Isaija Jbassar l-‘Għemil Misterjuż’ taʼ Jehovah
Kapitlu Tnejn u Għoxrin
Isaija Jbassar l-‘Għemil Misterjuż’ taʼ Jehovah
1, 2. Iżrael u Ġuda għala jħossu li qegħdin fis-sigurtà?
GĦAL mument, Iżrael u Ġuda jħossu li qegħdin fis-sigurtà. Il-mexxejja tagħhom ifformaw alleanzi politiċi maʼ ġnus li kienu akbar u iktar setgħana minnhom, biex jipprovaw isibu s-sigurtà f’dinja perikoluża. Is-Samarija, il-belt kapitali taʼ Iżrael, daret lejn is-Sirja, il-ġâra tagħha, waqt li Ġerusalemm, il-belt kapitali taʼ Ġuda, serrħet it-tama tagħha fuq l-Assirja, li ma kienet taħfirha lil ħadd.
2 Minbarra li poġġew il-fiduċja tagħhom fi ħbieb politiċi ġodda, xi wħud fis-saltna tat-tramuntana għandhom mnejn jippretendu li Jehovah jipproteġihom—minkejja li jkomplu jużaw għoġiela tad-deheb fil-qima tagħhom. Ġuda hija konvinta bl-istess mod li tistaʼ tistrieħ fuq il-protezzjoni taʼ Jehovah. Fuq kollox, mhux f’Ġerusalemm, il-belt kapitali tagħhom, qiegħed it-tempju taʼ Jehovah? Imma se jseħħu ġrajjiet mhux mistennijin għaż-żewġt iġnus. Jehovah jnebbaħ lil Isaija biex ibassar żviluppi li se jidhru li huma verament misterjużi għall-poplu stinat tiegħu. U kliemu fih lezzjonijiet vitali għal kull wieħed u waħda minna llum.
Is-“Sakranazzi taʼ Efrajm”
3, 4. Is-saltna taʼ Iżrael fit-tramuntana b’liema ħaġa hija mkabbra?
3 Isaija jibda l-profezija tiegħu bi kliem li jaħsdek: “Gwaj għall-kuruna mkabbra tas-sakranazzi taʼ Efrajm, għaż-żahar midbiel, il-foħrija taʼ sebħu fuq ras il-wied għammiel, tal-mitlufin fl-inbid. Araw, is-Sid għażel wieħed qawwi u felħan! Bħal ħalba silġ, . . . għad isabbathom maʼ l-art b’kemm għandu saħħa. Taħt saqajh jisħaq il-kuruna tal-kburija tas-sakranazzi taʼ Efrajm.”—Isaija 28:1-3.
4 Efrajm, l-iktar tribù prominenti fost l-għaxar tribujiet tat-tramuntana, sar jirrappreżenta s-saltna taʼ Iżrael kollha kemm hi. Is-Samarija, il-belt kapitali tagħha, tgawdi post sabiħ li jħares fuq “ras il-wied għammiel.” Il-mexxejja taʼ Efrajm minfuħin bil-“kuruna tal-kburija” tagħhom peress li huma indipendenti mis-saltna tal-linja taʼ David f’Ġerusalemm. Imma huma “sakranazzi,” mitlufin minn sensihom spiritwalment minħabba l-alleanza tagħhom mas-Sirja kontra Ġuda. Dak kollu li hu għażiż għalihom ma jdumx ma jitgħaffeġ taħt saqajn dawk li se jinvaduhom.—Qabbel Isaija 29:9.
5. X’inhi l-pożizzjoni perikoluża taʼ Iżrael, imma Isaija liema tama joffri?
5 Efrajm ma jirrealizzax li jinsab f’pożizzjoni perikoluża. Ikompli Isaija: “U ż-żahar midbiel, il-foħrija taʼ sebħu li hemm f’ras il-wied għammiel, jiġrilu bħal tina bikrija qabel is-sajf: jaħtafha malli xi ħadd jaraha, u jiblagħha malli tiġi f’idu.” (Isaija 28:4) Efrajm se jaqaʼ taħt id l-Assirja, bukkun b’togħma tajba li jispiċċa f’gidma waħda. Allura, m’hemm ebda tama? Sewwa, bħalma jiġri spiss, il-profeziji taʼ ġudizzju fil-ktieb taʼ Isaija huma mtaffijin bit-tama. Avolja l-ġens jaqaʼ, hemm individwi leali li se jibqgħu ħajjin, bl-għajnuna taʼ Jehovah. “Dakinhar ikun il-Mulej taʼ l-eżerċti kuruna sabiħa u djadema taʼ ġmiel għal fdal il-poplu tiegħu; spirtu taʼ ġustizzja għal min joqgħod fit-tribunal, u qawwa għal min jibqaʼ jitqabad fil-bieb.”—Isaija 28:5, 6.
“Jixxenglu”
6. Is-saltna taʼ Iżrael meta tiġi fi tmiemha, imma Ġuda għala m’għandhiex titpaxxa b’dan?
6 Il-jum li fih is-Samarija trid tagħti kont tal-ħażen tagħha jasal fis-sena 740 Q.E.K., meta l-Assirjani jagħmlu ħerba mill-pajjiż u s-saltna tat-tramuntana ma tibqax teżisti bħala ġens indipendenti. Xi ngħidu għal Ġuda? L-Assirja se tinvadiha, u iktar tard Babilonja se teqirdilha l-belt kapitali. Imma sakemm idum ħaj Isaija, it-tempju u s-saċerdozju taʼ Ġuda se jkomplu bil-ħidma tagħhom u l-profeti tagħha se jkomplu jipprofetizzaw. Għandha għalfejn Ġuda titpaxxa bit-tmiem li ġej għall-ġâra tagħha fit-tramuntana? Ċertament li le! Jehovah se jitlob ukoll kont minn Ġuda u l-mexxejja tagħha minħabba d-diżubbidjenza u n-nuqqas taʼ fidi tagħhom.
7. Il-mexxejja taʼ Ġuda kif inhuma fis-sakra, u b’liema riżultati?
7 Waqt li jindirizza l-messaġġ tiegħu lil Ġuda, Isaija jkompli: “Dawn ukoll jixxenglu bl-inbid, u bix-xorb qawwi jitbandlu. Qassis u profeta jixxenglu bix-xorb, megħlubin mill-inbid, jitbandlu bix-xorb, jixxenglu waqt il-viżjonijiet, jitbandlu meta jagħmlu l-ħaqq. L-imwejjed kollha tqalligħ, ħmieġ kullimkien.” (Isaija 28:7, 8) Xi qżiżijiet! Li jkun hemm sokor letterali fid-dar t’Alla diġà ħażin ħafna. Imma dawn il-qassisin u l-profeti huma fis-sakra spiritwalment—moħħhom imdallam b’fiduċja żejda fl-alleanzi li għamlu maʼ pajjiżi oħra. Qarrqu bihom infushom billi ħasbu li t-triq li qabdu hija l-aħjar waħda, forsi għax ħasbu li issa għandhom fuq min iduru fil-każ li l-protezzjoni taʼ Jehovah ma tkunx biżżejjed. F’sakra spiritwali, dawn il-mexxejja reliġjużi jaqilgħu mill-istonku espressjonijiet maħmuġin, li jqallgħuk u li juru kemm huma neqsin minn fidi ġenwina fil-wegħdi t’Alla.
8. Kif jitwieġeb il-messaġġ taʼ Isaija?
8 Il-mexxejja taʼ Ġuda kif jirreaġixxu għat-twissija taʼ Jehovah? Jiżżuffjettaw b’Isaija, u jakkużawh li qed ikellimhom bħallikieku kienu trabi: “Lil min se jgħallem l-għerf, u lil min se jfiehem il-messaġġ? Lit-trabi bilkemm maqtugħa minn sider ommhom? Iva: ‘Saw lasaw; saw lasaw; kaw lakaw; kaw lakaw; żegħer sam; żegħer sam.’” (Isaija 28:9, 10) Kliem Isaija jinstemaʼ stramb, qisu xi kantaliena! Jibqaʼ jirrepeti l-istess ħaġa, billi jgħid: ‘Dan jordna Jehovah! Dan jordna Jehovah! Dan hu l-livell taʼ Jehovah! Dan hu l-livell taʼ Jehovah!’ a Imma Jehovah dalwaqt se “jkellem” lill-abitanti taʼ Ġuda bl-azzjoni. Se jibgħat kontrihom l-eżerċti taʼ Babilonja—barranin li tassew jitkellmu lingwa differenti. Dawn l-eżerċti ċertament li se jwettqu s-“saw lasaw [jew, kmand fuq kmand]” taʼ Jehovah, u Ġuda se taqaʼ.—Aqra Isaija 28:11-13.
Sakranazzi Spiritwali Llum
9, 10. Kliem Isaija meta u kif kellu tifsira għal ġenerazzjonijiet li ġew warajh?
9 Twettqu l-profeziji taʼ Isaija fuq Iżrael u Ġuda tal-qedem biss? Dażgur li le! Kemm Ġesù kif ukoll Pawlu kkwotaw kliemu u applikawh għall-ġens taʼ żmienhom. (Isaija 29:10, 13; Mattew 15:8, 9; Rumani 11:8) Illum ukoll inħolqot sitwazzjoni bħal dik taʼ żmien Isaija.
10 Din id-darba, huma l-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu li jpoġġu l-fidi tagħhom fil-politika. Huma jixxenglu u jitbandlu, bħas-sakranazzi taʼ Iżrael u Ġuda, waqt li jindaħlu fi kwistjonijiet politiċi, u jifirħu għax l-hekk imsejħin kbarat taʼ din id-dinja jiġu għandhom għall-pariri. Minflok ma jitkellmu l-verità safja mill-Bibbja, jitkellmu kliem mhux safi. Il-vista spiritwali tagħhom hija mċajpra, u lill-bnedmin ma jiggwidawhomx fis-sod.—Mattew 15:14.
11. Il-mexxejja tal-Kristjaneżmu kif jirreaġixxu għall-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla?
11 Il-mexxejja tal-Kristjaneżmu kif jirreaġixxu meta x-Xhieda taʼ Jehovah jiġbdulhom l-attenzjoni lejn l-unika tama vera, is-Saltna t’Alla? Ma jifhmuhiex. Għalihom, ix-Xhieda qishom qegħdin ilabalbu fil-vojt l-istess kantaliena, bħat-trabi. Il-mexxejja reliġjużi jmaqdru lil dawn il-messaġġiera u jiżżuffjettaw bihom. Bħal-Lhud taʼ żmien Ġesù, is-Saltna t’Alla la jriduha għalihom u lanqas iridu li l-merħliet tagħhom jisimgħu dwarha. (Mattew 23:13) Għaldaqstant, tinġibdilhom l-attenzjoni lejn il-fatt li Jehovah mhux se jibqaʼ jitkellem dejjem permezz tal-messaġġiera tiegħu li ma jagħmlux ħsara. Se jiġi ż-żmien meta dawk li ma jissottomettux ruħhom lejn is-Saltna t’Alla se “jitfarrku, jixxebbku, u jinqabdu,” iva, jinqerdu għalkollox.
“Patt mal-Mewt”
12. X’inhu t-taparsi “patt mal-mewt” li għamlet Ġuda?
12 Isaija jkompli d-dikjarazzjoni tiegħu: “Intom tgħidu: ‘Aħna għamilna patt mal-mewt, u ftehim maʼ Art l-Imwiet, biex meta l-frosta tgħaddi bħall-għargħar ma tilħaqniex. Għax għamilna l-gidba l-kenn tagħna, u l-qerq is-satra tagħna.’” (Isaija 28:14, 15) Il-mexxejja taʼ Ġuda jiftaħru li permezz taʼ l-alleanzi politiċi tagħhom ma jkunux jafu x’inhi telfa. Huma jħossu li għamlu “patt mal-mewt” biex din titlaq ’l hemm. Imma l-kenn falz tagħhom mhux se jipproteġihom. L-alleanzi li għamlu huma gideb u qerq. Bl-istess mod illum, ir-relazzjoni mill-qrib tal-Kristjaneżmu mal-mexxejja dinjin mhix se tipproteġih meta jasal iż-żmien biex Jehovah jagħmel il-kontijiet miegħu. Tabilħaqq, se tkun tfisser il-waqgħa tiegħu.—Apokalissi 17:16, 17.
13. Min hu l-“ġebla magħżula,” u l-Kristjaneżmu kif m’aċċettahx?
13 Allura, lejn min suppost li qegħdin iduru dawn il-mexxejja reliġjużi? Isaija issa jsemmi l-wegħda taʼ Jehovah: “Jien inqiegħed fis-sod ġebla f’Sijon, ġebla magħżula u prezzjuża, ġebla tax-xewka, msejjsa sewwa, u min jemmen fiha ma jitħarrikx. U nagħmel is-sewwa bħala riegla, u l-ġustizzja bħala nvell. Is-silġ iġarraf kenn il-gideb, u għargħar taʼ ilma jġorr il-moħba.” (Isaija 28:16, 17) Ftit wara li Isaija jlissen dan il-kliem, is-Sultan leali Ħeżekija jieħu t-tron f’Sijon, u s-saltna tiegħu tiġi salvata, mhux mill-pajjiżi ġirien, imma billi jindaħal għalihom Jehovah. Madankollu, dan il-kliem ispirat ma jitwettaqx f’Ħeżekija. Meta kkwota l-kliem taʼ Isaija, l-appostlu Pietru wera li Ġesù Kristu, li jiġi minn Ħeżekija mill-bogħod, hu l-“ġebla magħżula” u li ħadd minn dawk li jeżerċitaw fidi Fih m’għandu għalfejn jibżaʼ. (1 Pietru 2:6) Xi dnub li l-mexxejja tal-Kristjaneżmu, waqt li jsejħu lilhom infushom Kristjani, għamlu dak li Ġesù rrifjuta li jagħmel! Fittxew il-prominenza u l-poter f’din id-dinja minflok ma stennew lil Jehovah biex iġib is-Saltna tiegħu f’idejn Ġesù Kristu s-Sultan.—Mattew 4:8-10.
14. Meta se jitħassar il-‘patt taʼ Ġuda mal-mewt’?
14 Meta ‘l-frosta li tgħaddi bħall-għargħar’ taʼ l-eżerċti taʼ Babilonja tgħaddi minn ġol-pajjiż, Jehovah se jikxef li l-kenn politiku taʼ Ġuda m’hu xejn ħlief gidba. “Il-patt tagħkom mal-mewt jitħassar,” jgħid Jehovah. “Meta tgħaddi l-frosta ssawwat, tbattikom mgħaffġin fl-art. Kull darba li tgħaddi . . . ħaġa tal-biżaʼ tifhem biss il-messaġġ.” (Isaija 28:18, 19) Iva, hemm lezzjoni qawwija ferm x’nitgħallmu minn dak li jiġrilhom in-nies li jsostnu li jaqdu lil Jehovah imma li minflok ipoġġu l-fiduċja tagħhom f’alleanzi mal-ġnus.
15. Isaija kif jagħti stampa taʼ kemm m’hijiex addattata l-protezzjoni taʼ Ġuda?
15 Ikkunsidra l-pożizzjoni li fiha issa jsibu ruħhom dawn il-mexxejja taʼ Ġuda. “Għax qasir ikun il-friex biex bniedem jimtedd, u dejjaq l-għata biex jitkebbeb fih.” (Isaija 28:20) Huwa bħallikieku riedu jimteddu biex jistrieħu, imma għalxejn. Jew saqajhom joħorġu barra fil-ksieħ jew jiġbdu saqajhom ’il fuq u l-għata jkun dejjaq wisq biex jitkebbu fih ħalli jżommu ruħhom sħan. Din kienet is-sitwazzjoni skomda fi żmien Isaija. U din hi s-sitwazzjoni llum għal kulmin ipoġġi l-fiduċja tiegħu fil-kenn falz tal-Kristjaneżmu. Kemm hi ħaġa moqżieża li, talli involvew ruħhom fil-politika, xi wħud mill-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu sabu ruħhom involuti fi ħruxijiet tal-biżaʼ bħalma huma t-tindif etniku u l-qtil taʼ popli sħaħ!
L-‘Għemil Misterjuż’ taʼ Jehovah
16. X’inhu l-‘għemil misterjuż’ taʼ Jehovah, u dan ix-xogħol għala hu stramb?
16 Ir-riżultat finali taʼ kif se jispiċċaw l-affarijiet se jkun kuntrarju għalkollox għal dak li qegħdin jittamaw fih il-mexxejja reliġjużi taʼ Ġuda. Jehovah se jagħmlilhom ħaġa stramba lis-sakranazzi spiritwali taʼ Ġuda. “Għax bħalma qam fuq il-muntanja taʼ Perasim, iqum issa l-Mulej. Bħalma saħħan f’wied Gibgħon, jisħon issa biex itemm għemilu, għemil waħdani [jew, stramb]; biex jagħmel l-opra tiegħu, l-opra tiegħu misterjuża.” (Isaija 28:21) Fi żmien is-Sultan David, Jehovah ta rebħiet kbar lin-nies tiegħu fuq il-Filistin ħdejn il-Muntanja Perasim u fuq il-pjanura taʼ Gibgħon. (1 Kronaki 14:10-16) Fi żmien Ġożwè, hu saħansitra waqqaf ix-xemx fuq Gibgħon sabiex ir-rebħa taʼ Iżrael fuq l-Amurrin tkun sħiħa. (Ġożwè 10:8-14) Din kienet xi ħaġa misterjuża ferm! Issa Jehovah se jiġġieled mill-ġdid imma din id-darba kontra dawk li jistqarru li huma n-nies tiegħu. Jistaʼ jkun hemm xi ħaġa iktar stramba jew misterjuża? Mhux meta tqis li Ġerusalemm hija ċ-ċentru tal-qima taʼ Jehovah u l-belt tas-sultan midluk minnu. S’issa, id-dar irjali taʼ David f’Ġerusalemm qatt ma ġiet megħluba. Minkejja dan, Jehovah żgur li se jwettaq l-‘għemil misterjuż’ tiegħu.—Qabbel Ħabakkuk 1:5-7.
17. Iż-żuffjett x’effett se jkollu fuq it-twettiq tal-profezija taʼ Isaija?
17 Għalhekk, Isaija jwissi: “Tkunux aktar insolenti, li ma jissikkawx aktar il-ktajjen tagħkom. Għax jien smajt digriet taʼ qerda, mingħand Sidi l-Mulej taʼ l-eżerċti, qerda għal fuq kollha kemm hi l-art.” (Isaija 28:22) Għalkemm il-mexxejja jiżżuffjettaw, il-messaġġ taʼ Isaija huwa veru. Semgħu mingħand Jehovah, li miegħu dawk il-mexxejja qegħdin f’relazzjoni taʼ patt. Bl-istess mod illum, il-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu jiżżuffjettaw meta jisimgħu bl-‘għemil misterjuż’ taʼ Jehovah. Huma saħansitra jgħollu leħinhom u jirrabjaw. Imma l-messaġġ imxandar mix-Xhieda taʼ Jehovah huwa veru. Jinsab fil-Bibbja, il-ktieb li dawn il-mexxejja jsostnu li jirrappreżentaw.
18. Isaija kif jagħti stampa tal-mod bilanċjat li bih Jehovah jamministra d-dixxiplina?
18 Inkwantu għal individwi sinċieri li ma jsegwux lil dawn il-mexxejja, Jehovah se jikkoreġihom u jreġġagħhom għall-favur tiegħu. (Aqra Isaija 28:23-29.) Sewwa sew bħalma bidwi juża metodi iktar ġentili biex jidres żerriegħa delikata, bħalma hu l-kemmun, hekk ukoll Jehovah jaġġusta d-dixxiplina tiegħu skond l-individwu u ċ-ċirkustanzi. Hu qatt ma jkun tirann jew oppressiv imma jaġixxi għax jemmen li dawk li jiżbaljaw jistgħu jindmu. Iva, jekk l-individwi jwieġbu għall-istedina taʼ Jehovah, ikun hemm tama. Bl-istess mod illum, waqt li t-tmiem tal-Kristjaneżmu in ġenerali huwa maqtugħ, kull individwu li jissottometti ruħu għas-Saltna taʼ Jehovah jistaʼ jevita l-ġudizzju taʼ kundanna li ġej.
Gwaj għal Ġerusalemm!
19. Ġerusalemm b’liema mod trid issir “fuklar taʼ l-artal,” u dan meta u kif iseħħ?
19 Iżda, Jehovah dwar xiex qed jitkellem issa? “Ħażin għalik, Arjel, Arjel, il-belt fejn David waqqaf il-kamp! Żidu sena fuq sena, ħa jgħaddu l-festi fid-dawra tagħhom. Jien ngħakkes lil Arjel, u jkun hemm ilmenti u krib. Int tkun għalija bħal Arjel.” (Isaija 29:1, 2) “Arjel” x’aktarx li tfisser “Il-Fuklar taʼ l-Artal t’Alla,” u hawnhekk tirreferi b’mod evidenti għal Ġerusalemm, għax hemmhekk jinsab it-tempju li fih l-artal tas-sagrifiċċju. Il-Lhud ikomplu bir-rutina tagħhom li jiċċelebraw festi u joffru sagrifiċċji hemmhekk, imma Jehovah ma jiħux gost bil-qima tagħhom. (Hosegħa 6:6) Minflok, hu jiddikjara li l-belt infisha trid issir “fuklar taʼ l-artal” f’sens differenti. Bħal artal, se tinkesa bid-demm u tinbelaʼ min-nar. Jehovah saħansitra jiddeskrivi kif se jiġri dan: “[I]nwaqqaf il-kamp kontrik madwarek, indawwrek bit-torrijiet, u nħaffer madwarek trunċiera, u ntellaʼ għodod tal-gwerra kontrik. Nixħtek maʼ l-art, u mill-art titkellem, u kliemek joħroġ minn ġot-trab; u leħnek jitlaʼ mill-art bħal taʼ xi ruħ, u kliemek tpespes minn ġewwa t-trab.” (Isaija 29:3, 4) Dan jitwettaq fuq Ġuda u Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. meta l-eżerċtu Babiloniż jassedja u jeqred il-belt u jaħraq it-tempju. Ġerusalemm titniżżel u titbaxxa maʼ l-art li fuqha nbniet.
20. X’se jkun it-tmiem aħħari taʼ l-għedewwa t’Alla?
20 Qabel dan iż-żmien deċiżiv, Ġuda kultant ikollha xi sultan li jobdi l-Liġi taʼ Jehovah. X’jiġri f’dan il-każ? Jehovah jiġġieled għan-nies tiegħu. Avolja jistaʼ jagħti l-każ li l-għedewwa jinvadu l-pajjiż, huma jsiru bħall-“għabra fina” u l-“karfa.” Meta jkun il-waqt, Jehovah se jferrixhom “bir-ragħad, theżhiż u ħsejjes kbar, b’riefnu u tempesta, u ilsna taʼ nar qerried.”—Isaija 29:5, 6.
21. Spjega t-tixbieha mogħtija f’Isaija 29:7, 8.
21 L-eżerċti ħorox għandhom mnejn ikunu ħerqanin biex jaħtfu lil Ġerusalemm u jaqbżu fuq il-priża tal-gwerra. Imma malajr se jkunu jafu x’hemm lest għalihom! Bħal raġel imġewwaħ li joħlom li qiegħed jiekol u mbagħad jistenbaħ b’żaqqu vojta, l-għedewwa taʼ Ġuda mhux se jgawdu l-festa li tant qed jistennew bil-ħerqa. (Aqra Isaija 29:7, 8.) Ikkunsidra x’jiġrilu l-eżerċtu Assirjan taħt Sanħerib meta jhedded lil Ġerusalemm fi żmien is-Sultan leali Ħeżekija. (Isaija, kapitli 36 u 37) F’lejl wieħed, mingħajr ma ħadd jerfaʼ idu biex jiġġieled, l-armata tal-gwerra Assirjana li tkexkex lil kulmin jaraha, tintrebaħ u 185,000 mill-gwerriera qalbenin tagħha jispiċċaw mejtin! It-tamiet tar-rebħa se jerġgħu jitkissru meta l-armata tal-gwerra taʼ Gog taʼ Magog titħejja għal kontra n-nies taʼ Jehovah fil-futur qarib.—Eżekjel 38:10-12; 39:6, 7.
22. Is-sokor spiritwali taʼ Ġuda kif jeffettwaha?
22 Fiż-żmien meta Isaija jlissen din il-parti mill-profezija tiegħu, il-mexxejja taʼ Ġuda m’għandhomx fidi bħal dik taʼ Ħeżekija. Huma għandhom sakra spiritwali kbira fuqhom minħabba l-alleanzi li għamlu maʼ ġnus li ma jqimux lil Alla. “Stagħġbu u bliehu! Agħlqu għajnejkom, u ibqgħu għomja; iskru, mhux bl-inbid, tbandlu, mhux bix-xorb qawwi!” (Isaija 29:9) Billi huma fis-sakra spiritwalment, dawn il-mexxejja m’għandhomx il-ħila jagħrfu l-importanza tal-viżjoni mogħtija lill-profeta veru taʼ Jehovah. Isaija jistqarr: “Il-Mulej xeħet fikom spirtu taʼ ngħas qawwi, għalqilkom għajnejkom – il-profeti; u għattielkom raskom – il-viżjunarji. Għalikom kull viżjoni taʼ dan kollu tkun bħal kliem taʼ ktieb issiġillat, li jagħtuh lil xi ħadd li jaf jaqra u jgħidulu: ‘Aqra dan,’ u hu jwieġeb: ‘Ma nistax għax issiġillat.’ Mbagħad jagħtuh lil min ma jafx jaqra u jgħidulu: ‘Aqra dan,’ u jwieġeb: ‘Ma nafx naqra.’”—Isaija 29:10-12.
23. Jehovah għala se jitlob kont mingħand Ġuda, u kif se jagħmlu dan?
23 Il-mexxejja reliġjużi taʼ Ġuda jgħidu li huma għaqlin spiritwalment, imma dawn telquh lil Jehovah. Minflok, huma jgħallmu l-ideat mgħawġin tagħhom stess dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin, u b’hekk jiġġustifikaw kemm l-attivitajiet immorali u bla fidi tagħhom u kemm il-fatt li huma mexxew lin-nies b’tali mod li m’għadx għandhom il-favur t’Alla. Permezz taʼ l-“għeġubijiet mill-aktar kbar”—l-‘għemil misterjuż’ tiegħu—Jehovah se jitlobhom kont għall-ipokresija tagħhom, billi jgħid: “Dal-poplu resaq ħdejja b’fommu, u b’xufftejh biex iqimni, imma qalbhom ’il bogħod minni, u l-biżaʼ li għandhom minni m’hux ħlief preċett mgħallem lilhom mill-bnedmin. Għalhekk, arani, se nerġaʼ nagħmel l-għeġubijiet maʼ dan il-poplu, għeġubijiet mill-aktar kbar, u jintemm l-għerf taʼ l-għorrief tiegħu, u jgħib id-dehen tad-dehnin tiegħu.” (Isaija 29:13, 14) L-għerf u d-dehen li Ġuda ħolqot għaliha nfisha se jisparixxu meta Jehovah jmexxi l-affarijiet biex is-sistema reliġjuża u apostata tagħha kollha kemm hi tiġi meqruda għalkollox permezz tal-Qawwa Dinjija Babiloniża. L-istess ħaġa ġrat fl-ewwel seklu wara li l-mexxejja tal-Lhud li kienu jriduha taʼ għorrief żvijaw lill-ġens. Xi ħaġa simili se tiġri fi żmienna stess lill-Kristjaneżmu.—Mattew 15:8, 9; Rumani 11:8.
24. Il-Ġudeani kif juru li m’għandhomx biżaʼ t’Alla?
24 Madankollu, għalissa, il-mexxejja faħħarin taʼ Ġuda mingħalihom li jilħqilhom biżżejjed li kapaċi jgħadduha lixxa talli għawġu l-qima vera. Imma veru dan? Isaija jikxef l-ipokresija tagħhom u juri li m’għandhom ebda biżaʼ ġenwin minn Alla, u b’hekk ebda għerf veru: “Ħażin għal dawk li jaħbu fil-fond fehmithom lill-Mulej, li għemilhom jinsab fid-dlam, u jgħidu: ‘Min se jarana? Min se jagħrafna?’ X’ħażen magħkom! Jaqaw il-fuħħari jitqies bħat-tafal, biex ix-xogħol jgħid fuq min għamlu: ‘M’hux hu għamilni!’ u l-fuħħar jgħid fuq il-fuħħari: ‘Ma jifhimx!’?” (Isaija 29:15, 16; qabbel Salm 111:10.) Jaħsbu kemm jaħsbu li huma moħbijin sewwa, jinsabu ‘għerjin u mikxufin’ f’għajnejn Alla.—Lhud 4:13, Saydon.
“It-Torox Jisimgħu”
25. “It-torox” f’liema sens se jisimgħu?
25 Madankollu, hemm is-salvazzjoni għal individwi li jeżerċitaw fidi. (Aqra Isaija 29:17-24; qabbel Luqa 7:22.) “It-torox” se “jisimgħu kliem il-ktieb,” il-messaġġ mill-Kelma t’Alla. Iva, dan m’huwiex xi fejqan taʼ xi ħadd li hu trux fiżikament. Huwa fejqan spiritwali. Għal darb’oħra, Isaija qed jiġbed l-attenzjoni lejn iż-żmien meta s-Saltna Messjanika tiġi stabbilita u l-qima vera restawrata fuq l-art permezz tal-ħakma tal-Messija. Dan seħħ fi żmienna, u miljuni taʼ nies sinċieri qed jaċċettaw li jiġu korretti minn Jehovah u qegħdin jitgħallmu jfaħħruh. Xi twettiq kommoventi! Fl-aħħar mill-aħħar, se jiġi l-jum meta kulħadd, kull ħaġa li tieħu n-nifs, se jfaħħar lil Jehovah u jqaddes l-isem glorjuż Tiegħu.—Salm 150:6.
26. “It-torox” liema tfakkiriet spiritwali jisimgħu llum?
26 Dawn “it-torox” li llum jisimgħu l-Kelma t’Alla x’jitgħallmu? Li l-Kristjani kollha, speċjalment dawk li l-kongregazzjoni tħares lejhom bħala eżempji, iridu joqogħdu attenti ħafna li ma ‘jixxenglux bix-xorb qawwi.’ (Isaija 28:7) Iżjed minn hekk, qatt m’għandna ngħajjew nisimgħu t-tfakkiriet t’Alla, li jgħinuna biex ikollna ħarsa spiritwali lejn l-affarijiet kollha. Waqt li l-Kristjani huma suġġetti b’mod xieraq lejn l-awtoritajiet governattivi u jħarsu lejhom biex jipprovdulhom ċerti servizzi, is-salvazzjoni ma tiġix mid-dinja sekulari, imma mingħand Alla Jehovah. Ukoll, qatt m’għandna ninsew li bħall-ġudizzju li sar fuq Ġerusalemm apostata, il-ġudizzju t’Alla fuq din il-ġenerazzjoni ma jistax jiġi skansat. Bl-għajnuna taʼ Jehovah nistgħu nkomplu nipproklamaw it-twissija tiegħu minkejja l-oppożizzjoni, bħalma għamel Isaija.—Isaija 28:14, 22; Mattew 24:34; Rumani 13:1-4.
27. Il-Kristjani liema lezzjonijiet jistgħu jitgħallmu mill-profezija taʼ Isaija?
27 L-anzjani u l-ġenituri jistgħu jitgħallmu mill-mod kif Jehovah jamministra d-dixxiplina, billi jfittxu dejjem li lil dawk li jiżbaljaw jerġgħu jħabbuhom m’Alla, mhux sempliċement jikkastigawhom. (Isaija 28:26-29; qabbel Ġeremija 30:11.) U lkoll kemm aħna, inkluż iż-żgħażagħ, niġu mfakkrin kemm huwa vitali li naqdu lil Jehovah minn qalbna, mhux sempliċement nilagħbuha taʼ Kristjani sabiex nogħġbu lill-bnedmin. (Isaija 29:13) Irridu nuru li kuntrarju għall-abitanti taʼ Ġuda li ma kellhomx fidi, aħna għandna biżaʼ bnin minn Jehovah u rispett profond lejh. (Isaija 29:16) Iktar minn hekk, għandna bżonn nuru li aħna lesti li niġu korretti u mgħallmin minn Jehovah.—Isaija 29:24.
28. Il-qaddejja taʼ Jehovah kif iħarsu lejn l-atti taʼ salvazzjoni tiegħu?
28 Kemm huwa importanti li nuru fidi u jkollna fiduċja sħiħa f’Jehovah u fil-mod kif hu jmexxi! (Qabbel Salm 146:3.) Għall-biċċa l-kbira min-nies, il-messaġġ taʼ twissija li nippridkaw se jinstemaʼ qisu kantaliena tat-tfal. Il-qerda li ġejja fuq il-Kristjaneżmu, organizzazzjoni li ssostni li taqdi lil Alla, hija idea stramba, misterjuża. Imma Jehovah se jwettqu l-‘għemil misterjuż’ tiegħu. Dwar dan, ma jistaʼ jkun hemm ebda dubju. Għaldaqstant, sakemm jgħaddu l-aħħar jiem taʼ din is-sistema dinjija, il-qaddejja t’Alla jpoġġu l-fiduċja sħiħa tagħhom fis-Saltna tiegħu u fis-Sultan li hu ħatar, Ġesù Kristu. Huma jafu li l-atti taʼ salvazzjoni mingħand Jehovah—imwettqin flimkien max-‘xogħol misterjuż’ tiegħu—se jġibu barkiet eterni għall-bnedmin ubbidjenti kollha.
[Nota taʼ taħt]
a Fl-Ebrajk oriġinali, Isaija 28:10 fih taqbila li tidher darba wara l-oħra, pjuttost bħal xi taqbila tat-tfal. B’hekk, il-messaġġ taʼ Isaija nstemaʼ qisu kantaliena tat-tfal għall-mexxejja reliġjużi.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 289]
Il-Kristjaneżmu straħ fuq alleanzi maʼ ħakkiema umani minflok ma straħ fuq Alla
[Stampa f’paġn 290]
Jehovah jwettaq l-‘għemil misterjuż’ tiegħu meta lil Babilonja jħalliha teqred lil Ġerusalemm
[Stampa f’paġna 298]
Dawk li kienu torox spiritwalment jistgħu “jisimgħu” l-Kelma t’Alla