Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jehovah Jferraʼ Għadbu fuq il-​Ġnus

Jehovah Jferraʼ Għadbu fuq il-​Ġnus

Kapitlu Sebgħa u Għoxrin

Jehovah Jferraʼ Għadbu fuq il-​Ġnus

Isaija 34:1-17

1, 2. (a) Rigward il-​vendetta taʼ Jehovah, dwar liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti? (b) X’iwettaq Alla billi jagħmel vendetta?

 ALLA JEHOVAH hu paċenzjuż mhux biss mal-​qaddejja leali tiegħu imma wkoll maʼ l-​għedewwa tiegħu, meta dan ikun fi qbil maʼ l-​iskop tiegħu. (1 Pietru 3:19, 20; 2 Pietru 3:15) L-​avversarji taʼ Jehovah forsi ma japprezzawhiex il-​paċenzja tiegħu u għandhom mnejn iqisuha bħala turija li m’għandux il-​ħila jew li ma jridx jaġixxi. Xorta waħda, bħalma juri kapitlu 34 taʼ Isaija, fl-​aħħar mill-​aħħar Jehovah dejjem jitlob kont mill-​għedewwa tiegħu. (Sofonija 3:8) Għal xi żmien, Alla ppermetta li Edom u ġnus oħrajn jopponu lin-​nies tiegħu mingħajr tfixkil. Imma Jehovah kien se jitħallas minnhom meta jasal il-​waqt. (Dewteronomju 32:35) Bl-​istess mod, meta jasal il-​waqt tiegħu, Jehovah se jivvendika ruħu mill-​elementi kollha taʼ din id-​dinja mill-​agħar li jisfidaw is-​sovranità tiegħu.

2 L-​iskop ewlieni għala Alla se jagħmel vendetta minnhom huwa biex juri s-​sovranità tiegħu u jigglorifika lil ismu. (Salm 83:14-19 [83:13-18, NW]) Hu se jitħallas minnhom biex jiġġustifika wkoll lill-​qaddejja tiegħu bħala li huma verament ir-​rappreżentanti tiegħu u jeħlishom minn ċirkustanzi mhux mixtiqin. Iktar minn hekk, il-​vendetta taʼ Jehovah dejjem tkun f’armonija sħiħa mal-​ġustizzja tiegħu.—Salm 58:11, 12 [58:10, 11, NW].

Agħtu Widen, ja Ġnus

3. Permezz taʼ Isaija, Jehovah liema stedina jagħmlilhom lill-​ġnus?

3 Qabel ma jitfaʼ l-​attenzjoni fuq kif se jitħallas minn Edom, Jehovah jagħmel stedina solenni lill-​ġnus kollha permezz taʼ Isaija: “Ersqu, ġnus, ħa tisimgħu, u intom, popli, agħtu widen! Ħa tismaʼ l-​art u kull ma fiha; id-​dinja u kull ma trodd.” (Isaija 34:1) Il-​profeta tkellem ripetutament kontra l-​ġnus li jiċħdu ’l Alla. Issa wasal biex jiġbor fil-​qosor il-​kundanna divina kontrihom. Hemm xi tifsira għal żmienna f’dawn it-​twissijiet?

4. (a) Il-​ġnus x’jiġu obbligati jagħmlu, bħalma hemm miktub f’Isaija 34:1? (b) Il-​fatt li Jehovah jesprimi l-​ġudizzju tiegħu fuq il-​ġnus juri li hu Alla krudil? (Ara l-​kaxxa f’paġna 363.)

4 Iva. Is-​Sovran taʼ l-​univers għandu kontroversja maʼ l-​elementi kollha taʼ din is-​sistema dinjija li tiċħad ’l Alla. Huwa għalhekk li l-​“popli” u “l-​art” jiġu obbligati jisimgħu l-​messaġġ ibbażat fuq il-​Bibbja li Jehovah ġiegħel li jixxandar madwar id-​dinja. B’lingwaġġ li jfakkarna f’Salm 24:1, Isaija jgħid li l-​art kollha se tismaʼ dan il-​messaġġ—profezija li qed isseħħ fi żmienna, meta x-​Xhieda taʼ Jehovah jippridkaw “sa truf l-​art.” (Atti 1:8) Madankollu, il-​ġnus ma tawx widen. Ma ħaduhiex bis-​serjetà t-​twissija dwar il-​qerda li ġejja fuqhom. M’għandniex xi ngħidu, dan mhux se jżomm lil Jehovah milli jwettaq kelmtu.

5, 6. (a) Alla għal liema ħaġa jitlobhom kont lill-​ġnus? (b) Kif inhu minnu li ‘l-​muntanji jċarċru b’demmhom’?

5 Il-​profezija issa tiddeskrivi l-​prospett mudlam li għandhom quddiemhom il-​ġnus li jiċħdu ’l Alla—kuntrast sħiħ mat-​tama mill-​isbaħ tan-​nies t’Alla li tiġi deskritta iktar tard. (Isaija 35:1-10) Jistqarr il-​profeta: “Il-​Mulej mgħaddab għall-​ġnus kollha, u s-​saħna tiegħu fuq l-​eżerċti kollha tagħhom. Qatagħha li lkoll jeqridhom, u jerħihom għall-​qatla. Il-​maqtula tagħhom jintremew, u titlaʼ l-​intiena minn ġisimhom. Iċarċru b’demmhom il-​muntanji.”—Isaija 34:2, 3.

6 Dan jiġbed l-​attenzjoni tagħna lejn kemm il-​ġnus huma ħatja tad-​demm. Illum il-​ġnus tal-​Kristjaneżmu għandhom l-​akbar ħtija tad-​demm. F’żewġ gwerer dinjin u f’ħafna konflitti iżgħar, l-​art imlewha b’demm uman. Min għandu d-​dritt jitlob li ssir ġustizzja għal din il-​ħtija tad-​demm kollha? Ħadd ħlief il-​Ħallieq, id-​Donatur il-​kbir tal-​Ħajja. (Salm 36:10 [36:9, NW]) Il-​liġi taʼ Jehovah stabbiliet il-​livell: “Int tħallas ħajja b’ħajja.” (Eżodu 21:23-25; Ġenesi 9:4-6) Fi qbil maʼ din il-​liġi, hu se jġiegħel li jixxerred id-​demm tal-​ġnus—sakemm imutu. L-​arja se timtela bl-​intiena tal-​katavri tagħhom li ma jindifnux—mewta verament taʼ għajb! (Ġeremija 25:33) Id-​demm li jintalab lura bħala tpattija se jkun biżżejjed biex idewweb, jew iħoll, bħallikieku, il-​muntanji. (Sofonija 1:17) Meta l-​qawwiet militari tagħhom jinqerdu għalkollox, il-​ġnus dinjin se jaraw il-​waqgħa tal-​gvernijiet tagħhom, li fil-​profezija Biblika kultant jiġu ffigurati bħala muntanji.—Danjel 2:35, 44, 45; Apokalissi 17:9.

7. X’inhuma s-​“smewwiet,” u x’inhuma l-​“qtajjiet tas-​smewwiet”?

7 Waqt li mill-​ġdid juża kliem li jagħti stampa ċara ħafna, Isaija jissokta jgħid: “Il-​qtajjiet tas-​smewwiet jinħallu, u s-​smewwiet bħal ktieb [f’għamla taʼ romblu] jitkebbu. Il-​qtajjiet tagħhom jaqgħu, bħalma jaqaʼ l-​weraq midbiel mid-​dielja u l-​frott misjur mit-​tina.” (Isaija 34:4) L-​espressjoni “qtajjiet tas-​smewwiet” ma tfissirx il-​kwiekeb u l-​pjaneti letterali. Versi 5 u 6 jitkellmu dwar xabla li toqtol miksija bid-​demm f’dawk is-​“smewwiet.” Għaldaqstant, dan bilfors li hu simbolu taʼ xi ħaġa fil-​qasam uman. ( 1 Korintin 15:50) Minħabba li qegħdin fl-​għoli bħala awtoritajiet superjuri, il-​gvernijiet tal-​bnedmin huma mxebbhin maʼ smewwiet li qegħdin jaħkmu fuq is-​soċjetà taʼ bnedmin fuq l-​art. (Rumani 13:1-4) Mela l-​“qtajjiet tas-​smewwiet” jirrappreżentaw l-​armati magħqudin flimkien taʼ dawn il-​gvernijiet tal-​bnedmin.

8. Is-​smewwiet simboliċi kif inhuma “bħal ktieb [f’għamla taʼ romblu],” u x’se jiġrilhom l-​‘eżerċti’ tagħhom?

8 Dawn il-​“qtajjiet” se “jinħallu,” jitmermru, bħal xi ħaġa li tispiċċa fix-​xejn. (Salm 102:27 [102:26, NW]; Isaija 51:6) Għall-​għajn naturali, is-​smewwiet letterali taʼ fuqna jidhru milwijin fit-​tond, bħal xi romblu tal-​qedem, li ġeneralment kien ikollu l-​kitba fuq in-​naħa taʼ ġewwa. Meta l-​kitba fuq in-​naħa taʼ ġewwa tar-​romblu tgħaddi minn quddiem għajnejn il-​qarrej, dan jitkebbeb u jintrefaʼ. Bl-​istess mod, is-​“smewwiet bħal ktieb [f’għamla taʼ romblu] jitkebbu,” għaliex il-​gvernijiet umani jridu jintemmu. Peress li jkunu waslu fl-​aħħar paġna taʼ l-​istorja tagħhom, iridu jinġiebu fi tmiemhom f’Armageddon. L-​‘eżerċti’ impressjonanti tagħhom se jaqgħu sewwa sew bħalma l-​weraq niexef jaqaʼ mid-​dielja jew il-​“frott misjur” jaqaʼ mit-​tina. Żmienhom se jkun għadda.—Qabbel Apokalissi 6:12-14.

Jum taʼ Tpattija

9. (a) Minfejn ġie Edom, u liema relazzjoni żviluppat bejn Iżrael u Edom? (b) Jehovah x’jiddeċiedi dwar Edom?

9 Issa l-​profezija tipponta lejn ġens li jeżisti fi żmien Isaija—Edom. L-​Edomin huma dixxendenti taʼ Għesaw (Edom), li biegħ il-​primoġenitura tiegħu lil ħuh it-​tewmi, Ġakobb, għall-​ħobż u ftit soppa taʼ l-​għads. (Ġenesi 25:24-34) Peress li Ġakobb ħadlu postu fil-​primoġenitura, Għesaw imtela bil-​mibegħda għal ħuh. Iktar tard il-​ġens taʼ Edom u l-​ġens taʼ Iżrael saru għedewwa, avolja kienu d-​dixxendenti taʼ aħwa tewmin. Minħabba din l-​oppożizzjoni lejn in-​nies t’Alla, Edom ġibed fuqu l-​għadab taʼ Jehovah, li issa jgħid: “Fis-​smewwiet sikret ix-​xabla tiegħi, u għad tinżel fuq Edom, fuq poplu mitluq għall-​qerda, biex minnu tagħmel ħaqq. Ix-​xabla tal-​Mulej tħammar bid-​demm, tqattar bix-​xaħam, bid-​demm tal-​ħrief u l-​bdabad, bix-​xaħam tal-​kliewi taʼ l-​imtaten. Għax ikollu l-​Mulej sagrifiċċju f’Bosra, qatla kbira f’Edom.”—Isaija 34:5, 6.

10. (a) Jehovah lil min ixejjen meta jxejjer ix-​xabla tiegħu “fis-​smewwiet”? (b) Edom x’attitudni juri meta Ġuda tiġi attakkata minn Babilonja?

10 Edom jinsab f’reġjun muntanjuż fl-​għoli. (Ġeremija 49:16; Għabdija 8, 9, 19, 21) Minkejja dan, saħansitra dawn is-​swar naturali ma se jkunu taʼ ebda għajnuna meta Jehovah jxejjer ix-​xabla taʼ ġudizzju tiegħu “fis-​smewwiet,” u jbaxxi lill-​ħakkiema taʼ Edom mill-​pożizzjoni għolja li għandhom. Edom huwa mgħammar sew għall-​gwerra, u l-​qawwiet armati tiegħu jimmarċjaw minn fuq ktajjen taʼ muntanji għoljin biex jipproteġu l-​pajjiż. Imma għalkemm għandu qawwa kbira, Edom ma jagħti ebda għajnuna lil Ġuda meta tiġi attakkata mill-​eżerċti taʼ Babilonja. Minflok, Edom tgħidx kemm jifraħ meta jara l-​waqgħa tas-​saltna taʼ Ġuda u jħeġġeġ ħafna lill-​konkwistaturi tagħha. (Salm 137:7) Edom saħansitra jiġri wara l-​Lhud li jaħarbu biex jibqgħu ħajjin u jagħtihom f’idejn il-​Babiloniżi. (Għabdija 11-14) L-​Edomin jippjanaw li jieħdu taħt idejhom il-​pajjiż abbandunat taʼ l-​Iżraelin, u jitkellmu bi ftaħir kontra Jehovah.—Eżekjel 35:10-15.

11. Jehovah kif se jitħallas mill-​Edomin minħabba l-​kondotta qarrieqa tagħhom?

11 Jagħlaqhom għajnejh Jehovah meta jara li l-​Edomin ma jaġixxux taʼ aħwa? Le. Minflok, hu jbassar dwar Edom: “Jaqgħu l-​bufli maʼ l-​għoġiela smien, il-​gniedes mal-​barrin. Arthom tisker bid-​demm, u trabhom bix-​xaħam isir tajn.” (Isaija 34:7) Jehovah jirreferi għall-​kbarat u għall-​baxxi fil-​ġens bħala bufli u għoġiela simboliċi, bħala gniedes u barrin. Il-​pajjiż taʼ dan il-​ġens ħati tad-​demm irid jiġi mgħarraq bid-​demm tan-​nies tiegħu stess permezz tax-​“xabla” li toqtol taʼ Jehovah.

12. (a) Jehovah lil min juża biex iġib kastig fuq Edom? (b) Il-​profeta Għabdija x’ibassar rigward Edom?

12 Alla għandu l-​iskop li jikkastiga lil Edom għal dak li sar b’mod malizzjuż lil dik li tissejjaħ Sijon, l-​organizzazzjoni Tiegħu taʼ fuq l-​art. Tgħid il-​profezija: “Hu jum il-​vendetta tal-​Mulej, is-​sena tal-​ħlas għall-​għadu taʼ Sijon.” (Isaija 34:8) Ftit wara l-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., Jehovah jibda jesprimi l-​vendetta ġusta tiegħu fuq l-​Edomin permezz taʼ Nabukodonosor, is-​sultan taʼ Babilonja. (Ġeremija 25:15-17, 21) Meta l-​armati taʼ Babilonja jattakkaw lil Edom, xejn u ħadd ma jistaʼ jsalvahom lill-​Edomin! Hija s-​“sena tal-​ħlas” għal dak il-​pajjiż muntanjuż. Jehovah jbassar permezz tal-​profeta Għabdija: “Talli biċċirt u ħqart lil ħuk Ġakobb, għad tkun miksi bl-​għajb, għal dejjem għad tintemm. . . . Kif għamilt inti, hekk għad jagħmlu lilek, fuq rasek stess għad jaqaʼ għemilek.”—Għabdija 9b, 10, 15 [10, 15, NW]; Eżekjel 25:12-14.

Futur bla Tama għall-​Kristjaneżmu

13. Illum min hu bħal Edom, u għala?

13 Fi żmienna teżisti organizzazzjoni li għandha storja bħal taʼ Edom. Liema hi din l-​organizzazzjoni? Sewwa, fi żmienna min kien minn taʼ quddiem f’li jkasbar u jippersegwita lill-​qaddejja taʼ Jehovah? Ma kienx dan il-​Kristjaneżmu, permezz tal-​kleru tiegħu? Iva! Il-​Kristjaneżmu għolla lilu nnifsu bħallikieku sa fuq il-​muntanji fil-​kwistjonijiet taʼ din id-​dinja. Hu jsostni li għandu pożizzjoni għolja fis-​sistema dinjija tal-​bnedmin, u r-​reliġjonijiet tiegħu jifformaw il-​parti ewlenija taʼ Babilonja l-​Kbira. Imma Jehovah ordna “sena tal-​ħlas” kontra dan Edom taʼ żmienna minħabba l-​kondotta ħażina taʼ żebliħ lejn in-​nies Tiegħu, ix-​Xhieda Tiegħu.

14, 15. (a) X’se jiġrilhom kemm l-​art taʼ Edom u kemm il-​Kristjaneżmu? (b) Ir-​referenzi li jsiru għall-​qatran jaqbad u għad-​duħħan dejjem tielaʼ x’ifissru, u x’ma jfissrux?

14 Għalhekk, hekk kif nikkunsidraw il-​bqija taʼ din il-​parti mill-​profezija taʼ Isaija, irridu naħsbu mhux biss f’Edom tal-​qedem imma wkoll fil-​Kristjaneżmu: “Il-​widien tiegħu jinbidlu f’qatran. U trabu f’kubrit. U artu ssir qatran iħeġġeġ lejl u nhar. Qatt ma tintefa, id-​dħaħen minnha dejjem telgħin.” (Isaija 34:9, 10a) Il-​pajjiż taʼ Edom tant isir ħerba li jkun bħallikieku t-​trab sar kubrit u l-​widien imtlew, mhux bl-​ilma, imma bil-​qatran. Imbagħad dan il-​materjal li malajr jieħu n-​nar jitkebbes!—Qabbel Apokalissi 17:16.

15 Il-​fatt li jissemmew in-​nar, il-​qatran, u l-​kubrit jitqies minn xi wħud bħala evidenza li jeżisti infern jaqbad. Imma Edom ma jiġix mixħut f’xi nar taʼ l-​infern tal-​ħrejjef biex jaqbad għal dejjem. Pjuttost, jinqered, billi jgħib minn wiċċ id-​dinja bħallikieku ntemm għalkollox bin-​nar u l-​kubrit. Bħalma tkompli turi l-​profezija, ir-​riżultat finali jkun, mhux turment etern, imma “vojt . . . baħħ . . . xejn.” (Isaija 34:11, 12) Id-​dħaħen “dejjem telgħin” jagħtu stampa ċara ħafna taʼ dan. Meta taqbad xi dar, id-​duħħan jibqaʼ ħiereġ mill-​irmied għal xi ħin wara li l-​fjammi jkunu ntfew, u b’hekk min jgħaddi minn hemm ikun jistaʼ jara b’għajnejh li kien hemm ħruq. Ladarba l-​Kristjani llum qegħdin jitgħallmu xi lezzjonijiet mill-​qerda taʼ Edom, id-​duħħan tal-​ġamar taʼ Edom għadu tielaʼ, f’ċertu sens.

16, 17. Edom x’se jsir, u kemm se jdum f’dan l-​istat?

16 Il-​profezija taʼ Isaija tkompli, billi tbassar li l-​annimali salvaġġi se jieħdu post il-​popolazzjoni umana taʼ Edom, u b’hekk dan jimplika li ġejja ħerba: “Tkun ħerba għal dejjem minn żmien għal żmien; qatt iżjed ma jgħaddu minnha. Jirtuha l-​pellikan u l-​qanfud, fiha jgħammru l-​kokka u ċ-​ċawlun. Il-​Mulej jifrex fuqha l-​ħabel tal-​vojt, u ċ-​ċomb tal-​baħħ. In-​nobbli tagħha ma jkunux aktar, u slaten aktar ma jipproklamawx, u prinċpijiet jiġu fix-​xejn. Fil-​palazzi tagħha jinbet ix-​xewk; għollieq u ħurrieq fil-​fortizzi tagħha. Issir kenn għax-​xakalli, u bitħa għan-​ngħam. Jiltaqgħu hemm il-​jena u l-​klieb tax-​xagħri; u l-​mogħoż selvaġġi jsejjħu lil xulxin. Hemm ukoll toqgħod il-​kokka tad-​deżert, u ssib il-​mistrieħ tagħha. Hemm ibejjet is-​serp u jbid, isaħħan u jfaqqas il-​bajd. Hemm ukoll jiltaqgħu l-​isqra, is-​sieħeb mas-​sieħba tiegħu.”—Isaija 34:10b-15. a

17 Iva, Edom se jsir pajjiż vojt. Se jsir baħħ u se jkun fih biss bhejjem salvaġġi, għasafar, u sriep. Il-​pajjiż se jkompli f’dan l-​istat taʼ ħerba, bħalma jgħid vers 10, “għal dejjem” taʼ dejjem. Ma se jkun hemm ebda restawr.—Għabdija 18.

Twettiq Żgur tal-​Kelma taʼ Jehovah

18, 19. X’inhu l-​“ktieb tal-​Mulej,” u x’hemm merfugħ għall-​Kristjaneżmu f’dan il-​“ktieb”?

18 X’futur bla tama jiffigura dan bil-​quddiem għall-​Kristjaneżmu, Edom taʼ żmienna! Dan wera li hu għadu aħrax t’Alla Jehovah, billi jippersegwita b’kefrija lix-​Xhieda Tiegħu. U m’hemm l-​ebda dubju li Jehovah se jwettaq kelmtu. Kulmeta xi ħadd iqabbel il-​profezija mat-​twettiq, it-​tnejn se jinstabu li jaqblu perfettament—sewwa sew bħalma huwa ċert li l-​ħlejjaq li jgħixu f’Edom li sar ħerba, kull wieħed ‘għandu s-​sieħba tiegħu.’ Isaija jindirizza lil dawk li fil-​futur se jistudjaw il-​profezija Biblika, billi jgħid: “Fittxu fil-​ktieb tal-​Mulej u aqraw: ‘Ma tonqos ebda waħda minnhom l-​ebda waħda ma titlef lil seħibha. Għax fommi kkmanda dan.’ L-​ispirtu tiegħu li ġabarhom; hu li xeħet xortihom, u idu qassmitilhom l-​art bil-​ħabel. Tkun wirthom għal dejjem, minn ġenerazzjoni għal oħra jgħammru fiha.”—Isaija 34:16, 17.

19 Il-​qerda li ġejja bil-​ħeffa fuq il-​Kristjaneżmu tbassret “fil-​ktieb tal-​Mulej.” Dan il-​“ktieb tal-​Mulej” fih id-​dettalji tal-​kontijiet li Jehovah se jitlob minn dawk li huma determinati li jibqgħu l-​għedewwa tiegħu u li jaħqru bla ndiema lin-​nies tiegħu. Dak li nkiteb dwar Edom tal-​qedem seħħ, u dan isaħħaħ il-​fiduċja tagħna li l-​profezija se sseħħ bl-​istess mod fuq il-​Kristjaneżmu, ix-​xebh taʼ Edom fi żmienna. Il-​“ħabel,” il-​liġi taʼ Jehovah, jiggarantixxi li din l-​organizzazzjoni li qed tmajna spiritwalment se ssir ħerba għalkollox.

20. Bħal Edom tal-​qedem, il-​Kristjaneżmu x’se jġarrab?

20 Il-​Kristjaneżmu jagħmel kulma jistaʼ biex jikkalma lill-​ħbieb politiċi tiegħu, imma kollu għalxejn! Skond Apokalissi kapitli 17 u 18, Jehovah, Alla li Jistaʼ Kollox, se jwebbilhom biex jaġixxu kontra Babilonja l-​Kbira kollha kemm hi, inkluż il-​Kristjaneżmu. B’hekk, l-​art kollha se teħles mill-​Kristjanità falza. Is-​sitwazzjoni tal-​Kristjaneżmu se ssir bħall-​kundizzjoni bla tama deskritta f’Isaija kapitlu 34. Lanqas biss se jkun preżenti matul il-​“gwerra” deċiżiva għall-​aħħar “taʼ nhar il-​Jum il-​kbir taʼ Alla li jistaʼ kollox”! (Apokalissi 16:14) Il-​Kristjaneżmu se jinkines totalment minn fuq wiċċ l-​art, “għal dejjem” taʼ dejjem, bħal Edom tal-​qedem.

[Nota taʼ taħt]

a Sa żmien Malakija, din il-​profezija kienet twettqet. (Malakija 1:3) Malakija jirrapporta li l-​Edomin ittamaw li jerġgħu jieħdu taħt idejhom pajjiżhom li kien sar ħerba. (Malakija 1:4) Madankollu, din ma kinitx ir-​rieda taʼ Jehovah, u iktar tard poplu ieħor, in-​Nabatin, bdew jokkupaw l-​art li darba kienet il-​pajjiż taʼ Edom.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 363]

Alla Dejjem Irrabjat?

Espressjonijiet bħal dawk li nsibu f’Isaija 34:2-7 qanqlu lil ħafna biex jaħsbu li Jehovah, kif inhu deskritt fl-​Iskrittura Ebrajka, hu Alla kiefer, mimli għadab. Huwa minnu dan?

Le. Waqt li Alla kultant jesprimi r-​rabja tiegħu, din ir-​rabja dejjem tkun ġustifikata. Dejjem tkun ibbażata fuq prinċipju, mhux fuq emozzjoni mhix kontrollata. Iktar minn hekk, dejjem tkun gwidata mid-​dritt tal-​Ħallieq li jirċievi devozzjoni esklużiva u mill-​fatt li hu dejjem jappoġġa l-​verità. Ir-​rabja divina hija mmexxija kemm mill-​imħabba t’Alla lejn it-​tjieba u kemm minn imħabbtu għal dawk li jimxu bit-​tjieba. Jehovah jara l-​aspetti kollha involuti fi kwistjoni u għandu għarfien sħiħ u bla limitu dwar kull sitwazzjoni. (Lhud 4:13) Hu jaqra l-​qalb; jinnota sa fejn hemm nuqqas t’għarfien, traskuraġni, jew dnub apposta; u jaġixxi bla ma jħares lejn wiċċ ħadd.—Dewteronomju 10:17, 18; 1 Samwel 16:7; Atti 10:34, 35.

Madankollu, Alla Jehovah “tqil biex jagħdab u kbir fit-​tjieba.” (Eżodu 34:6) Dawk li jibżgħu minnu u jagħmlu ħilithom biex jimxu fit-​tjieba jaqilgħu l-​ħniena, għax Dak li Jistaʼ Kollox jirrikonoxxi l-​imperfezzjoni li wiret il-​bniedem u minħabba f’hekk jurih ħniena. Dan illum Alla jagħmlu fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Ġesù. (Salm 103:13, 14) Fiż-​żmien xieraq, ir-​rabja taʼ Jehovah se titwarrab minn fuq dawk li jammettu li dinbu, jindmu, u verament jaqduh. (Isaija 12:1) Bħala persuna, Jehovah m’huwiex Alla rrabjat imma Alla hieni, mhux wieħed li ma tistax tersaq lejh imma għall-​kuntrarju dejjem b’dirgħajh miftuħin, iħobb il-​paċi, u kalm maʼ dawk li jersqu lejh b’mod xieraq. (1 Timotju 1:11) Dan qiegħed f’kuntrast qawwi mal-​karatteristiċi bla ħniena u kefrin li jiddeskrivu lill-​allat foloz tal-​pagani u murijin fix-​xbihat taʼ dawk l-​allat.

[Stampa f’paġna 362]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Il-​Baħar il-​Kbir

Damasku

Sidon

Tir

IŻRAEL

Dan

Il-​Baħar tal-​Galilija

Ix-​Xmara Ġordan

Megiddo

Ramot-gilgħad

Samarija

FILISTJA

ĠUDA

Ġerusalemm

Libna

Lakis

Birsaba

Kades-barnigħa

Il-​Baħar il-​Mielaħ

GĦAMMON

Rabba

MOWAB

Kir-ħareset

EDOM

Bosra

Teman

[Stampi f’paġna 359]

Il-​Kristjaneżmu mela l-​art bid-​demm

[Stampa f’paġna 360]

Is-​smewwiet bħal ktieb f’għamla taʼ romblu jitkebbu