw il-liġi taʼ Jehovah u jmorru għand il-medji taʼ l-ispirti, jikkonsultaw l-oroskopji, u jirrikorru għal forom oħrajn taʼ okkultiżmu biex isolvu l-problemi tagħhom. Madankollu, li l-ħajjin ifittxu tweġibiet mingħand il-mejtin huwa taċ-ċajt illum daqskemm kien f’dak iż-żmien. Kulmin jipprattika affarijiet bħal dawn mingħajr ma jindem sehmu se jkun mal-‘qattiela, iż-żienja, l-idolatri, u l-giddieba kollha.’ M’għandhom ebda prospett għal ħajja fil-futur.—Apokalissi 21:8.
‘Il-Liġi u x-Xhieda’ t’Alla
8. X’inhuma l-“liġi” u x-“xhieda” li lejhom suppost għandna nirrikorru llum biex ningħataw direzzjoni?
8 Il-liġi taʼ Jehovah li tipprojbixxi l-ispiritiżmu flimkien mal-kmandi l-oħrajn tiegħu m’humiex moħbijin f’Ġuda. Huma preservati bil-kitba. Illum il-Kelma tiegħu hija disponibbli kollha kemm hi bil-kitba. Din hija l-Bibbja, li ma tinkludix biss ġabra taʼ liġijiet u regolamenti divini imma wkoll rakkont dwar kif Alla aġixxa mal-poplu tiegħu. Dan ir-rakkont Bibliku dwar l-aġir t’Alla jifforma xhieda, jew testimonjanza, li tgħallimna dwar in-natura u l-kwalitajiet taʼ Jehovah. Minflok ma jikkonsultaw mal-mejtin, l-Iżraelin fejn suppost li sejrin biex jingħataw direzzjoni? Iwieġeb Isaija: “Għal-liġi u għax-xhieda!” (Isaija 8:20a, “KŻ”) Iva, dawk li qegħdin ifittxu l-veru tidwil għandhom imorru fil-Kelma miktuba t’Alla.
9. Li minn żmien għal żmien jikkwotaw il-Bibbja għandu xi valur għal midinbin li ma jindmux?
9 Xi Iżraelin li qegħdin ibagħbsu fl-ispiritiżmu għandhom mnejn jgħidu li għandhom rispett lejn il-Kelma miktuba t’Alla. Imma stqarrijiet bħal dawn huma fiergħa u ipokriti. Jgħid Isaija: “Min ma jgħidx kliem bħal dan, qisu wieħed bla dawl is-sebħ.” (Isaija 8:20b) Għal liema kliem qed jirreferi Isaija hawnhekk? Forsi għall-istqarrija: “Għal-liġi u għax-xhieda!” Jistaʼ jkun li xi Iżraelin apostati jirreferu għall-Kelma t’Alla, sewwa sew bħalma l-apostati u oħrajn illum forsi jikkwotaw mill-Iskrittura. Imma dan bil-paroli biss. Li wieħed jikkwota l-Iskrittura ma jwassalx għal xi “dawl is-sebħ,” jew tidwil mingħand Jehovah, jekk flimkien maʼ dan ma jagħmilx ir-rieda taʼ Jehovah u ma jaħrabx il-prattiċi maħmuġin. b
“Mhux il-Ġuħ tal-Ħobż”
10. In-nies taʼ Ġuda kif qegħdin isofru minħabba li ċaħdu lil Jehovah?
10 Id-diżubbidjenza lejn Jehovah tirriżulta fi dlam mentali. (Efesin 4:17, 18) F’sens spiritwali, in-nies taʼ Ġuda saru għomja, mingħajr fehma. (1 Korintin 2:14) Isaija jiddeskrivi l-kundizzjoni tagħhom hekk: “Jgħaddi mill-art magħkus u mġewwaħ.” (Isaija 8:21a) Minħabba l-infedeltà tal-ġens—partikolarment matul ir-renju tas-Sultan Aħaż—is-sopravivenza taʼ Ġuda bħala saltna indipendenti hija mhedda. Il-ġens jinsab ċirkondat mill-għedewwa. L-eżerċtu Assirjan jattakka belt Ġudeana wara l-oħra. L-għadu jagħmel ħerba mill-art produttiva, u b’hekk l-ikel jiskarsa. Ħafna huma ‘magħkusin u mġewħin.’ Imma hemm ukoll tip ieħor taʼ ġuħ li jgħakkes il-pajjiż. Għaxriet taʼ snin qabel, Għamos ipprofetizza: “Ara, għad jiġi żmien, oraklu taʼ Sidi l-Mulej, meta nibgħat il-ġuħ fl-art; mhux il-ġuħ tal-ħobż, lanqas l-għatx għall-ilma, iżda għas-smigħ tal-Kelma tal-Mulej.” (Għamos 8:11) Ġuda issa tinsab maħkuma minn ġuħ spiritwali bħal dan!
11. Se tiħodha l-lezzjoni Ġuda mid-dixxiplina li tirċievi?
11 Se tiħodha l-lezzjoni Ġuda u tirritorna lejn Jehovah? Se jduru n-nies tagħha lil hinn mill-ispiritiżmu u l-idolatrija u jirritornaw lejn it-“tagħlim u x-xhieda”? Jehovah jara bil-quddiem ir-reazzjoni tagħhom: “Meta jieħdu l-ġuħ jitmasħan u jisħet lis-sultan u . . . [“lil Alla,” “KŻ”] tiegħu; jgħolli wiċċu ’l fuq.” (Isaija 8:21b) Iva, ħafna se jwaħħlu fis-sultan uman tagħhom talli ġabhom f’din is-sitwazzjoni. Bi bluha, xi wħud se jwaħħlu saħansitra f’Jehovah meta jiġi l-għawġ fuqhom! (Qabbel Ġeremija 44:15-18.) Illum, ħafna jirreaġixxu b’mod simili, billi jwaħħlu f’Alla għal traġedji kaġunati mill-ħażen tal-bniedem.
12. (a) Il-fatt li tbegħdet minn Alla fejn wassalha lil Ġuda? (b) Liema mistoqsijiet importanti jitqajmu?
12 Se jkollhom paċi l-abitanti taʼ Ġuda billi jisħtu ’l Alla? Le. Isaija jbassar: “[I]ħares lejn l-art; imma ħlief diqa u dlam ma jarax, dlam u taħbit.” (Isaija 8:22) Wara li jerfgħu għajnejhom lejn is-sema biex iwaħħlu f’Alla, iħarsu lura lejn l-art, lura lejn il-prospetti tagħhom bla tama. Il-fatt li tbegħdu minn Alla wassalhom għall-għawġ. (Proverbji 19:3) Iżda, x’ġara mill-wegħdi li Alla għamel lil Abraham, Iżakk, u Ġakobb? (Ġenesi 22:15-18; 28:14, 15) Se jonqos Jehovah minn dmiru? Se tintemm mill-Assirjani jew minn xi qawwa militari oħra l-linja rjali mwegħda lil Ġuda u lil David? (Ġenesi 49:8-10; 2 Samwel 7:11-16) Se jkunu l-Iżraelin kundannati fid-dlam għal dejjem?
Art ‘Mimlija bl-Għajb’
13. X’inhi l-“Galilija tal-ġnus,” u kif issir ‘mimlija bl-għajb’?
13 Isaija issa jalludi għal waħda mill-agħar ġrajjiet katastrofiċi li jiġu fuq id-dixxendenti t’Abraham: “Dlam aktar ma jkunx hemm, fejn qabel kien hemm id-dwejjaq. Bħalma qabel fl-imgħoddi kien mela bl-għajb l-art taʼ Żebulun u l-art taʼ Naftali, hekk issa fl-aħħar isebbaħ it-triq tal-baħar, ’l hemm mill-Ġordan, il-Galilija tal-ġnus.” (Isaija 8:23 [9:1, “NW”]) Il-Galilija hija territorju fis-saltna tat-tramuntana taʼ Iżrael. Fil-profezija taʼ Isaija din tinkludi “l-art taʼ Żebulun u l-art taʼ Naftali,” kif ukoll “it-triq tal-baħar.” Din kienet triq antika li tgħaddi minn maġenb il-Baħar tal-Galilija u tasal sal-Baħar Mediterran. Fi żmien Isaija, ir-reġjun jissejjaħ “il-Galilija tal-ġnus,” x’aktarx għaliex ħafna mill-bliet tagħha huma abitati minn nies li m’humiex Iżraelin. c Din l-art kif inhi ‘mimlija bl-għajb’? L-Assirjani pagani jikkonkwistawha, jieħdu lill-Iżraelin fl-eżilju, u jimlew ir-reġjun kollu bil-pagani, li m’humiex dixxendenti t’Abraham. B’hekk, is-saltna b’għaxar tribujiet tat-tramuntana tisparixxi mill-istorja bħala ġens distint!—2 Slaten 17:5, 6, 18, 23, 24.
14. Id-“dlam” taʼ Ġuda f’liema sens se jkun inqas minn dak tas-saltna b’għaxar tribujiet?
14 Ġuda wkoll tinsab taħt pressjoni mill-Assirjani. Se tgħib din fi “dlam” permanenti bħalma ġralha s-saltna b’għaxar tribujiet rappreżentata minn Żebulun u Naftali? Le. “Fl-aħħar,” Jehovah se jġib barkiet lir-reġjun tas-saltna tan-nofsinhar taʼ Ġuda u saħansitra lill-pajjiż li qabel kien maħkum mis-saltna tat-tramuntana. Kif?
15, 16. (a) Is-sitwazzjoni f’liema żmien “fl-aħħar” se tinbidel għall-“inħawi taʼ Żebulun u Naftali”? (b) L-art li kienet mimlija għajb kif saret onorata?
15 L-appostlu Mattew iwieġeb din il-mistoqsija fil-kitba mnebbħa tiegħu dwar il-ministeru taʼ Ġesù fuq l-art. Waqt li jiddeskrivi l-jiem bikrin taʼ dak il-ministeru, Mattew jgħid: “[Ġesù] telaq minn Nazaret u mar joqgħod Kafarnahum, qrib il-baħar, fl-inħawi taʼ Żebulun u Naftali, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal, ‘Art taʼ Żebulun, u art taʼ Naftali, it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus! Il-poplu li kien qiegħed fid-dlam ra dawl kbir; dawk li kienu f’art u dell il-mewt idda dawl għalihom.’”—Mattew 4:13-16.
16 Iva, l-espressjoni “fl-aħħar” imbassra minn Isaija tirreferi għal żmien il-ministeru taʼ Kristu fuq l-art. Ġesù qattaʼ l-biċċa l-kbira taʼ ħajtu fuq l-art fil-Galilija. Kien fid-distrett tal-Galilija li hu beda l-ministeru tiegħu u beda jħabbar: “Is-Saltna tas-Smewwiet waslet.” (Mattew 4:17) Fil-Galilija, hu ta l-Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, għażel l-appostli tiegħu, wettaq l-ewwel miraklu tiegħu, u deher lil xi 500 segwaċi wara l-irxoxt tiegħu. (Mattew 5:1–7:27; 28:16-20; Mark 3:13, 14; Ġwann 2:8-11; 1 Korintin 15:6) B’dan il-mod Ġesù wettaq il-profezija taʼ Isaija billi sebbaħ, jew onora, “l-art taʼ Żebulun u l-art taʼ Naftali.” M’għandniex xi ngħidu, Ġesù ma llimitax il-ministeru tiegħu għan-nies tal-Galilija biss. Billi ppriedka l-aħbar tajba mal-pajjiż kollu, Ġesù ‘sebbaħ’ lill-ġens taʼ Iżrael kollu kemm hu, inkluż lil Ġuda.
Id-“Dawl Kbir”
17. “Dawl kbir” kif jiddi fil-Galilija?
17 Iżda, xi ngħidu dwar “dawl kbir” fil-Galilija li semma Mattew? Din ukoll kienet kwotazzjoni mill-profezija taʼ Isaija, li kiteb: “Il-poplu li kien miexi fid-dlam ra dawl kbir; in-nies li joqogħdu f’art id-dlam dawl idda fuqhom.” (Isaija 9:1 [9:2, “NW”]) Sa l-ewwel seklu E.K., id-dawl tal-verità kien ġie moħbi mill-qerq pagan. Il-mexxejja reliġjużi Lhud kienu aggravaw il-problema billi żammew mat-tradizzjoni reliġjuża tagħhom li biha kienu ‘ġabu fix-xejn il-liġi taʼ Alla.’ (Mattew 15:6) L-umlin kienu maħqurin u konfużi, għax segwew lil “mexxejja għomja.” (Mattew 23:2-4, 16) Meta deher Ġesù l-Messija, l-għajnejn taʼ ħafna nies umlin infetħu b’mod taʼ l-għaġeb. (Ġwann 1:9, 12) Ix-xogħol taʼ Ġesù meta kien fuq l-art u l-barkiet li rriżultaw mis-sagrifiċċju tiegħu huma karatterizzati b’mod addattat fil-profezija taʼ Isaija bħala “dawl kbir.”—Ġwann 8:12.
18, 19. Dawk li wieġbu għad-dawl liema raġuni kellhom biex jifirħu bil-kbir?
18 Dawk li wieġbu għad-dawl kellhom ħafna għalfejn jifirħu. Kompla Isaija: “Int kattart il-ġens, kabbart l-hena; huma ferħu quddiemek, bħalma jifirħu fi żmien il-ħsad, bħalma jifirħu fi qsim il-priża.” (Isaija 9:2 [9:3, “NW”]) Bħala riżultat taʼ l-attività taʼ ppridkar li saret minn Ġesù u s-segwaċi tiegħu, nies b’qalb onesta ppreżentaw ruħhom u wrew li xtaqu jaduraw lil Jehovah bl-ispirtu u l-verità. (Ġwann 4:24) F’inqas minn erbaʼ snin, kotriet kbar ħaddnu l-Kristjanità. Tlett elef tgħammdu nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K. Ftit wara, “l-għadd tagħhom kien jilħaq mal-ħamest elef ruħ.” (Atti 2:41; 4:4) Hekk kif id-dixxipli rriflettew id-dawl b’mod żeluż, “l-għadd tad-dixxipli kien jiżdied ħafna f’Ġerusalemm, u kotra kbira taʼ qassisin kienu joqogħdu għall-fidi.”—Atti 6:7.
19 Is-segwaċi taʼ Ġesù ferħu minħabba ż-żjieda, bħal dawk li jifirħu bi ħsad abbundanti jew li jitgħaxxqu bis-sehem li jmisshom meta tinqasam il-priża taʼ valur wara xi rebħa militari kbira. (Atti 2:46, 47) Maż-żmien, Jehovah ġiegħel li d-dawl jiddi fost il-ġnus. (Atti 14:27) Għalhekk, nies minn kull razza ferħu li t-triq li biha setgħu jersqu lejn Jehovah kienet infetħet għalihom.—Atti 13:48.
“Bħal f’Jum Midjan”
20. (a) Il-Midjanin b’liema modi wrew li kienu għedewwa taʼ Iżrael, u Jehovah kif temm it-theddida tagħhom? (b) F’“jum Midjan” fil-futur, Ġesù kif se jtemm it-theddida mill-għedewwa tan-nies t’Alla?
20 L-effetti taʼ l-attività tal-Messija huma permanenti, bħalma naraw mill-kliem li jmiss taʼ Isaija: “Għax il-madmad li kien itaqqlu, u l-ħatar taʼ fuq spallejh, u l-bastun taʼ l-argużin, int kissirthom bħal f’jum Midjan.” (Isaija 9:3 [9:4, “NW”]) Sekli sħaħ qabel żmien Isaija, il-Midjanin ikkonfoffaw mal-Mowabin biex iwaqqgħu lil Iżrael fid-dnub. (Numri 25:1-9, 14-18; 31:15, 16) Iktar tard, il-Midjanin werwru lill-Iżraelin billi għal sebaʼ snin attakkaw l-irħula u l-irziezet tagħhom u serqu kulma sabu fihom. (Mħallfin 6:1-6) Imma mbagħad Jehovah, permezz tal-qaddej tiegħu Gidgħon, ħarbat u qered l-eżerċti taʼ Midjan. Wara “jum Midjan,” m’hemm ebda evidenza li turi li n-nies taʼ Jehovah qatt reġgħu sofrew taħt idejn il-Midjanin. (Mħallfin 6:7-16; 8:28) Fil-futur qarib, Ġesù Kristu, Gidgħon akbar, se jagħti d-daqqa tal-mewt lill-għedewwa tan-nies taʼ Jehovah taʼ żmienna. (Apokalissi 17:14; 19:11-21) Imbagħad, “bħal f’jum Midjan,” se tinkiseb rebħa sħiħa u dejjiema, mhux bil-ħila tal-bniedem, imma bil-qawwa taʼ Jehovah. (Mħallfin 7:2-22) In-nies t’Alla qatt iktar ma se jerġgħu jsofru taħt il-madmad tal-moħqrija!
21. Il-profezija taʼ Isaija x’tindika inkwantu għall-futur tal-gwerer?
21 Il-wirjiet taʼ qawwa divina ma jigglorifikawx il-gwerer. Ġesù rxoxtat hu l-Prinċep tas-Sliem, u billi jġib fix-xejn lill-għedewwa tiegħu, hu se jġib sliem etern. Isaija issa jitkellem dwar il-qerda totali bin-nar taʼ dak kollu li għandu x’jaqsam mal-gwerra: “Għax kull qorq li jħabbat fit-taqtigħa, kull mantell mgħargħar fid-demm jispiċċa għall-ħruq, biex jieklu n-nar.” (Isaija 9:4 [9:5, “NW”]) Qatt iktar ma se jerġaʼ jinħass it-tregħid ikkaġunat mit-tisbit taż-żraben tas-suldati li jimmarċjaw. Qatt iktar ma se jidhru l-uniformijiet imċappsin bid-demm taʼ gwerriera li ħraxu bil-kumbattimenti. Il-gwerer mhux se jkunu iktar!—Salm 46:10 [46:9, NW].
“Kunsillier taʼ l-Għaġeb”
22. Ġesù liema isem profetiku, magħmul minn diversi espressjonijiet, jingħata fil-ktieb taʼ Isaija?
22 Fi żmien it-twelid mirakoluż tiegħu, il-wieħed li twieled biex ikun il-Messija rċieva l-isem Ġesù, li jfisser “Jaħweh Isalva.” Imma għandu ismijiet oħrajn, ismijiet profetiċi li jispjegaw l-irwol fundamentali u l-pożizzjoni elevata tiegħu. Wieħed minn dawn l-ismijiet huwa Għimmanu-el, li jfisser “Magħna hu Alla.” (Isaija 7:14) Isaija issa jiddeskrivi isem profetiku ieħor: “Għax tweldilna tifel, ngħatalna iben; is-setgħa tkun fuq spallejh, u jsemmuh: ‘Kunsillier taʼ l-għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-sliem.’” (Isaija 9:5 [9:6, “NW”]) Ikkunsidra t-tifsira sħiħa taʼ dan l-isem profetiku magħmul minn diversi espressjonijiet.
23, 24. (a) Ġesù b’liema mod hu “Kunsillier taʼ l-għaġeb”? (b) Kristjani li jagħtu l-pariri llum kif jistgħu jimitaw l-eżempju taʼ Ġesù?
23 Kunsillier huwa wieħed li jagħti l-pariri. Meta kien fuq l-art, Ġesù Kristu pprovda pariri taʼ l-għaġeb. Fil-Bibbja naqraw li n-“nies baqgħu mistagħġba bit-tagħlim tiegħu.” (Mattew 7:28) Hu Kunsillier għaref u li jagħder, filwaqt li jifhem in-natura umana b’mod straordinarju. Hu ma jagħtix biss ċanfir jew kastig bħala parir. Ħafna drabi nsibuh jagħti istruzzjoni u pariri bl-imħabba. Il-parir taʼ Ġesù huwa taʼ l-għaġeb għaliex huwa dejjem għaref, perfett, u infallibbli. Meta jiġi segwit, dan iwassal għall-ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 6:68.
24 Il-pariri taʼ Ġesù m’humiex sempliċement ġejjin mill-moħħ brillanti li għandu. Minflok, hu jgħid: “It-tagħlim tiegħi m’huwiex tiegħi, imma taʼ dak li bagħatni.” (Ġwann 7:16) Bħalma ġara fil-każ taʼ Salamun, Alla Jehovah hu s-Sors taʼ l-għerf taʼ Ġesù. (1 Slaten 3:7-14; Mattew 12:42) L-eżempju taʼ Ġesù għandu jqanqal lill-għalliema u lil dawk li jagħtu l-pariri fil-kongregazzjoni Kristjana biex l-istruzzjoni tagħhom jibbażawha dejjem fuq il-Kelma t’Alla.—Proverbji 21:30.
“Alla Setgħan” u “Missier għal Dejjem”
25. L-isem “Alla setgħan” x’jgħidilna dwar Ġesù li qiegħed fis-sema?
25 Ġesù hu wkoll “Alla setgħan” u “Missier għal dejjem.” Dan ma jfissirx li hu qed jisraq l-awtorità u l-pożizzjoni taʼ Jehovah, li hu “Alla l-Missier tagħna.” (2 Korintin 1:2) “[Ġesù] ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla.” (Filippin 2:6) Jissejjaħ Alla setgħan, mhux Alla li Jistaʼ Kollox. Ġesù qatt ma qies lilu nnifsu li hu Alla li Jistaʼ Kollox, għax hu tkellem dwar Missieru bħala “Alla waħdek veru,” jiġifieri, l-uniku Alla li għandu jiġi meqjum. (Ġwann 17:3; Apokalissi 4:11) Fl-Iskrittura, il-kelma “alla” tistaʼ tfisser “wieħed setgħan” jew “wieħed b’saħħtu.” (Eżodu 12:12; Salm 8:6 [8:5, NW]; 2 Korintin 4:4) Qabel ma ġie fuq l-art, Ġesù kien “wieħed alla,” billi “kellu n-natura taʼ Alla.” Wara li rxoxta, irritorna lejn pożizzjoni saħansitra ogħla fis-smewwiet. (Ġwann 1:1, NW; Filippin 2:6-11) Iżjed minn hekk, it-titlu “alla” jġorr implikazzjoni oħra. L-imħallfin f’Iżrael kienu jissejħu “allat”—darba minnhom minn Ġesù nnifsu. (Salm 82:6; Ġwann 10:35) Ġesù, “li għandu jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin,” hu l-Imħallef maħtur minn Jehovah. (2 Timotju 4:1; Ġwann 5:30) B’mod ċar, huwa sewwa li jingħata l-isem Alla Setgħan.
26. Ġesù għala jistaʼ jissejjaħ “Missier għal dejjem”?
26 It-titlu “Missier għal dejjem” jirreferi għall-qawwa u l-awtorità tas-Sultan Messjaniku biex lill-bnedmin jagħtihom il-prospett taʼ ħajja eterna fuq l-art. (Ġwann 11:25, 26) Adam, l-ewwel ġenitur tagħna, ħallielna l-mewt bħala wirt. Ġesù, l-aħħar Adam, “sar spirtu li jagħti l-ħajja.” (1 Korintin 15:22, 45; Rumani 5:12, 18) Sewwa sew bħalma Ġesù, il-Missier għal dejjem, se jgħix għal dejjem, hekk ukoll il-bnedmin ubbidjenti se jgawdu għall-eternità l-benefiċċji taʼ l-istat tiegħu bħala missier.—Rumani 6:9.
“Prinċep tas-Sliem”
27, 28. X’benefiċċji taʼ l-għaġeb jiġu kemm issa u kemm fil-futur għand is-sudditi tal-“Prinċep tas-sliem”?
27 Minbarra l-ħajja taʼ dejjem, il-bniedem jeħtieġ ukoll is-sliem, kemm m’Alla u kemm mal-proxxmu tiegħu. Anki llum, dawk li jissottomettu ruħhom għall-ħakma tal-“Prinċep tas-sliem” ‘bidlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel.’ (Isaija 2:2-4) Huma ma jbejtux mibegħda f’qalbhom minħabba differenzi politiċi, territorjali, razzjali, jew ekonomiċi. Huma magħqudin fil-qima taʼ l-uniku Alla veru, Jehovah, u jaħdmu biex iżommu relazzjonijiet taʼ paċi m’għajrhom, kemm ġewwa u kemm barra l-kongregazzjoni.—Galatin 6:10; Efesin 4:2, 3; 2 Timotju 2:24.
28 Fiż-żmien meta jrid Alla, Kristu se jistabbilixxi fuq l-art sliem li se jkun globali, stabbilit fis-sod, u permanenti. (Atti 1:7) “Kbira tkun setgħetu, u s-sliem bla qjies fuq it-tron taʼ David u s-saltna tiegħu. Hu jwettaqha u jsaħħaħha bil-ħaqq u s-sewwa, minn issa u għal dejjem.” (Isaija 9:6a [9:7a, “NW”]) Meta jeżerċita l-awtorità tiegħu bħala l-Prinċep tas-Sliem, Ġesù ma jaġixxix taʼ tirann. Lis-sudditi tiegħu mhux se jisirqilhom ir-rieda ħielsa u jġagħalhom jagħmlu bilfors dak li jrid hu. Minflok, dak kollu li se jwettaq se jkun “bil-ħaqq u s-sewwa.” X’bidla rifreskanti!
29. X’għandna nagħmlu jekk nixtiequ ngawdu l-barka taʼ sliem għal dejjem?
29 Meta tqis l-implikazzjonijiet taʼ l-għaġeb li hemm fl-isem profetiku taʼ Ġesù, il-konklużjoni taʼ Isaija għal din il-parti tal-profezija tiegħu hija verament kommoventi. Hu jikteb: “Il-ħeġġa tal-Mulej taʼ l-eżerċti tagħmel dan.” (Isaija 9:6b [9:7b, “NW”]) Iva, Jehovah jaġixxi bil-ħeġġa. Ma jagħmel xejn b’nofs qalb. Nistgħu nkunu ċerti li dak kollu li jwiegħed, se jwettqu bis-sħiħ. Mela, jekk hemm xi ħadd li jixtieq igawdi s-sliem għal dejjem, dan ħa jaqdi lil Jehovah b’qalbu kollha. Jalla l-qaddejja kollha t’Alla jkunu ‘mħeġġin għall-għemil it-tajjeb’ bħal Alla Jehovah u Ġesù, il-Prinċep tas-Sliem.—Titu 2:14.
[Noti taʼ taħt]
a Ħafna jemmnu li Salm 119 inkiteb minn Ħeżekija qabel ma sar sultan. Jekk inhu hekk, x’aktarx li nkiteb fiż-żmien meta Isaija kien jipprofetizza.
b Il-frażi “kliem bħal dan” f’Isaija 8:20 tistaʼ tirreferi għall-istqarrija rigward l-ispiritiżmu, kwotata f’Isaija 8:19. Jekk dan huwa l-każ, Isaija qed jgħid li dawk li jippromwovu l-ispiritiżmu f’Ġuda se jkomplu jħeġġu lil oħrajn biex jirrikorru għand il-medji taʼ l-ispirti u b’hekk ma jirċievu ebda tidwil mingħand Jehovah.
c Kien hemm min issuġġerixxa li l-20 belt tal-Galilija offruti mis-Sultan Salamun lil Ħiram is-sultan taʼ Tir x’aktarx li kienu abitati minn nies li ma kinux Iżraelin.—1 Slaten 9:10-13.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Mappa/Stampa f’paġna 122]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Korożajn
Betsajda
Kafarnahum
Il-Witja taʼ Ġennesaret
Il-Baħar tal-Galilija
Magadan
Tiberija
Ix-Xmara Ġordan
GADARA
Gadara
[Stampi f’paġna 119]
It-twelid taʼ Kajjin u dak taʼ Ġesù, it-tnejn kienu speċjali ferm. Dak taʼ Ġesù biss kellu riżultat hieni
[Stampa f’paġna 121]
Se jkun hemm ġuħ ferm agħar minn ġuħ għall-ħobż u għatx għall-ilma
[Stampa f’paġna 127]
Ġesù kien dawl fil-pajjiż