Jehovah Jsaltan
Kapitlu Għoxrin
Jehovah Jsaltan
1, 2. (a) Min se jġarrab l-għadab taʼ Jehovah? (b) Se tiġi Ġuda meħlusa mill-kastig, u dan kif nafuh?
BABILONJA, il-Filistja, Mowab, is-Sirja, l-Etjopja, l-Eġittu, Edom, Tir, l-Assirja—dawn kollha se jġarrbu l-għadab taʼ Jehovah. Isaija bassar il-gwajijiet li se jiġu fuq dawn il-ġnus u l-bliet ostili. Iżda, xi ngħidu għal Ġuda? Se jkunu l-abitanti taʼ Ġuda meħlusin mill-kastig għat-triqat midinbin tagħhom? Il-kitba storika twieġeb le darba wara l-oħra!
2 Ikkunsidra xi ġralha s-Samarija, il-belt kapitali tas-saltna b’għaxar tribujiet taʼ Iżrael. Dan il-ġens ma żammx il-patt li kellu m’Alla. Ma żammx ’il bogħod mill-prattiċi żienja tal-ġnus taʼ madwaru. Minflok, l-abitanti tas-Samarija “għamlu ħwejjeġ ħżiena, u nkurlaw lill-Mulej. . . . Għalhekk il-Mulej inkorla sewwa għal Iżrael, u warrabhom minn quddiem wiċċu.” Waqt li tneħħew bil-forza minn pajjiżhom, in-nies taʼ “Iżrael ittieħdu fil-jasar, ’il bogħod minn arthom, fl-Assirja.” (2 Slaten 17:9-12, 16-18, 23; Hosegħa 4:12-14) Dak li ġralha s-saltna taʼ Iżrael huwa taʼ sinjal ħażin għal Ġuda, is-saltna qariba tagħha.
Isaija Jbassar il-Ħerba taʼ Ġuda
3. (a) Jehovah għala jitlaq is-saltna b’żewġ tribujiet taʼ Ġuda? (b) Jehovah x’inhu determinat li jagħmel?
3 Xi slaten taʼ Ġuda kienu leali, imma l-biċċa l-kbira ma kinux. Saħansitra taħt sultan leali, bħalma kien Ġotam, in-nies ma darux għalkollox lil hinn mill-qima falza. (2 Slaten 15:32-35) Ġuda tilħaq il-quċċata tal-ħażen tagħha matul ir-renju tas-Sultan Manassi li hu għatxan għad-demm u li, skond it-tradizzjoni Lhudija, joqtol lill-profeta leali Isaija billi jikkmanda li dan jiġi mħanxar min-nofs. (Qabbel Lhud 11:37.) Dan is-sultan mill-agħar “ħareġ mit-triq lil Ġuda u n-nies taʼ Ġerusalemm u ġagħalhom jagħmlu agħar mill-ġnus li l-Mulej kien qered minn quddiem Iżrael.” (2 Kronaki 33:9) Taħt il-ħakma taʼ Manassi l-pajjiż isir saħansitra iktar imniġġes minn meta kienu jikkontrollawh il-Kangħanin. Għaldaqstant, Jehovah jiddikjara: “Arani, se nġib id-deni fuq Ġerusalemm u Ġuda, u kull min jismaʼ biha jibdew itextxu widnejh. . . . U nnaddaf lil Ġerusalemm bħalma tnaddaf platt, tnaddfu u taqilbu wiċċu ’l isfel. U jiena nitlaq il-fdal tal-wirt tiegħi, u nerħihom f’idejn l-għedewwa tagħhom, u huma jkunu priża u ħatfa taʼ l-għedewwa tagħhom kollha. Għax huma għamlu l-ħażin f’għajnejja, u kienu jsaħħnuni.”—2 Slaten 21:11-15.
4. Jehovah x’se jagħmlilha lil Ġuda, u din il-profezija kif titwettaq?
4 Il-pajjiż se jitbattal mill-abitanti umani tiegħu, bħal platt li jinqaleb wiċċu ’l isfel, u b’hekk jixxerred dak kollu li hemm fih. Din il-ħerba li ġejja fuq Ġuda u Ġerusalemm hija għal darb’oħra s-suġġett tal-profezija minn Isaija. Dan jibda hekk: “Ara l-Mulej se jbattal l-art, u jagħmel deżert minnha; se jaqlibha taʼ taħt fuq u jxerred ’il min jgħammar fiha.” (Isaija 24:1) Din il-profezija titwettaq meta Ġerusalemm u t-tempju tagħha jinqerdu mill-invażjoni taʼ l-eżerċti Babiloniżi taħt is-Sultan Nabukodonosor u meta l-parti l-kbira mill-abitanti taʼ Ġuda jispiċċaw meqrudin bis-sejf, bil-ġuħ, u bil-pesta. Il-biċċa l-kbira mil-Lhud li jibqgħu ħajjin jittieħdu lsiera lejn Babilonja, u dawk il-ftit li jitħallew jaħarbu lejn l-Eġittu. B’hekk il-pajjiż taʼ Ġuda jitfarrak u jitbattal għalkollox min-nies. Lanqas biss annimali domestiċi ma jibqaʼ. Il-pajjiż abbandunat isir deżert b’rovini li jwaħħxu, abitati biss minn bhejjem u għasafar salvaġġi.
5. Se jkun hemm xi ħadd li se jeħlisha mill-ġudizzju taʼ Jehovah? Spjega.
5 Se jkun hemm xi ħadd f’Ġuda li jiġi preferut matul il-ġudizzju li ġej? Iwieġeb Isaija: “U l-qassis ikun bħall-poplu, u s-sid bħall-qaddej; is-sidt bħal qaddejja tagħha, il-bejjiegħ bħax-xerrej; min jislef bħal min jissellef, min jiddejjen bħal min idejjen. Titbattal l-art għalkollox, u d-dinja titneżżaʼ għalkollox, għax lissen il-Mulej din il-kelma.” (Isaija 24:2, 3) Il-ġid u l-privileġġi taʼ servizz fit-tempju ma se jagħmlu ebda differenza. Mhux se jkun hemm eċċezzjonijiet. Il-pajjiż tant hu korrott li kulmin jibqaʼ ħaj—qassisin, qaddejja u sidien, xerrejja u bejjiegħa—irid imur fl-eżilju.
6. Jehovah għala jirtira l-barka tiegħu minn fuq il-pajjiż?
6 Sabiex ikun ċert li kulħadd jifhmu sew, Isaija jiddeskrivi kemm se jkun komplet dan id-diżastru li ġej u jispjega r-raġuni għalih: “Mnikkta l-art u midbiela, mifnija u mitluqa d-dinja; is-sema u l-art it-tnejn mifnija. U tniġġset l-art taħt min jgħammarha, għax ħallew il-liġijiet, ma qagħdux għall-preċetti, kisru l-patt taʼ dejjem. Għalhekk is-saħta kielet l-art; u dawk li jgħammru fiha ħallsu għall-ħtija. Għalhekk inħarqu dawk li jgħammru fl-art, ftit huma n-nies li baqgħu.” (Isaija 24:4-6) Meta l-Iżraelin ngħataw l-art taʼ Kangħan, sabuha li kienet “art tnixxi ħalib u għasel.” (Dewteronomju 27:3) Xorta waħda, huma baqgħu jiddependu mill-barka taʼ Jehovah. Li kieku żammew fedelment l-istatuti u l-kmandamenti tiegħu, l-art kienet “trodd l-uċuħ tagħha,” imma jekk kienu jinjoraw il-liġijiet u l-kmandamenti tiegħu, l-isforzi tagħhom biex jikkultivaw l-art kienu ‘jisfaw fix-xejn’ u l-art “ma troddx l-uċuħ tagħha.” (Levitiku 26:3-5, 14, 15, 20) Is-saħta taʼ Jehovah kienet se ‘tiekol l-art.’ (Dewteronomju 28:15-20, 38-42, 62, 63) Ġuda trid issa tistenna li ġġarrab din is-saħta.
7. Il-patt tal-Liġi kif kellu jkun taʼ barka għall-Iżraelin?
7 Xi 800 sena qabel żmien Isaija, l-Iżraelin minn jeddhom daħlu f’relazzjoni taʼ patt maʼ Jehovah u qablu li jimxu fi qbil miegħu. (Eżodu 24:3-8) F’dan il-patt tal-Liġi kien hemm miktub ċar illi jekk huma kienu jobdu l-kmandamenti taʼ Jehovah, kienu se jesperjenzaw il-barka għanja tiegħu imma jekk kienu jiksru l-patt, kienu se jitilfu l-barka tiegħu u jittieħdu lsiera mill-għedewwa tagħhom. (Eżodu 19:5, 6; Dewteronomju 28:1-68) Dan il-patt tal-Liġi, mogħti permezz taʼ Mosè, kellu jibqaʼ jopera għal żmien indefinit li ma ġiex speċifikat. Kellu jissalvagwardja lill-Iżraelin sakemm jidher il-Messija.—Galatin 3:19, 24.
8. (a) In-nies kif “ħallew il-liġijiet” u “ma qagħdux għall-preċetti”? (b) “Is-sema” b’liema modi hu l-ewwel li ‘jinfena’?
8 Imma n-nies “kisru l-patt taʼ dejjem.” Huma ħallew il-liġijiet mogħtijin minn Alla, injorawhom. “Ma qagħdux għall-preċetti,” billi segwew prattiċi legali li kienu differenti minn dawk li tahom Jehovah. (Eżodu 22:25; Eżekjel 22:12) Għaldaqstant, in-nies se jitneħħew mill-pajjiż. Fil-ġudizzju li ġej ma se tintwera ebda ħniena. Fost l-ewwel li ‘jinfena’ minħabba li Jehovah jirtira l-protezzjoni u l-favur tiegħu se jkun hemm “is-sema,” in-nobbiltà. Bi twettiq għal dan, hekk kif toqrob il-qerda taʼ Ġerusalemm, l-ewwel l-Eġizzjani u mbagħad il-Babiloniżi jagħmlu lis-slaten taʼ Ġuda suġġetti lejhom. Ftit wara, is-Sultan Ġeħojakin u membri oħrajn tal-familja rjali huma fost l-ewwel uħud li jittieħdu fil-jasar f’Babilonja.—2 Kronaki 36:4, 9, 10.
Il-Ferħ Jitlaq mill-Pajjiż
9, 10. (a) L-agrikultura liema rwol għandha f’Iżrael? (b) X’jissinjifika li ‘kulħadd qiegħed bil-qegħda taħt id-dielja u t-tina tiegħu’?
9 Il-ġens taʼ Iżrael huwa soċjetà agrikola. Minn dakinhar li l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwegħda, huma bdew jikkultivaw l-uċuħ tar-rabaʼ u jrabbu l-bhejjem. B’hekk, l-agrikultura tokkupa post importanti fil-leġislazzjoni mogħtija lil Iżrael. Huwa kmandat li l-art tistrieħ kull sebaʼ snin bħala Sabat obbligatorju biex il-ħamrija tkun tistaʼ terġaʼ ssir fertili. (Eżodu 23:10, 11; Levitiku 25:3-7) It-tliet festi annwali li l-ġens hu kmandat jiċċelebra huma mfassla biex jaħbtu maʼ l-istaġuni agrikoli.—Eżodu 23:14-16.
10 L-għelieqi tad-dwieli ssibhom mal-pajjiż kollu. L-inbid, prodott tad-dielja, huwa mniżżel fl-Iskrittura bħala rigal mingħand Alla li “jferraħ qalb il-bniedem.” (Salm 104:15) Il-fatt li ‘kulħadd qiegħed bil-qegħda taħt id-dielja u t-tina tiegħu’ jindika riżq, sliem, u sigurtà taħt il-ħakma t’Alla mimlija tjieba. (1 Slaten 5:5 [4:25, NW]; Mikea 4:4) Staġun tajjeb fl-għasir taʼ l-għeneb huwa meqjus bħala barka u jġib miegħu kant u ferħ. (Mħallfin 9:27; Ġeremija 25:30) L-oppost ukoll huwa veru. Meta d-dwieli jidbielu jew ma jipproduċux għeneb u l-għelieqi tad-dwieli ma jinħadmux u jsiru mimlija xewk, din tkun prova ċara li Jehovah neħħa l-barka tiegħu—żmien taʼ niket kbir.
11, 12. (a) Isaija kif jagħti stampa tal-kundizzjonijiet li se jirriżultaw mill-ġudizzju taʼ Jehovah? (b) Isaija jiddeskrivi liema prospetti koroh?
11 B’mod xieraq, mela, Isaija juża l-għelieqi tad-dwieli u l-prodotti tagħhom biex jagħti stampa tal-kundizzjonijiet li jirriżultaw meta Jehovah jirtira l-barka tiegħu minn fuq il-pajjiż: “Skarsa l-inbid, id-dielja dbielet, jitniehdu dawk taʼ qalb ferħana. Siket il-ferħ tat-tnabar, għab l-għajat tal-ferriħin, waqaf il-ferħ taʼ l-arpa. Ma jixorbux aktar inbid u jgħannu; morr ix-xorb għal min jixorbu. Tfarrket il-belt tat-taħwid; issakkret kull dar biex ħadd ma jidħol. Jgħajjtu fit-toroq għax m’hemmx inbid, il-ferħ għab kollu, l-hena tbiegħed mill-art. Kull ma baqaʼ fil-belt tħarbit, u l-bibien tfarrku u saru laqx.”—Isaija 24:7-12.
12 It-tanbur u l-arpa huma strumenti pjaċevoli wżati biex ifaħħru lil Jehovah u jesprimu l-ferħ. (2 Kronaki 29:25; Salm 81:3 [81:2, NW]) Il-mużika tagħhom mhix se tinstemaʼ f’dan iż-żmien taʼ kastig divin. Ma se jkun hemm ebda ħsad ferrieħi taʼ l-għeneb. Ma se jkun hemm ebda ħsejjes hienja fit-tħarbit taʼ Ġerusalemm, bil-bibien tagħha ‘mfarrkin u magħmulin laqx’ u d-djar tagħha ‘msakkrin,’ sabiex ħadd ma jistaʼ jidħol. Xi prospetti koroh għall-abitanti taʼ pajjiż li min-natura kien tant fertili!
Fdal ‘Jgħanni Ferħan’
13, 14. (a) X’inhuma l-liġijiet taʼ Jehovah fuq il-ħsad? (b) Isaija kif juża l-liġijiet fuq il-ħsad biex juri li se jkun hemm xi wħud li jibqgħu ħajjin wara l-ġudizzju taʼ Jehovah? (ċ) Għalkemm ġejjin staġuni mudlama taʼ prova, il-Ġudeani leali dwar liema ħaġa jistgħu jibqgħu ċerti?
13 Fil-ħsad taż-żebbuġ, l-Iżraelin ifarfru s-siġar b’daqqiet taʼ bsaten sabiex iż-żebbuġ jaqaʼ fl-art. Skond il-Liġi t’Alla, hu projbit li jlaqqtu ż-żebbuġ li jibqaʼ fil-friegħi tas-siġar. Lanqas m’għandhom jiġbru l-għeneb li jibqaʼ wara li jaħsdu l-għelieqi tad-dwieli tagħhom. Dak li jifdal mill-ħsad irid jitħalla għall-foqra—“għall-barrani, għall-iltim u għall-armla”—biex jiġbruh huma. (Dewteronomju 24:19-21) Waqt li jirreferi għal dawn il-liġijiet magħrufin sew, Isaija jagħti stampa taʼ faraġ dwar li se jkun hemm uħud li jibqgħu ħajjin wara l-ġudizzju taʼ Jehovah li riesaq: “Hekk għad jiġri f’nofs l-art u fost il-popli, bħal meta jfarfru s-siġar taż-żebbuġ, bħall-fdal wara l-ġbir taʼ l-għeneb. Dawn jgħollu leħinhom u jgħannu ferħana; il-kobor tal-Mulej ixandru mill-punent: ‘Sebbħu lill-Mulej fil-lvant, fil-gżejjer tal-punent, isem il-Mulej, Alla taʼ Iżrael.’ Minn tarf l-art smajna l-għana: ‘Glorja lill-Ġust.’”—Isaija 24:13-16a.
14 Sewwa sew bħalma jibqaʼ xi ftit frott fuq is-siġra jew id-dielja wara l-ħsad, hekk ukoll se jkun hemm xi wħud li jibqgħu wara li Jehovah jesegwixxi l-ġudizzju tiegħu—“bħall-fdal wara l-ġbir taʼ l-għeneb.” Bħalma nsibu fil-vers 6, il-profeta diġà tkellem dwar dawn, billi qal li “ftit huma n-nies li baqgħu.” Xorta waħda, għalkemm huma ftit, se jkun hemm uħud li jibqgħu ħajjin wara l-qerda taʼ Ġerusalemm u Ġuda, u iktar tard se jkun hemm fdal li jirritorna mill-jasar biex jerġaʼ jimla l-pajjiż bin-nies. (Isaija 4:2, 3; 14:1-5) Għalkemm uħud taʼ qalb retta se jesperjenzaw staġuni mudlama taʼ prova, jistgħu jibqgħu ċerti li ’l quddiem se jkun hemm ħelsien u ferħ. Dawk li jibqgħu ħajjin se jaraw it-twettiq tal-kelma profetika taʼ Jehovah u se jirrealizzaw li Isaija veru kien profeta t’Alla. Se jimtlew bil-ferħ hekk kif jixhdu t-twettiq tal-profeziji taʼ restawr. Hu fejn hu li huma ġew imxerrdin—kemm jekk huma l-gżejjer tal-Mediterran fil-Punent, Babilonja “fil-lvant” (minfejn titlaʼ x-xemx), jew kwalunkwe post imbiegħed ieħor—dawn se jfaħħru lil Alla talli ġew meħlusin, u se jkantaw: “Glorja lill-Ġust.”
Ma Tistax Taħarbu l-Ġudizzju taʼ Jehovah
15, 16. (a) Isaija kif iħossu dwar dak li se jiġri lil niesu? (b) X’se jiġrilhom l-abitanti tal-pajjiż li ma jibqgħux fidili lejn Alla?
15 Iżda, għalissa, għadu mhux il-waqt għall-hena. Isaija jġib lin-nies taʼ żmienu lura lejn il-preżent, billi jgħid: “Imma jiena għedt: ‘Msejken jien, msejken jien, jaħasra għalija, il-ħżiena bil-qerq jimxu, ma jafux ħlief iqarrqu.’ Biżaʼ, ħofra u nassa, hemm għalik li tgħammar fl-art. U jiġri li min jaħrab mill-għajat tal-biżaʼ jaqaʼ fil-ħofra, u min jitlaʼ mill-ħofra jinqabad fin-nassa. Għax jinfetħu bwieb is-sema, jitheżhżu sisien l-art. Għalkollox titfarrak l-art, tixxaqqaq minn fuq s’isfel, titheżheż b’theżhiża kbira l-art. Titbandal l-art bħal wieħed fis-sakra, tixxengel bħal għarix. Ħżunitha tagħfas fuqha, taqaʼ u ma terġax tqum.”—Isaija 24:16b-20.
16 Isaija jinsab imnikket għall-aħħar minħabba dak li se jiġri lil niesu. Is-sitwazzjoni taʼ madwaru tikkaġuna sentimenti taʼ mard u gwaj. Il-ħżiena huma kotrana u jqanqlu l-biżaʼ fl-abitanti tal-pajjiż. Meta Jehovah jneħħi l-protezzjoni tiegħu, l-abitanti taʼ Ġuda li ma jibqgħux fidili lejh se jġarrbu terrur kemm bi nhar u kemm bil-lejl. Il-ħajja tagħhom se tkun inċerta. Ħadd ma jkun jistaʼ jaħrab mid-diżastru li se jiġi fuqhom talli abbandunaw il-kmandamenti taʼ Jehovah u injoraw l-għerf divin. (Proverbji 1:24-27) Se jiġi gwaj kbir avolja l-ħżiena fil-pajjiż, biex jipprovaw jikkonvinċu lin-nies li kollox se jkun sew, jużaw l-ingann u l-qerq biex imexxuhom f’korsa li twassal għall-qerda. (Ġeremija 27:9-15) Għedewwa minn barra se jidħlu u jisirqulhom kulma għandhom u jiħduhom ilsiera. Dan kollu huwa taʼ niket kbir għal Isaija.
17. (a) Għala ma se jkun possibbli ebda ħelsien? (b) Meta l-qawwa tal-ġudizzju taʼ Jehovah toħroġ mis-smewwiet, x’se jiġrilu l-pajjiż?
17 Madankollu, il-profeta jkollu jiddikjara li ma se jkun hemm ħadd li jeħlisha. Hu fejn hu li n-nies jipprovaw jaħarbu, dawn se jinqabdu. Xi wħud għandhom mnejn jeħilsu minn xi gwaj, imma se jinqabdu f’ieħor—ma se jkun hemm ebda sigurtà. Se jkun preċiż bħal meta annimal ikkaċċjat jiskansa milli jaqaʼ ġo xi ħofra biex imbagħad jidħol f’xi nassa. (Qabbel Għamos 5:18, 19.) Il-qawwa tal-ġudizzju taʼ Jehovah se toħroġ mis-smewwiet u theżżeż il-pajjiż mis-sisien. Bħal raġel fis-sakra, il-pajjiż jitbandal u jaqaʼ, imtaqqal bil-ħtija u ma jistax jerġaʼ jqum. (Għamos 5:2) Il-ġudizzju taʼ Jehovah huwa finali. Qerda u rovina totali se jseħħu fuq il-pajjiż.
Jehovah Se Jsaltan fil-Glorja
18, 19. (a) Il-frażi “l-eżerċti tas-smewwiet” għal min tistaʼ tirreferi, u dawn kif jiġu miġburin “f’ħabs”? (b) X’aktarx, “l-eżerċti tas-smewwiet” kif se jieħdu l-kastig “wara ħafna jiem”? (ċ) Jehovah kif jagħti l-kastig lis-“slaten taʼ l-art”?
18 Il-profezija taʼ Isaija issa tespandi fuq firxa akbar, billi tiġbed l-attenzjoni lejn it-twettiq finali taʼ l-iskop taʼ Jehovah: “U dakinhar il-Mulej iżur l-eżerċti tas-smewwiet fis-sema, u s-slaten taʼ l-art fl-art. U jinġemgħu bħal ilsiera f’ħofra, u jingħalqu f’ħabs, u wara ħafna jiem jieħdu l-kastig. U l-qamar jitħawwad, u x-xemx tistħi. Għax il-Mulej taʼ l-eżerċti jsaltan fuq l-għolja taʼ Sijon u f’Ġerusalemm, u juri l-glorja tiegħu quddiem l-anzjani tiegħu.”—Isaija 24:21-23.
19 Il-frażi “l-eżerċti tas-smewwiet” tistaʼ tirreferi għall-‘prinċpijiet demoniċi taʼ din id-dinja taʼ dlamijiet, l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisaʼ tas-smewwiet.’ (Efesin 6:12) Dawn kellhom influwenza qawwija fuq il-qawwiet dinjin. (Danjel 10:13, 20; 1 Ġwann 5:19) L-għan tagħhom hu li jbegħdu lin-nies minn Jehovah u mill-qima safja tiegħu. Kemm jirnexxilhom sewwa li jisseduċu lill-Iżraelin biex isegwu l-prattiċi korrotti tal-ġnus taʼ madwarhom, u b’hekk ikun jixirqilhom il-ġudizzju divin t’Alla! Imma Satana u d-demonji tiegħu jridu jagħtu kont lil Alla meta finalment idawwar l-attenzjoni tiegħu lejhom u lejn il-ħakkiema taʼ fuq l-art, is-“slaten taʼ l-art fl-art,” li ġew influwenzati minnhom biex iduru kontra Alla u jiksru l-liġijiet tiegħu. (Apokalissi 16:13, 14) Bi kliem simboliku, Isaija jgħid li dawn se jiġu miġburin u “jingħalqu f’ħabs.” “Wara ħafna jiem,” forsi meta Satana u d-demonji tiegħu (imma mhux is-“slaten taʼ l-art fl-art”) jinħelsu temporanjament fi tmiem ir-Renju t’Elf Sena taʼ Ġesù Kristu, Alla se jagħtihom il-kastig finali li jixirqilhom.—Apokalissi 20:3, 7-10.
20. Jehovah kif u meta ‘jsaltan’ fil-qedem, u fi żmienna?
20 B’hekk, din il-parti tal-profezija taʼ Isaija lil-Lhud tathom assiguranza meraviljuża. Meta jasal il-waqt tiegħu, Jehovah se jikkaġuna l-waqgħa taʼ Babilonja tal-qedem u jirrestawra lil-Lhud f’pajjiżhom. Fis-sena 537 Q.E.K., meta hu juri l-qawwa u s-sovranità tiegħu b’dan il-mod għan-nom tan-nies tiegħu, ikun jistaʼ verament jingħad lilhom: “Alla tiegħek isaltan!” (Isaija 52:8 [52:7, NW]) Fi żmienna, Jehovah beda ‘jsaltan’ fl-1914 meta ħatar lil Ġesù Kristu bħala Sultan tas-Saltna Tiegħu fis-sema. (Salm 96:10) Beda ‘jsaltan’ ukoll fl-1919 meta wera l-qawwa tiegħu bħala sultan billi ħeles lil Iżrael spiritwali mill-jasar taħt Babilonja l-Kbira.
21. (a) Kif se jseħħ li “l-qamar jitħawwad, u x-xemx tistħi”? (b) Liema għajta li tidwi se jkollha l-iktar twettiq grandjuż tagħha?
21 Jehovah se jerġaʼ ‘jsaltan’ meta jġib fi tmiem lil Babilonja l-Kbira u l-bqija taʼ din is-sistema mill-agħar. (Żakkarija 14:9; Apokalissi 19:1, 2, 19-21) Wara dan, il-ħakma tas-Saltna taʼ Jehovah tant se tkun grandjuża li la l-qamar kwinta li jiddi bil-lejl u lanqas ix-xemx tisreġ fl-aqwa tal-jum ma se jitqabblu magħha f’dik li hi glorja. (Qabbel Apokalissi 22:5.) Dawn se jistħu, biex ngħidu hekk, iqabblu lilhom infushom mal-glorja li għandu Jehovah taʼ l-eżerċti. Jehovah se jsaltan b’mod suprem. Kulħadd se jkun jistaʼ jara kemm hu glorjuż u jistaʼ kollox. (Apokalissi 4:8-11; 5:13, 14) Xi prospett meraviljuż dan! F’dak iż-żmien, l-għajta taʼ Salm 97:1 se tidwi maʼ l-art kollha fl-iktar twettiq grandjuż tagħha: “Il-Mulej [Jehovah] isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ, u jifirħu l-ħafna gżejjer!”
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 262]
Il-mużika u l-ferħ mhux se jinstemgħu iktar fil-pajjiż
[Stampa f’paġna 265]
Xi wħud se jibqgħu ħajjin wara l-ġudizzju taʼ Jehovah, sewwa sew bħalma jibqaʼ xi ftit frott fuq is-siġra wara l-ħsad
[Stampa f’paġna 267]
Isaija jinsab imnikket għall-aħħar minħabba dak li se jiġri lil niesu
[Stampa f’paġna 269]
La x-xemx u lanqas il-qamar ma se jitqabblu maʼ Jehovah f’dik li hi glorja