Is-Sultan u l-Prinċpijiet Tiegħu
Kapitlu Ħamsa u Għoxrin
Is-Sultan u l-Prinċpijiet Tiegħu
1, 2. X’jistaʼ jingħad dwar il-kitba tar-Romblu tal-Baħar il-Mejjet taʼ Isaija?
LEJN tmiem is-snin taʼ bejn l-1940 u l-1950, instabet kollezzjoni straordinarja taʼ rombli f’għerien li jinsabu ħdejn il-Baħar il-Mejjet, fil-Palestina. Dawn saru magħrufin bħala r-Rombli tal-Baħar il-Mejjet u jaħsbu li nkitbu f’xi żmien bejn is-sena 200 Q.E.K. u s-sena 70 E.K. L-iktar magħruf fosthom hemm romblu taʼ Isaija li nkiteb bl-Ebrajk fuq ġilda b’saħħitha. Dan ir-romblu huwa kważi sħiħ, u l-kitba tiegħu ftit li xejn hija differenti minn dik taʼ manuskritti tal-kitba Masoretika li ġejjin minn madwar 1,000 sena warajh. B’hekk, ir-romblu juri kemm il-kitba Biblika waslet għandna b’mod eżatt.
2 Dettall notevoli dwar ir-Romblu tal-Baħar il-Mejjet taʼ Isaija huwa li l-porzjon li jifforma dak li llum huwa magħruf bħala Isaija kapitlu 32 huwa mmarkat bl-ittra “X” mħarbxa fil-ġenb minn xi skrib. Ma nafux għala l-iskrib għamel din il-marka, imma dak li nafu hu li hemm xi ħaġa speċjali dwar dan il-porzjon tal-Bibbja Mqaddsa.
Jaħkmu bil-Ġustizzja u bis-Sewwa
3. Liema tmexxija hi profetizzata fil-kotba taʼ Isaija u taʼ l-Apokalissi?
3 Isaija kapitlu 32 jiftaħ bi profezija kommoventi li qed titwettaq b’mod taʼ l-għaġeb fi żmienna: “Araw, sultan għad isaltan bil-ġustizzja, u prinċpijiet jaħkmu bis-sewwa.” (Isaija 32:1) Iva, “Araw!” Din l-għajta tfakkarna f’għajta simili li tinsab fl-aħħar ktieb profetiku tal-Bibbja: “Dak li hu bilqiegħda fuq it-tron qal: ‘Ara, se nġedded kollox.’” (Apokalissi 21:5, korsiv tagħna.) Il-kotba Bibliċi taʼ Isaija u dak taʼ l-Apokalissi, li nkiteb xi 900 sena wara, it-tnejn li huma jippreżentaw stampa sabiħa taʼ tmexxija ġdida—“sema ġdid,” magħmul mis-Sultan, Kristu Ġesù, li ngħata t-tron fis-smewwiet fl-1914, u 144,000 li se jaħkmu miegħu “mifdija minn fost il-bnedmin”—flimkien maʼ “art ġdida,” soċjetà magħquda taʼ bnedmin mad-dinja kollha. a (Apokalissi 14:1-4; 21:1-4; Isaija 65:17-25) Dan kollu jsir possibbli permezz tas-sagrifiċċju taʼ Kristu li tħallas bħala prezz tal-fidwa.
4. Liema bidu taʼ l-art ġdida hu preżenti issa?
4 Wara li fil-viżjoni jara l-issiġillar finali taʼ dawn il-ħakkiema mseħbin li jgħoddu 144,000, l-appostlu Ġwanni jirrapporta: “Ħarist, u ara, kien hemm kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien, weqfin quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf.” Dan hu l-bidu taʼ l-art ġdida—kotra kbira li issa fiha miljuni taʼ nies, li nġabru u ngħaqdu maʼ dawk il-ftit li baqaʼ mill-144,000, li l-biċċa l-kbira minnhom huma mdaħħlin sew fiż-żmien. Din il-kotra kbira se tibqaʼ ħajja wara t-tribulazzjoni l-kbira li riesqa bil-ħeffa u fuq l-art magħmula Ġenna se jissieħbu magħhom uħud leali li jirxoxtaw u biljuni taʼ oħrajn li se jingħataw l-opportunità li juru fidi. Dawk kollha li jagħmlu dan se jkunu mberkin b’ħajja taʼ dejjem.—Korsiv tagħna; Apokalissi 7:4, 9-17.
5-7. Il-“prinċpijiet” imbassrin liema rwol għandhom fil-merħla t’Alla?
5 Madankollu, sakemm iddum teżisti din id-dinja mimlija mibegħda, il-membri tal-kotra kbira għandhom bżonn il-protezzjoni. Fil-parti l-kbira din tiġi provduta mill-“prinċpijiet” li “jaħkmu bis-sewwa.” X’arranġament grandjuż! Dawn il-“prinċpijiet” jiġu deskritti aħjar fil-kliem imqanqal tal-profezija taʼ Isaija: “Kull wieħed ikun bħal ilqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta, bħal swieqi taʼ l-ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.”—Isaija 32:2.
6 Preċiż issa f’dan iż-żmien taʼ niket mad-dinja kollha, hemm il-bżonn taʼ “prinċpijiet,” iva, anzjani li ‘jieħdu ħsieb il-merħla kollha,’ billi jindokraw lin-nagħaġ taʼ Jehovah u jamministraw is-sewwa skond il-prinċipji taʼ tjieba taʼ Jehovah. (Atti 20:28) Dawn il-“prinċpijiet” irid ikollhom ħajjithom fi qbil mal-kwalifiki spjegati fl-1 Timotju 3:2-7 u Titu 1:6-9.
7 Fil-profezija kbira tiegħu li tiddeskrivi “tmiem id-dinja” mimli niket, Ġesù qal: “Iftħu għajnejkom u titħawwdu [jew, tibżgħu] xejn.” (Mattew 24:3-8) Is-segwaċi taʼ Ġesù għala ma jibżgħux minkejja l-kundizzjonijiet perikolużi li hawn fid-dinja llum? Raġuni waħda hi li l-“prinċpijiet”—kemm jekk huma midlukin u kemm jekk “nagħaġ oħra”—qegħdin jipproteġu l-merħla lealment. (Ġwann 10:16) Bla biżaʼ, huma jieħdu ħsieb ħuthom, saħansitra meta dawn iħabbtu wiċċhom m’affarijiet orribbli bħalma huma l-gwerer bejn ir-razez u l-qtil taʼ razez sħaħ. F’dinja li hi mifnija spiritwalment, huma jieħdu ħsieb li erwieħ dipressi jiġġeddu u jinbnew bil-veritajiet tal-Kelma t’Alla, il-Bibbja.
8. Jehovah kif qed iħarreġ u juża l-“prinċpijiet” li huma min-nagħaġ oħra?
8 Matul il-50 sena li għaddew, il-“prinċpijiet” saru jidhru iktar. “Prinċpijiet” li huma min-nagħaġ oħra qegħdin jitħarrġu bħala klassi f’din il-kariga li qed tiżviluppa sabiex, wara t-tribulazzjoni l-kbira, uħud kwalifikati minn fosthom se jkunu lesti għal ħatra biex jaqdu fit-tmexxija fl-“art ġdida.” (Eżekjel 44:2, 3; 2 Pietru 3:13) Billi jipprovdu gwida u tisħiħ spiritwali waqt li jkunu minn taʼ quddiem fis-servizz tas-Saltna, dawn qegħdin juru li huma “bħal dell taʼ blata kbira,” waqt li jġibu serħan lill-merħla fil-qasam fejn din tqim lil Alla. b
9. Liema kundizzjonijiet juru li l-“prinċpijiet” huma meħtiġin illum?
9 F’dawn l-aħħar jiem perikolużi tad-dinja mill-agħar taʼ Satana, il-Kristjani dedikati għandhom bżonn il-protezzjoni iktar minn qatt qabel. (2 Timotju 3:1-5, 13) Qegħdin jonfħu rjieħ qawwijin taʼ duttrina falza u xnigħat mgħawġa. Hemm maltempati li qegħdin fl-aqwa tagħhom fl-għamla taʼ gwerer bejn il-ġnus u gwerer ċivili, kif ukoll attakki diretti kontra l-adoraturi leali t’Alla Jehovah. F’dinja niexfa qoxqox minħabba nixfa spiritwali, il-Kristjani għandhom bżonn kbir taʼ l-ilma tal-verità li jgelgel safi u pur sabiex jaqtgħu l-għatx spiritwali li għandhom. B’ferħ, Jehovah wiegħed li s-Sultan tiegħu li għandu r-riedni f’idejh, permezz taʼ ħutu l-midlukin u “prinċpijiet” min-nagħaġ oħra li jappoġġawhom, se jipprovdi inkuraġġiment u gwida lil uħud dipressi u skuraġġiti f’dan iż-żmien taʼ bżonn. B’hekk, Jehovah se jieħu ħsieb li dak li hu taʼ tjieba u ġust se jirbaħ.
Noqogħdu Attenti b’Għajnejna, b’Widnejna, u bi Qlubna
10. Jehovah liema provvedimenti għamel sabiex in-nies tiegħu jkunu jistgħu “jaraw” u “jisimgħu” affarijiet spiritwali?
10 Il-kotra kbira kif wieġbet għall-arranġament teokratiku taʼ Jehovah? Tkompli l-profezija: “Ma jitgħammxux għajnejn dawk li jaraw, u jinfetħu widnejn dawk li jisimgħu.” (Isaija 32:3) Matul is-snin, Jehovah għamel provvedimenti biex il-qaddejja prezzjużi tiegħu jiġu mgħallmin u jaslu għall-maturità. L-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u laqgħat oħrajn li qegħdin isiru fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah madwar id-dinja; il-konvenzjonijiet distrettwali, nazzjonali, u internazzjonali; kif ukoll it-taħriġ speċjalizzat tal-“prinċpijiet” biex jittrattaw lill-merħla bl-imħabba, kollha kkontribwew għall-bini taʼ fratellanza magħquda taʼ miljuni taʼ nies mifruxin mad-dinja kollha. Huma fejn huma dawn ir-rgħajja fuq l-art, widnejhom huma miftuħin beraħ biex jifhmu aħjar u jaċċettaw il-kelma tal-verità li qed timxi ’l quddiem. Bil-kuxjenza tagħhom imħarrġa fuq il-Bibbja, dawn huma dejjem lesti li jisimgħu u jobdu.—Salm 25:10.
11. In-nies t’Alla issa għala qegħdin jitkellmu bil-fiduċja, mhux itemtmu għax m’humiex ċerti minn dak li qed jgħidu?
11 Il-profezija mbagħad twissi: “L-imħuħ imħawwda jfittxu l-għerf u lsien it-temtiema jinħall u jeħfief.” (Isaija 32:4) Ħalli ħadd ma jgħaġġel iżżejjed biex jasal għal konklużjonijiet dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Tgħid il-Bibbja: “Tara xi wieħed dejjem mgħaġġel biex jitkellem? Hemm aktar tama għall-iblah milli għalih.” (Proverbji 29:20; Koħèlet 5:2) Qabel l-1919, saħansitra n-nies taʼ Jehovah kienu mċappsin b’ideat taʼ Babilonja. Imma minn dik is-sena ’l quddiem, Jehovah għenhom jifhmu iktar ċar l-iskopijiet tiegħu. Il-veritajiet li rrivelalhom sabuhom li ma kinux mgħaġġlin iżżejjed, imma maħsubin sew, u issa qegħdin jitkellmu bħala wħud li huma ċerti minn twemminhom, u mhux itemtmu għax m’humiex ċerti minn dak li qed jgħidu.
Il-“Bniedem Iblah”
12. Min huma l-‘boloh’ illum, u b’liema mod m’humiex ġenerużi?
12 Il-profezija taʼ Isaija mbagħad tagħmel kuntrast: “Lill-bniedem iblah ma jsejjħulux aktar nobbli, u l-imbruljun anqas ma jgħidulu galantom. Għax l-iblah il-bluha jitkellem.” (Isaija 32:5, 6a) Min hu l-“bniedem iblah”? Bħallikieku biex jagħmel enfasi, is-Sultan David darbtejn jagħtina t-tweġiba: “Jgħid l-iblah f’qalbu: ‘M’hemmx Alla!’ Tħassru l-bnedmin, għamlu ħwejjeġ taʼ min jistmellhom, m’hemm ħadd li jagħmel is-sewwa.” (Salm 14:1; 53:2 [53:1, NW]) M’għandniex xi ngħidu, dawk li ma jemmnux b’Alla jgħidu li m’hemmx Jehovah. Fil-fatt, hekk ukoll jgħidu l-“intellettwali” u oħrajn li jaġixxu bħallikieku m’hemmx Alla, billi jemmnu li ma jridu jagħtu kont lil ħadd. Il-verità ma tinsabx f’nies bħal dawn. M’hemm ebda ġenerożità fi qlubhom. M’għandhom ebda evanġelju taʼ mħabba. Kuntrarju għall-Kristjani ġenwini, huma jew jiħduha bil-lajma biex jipprovdu għal dawk fil-bżonn u li huma mnikktin jew jonqsu li jagħmlu dan għalkollox.
13, 14. (a) L-apostati taʼ żmienna kif jagħmlu l-ħsara? (b) L-apostati minn xiex jipprovaw iċaħħduhom lil dawk li huma mġewħin u għatxana, imma x’se jkun ir-riżultat finali?
13 Ħafna minn dawn li huma boloh isiru jobogħdu lil dawk li jiddefendu l-verità t’Alla. “Moħħu jfassal il-ħsara, biex jagħmel il-ħażen; u jitkellem mgħawweġ kontra l-Mulej.” (Isaija 32:6b) Kemm hu veru dan fil-każ taʼ l-apostati llum! F’għadd taʼ pajjiżi fl-Ewropa u fl-Asja, l-apostati ngħaqdu maʼ oħrajn li jopponu l-verità, billi jgħidu gideb sfaċċat lill-awtoritajiet, bl-iskop li jġagħlu lil dawn jipprojbixxu jew irażżnu lix-Xhieda taʼ Jehovah. Dawn juru l-ispirtu tal-“qaddej ħażin,” li dwaru Ġesù pprofetizza: “Jekk dak il-qaddej ħażin jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lil sħabu l-oħra, u jiekol u jixrob mas-sakranazzi, sid dak il-qaddej jasal f’jum li hu ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih li ħaqqhom in-nies taʼ wiċċ b’ieħor: hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien.”—Mattew 24:48-51.
14 Sadanittant, l-apostata ‘jħalli għar-riq griżmejn l-imġewwaħ, u lill-għatxan jiċħadlu x-xorb.’ (Isaija 32:6ċ) L-għedewwa tal-verità jipprovaw iċaħħdu l-ikel spiritwali lin-nies li huma mġewħin għall-verità, u lil dawk għatxana jipprovaw ma jħalluhomx jixorbu l-ilmijiet rifreskanti tal-messaġġ tas-Saltna. Imma r-riżultat finali se jkun dak li Jehovah jiddikjara lin-nies tiegħu permezz taʼ profeta ieħor: “Huma jeħduha kontrik, imma ma jagħmlulek xejn, għax jien inkun miegħek, oraklu tal-Mulej, biex neħilsek minnhom.”—Ġeremija 1:19; Isaija 54:17.
15. Illum, min partikolarment huma ‘l-imbroljuni taʼ bla prinċipju,’ liema “kliem giddieb” qalu, u b’liema riżultat?
15 Min-nofs is-seklu 20 ’l hawn, l-immoralità saret bla rażan fil-pajjiżi tal-Kristjaneżmu. Għala? Il-profezija bassret raġuni waħda: “Għodod l-imbruljun kollha ħżiena; jinseġ il-qerq, biex jeqred iż-żgħar bi kliem giddieb imqar meta l-kawża tal-fqir tkun ġusta.” (Isaija 32:7) Bi twettiq taʼ dan il-kliem, ħafna mill-membri tal-kleru b’mod partikulari adottaw attitudni permissiva lejn is-sess qabel iż-żwieġ, lejn uħud li m’humiex miżżewġin u jgħixu flimkien, u lejn l-omosesswalità—tabilħaqq, “żína u kull xorta taʼ faħx.” (Efesin 5:3) B’hekk, huma ‘jeqirdu’ l-merħliet tagħhom bil-kliem giddieb tagħhom.
16. X’inhu li lill-Kristjani ġenwini jagħmilhom henjin?
16 B’kuntrast, kemm huwa inkuraġġanti t-twettiq tal-kliem li jmiss tal-profeta! “Imma min hu nobbli jaħseb ħwejjeġ nobbli; u jindaħal dejjem għal ħwejjeġ kbar.” (Isaija 32:8) Ġesù nnifsu inkuraġġixxa l-ġenerożità meta qal: “Agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżheż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejjlu intom jitkejjel lilkom.” (Luqa 6:38) L-appostlu Pawlu wkoll ġibed l-attenzjoni lejn il-barkiet li jirċievu wħud ġenerużi meta qal: “Niftakru fi kliem il-Mulej Ġesù li qal, ‘Min jagħti hu aktar hieni minn min jieħu.’” (Atti 20:35) Kristjani ġenwini jsiru henjin, mhux billi jiksbu ġid materjali jew prominenza soċjali, imma billi jkunu ġenerużi—bl-istess mod kif huwa ġeneruż Alla tagħhom, Jehovah. (Mattew 5:44, 45) L-akbar hena tagħhom jinsab f’li jagħmlu r-rieda t’Alla, li jagħtu minnhom infushom b’mod ġeneruż sabiex jgħarrfu lil oħrajn “l-aħbar tajba u glorjuża taʼ dak Alla hieni.”—1 Timotju 1:11, NW.
17. Min illum hu bħax-‘xbejbiet bla ħsieb’ li Isaija jirreferi għalihom?
17 Tkompli l-profezija taʼ Isaija: “O nisa bla ħsieb, qumu u isimgħu leħni! O xbejbiet moħħkom mistrieħ, agħtu widen għal kliemi! Fi ftit jiem aktar minn sena għad titkexkxu, intom li moħħkom mistrieħ iżżejjed, għax jonqos l-għasir, il-ġabra tal-ħsad ma tasal qatt. Triegħdu, intom nisa bla ħsieb; tkexkxu intom b’moħħkom mistrieħ.” (Isaija 32:9-11a) L-attitudni taʼ dawn in-nisa għandha mnejn tfakkarna f’dawk li llum isostnu li jaqdu lil Alla imma m’humiex żelużi fis-servizz tiegħu. Dawn in-nies jinsabu fir-reliġjonijiet taʼ “Babilonja l-Kbira, omm in-nisa żienja.” (Apokalissi 17:5) Per eżempju, il-membri tar-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu jixbhu ferm lil dawn in-“nisa” deskritti minn Isaija. Huma ‘moħħhom mistrieħ’ u ftit li xejn jimpurtahom mill-ġudizzju u mit-taħbit li dalwaqt se jibilgħuhom.
18. Min hu kmandat biex ‘iħażżem xkora maʼ qaddu,’ u għala?
18 Għalhekk, is-sejħa toħroġ għar-reliġjon falza: “Inżgħu u nkixfu, ħażżmu xkora maʼ qaddkom, ħabbtu fuq sidirkom, għar-rabaʼ sabiħ, għad-dielja għammiela, għal art il-poplu tiegħi mimlija xewk u għollieq, għad-djar kollha tal-pjaċir, għall-belt ferrieħa.” (Isaija 32:11b-13) Il-kliem “Inżgħu u nkixfu” milli jidher ma jfissirx li wieħed jinżaʼ għarwien ħuta. Fil-qedem kienet id-drawwa li tintlibes libsa fuq oħra. Mil-libsa taʼ fuq spiss wieħed kien jintgħaraf. (2 Slaten 10:22, 23; Apokalissi 7:13, 14) Il-profezija qegħda b’hekk tikkmanda lill-membri tar-reliġjonijiet foloz biex ineħħu ħwejjiġhom taʼ fuq—it-taparsi identità tagħhom bħala qaddejja t’Alla—u biex minflok jilbsu ħwejjeġ magħmulin mid-drapp tax-xkejjer, simbolu taʼ vistu minħabba l-ġudizzju li ġej fuqhom dalwaqt. (Apokalissi 17:16) Ebda frott taʼ tjieba ma jistaʼ jinstab fost l-organizzazzjonijiet reliġjużi tal-Kristjaneżmu, li jsostni li hu l-“belt ferrieħa” t’Alla, u lanqas fost il-bqija tal-membri taʼ l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. Il-qasam li ħadmu jipproduċi biss “xewk u għollieq” taʼ traskuraġni u abbandun.
19. Isaija jikxef liema kundizzjoni taʼ “Ġerusalemm” apostata?
19 Din l-istampa mdallma tinfirex għal fuq il-partijiet kollha taʼ “Ġerusalemm” apostata: “Il-palazz għad jitilquh, l-għagħa tal-belt jintemm, l-għolja taʼ Ofel u t-torri taʼ Baħan jisfgħu għerien għal dejjem, l-għaxqa tal-ħmir selvaġġi, mergħa għall-imrieħel.” (Isaija 32:14) Iva, saħansitra Ofel hi inkluża. Ofel hija għolja f’Ġerusalemm u tipprovdi difiża b’saħħitha. Li tgħid li Ofel issir għar jindika ħerba sħiħa għall-belt. Kliem Isaija juri li “Ġerusalemm” apostata—il-Kristjaneżmu—mhix qegħda għassa biex tagħmel ir-rieda t’Alla. Hija vojta spiritwalment, assolutament mingħajr verità u ġustizzja—agħar minn bhima.
Kuntrast Glorjuż!
20. X’effett għandu l-ispirtu t’Alla meta jitferraʼ fuq il-poplu tiegħu?
20 Isaija issa jippreżenta tama li tqawwi l-qalb għal dawk li jagħmlu r-rieda taʼ Jehovah. Kwalunkwe ħerba mġarrba mill-poplu t’Alla stess se ddum biss sakemm “jissawwab fuqna spirtu mill-għoli, u d-deżert jinbidel f’art għammiela, u l-art għammiela ssir foresta.” (Isaija 32:15) B’ferħ, mill-1919 ’l hawn, l-ispirtu taʼ Jehovah tferraʼ bl-abbundanza fuq il-poplu tiegħu, u b’hekk irrestawra, bħallikieku, art għammiela li tagħti l-frott taʼ Xhieda midlukin, li ġiet segwita minn foresta taʼ nagħaġ oħra li dejjem tikber. Ir-riżq u l-progress huma fundamentali għall-organizzazzjoni tiegħu fuq l-art illum. Fil-ġenna taʼ l-art spiritwali restawrata, “is-sebħ tal-Mulej, il-ġmiel taʼ Alla tagħna,” jiġi rifless min-nies tiegħu hekk kif jipproklamaw mad-dinja kollha s-Saltna tiegħu li ġejja.—Isaija 35:1, 2.
21. Fejn jinstabu t-tjieba, il-kwiet, u s-sigurtà llum?
21 Iftaħ widnejk, issa, għall-wegħda glorjuża taʼ Jehovah: “Tistrieħ il-ġustizzja fid-deżert, u s-sewwa jgħammar f’art għammiela. Is-sliem ikun frott il-ġustizzja, u l-ħidma tal-ġustizzja tkun serħan u tama għal dejjem.” (Isaija 32:16, 17) Dan kemm jiddeskriviha tajjeb il-kundizzjoni spiritwali tan-nies taʼ Jehovah llum! Kuntrarju għall-maġġuranza tal-bnedmin, li huma maqsumin minħabba l-mibegħda, il-vjolenza, u l-faqar spiritwali assolut, il-veri Kristjani huma magħqudin mad-dinja kollha, avolja ġejjin “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.” Huma jgħixu, jaħdmu, u jaqdu f’armonija mat-tjieba t’Alla, u dan jagħmluh bil-fiduċja li sa fl-aħħar huma se jgawdu l-vera paċi u sigurtà għal żmien indefinit.—Apokalissi 7:9, 17.
22. X’inhi d-differenza bejn il-kundizzjoni tal-poplu t’Alla u l-kundizzjoni taʼ dawk li qegħdin fir-reliġjon falza?
22 Fil-ġenna spiritwali, Isaija 32:18 diġà qed jitwettaq. Dan jgħid: “U l-poplu tiegħi f’post tas-sliem, jgħammar bla biżaʼ, mistrieħ fil-kwiet.” Imma għal dawk li huma taparsi Kristjani, “[i]l-foresta taqaʼ u tiġġarraf, u l-belt titniżżel sa isfelnett.” (Isaija 32:19) Iva, bħal maltempata tempestuża bis-silġ, il-ġudizzju taʼ Jehovah huwa lest biex jolqot il-belt qarrieqa taʼ reliġjon falza, billi jniżżel s’isfelnett il-“foresta” taʼ nies li jappoġġawha, u b’hekk dawn jinqerdu għalkollox u għal dejjem!
23. Liema xogħol globali huwa riesaq lejn tmiemu, u dawk li qegħdin jieħdu sehem fih kif għandhom jitqiesu?
23 Dan il-porzjon tal-profezija jispiċċa hekk: “Henjin intom, li tiżirgħu ħdejn kull ilma, u tħollu riġlejn il-gendus u l-ħmar.” (Isaija 32:20) Il-gendus u l-ħmar kienu bhejjem tat-tagħbija wżati min-nies t’Alla fil-qedem biex jaħartu l-għelieqi u jiżirgħu ż-żerriegħa. Illum, in-nies taʼ Jehovah jużaw magni taʼ l-istampar, tagħmir elettroniku, bini u trasport moderni u, fuq kollox, organizzazzjoni teokratika magħquda biex jistampaw u jqassmu biljuni taʼ pubblikazzjonijiet Bibliċi. Ħaddiema volontieri jużaw dawn l-istrumenti biex jiżirgħu żrieragħ taʼ verità tas-Saltna maʼ l-art kollha, letteralment “ħdejn kull ilma.” Diġà sar il-ħsad taʼ miljuni taʼ rġiel u nisa li jibżgħu minn Alla, u kotriet oħrajn qegħdin jingħaqdu magħhom. (Apokalissi 14:15, 16) Ilkoll kemm huma għandhom għalfejn jitqiesu tabilħaqq “henjin”!
[Noti taʼ taħt]
a Is-“sultan” f’Isaija 32:1 jistaʼ jkun li l-ewwel kien jirreferi għas-Sultan Ħeżekija. Madankollu, it-twettiq prinċipali taʼ Isaija kapitlu 32 huwa marbut mas-Sultan, Kristu Ġesù.
b Ara It-Torri taʼ l-Għassa, l-1 taʼ Marzu, 1999, paġni 13-18, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 331]
Fir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet, Isaija kapitlu 32 huwa mmarkat bl-ittra “X”
[Stampa f’paġna 333]
Kull ‘prinċep’ hu bħal ilqugħ għar-riħ, kenn fit-tempesta, ilma f’art niexfa, u dell mix-xemx
[Stampa f’paġna 338]
Kristjan isib hena kbir f’li jaqsam l-aħbar tajba m’oħrajn