Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Jehovah Jkasbar il-​Kburija taʼ Tir

Jehovah Jkasbar il-​Kburija taʼ Tir

Kapitlu Dsatax

Jehovah Jkasbar il-​Kburija taʼ Tir

Isaija 23:​1-18

1, 2. (a) Tir tal-​qedem xi kwalità taʼ belt kienet? (b) Isaija x’ipprofetizza dwar Tir?

 KIENET ‘imfawra bil-​ġmiel’ u abbundanti fil-​‘ġid kbir li kellha.’ (Eżekjel 27:​4, 12) Il-​flotta immensa tagħha salpat u qasmet l-​ibħra lejn postijiet imbegħdin. Saret ‘imsebbħa ħafna f’nofs taʼ baħar,’ u bil-​“ġid kbir” tagħha ‘stagħnew is-​slaten taʼ l-​art.’ (Eżekjel 27:​25, 33) Fis-​sebaʼ seklu Q.E.K., daqshekk kienet kbira Tir—belt Feniċja fit-​tarf tal-​lvant tal-​Mediterran.

2 Madankollu, kienet ġejja qerda fil-​futur qarib għal Tir. Xi 100 sena qabel ma ddeskrivieha Eżekjel, il-​profeta Isaija bassar il-​waqgħa taʼ din il-​fortizza Feniċja u n-​niket taʼ dawk li kienu jiddependu minnha. Isaija pprofetizza wkoll li wara xi żmien Alla kien se jdawwar l-​attenzjoni tiegħu lejn il-​belt, billi jġeddilha r-​riżq. Kif twettaq kliem il-​profeta? U x’nistgħu nitgħallmu minn dak kollu li ġralha Tir? Il-​fidi tagħna f’Jehovah u fil-​wegħdi tiegħu se tissaħħaħ billi jkollna fehma ċara dwar dak li ġralha u għala ġraw dawn l-​affarijiet.

“Ixhru, Ġfien taʼ Tarsis!”

3, 4. (a) Fejn kienet Tarsis, u x’kienet ir-​relazzjoni bejn Tir u Tarsis? (b) Il-​baħrin li qegħdin jinnegozjaw maʼ Tarsis għala se jkollhom raġun ‘jixhru’?

3 Taħt it-​titlu, “Oraklu fuq Tir,” Isaija jiddikjara: “Ixhru, ġfien taʼ Tarsis, għax il-​port tagħkom qerduh! M’hemmx dħul!” (Isaija 23:1a) Hemm min jgħid li Tarsis kienet parti minn Spanja, ’il bogħod minn Tir fil-​lvant tal-​Mediterran. a Xorta waħda, il-​Feniċi kienu baħħara t’esperjenza, u l-​bastimenti tagħhom kienu kbar ħafna u jifilħu għall-​baħar. Xi kittieba taʼ l-​istorja jemmnu li l-​Feniċi kienu l-​ewwel li nnotaw ir-​rabta bejn il-​qamar u t-​tifrigħ tal-​baħar u li wżaw l-​astronomija bħala għajnuna fit-​tbaħħir. Għalhekk, id-​distanza twila minn Tir sa Tarsis ma kinitx taʼ ostaklu għalihom.

4 Fi żmien Isaija, Tarsis, għalkemm fil-​bogħod, hija suq tajjeb għal Tir, forsi s-​sors ewlieni taʼ l-​għana tagħha matul parti mill-​istorja tagħha. Spanja għandha minjieri mimlijin b’depożiti taʼ fidda, ħadid, landa, u metalli oħrajn. (Qabbel Ġeremija 10:9; Eżekjel 27:12.) “Ġfien taʼ Tarsis,” li x’aktarx huma ġfien minn Tir li jinnegozjaw maʼ Tarsis, se jkollhom raġun ‘jixhru’ u jibku l-​qerda tal-​port taʼ pajjiżhom.

5. Il-​baħħara li jkunu ġejjin minn Tarsis fejn isiru jafu bil-​waqgħa taʼ Tir?

5 Il-​baħħara li qegħdin fuq il-​baħar kif se jsiru jafu bil-​waqgħa taʼ Tir? Iwieġeb Isaija: “Minn art il-​Kittin waslet l-​aħbar!” (Isaija 23:1b) “Art il-​Kittin” x’aktarx li tirreferi għall-​gżira taʼ Ċipru, xi 100 kilometru lejn il-​punent mix-​xatt tal-​Feniċja. Din hi l-​aħħar waqfa għall-​bastimenti li jkunu sejrin lejn il-​lvant minn Tarsis qabel ma jaslu Tir. Għaldaqstant, il-​baħrin se jirċievu l-​aħbar dwar il-​waqgħa tal-​maħbub port t’art twelidhom meta jieqfu Ċipru. X’ħasda se jieħdu! Maħkumin min-​niket, dawn se ‘jixhru’ qalbhom imtertqa.

6. Iddeskrivi r-​relazzjoni taʼ bejn Tir u Sidon.

6 Id-​diżappunt se jinħass ukoll min-​nies li joqogħdu fix-​xatt tal-​Feniċja. Jgħid il-​profeta: “Tbikkmu, intom li tgħammru x-​xatt, merkanti taʼ Sidon! L-​aġenti tiegħek kienu jaqsmu l-​ibħra kbar. Ġidha kien il-​qamħ taʼ Siħor u l-​ħsad tan-​Nil, u hi kienet is-​suq tal-​ġnus.” (Isaija 23:​2, 3) Dawk li ‘jgħammru x-​xatt’—il-​ġirien taʼ Tir—se jitbikkmu bi stagħġib kbir għall-​waqgħa diżastruża taʼ Tir. Min huma l-​“merkanti taʼ Sidon” li għamluhom għonja lil dawn l-​abitanti? Oriġinalment, Tir kienet kolonja taʼ Sidon, belt magħrufa għall-​port tagħha, li kienet 35 kilometru biss lejn it-​tramuntana. Fuq il-​muniti tagħha, Sidon tiddeskrivi ruħha bħala omm Tir. Għalkemm Tir sebqet lil Sidon f’dak li hu għana, xorta waħda għadha “bint Sidon,” u l-​abitanti tagħha għadhom isejħu lilhom infushom Sidonin. (Isaija 23:12) Għaldaqstant, l-​espressjoni “merkanti taʼ Sidon” x’aktarx li tirreferi għall-​abitanti kummerċjali taʼ Tir.

7. Il-​merkanti Sidonin kif xerrdu l-​ġid?

7 Biex jieħdu sehem f’intrapriżi kummerċjali, il-​merkanti għonja Sidonin jaqsmu l-​Baħar Mediterran min-​naħa għall-​oħra. Dawn iġorru magħhom lejn ħafna postijiet iż-​żerriegħa, jew il-​qamħ, taʼ Siħor, l-​iktar fergħa lejn il-​lvant tax-​Xmara Nil, fir-​reġjun tad-​delta, fl-​Eġittu. (Qabbel Ġeremija 2:18.) Il-​“ħsad tan-​Nil” jinkludi wkoll prodotti oħrajn mill-​Eġittu. In-​negozjar u t-​tpartit taʼ merkanzija bħal din joħolqu profitti kbar għal dawn il-​merkanti baħħara kif ukoll għall-​ġnus li jinnegozjaw magħhom. In-​negozjanti Sidonin jimlew lil Tir bil-​ġid. Tabilħaqq, huma se jitnikktu meta jaraw il-​ħerba tagħha!

8. Il-​qerda taʼ Tir x’effett se jkollha fuq Sidon?

8 Isaija mbagħad jindirizza lil Sidon bil-​kliem: “Għajb għalik, Sidon, il-​fortizza tal-​baħar, għax il-​baħar jgħid: ‘Jien ma kellix uġigħ il-​ħlas, u lanqas ma wlidt. Jien żgħażagħ ma rabbejtx, lanqas xbejbiet ma rawwimt.’” (Isaija 23:4) Wara l-​qerda taʼ Tir, ix-​xatt fejn qabel kienet tinsab il-​belt se jidher vojt u abbandunat. Il-​baħar se jkun donnu qed jgħajjat bid-​diqa, bħal omm li tilfet lil uliedha u tant hi mifxula li issa tiċħad li xi darba kellha t-​tfal. Sidon se tħossha tistħi minħabba dak li jiġrilha bintha.

9. In-​niket tan-​nies wara l-​waqgħa taʼ Tir se jitqabbel maʼ l-​istagħġib li kien hemm wara liema ġrajjiet oħrajn?

9 Iva, l-​aħbar tal-​qerda taʼ Tir se tikkaġuna niket maʼ kullimkien. Jgħid Isaija: “Meta tasal l-​aħbar l-​Eġittu, dawn iħossu l-​uġigħ għal li ġralha Tir.” (Isaija 23:5) L-​uġigħ taʼ l-​imnikktin se jkun jitqabbel maʼ dak li jirriżulta mill-​aħbar dwar l-​Eġittu. Il-​profeta għal liema aħbar qed jirreferi? X’aktarx għat-​twettiq taʼ l-​“oraklu fuq l-​Eġittu” li lissen qabel. b (Isaija 19:​1-25) Jew forsi l-​profeta qed jirreferi għall-​aħbar dwar il-​qerda taʼ l-​eżerċtu tal-​Fargħun fi żmien Mosè, li kkaġunat stagħġib maʼ kullimkien. (Eżodu 15:​4, 5, 14-16; Ġożwè 2:​9-11) Hu x’inhu l-​każ, dawk li jisimgħu l-​aħbar dwar il-​qerda taʼ Tir se jħossu wġigħ kbir. Dawn jiġu mistiedna biex jaħarbu ’l bogħod lejn Tarsis għal refuġju u jiġu kmandati biex in-​niket tagħhom jesprimuh bl-​għajat: “Għaddu għal Tarsis, ixhru intom li tgħammru fix-​xtut!”—Isaija 23:6.

Ferrieħa “minn Żmien il-​Qedem”

10-12. Iddeskrivi kemm hi antika Tir, kif ukoll l-​għana u l-​influwenza li għandha.

10 Tir hija belt antika, bħalma jfakkarna Isaija meta jistaqsi: “Hi din il-​belt ferrieħa tagħkom, mnissla minn żmien il-​qedem?” (Isaija 23:7a) L-​istorja prosperuża taʼ Tir testendi lura minn taʼ l-​inqas għal żmien Ġożwè. (Ġożwè 19:29) Matul is-​snin, Tir saret famuża għall-​manifattura t’oġġetti tal-​metall u tal-​ħġieġ, u taż-​żebgħa tal-​porpra. L-​ilbies tal-​porpra taʼ Tir jinbiegħ bl-​ogħla prezzijiet, u d-​drappijiet għaljin ferm taʼ Tir huma mfittxijin min-​nies nobbli. (Qabbel Eżekjel 27:​7, 24.) Tir hija wkoll ċentru tan-​negozju għal dawk li jivvjaġġaw fuq l-​art bil-​karavani kif ukoll stazzjon kbir taʼ importazzjoni u esportazzjoni.

11 Iktar minn hekk, il-​belt hija b’saħħitha militarment. L. Sprague de Camp jikteb: “Għalkemm ma kinux speċifikament gwerriera—kienu negozjanti, mhux suldati—il-​Feniċi ddefendew il-​bliet tagħhom b’kuraġġ u determinazzjoni fanatiċi. Bis-​saħħa taʼ dawn il-​kwalitajiet, kif ukoll bil-​qawwa navali tagħhom, it-​Tirin setgħu jiqfulu lill-​eżerċtu Assirjan, l-​iktar eżerċtu b’saħħtu taʼ żmienu.”

12 Tabilħaqq, Tir tħalli l-​marka tagħha fuq id-​dinja Mediterranja. “Riġlejha kienu jeħduha tgħammar fil-​bogħod.” (Isaija 23:7b) Il-​Feniċi jivvjaġġaw lejn postijiet ’il bogħod, u hemmhekk jistabbilixxu ċentri għan-​negozju u bażijiet għall-​bastimenti, li f’xi każi jikbru u jsiru kolonji. Per eżempju, Kartaġni, li qegħda fil-​kosta tat-​tramuntana taʼ l-​Afrika, hija kolonja taʼ Tir. Maż-​żmien, din se tisboq lil Tir u ssir tħabbatha maʼ Ruma f’dik li hi influwenza fid-​dinja Mediterranja.

Il-​Kburija Tagħha Se Titkasbar

13. Għala tqum il-​mistoqsija inkwantu għal min jissogra jlissen ġudizzju kontra Tir?

13 Meta tqis kemm hi antika Tir u kemm għana għandha, il-​mistoqsija li jmiss hija xierqa: “Min iddeċieda dan għal Tir, il-​belt inkurunata, li l-​merkanti tagħha kienu prinċpijiet, u n-​neguzjanti tagħha stmati mad-​dinja kollha?” (Isaija 23:8) Min jissogra jiftaħ ħalqu kontra l-​belt li ħatret individwi potenti f’pożizzjonijiet t’awtorità għolja fil-​kolonji tagħha u f’postijiet oħrajn—u b’hekk saret “il-​belt inkurunata”? Min jissogra jgħid xi ħaġa kontra l-​metropoli li l-​merkanti tiegħu huma prinċpijiet u li n-​negozjanti tiegħu huma stmati ferm? Maurice Chehab, dak li qabel kien direttur taʼ l-​antikitajiet fil-​Mużew Nazzjonali taʼ Bejrut, il-​Libanu, qal: “Mid-​disaʼ sas-​sitt seklu Q.K., Tir żammet il-​pożizzjoni taʼ importanza li kellha Londra fil-​bidu tas-​seklu għoxrin.” Għalhekk, min jissogra jiftaħ ħalqu kontra din il-​belt?

14. Min ilissen ġudizzju kontra Tir, u għala?

14 It-​tweġiba mnebbħa se tikkaġuna stagħġib f’Tir. Jgħid Isaija: “Il-​Mulej taʼ l-​eżerċti ddeċieda dan, biex iwaqqaʼ fl-​għajb kull ġmiel, u jniżżel in-​nies stmati mad-​dinja kollha.” (Isaija 23:9) Jehovah għala jlissen ġudizzju kontra din il-​belt għanja u antika? Huwa għaliex l-​abitanti tagħha jqimu lill-​alla falz Bagħal? Huwa għaliex Tir hija relatata maʼ Ġeżabel—bint is-​Sultan Etbagħal taʼ Sidon, li tinkludi lil Tir—li żżewġet lis-​Sultan Aħab taʼ Iżrael u mmassakrat lill-​profeti taʼ Jehovah? (1 Slaten 16:​29, 31; 18:​4, 13, 19) Ir-​risposta għaż-​żewġ mistoqsijiet hija le. Tir hija kundannata minħabba l-​kburija arroganti tagħha—hi stagħniet minn fuq dahar popli oħrajn, inkluż l-​Iżraelin. Fid-​disaʼ seklu Q.E.K., permezz tal-​profeta Ġoel, Jehovah qal lil Tir u lil bliet oħrajn: “Intom lil ulied Ġuda u Ġerusalemm begħtuhom lil ulied il-​Griegi, bl-​għan li tbegħduhom minn arthom!” (Ġoel 4:6 [3:​6, NW]) Jistaʼ Alla jagħlaq għajnejh għall-​fatt li Tir tittratta lill-​poplu f’patt miegħu bħala sempliċi merkanzija li tistaʼ tiġi negozjata?

15. Tir kif se tirreaġixxi meta Ġerusalemm taqaʼ taħt idejn Nabukodonosor?

15 Tir mhix se tinbidel lanqas jekk jgħaddu mitt sena. Meta l-​eżerċtu tas-​Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja jeqred lil Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K., Tir se tgħajjat bil-​ferħ: “Ah! Ah! Tfarrak il-​bieb tal-​fortizza [taʼ Ġerusalemm], għal għandi jdur il-​ġid tal-​belt imħarbta.” (Eżekjel 26:2) Tir se ttir bil-​ferħ, għaliex tistenna li tibbenefika mill-​qerda taʼ Ġerusalemm. Peress li l-​belt kapitali Ġudeana ma tibqax iktar tikkompeti magħha, Tir se tistenna li iktar negozju jiġi għandha. Jehovah se jittratta bi stmerrija lil dawk li jippretenduha taʼ wħud “stmati,” u li bi kburija jappoġġaw lill-​għedewwa tal-​poplu tiegħu.

16, 17. X’se jiġrilhom l-​abitanti taʼ Tir meta taqaʼ l-​belt? (Ara n-​nota taʼ taħt.)

16 Isaija jkompli bil-​kundanna minn Jehovah kontra Tir: “Aħdem artek, bint Tarsis, għax il-​port m’għadux hemm. Il-​Mulej medd idu fuq il-​baħar, u riegħed is-​saltniet. Il-​Mulej ordna lil Kangħan, li tħott il-​fortizzi tagħha. U qal: ‘La tifraħx iżjed, xbejba [“verġni,” “NW”] mkasbra, bint Sidon! Qum, mur imqar għand il-​Kittin, lanqas hemm ma ssib mistrieħ.’”Isaija 23:​10-12.

17 Tir għala tissejjaħ “bint Tarsis”? Forsi għaliex wara li Tir tiġi megħluba, Tarsis se tkun l-​iktar b’saħħitha minnhom it-​tnejn. c Meta lil Tir jagħmluha ħerba, l-​abitanti tagħha se jiġu mxerrdin bħal xmara li qegħda tfur, bix-​xfar imfarrkin u l-​ilmijiet tagħha jfuru għal ġol-​witat kollha li hemm fil-​viċin. Il-​messaġġ taʼ Isaija lil “bint Tarsis” jenfasizza kemm se jkun aħrax dak li se jseħħ fuq Tir. Jehovah nnifsu jmidd idu u jagħti l-​kmand. Ħadd ma jistaʼ jbiddel ir-​riżultat.

18. Tir għala tissejjaħ ‘il-​verġni bint Sidon,’ u l-​istat tagħha kif se jinbidel?

18 Isaija jitkellem ukoll dwar Tir bħala ‘l-​verġni bint Sidon,’ u b’hekk jindika li din qatt qabel ma ġiet maħtufa u misruqa minn konkwistaturi barranin u għadha tgawdi stat bħala waħda mhix imrażżna. (Qabbel it-​2 Slaten 19:21; Isaija 47:1; Ġeremija 46:11.) Iżda, issa trid tinġieb fix-​xejn, u xi wħud mir-​residenti tagħha se jaqsmu għan-​naħa l-​oħra lejn il-​kolonja Feniċja taʼ Kittin bħala refuġjati. Minkejja dan, billi jkunu tilfu l-​qawwa ekonomika tagħhom, m’humiex se jsibu mistrieħ hemmhekk.

Il-​Kaldin Se Jagħmluha Ħerba

19, 20. Min hu profetizzat li se jkun il-​konkwistatur taʼ Tir, u din il-​profezija kif titwettaq?

19 Liema qawwa politika se tesegwixxi l-​ġudizzju taʼ Jehovah fuq Tir? Isaija jipproklama: “Ara, art il-​Kaldin. Dan il-​poplu ma kienx hemm, l-​Assirja rħietu għall-​bhejjem selvaġġi. Dawwret it-​torrijiet tagħha madwaru, ġarrfet il-​palazzi tiegħu, għamlet ħerba minnu. Ixhru ġfien taʼ Tarsis, għax il-​fortizza tagħkom saret ħerba.” (Isaija 23:​13, 14) Il-​Kaldin—mhux l-​Assirjani—se jikkonkwistaw lil Tir. Se jibnu t-​torrijiet għall-​assedju, jeqirdu għal kollox il-​postijiet abitati taʼ Tir, u lil dik il-​fortizza tal-​bastimenti taʼ Tarsis se jagħmluha ħerba.

20 Fi qbil mal-​profezija, ftit wara l-​waqgħa taʼ Ġerusalemm, Tir tirribella kontra Babilonja, u Nabukodonosor jassedja l-​belt. Billi temmen li ħadd u xejn ma jistaʼ jinfidha, Tir tirreżisti. Matul l-​assedju, l-​irjus tas-​suldati Babiloniżi ‘jitfartsu’ tant kemm iħokku maʼ l-​elmijiet tagħhom u spallejhom isiru “ġerħa waħda” bil-​ġarr taʼ materjali wżati fil-​kostruzzjoni taʼ għodod tal-​gwerra. (Eżekjel 29:18) L-​assedju jiswieh ħafna lil Nabukodonosor. Il-​belt prinċipali taʼ Tir tinqered, imma ma jirnexxilux jakkwista l-​priża tagħha. Il-​biċċa l-​kbira mit-​teżori taʼ Tir ittieħdu lejn gżira żgħira xi 80 metru ’l bogħod mix-​xatt. Billi m’għandux flotta, is-​sultan tal-​Kaldin ma jistax jikkonkwista l-​gżira. Wara 13-il sena, Tir iċċedi, imma se tibqaʼ teżisti u tara t-​twettiq taʼ profeziji oħrajn.

“Terġaʼ Tinkera bħal Qabel”

21. Tir b’liema mod “tintesa,” u għal kemm żmien?

21 Isaija jkompli jipprofetizza: “Għad jiġri li Tir tintesa għal sebgħin sena, daqs żmien sultan wieħed.” (Isaija 23:15a) Wara li l-​Babiloniżi jeqirdu l-​belt taʼ Tir li hemm fuq it-​terraferma, se “tintesa” l-​parti mill-​belt taʼ Tir li qegħda fuq gżira. Fi qbil mal-​profezija, sakemm idum “sultan wieħed”—l-​Imperu Babiloniż—il-​gżira u belt taʼ Tir m’hijiex se tkun qawwa finanzjarja importanti. Permezz taʼ Ġeremija, Jehovah jinkludi lil Tir fost il-​ġnus li se jintgħażlu biex jixorbu l-​inbid tad-​dagħdigħa Tiegħu, billi jgħid: “Għal sebgħin sena jibqgħu dawn il-​ġnus iservu lis-​sultan taʼ Babilonja.” (Ġeremija 25:​8-17, 22, 27) Veru, il-​gżira u belt taʼ Tir ma tibqax taħt Babilonja għal 70 sena sħaħ, ladarba l-​Imperu Babiloniż jaqaʼ fis-​sena 539 Q.E.K. B’mod evidenti, is-​70 sena jirrappreżentaw il-​perijodu li fih Babilonja kellha l-​akbar dominanza—meta d-​dinastija rjali Babiloniża tiftaħar li għolliet it-​tron tagħha saħansitra ’l fuq “mill-​kwiekeb taʼ Alla.” (Isaija 14:13) Ġnus differenti jiġu taħt din id-​dominanza fi żminijiet differenti. Imma fi tmiem is-​70 sena, din id-​dominanza se titfarrak. X’se jiġrilha mbagħad Tir?

22, 23. X’se jiġrilha Tir meta toħroġ minn taħt id-​dominanza Babiloniża?

22 Ikompli Isaija: “Fi tmiem is-​sebgħin sena Tir tkun bħall-​għanja tal-​prostituta: ‘Aqbad l-​arpa, dur mal-​belt, ja mara żienja, nsewk! Doqq bis-​sengħa, kattar l-​għana; għandhom mnejn jiftakru fik.’ Malli jgħaddu s-​sebgħin sena l-​Mulej iżur lil Tir, u terġaʼ tinkera bħal qabel u tiżni mas-​saltniet kollha fuq wiċċ l-​art.”—Isaija 23:15b-17.

23 Wara l-​waqgħa taʼ Babilonja fis-​sena 539 Q.E.K., il-​Feniċja ssir provinċja taħt l-​Imperu Medo-Persjan. Ċiru l-​Kbir, il-​monarka Persjan, hu ħakkiem tolleranti. Taħt din il-​ħakma ġdida, Tir se terġaʼ taqbad l-​attività li kellha qabel u tagħmel l-​almu tagħha biex tikseb mill-​ġdid ir-​rikonoxximent bħala ċentru kummerċjali dinji—sewwa sew bħal prostituta li ntesiet u tilfet il-​klijenti tagħha u biex tipprova tattira klijenti ġodda ddur mal-​belt, iddoqq l-​arpa tagħha u tgħanni l-​għanjiet tagħha. Se tirnexxi Tir? Iva, Jehovah se jagħtiha suċċess. Maż-​żmien, il-​gżira u belt tant se jkollha riżq li lejn it-​tmiem tas-​sitt seklu Q.E.K., il-​profeta Żakkarija se jgħid: “Għaliha nfisha Tir bniet fortizza, u ġabret fidda bħat-​trab, u deheb bħat-​tajn tat-​triqat.”—Żakkarija 9:3.

‘Il-​Qligħ Tagħha Se Jkun Dedikat’

24, 25. (a) Il-​qligħ taʼ Tir kif isir xi ħaġa dedikata għal Jehovah? (b) Minkejja li Tir tgħin lin-​nies t’Alla, Jehovah liema profezija jnebbaħ dwarha?

24 Kemm hu taʼ l-​għaġeb il-​kliem profetiku li ġej! “U l-​qligħ u l-​ħlas tal-​kiri tagħha jkunu ddedikati lill-​Mulej; ma jerfgħuhomx u lanqas jaħżnuhom, għax il-​ħlas tagħha jmur għal dawk li jgħammru quddiem il-​Mulej, biex jieklu bix-​xabaʼ u jilbsu lbies mill-​isbaħ.” (Isaija 23:18) Il-​qligħ materjali taʼ Tir kif isir xi ħaġa dedikata? Jehovah jimmanuvra l-​affarijiet sabiex dan il-​qligħ jintuża skond ir-​rieda tiegħu—sabiex in-​nies tiegħu jieklu sa ma jixbgħu u jkollhom x’jilbsu. Dan iseħħ wara li l-​Iżraelin jirritornaw mill-​eżilju f’Babilonja. In-​nies taʼ Tir jgħinuhom billi jipprovdulhom l-​injam taċ-​ċedri għall-​bini mill-​ġdid tat-​tempju. Barra minn hekk, dawn jerġgħu jibdew jinnegozjaw mal-​belt taʼ Ġerusalemm.—Esdra 3:7; Neħemija 13:16.

25 Minkejja dan, Jehovah jnebbaħ dikjarazzjoni oħra kontra Tir. Żakkarija jipprofetizza dwar il-​gżira u belt li issa hija għanja: “Ara, is-​Sid għad jagħmilha priża u ġidha jwaddabhulha fil-​baħar, u hi tittiekel min-​nar.” (Żakkarija 9:​4, Għaqda Biblika, 1984) Dan jitwettaq f’Lulju tas-​sena 332 Q.E.K. meta Alessandru l-​Kbir iġib fix-​xejn lil dik il-​padruna mkabbra tal-​baħar.

Evita l-​Materjaliżmu u l-​Kburija

26. Alla għala kkundannaha lil Tir?

26 Jehovah kkundanna lil Tir minħabba l-​kburija tagħha, karatteristika li hu jobgħod. “Għajnejn merfugħa” huma mniżżlin l-​ewwel fost is-​sebaʼ affarijiet li Jehovah jobgħod. (Proverbji 6:​16-19) Pawlu assoċja l-​kburija maʼ Satana x-​Xitan, u d-​deskrizzjoni li Eżekjel jagħti taʼ l-​imkabbra Tir fiha elementi li jiddeskrivu lil Satana nnifsu. (Eżekjel 28:​13-15; 1 Timotju 3:6) Tir għala kienet imkabbra? Hu u jindirizza lil Tir, Eżekjel jgħid: “Qalbek tkabbret b’dan il-​ġid.” (Eżekjel 28:5) Il-​belt kienet dedikata għan-​negozju u biex tgezzez il-​flus. Is-​suċċess li kellha Tir f’din il-​ħaġa għamilha tant imkabbra li ħadd ma sar jaħmilha. Permezz taʼ Eżekjel, Jehovah qal “lill-​prinċep taʼ Tir”: “Int tkabbart f’qalbek u għedt: ‘Jien alla! Jien qiegħed fuq tron l-​allat.’”—Eżekjel 28:2.

27, 28. Il-​bnedmin f’liema nassa jistgħu jaqgħu, u Ġesù kif ta stampa taʼ dan?

27 Kemm il-​ġnus u kemm l-​individwi jistgħu jċedu għall-​kburija u għal li jkollhom ħarsa żbaljata dwar il-​ġid. Ġesù ta parabbola li wriet kemm tistaʼ tkun sottili din in-​nasba. Hu tkellem dwar raġel għani li l-​għelieqi tiegħu pproduċew ħafna. Ir-​raġel tant tgħaxxaq li ppjana li jibni mħażen akbar għall-​prodott tiegħu u bil-​ferħ ħares ’il quddiem lejn ħajja twila fil-​kumdità. Imma dan ma seħħx. Qallu Alla: “Iblah li int! Dan il-​lejl stess jitolbuk ruħek lura. U ħwejjeġ li ħejjejt għalik, taʼ min ikunu?” Iva, ir-​raġel miet, u l-​għana li kellu ma swielu xejn.—Luqa 12:​16-20.

28 Ġesù kkonkluda l-​parabbola, billi qal: “Hekk jiġrilu min jiġmaʼ l-​ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla.” (Luqa 12:21) Li kien għani ma kinitx xi ħaġa ħażina fiha nfisha, u li kellu ħsad tajjeb ma kienx dnub. L-​iżball tar-​raġel kien li dawn għamilhom l-​affarijiet prinċipali f’ħajtu. Il-​fiduċja sħiħa tiegħu kienet fir-​rikkezzi tiegħu. Meta ħares lejn il-​futur, ma kkalkulahx lil Alla Jehovah.

29, 30. Ġakbu kif wissiena biex ma nistriħux fuqna nfusna?

29 Ġakbu enfasizza l-​istess punt b’qawwa kbira, billi qal: “Issa ejjew, intom li tgħidu: ‘Illum jew għada mmorru f’din jew dik il-​belt u nqattgħu sena hemmhekk, nixtru u nbigħu u nagħmlu l-​flus,’ u intom ma tafux x’għad isir għada. Għax x’inhi ħajjitkom? Intom bħal fwar li jidher għal ftit u mbagħad jgħib. Flok ma tgħidu: ‘Jekk il-​Mulej irid, ngħixu u nagħmlu dan jew dak’.” (Ġakbu 4:​13-15) Imbagħad, Ġakbu wera r-​relazzjoni li hemm bejn l-​għana u l-​kburija meta kompla, billi qal: “Tiftaħru bil-​frugħat tagħkom! Kull ftaħir bħal dan huwa ħażen.”—Ġakbu 4:16.

30 Mill-​ġdid, li tinnegozja m’huwiex dnub. Id-​dnub hu l-​kburija, l-​arroganza, il-​fiduċja żejda fik innifsek li l-​ksib taʼ l-​għana jistaʼ jnissel. B’mod għaqli, il-​proverbju antik qal: “Tagħtinix la faqar u lanqas għana.” Bil-​faqar il-​ħajja tistaʼ ssir diffiċli ferm. Imma l-​għana jistaʼ jwassal lil dak li jkun biex jiċħad ’l Alla u jgħid: “Min hu l-​Mulej?”—Proverbji 30:​8, 9.

31. Kristjan liema mistoqsijiet jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu?

31 Aħna ngħixu f’dinja fejn ħafna waqgħu vittma tar-​regħba u l-​egoiżmu. Minħabba l-​klima kummerċjali li hi normali, titpoġġa ħafna enfasi fuq l-​għana. Għaldaqstant, Kristjan jagħmel tajjeb li jeżamina lilu nnifsu biex ikun ċert li m’huwiex qed jaqaʼ fl-​istess nassa li waqgħet fiha l-​belt kummerċjali taʼ Tir. Iqattaʼ hu tant mill-​ħin u l-​enerġija tiegħu fil-​ġiri wara l-​affarijiet materjali li jkun, fil-​fatt, sar ilsir taʼ l-​għana? (Mattew 6:24) Jgħir hu għal xi wħud li forsi għandhom aħjar jew iktar ġid minnu? (Galatin 5:26) Jekk jinzerta li hu għani, iħoss hu bi kburija li jixraqlu iktar attenzjoni jew privileġġi milli jixraqlu ħaddieħor? (Qabbel Ġakbu 2:​1-9.) Jekk m’huwiex għani, huwa determinat li ‘jrid jistagħna,’ akkost taʼ kollox? (1 Timotju 6:9) Huwa tant okkupat bi kwistjonijiet taʼ negozju li jħalli biss rokna żgħira ferm f’ħajtu biex jaqdi lil Alla? (2 Timotju 2:4) Isir hu tant involut fil-​ġiri tiegħu wara l-​flus li jinjora l-​prinċipji Kristjani meta jagħmel in-​negozju?—1 Timotju 6:10.

32. Ġwanni liema twissija ta, u kif nistgħu napplikawha?

32 Hi x’inhi s-​sitwazzjoni ekonomika tagħna, is-​Saltna għandha dejjem ikollha l-​ewwel post f’ħajjitna. Huwa vitali li qatt ma nwarrbu minn quddiem għajnejna l-​kliem taʼ l-​appostlu Ġwanni: “Tħobbux id-​dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-​dinja, l-​imħabba tal-​Missier ma tgħammarx fih.” (1 Ġwann 2:15) Veru, irridu nużaw l-​arranġamenti ekonomiċi tad-​dinja sabiex inkampaw. (2 Tessalonikin 3:10) Għaldaqstant, aħna ‘ngawdu d-​dinja’—imma ma ‘ngawduhiex’ bis-​sħiħ. (1 Korintin 7:31) Jekk inħobbu b’mod eċċessiv l-​affarijiet materjali—l-​affarijiet li hemm fid-​dinja—ma nibqgħux inħobbuh lil Jehovah. Il-​ġiri wara “l-​ġibda tal-​ġisem u l-​ġibda taʼ l-​għajnejn u l-​kburija tal-​ħajja” ma jmurx id f’id maʼ l-​għemil tar-​rieda t’Alla. d U huwa l-​għemil tar-​rieda t’Alla li jwassal għal ħajja eterna.—1 Ġwann 2:​16, 17.

33. Il-​Kristjani kif jistgħu jevitaw in-​nassa li waqgħet fiha Tir?

33 Tir waqgħet fin-​nassa taʼ li tpoġġi l-​ġiri wara l-​affarijiet materjali qabel kull ħaġa oħra. Din kellha suċċess f’sens materjali, saret imkabbra ferm, u ġiet kastigata għall-​kburija tagħha. L-​eżempju tagħha qiegħed illum bħala twissija kemm għall-​ġnus u kemm għalina individwalment. Kemm hu aħjar li nsegwu t-​twissija taʼ l-​appostlu Pawlu! Hu jħeġġeġ lill-​Kristjani “biex ma jitkabbrux u ma jqegħdux it-​tama tagħhom f’għana li ma tistax torbot fuqu, imma li għandhom jittamaw f’Alla li jagħtina kollox bix-​xabaʼ biex ingawdu bih.”—1 Timotju 6:17.

[Noti taʼ taħt]

a Xi studjużi identifikaw lil Tarsis bħala Sardinja, gżira fil-​punent tal-​Mediterran. Sardinja wkoll kienet ’il bogħod minn Tir.

b Ara Kapitlu 15, paġni 200-207, taʼ dan il-​ktieb.

c Inkella, “bint Tarsis” tistaʼ tirreferi għall-​abitanti taʼ Tarsis. Xogħol taʼ referenza jgħid: “L-​abitanti taʼ Tarsis huma issa liberi li jivvjaġġaw u jinnegozjaw kif iridu u kif jogħġobhom bħalma tagħmel in-​Nil meta tfur fid-​direzzjonijiet kollha.” Xorta waħda, l-​enfasi qegħda fuq il-​konsegwenzi drastiċi minħabba l-​waqgħa taʼ Tir.

d Il-kelma Griega li hawnhekk tiġi tradotta “kburija” hija a·la·zo·niʹa, li hija deskritta bħala “preżunzjoni vojta u bla biżaʼ t’Alla li tafda fl-​istabbiltà taʼ l-​affarijiet taʼ fuq l-​art.”—The New Thayer’s Greek-English Lexicon.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Mappa f’paġna 256]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

EWROPA

SPANJA (X’aktarx is-​sît fejn kien hemm TARSIS)

IL-​BAĦAR MEDITERRAN

SARDINJA

ĊIPRU

ASJA

SIDON

TIR

AFRIKA

EĠITTU

[Stampa f’paġna 250]

Tir kellha tissottometti ruħha taħt Babilonja, mhux l-​Assirja

[Stampa f’paġna 256]

Munita li fuqha hemm Melkart, divinità ewlenija taʼ Tir

[Stampa f’paġna 256]

Mudell taʼ bastiment tal-​Feniċi