Jehovah Jumilja Belt Arroganti
Kapitlu Erbatax
Jehovah Jumilja Belt Arroganti
1. Il-ktieb taʼ Isaija issa kemm iħares ’il quddiem fiż-żmien?
IL-KTIEB profetiku taʼ Isaija nkiteb fit-tmien seklu Q.E.K. matul l-invażjoni taʼ l-Art Imwegħda mill-Assirja. Bħalma rajna fil-kapitli taʼ qabel tal-ktieb tiegħu, Isaija jbassar b’eżattezza rimarkevoli kif se jseħħu l-ġrajjiet. Madankollu, il-ktieb iħares iktar ’il bogħod miż-żmien meta l-Assirja kisbet is-supremazija. Ibassar ir-ritorn tal-poplu f’patt maʼ Jehovah mill-eżilju f’ħafna pajjiżi, inkluż Singħar, fejn tinsab Babilonja. (Isaija 11:11) F’Isaija kapitlu 13 insibu profezija rimarkevoli li malli titwettaq se tiftaħ it-triq għal dan ir-ritorn. Din il-profezija tiġi introdotta b’dan il-kliem: “Oraklu fuq Babilonja: Viżjoni li kellu Isaija bin Amos.”—Isaija 13:1.
‘Immidd maʼ l-Art il-Kburija’
2. (a) Ħeżekija kif jinvolvi ruħu maʼ Babilonja? (b) X’inhu ‘l-istendard’ li se jittellaʼ?
2 Ġuda tinvolvi ruħha maʼ Babilonja matul il-ħajja taʼ Isaija. Is-Sultan Ħeżekija jimrad serjament u mbagħad ifiq. Meta jfiq, ambaxxaturi minn Babilonja jiġu jifirħulu, x’aktarx bl-iskop sigriet li lil Ħeżekija jagħmluh alleat tagħhom fil-gwerra kontra l-Assirja. B’nuqqas taʼ ħsieb, is-Sultan Ħeżekija jurihom it-teżori kollha tiegħu. B’riżultat taʼ dan, Isaija jgħid lil Ħeżekija li wara l-mewt tas-sultan, dak il-ġid kollu se jinġarr lejn Babilonja. (Isaija 39:1-7) Dan jitwettaq fis-sena 607 Q.E.K. meta Ġerusalemm tinqered u l-ġens jittieħed fl-eżilju. Madankollu, il-poplu magħżul t’Alla mhux se jibqaʼ għal dejjem f’Babilonja. Jehovah jbassar kif se jiftaħ it-triq biex huma jirritornaw lejn art twelidhom. Hu jibda: “Fuq għolja xagħrija tellgħu stendard; għollu leħinkom lejhom, xejjrulhom idkom, ħalli jidħlu minn bwieb il-kbarat.” (Isaija 13:2) ‘L-istendard’ huwa qawwa dinjija li qed tiżviluppa u li se taqlaʼ lil Babilonja mill-post tagħha taʼ prominenza. Din il-qawwa se tittellaʼ “fuq għolja xagħrija”—b’tali mod li tkun tidher ċar mill-bogħod. Billi ġiet ordnata tattakka lil Babilonja, din il-qawwa dinjija ġdida se tgħaddi b’saħħa minn ġo “bwieb il-kbarat,” il-bibien taʼ dik il-belt il-kbira, u se tikkonkwistaha.
3. (a) Min huma l-“qaddisin” li Jehovah se jqajjem? (b) L-eżerċti pagani f’liema sens huma “qaddisin”?
3 Jehovah issa jgħid: “Jien tajt l-ordni lill-qaddisin tiegħi, sejjaħt lill-gwerriera qalbiena tiegħi, kollhom ħeġġa għall-glorja tiegħi, biex jagħmlu li jrid għadbi. Isimgħu l-għagħa fuq il-muntanji, għagħa taʼ poplu sħiħ. Isimgħu t-tgeġwiġ taʼ saltniet u ġnus miġmugħa; il-Mulej taʼ l-eżerċti għaddej minn nofs eżerċtu lest għall-gwerra.” (Isaija 13:3, 4) Min huma dawn il-“qaddisin” maħturin biex jumiljaw lill-imkabbra Babilonja? Huma eżerċti nazzjonali magħqudin flimkien, “ġnus miġmugħa.” Dawn jinżlu kontra Babilonja minn reġjun muntanjuż ’il bogħod. “Ġejjin minn art imbiegħda, minn truf is-smewwiet.” (Isaija 13:5) F’liema sens huma qaddisin? Ċertament mhux fis-sens li huma ndaf spiritwalment jew moralment. Huma eżerċti pagani li m’għandhom ebda interess f’li jaqdu lil Jehovah. Madankollu, fl-Iskrittura Ebrajka, il-kelma “qaddisin” tfisser “magħżulin biex jintużaw minn Alla.” Jehovah jistaʼ jqaddes lill-eżerċti tal-ġnus u juża l-ambizzjonijiet egoisti tagħhom—sabiex jesprimi għadbu. Lill-Assirja wżaha b’dan il-mod, u hekk se juża lil Babilonja. (Isaija 10:5; Ġeremija 25:9) U se juża lil ġnus oħrajn biex jikkastiga lil Babilonja.
4, 5. (a) Jehovah x’ibassar għal Babilonja? (b) Dawk li jattakkaw lil Babilonja maʼ xiex iridu jħabbtu wiċċhom?
4 Babilonja għad m’hijiex il-qawwa dinjija dominanti. Madankollu, billi joħroġ proklamazzjoni permezz taʼ Isaija, Jehovah jara bil-quddiem iż-żmien meta din se tokkupa dik il-pożizzjoni, u jbassar il-waqgħa tagħha, billi jgħid: “Ixhru, għax qorob Jum il-Mulej, bħal qerda mingħand is-Setgħan.” (Isaija 13:6) Iva, il-ftaħir taʼ Babilonja se jinbidel fi krib mimli niket. Għala? Minħabba “Jum il-Mulej,” il-jum meta Jehovah jesegwixxi ġudizzju kontriha.
5 Iżda, kif jistaʼ jkun li Babilonja tinqered? Meta jasal il-waqt taʼ Jehovah għal din il-qerda, il-belt se tkun tidher li qegħda fis-sigurtà. L-ewwel ħaġa li se jkollhom jagħmlu l-eżerċti li jinvaduha se tkun li jħabbtu wiċċhom mad-difiżi naturali provduti mix-Xmara Ewfrat, li tgħaddi miċ-ċentru tal-belt u li minnha jimtela foss protettiv u l-belt tiġi fornuta b’ilma tax-xorb. Imbagħad se jkun hemm is-swar doppji u ħoxnin taʼ Babilonja, li donnhom jidhru li ħadd u xejn ma jistaʼ jinfidhom. Iktar minn hekk, il-belt se jkollha ħażna abbundanti taʼ ikel. Il-ktieb Daily Bible Illustrations jgħid li Nabonidu—l-aħħar sultan taʼ Babilonja—“kien stinka kemm felaħ biex jaħżen il-belt bil-provvisti, u kien kalkulat li kien fiha biżżejjed [ikel] biex imantni lill-abitanti għal għoxrin sena.”
6. X’se jiġri bla mistenni meta jseħħ l-attakk imbassar fuq Babilonja?
6 Madankollu, l-apparenza tistaʼ tinganna. Isaija jgħid: “Għalhekk idejn kulħadd jintelqu, u qalb kull bniedem tinħall, u lkoll jitwerwru. Uġigħ u brim jaqbadhom, bħal mara fil-ħlas jitkagħwġu; miblugħin iħarsu lejn xulxin, wiċċhom wiċċ in-nar.” (Isaija 13:7, 8) Meta l-eżerċti tal-konkwistaturi jinvadu l-belt, is-serħan il-moħħ taʼ l-abitanti tagħha se jinbidel f’uġigħ li jiġi f’daqqa u huwa qawwi daqs dak taʼ mara li qegħda twelled. Qlubhom se jħabbtu sitta sitta bil-biżaʼ. Idejhom se jintelqu bla saħħa, u ma jkunux jistgħu jiddefenduhom. Wiċċhom se jkun “wiċċ in-nar” bil-biżaʼ u bid-diqa. Miblugħin se jħarsu lejn xulxin u jistagħġbu kif setgħet taqaʼ l-belt kbira tagħhom.
7. Liema “Jum il-Mulej” ġej, u x’se jkunu r-riżultati għal Babilonja?
7 Minkejja dan, żgur se taqaʼ. Babilonja trid tiffaċċja jum taʼ rendikont, “Jum il-Mulej,” li se jkun tabilħaqq taʼ wġigħ. L-Imħallef suprem se jesprimi r-rabja tiegħu u se jġib ġudizzju verament mistħoqq fuq l-abitanti midinbin taʼ Babilonja. Tgħid il-profezija: “Araw, Jum il-Mulej għad jasal, kiefer, mgħaddab, ħuġġieġa nar bil-korla, biex jagħmel mill-art ħerba, u jeqred minnha l-midinbin.” (Isaija 13:9) Il-prospetti għal Babilonja huma mudlama. Huwa bħallikieku x-xemx, il-qamar, u l-kwiekeb ma jibqgħux jagħtu iktar dawl. “Il-kwiekeb tas-smewwiet u l-ġemgħat tagħhom ma jarmux aktar id-dija tad-dawl tagħhom. Hi u tielgħa, ix-xemx tiddallam, u l-qamar ma jroxx dawlu.”—Isaija 13:10.
8. Jehovah għala joħroġ digriet biex taqaʼ Babilonja?
8 Din il-belt imkabbra għala se jkollha tmiem bħal dan? Jgħid Jehovah: “Jien nitħallas mid-dinja għal ħżunitha, u mill-ħżiena għal ħtijiethom. Nġib fix-xejn il-kburija tas-suppervi, u n-nies vjolenti mmidd maʼ l-art.” (Isaija 13:11) Il-fatt li Jehovah jferraʼ l-korla tiegħu se jkun kastig talli Babilonja kienet krudila mal-poplu t’Alla. Il-pajjiż kollu se jsofri minħabba l-ħażen tal-Babiloniżi. Dawn it-tiranni mkabbrin mhux se jibqgħu jisfidaw b’mod sfaċċat lil Jehovah!
9. X’hemm jistennieha lil Babilonja f’jum il-ġudizzju taʼ Jehovah?
9 Jgħid Jehovah: “Nagħmel in-nies aktar rari mid-deheb fin, u l-bnedmin jonqsu aktar mid-deheb taʼ Ofir.” (Isaija 13:12) Iva, il-belt se titneżżaʼ min-nies, se ssir ħerba. Ikompli Jehovah: “Is-smewwiet jitqallbu taʼ taħt fuq, u minn sisienha titheżheż l-art, bis-saħna tal-Mulej taʼ l-eżerċti, f’jum in-nar tal-korla tiegħu.” (Isaija 13:13) Is-“smewwiet” taʼ Babilonja, li huma l-kotra taʼ allat maskili u femminili tagħha, se jkunu aġitati, u mhux se jkollhom il-ħila jgħinu lill-belt meta din l-iktar li jkollha bżonnhom. “L-art,” l-Imperu Babiloniż, se titheżżeż minn sisienha, u se titniżżel fl-istorja billi tiġi miftakra biss bħala imperu estint ieħor. “Mbagħad bħal għażżiela jiġru warajha, bħal merħla m’hemm ħadd jiġborha, idur kull wieħed lejn il-poplu tiegħu, u kull bniedem lejn artu jaħrab.” (Isaija 13:14) Il-barranin kollha li jappoġġaw lil Babilonja se jabbandunawha u jaħarbu, bit-tama li jistabbilixxu relazzjonijiet ġodda mal-qawwa dinjija li qegħda tikkonkwistaha. Babilonja fl-aħħarnett se ġġarrab l-agunija taʼ belt konkwistata, agunija li hi stess ikkaġunat fuq tant oħrajn meta kienet fl-aqwa tal-glorja tagħha: “Kull min jinsab, jinfduh; kull min jinqabad, jgħadduh mix-xabla. Itertqulhom it-trabi quddiem għajnejhom; jisirqulhom ’il djarhom u san-nisa jkasbrulhom.”—Isaija 13:15, 16.
L-Istrument taʼ Qerda minn Alla
10. Jehovah lil min se juża biex jegħleb lil Babilonja?
10 Jehovah liema qawwa se juża biex jikkaġuna l-waqgħa taʼ Babilonja? Madwar 200 sena bil-quddiem, Jehovah jirrivela t-tweġiba: “Arawni, jien inqajjem għalihom il-Medi, li l-fidda ma jaħsbux fiha, u anqas għad-deheb ma jagħmlu. Qwieshom itertqu ż-żgħażagħ, bla ħniena għal frott il-ġuf, bla ħasra għall-ulied. Issir Babilonja, il-ġawhra taʼ l-imperi, iż-żína u l-foħrija tal-Kaldin, bħal Sodoma u Gomorra, meta ġġarrfu b’idejn Alla.” (Isaija 13:17-19) Babilonja, li hi bħal ġawhra fi ġmielha, se taqaʼ, u biex iwettaq dan Jehovah se juża l-eżerċti mill-pajjiż imbiegħed u muntanjuż tal-Medja. a Eventwalment, Babilonja se ssir ħerba bħalma ġralhom il-bliet immorali għall-aħħar taʼ Sodoma u Gomorra.—Ġenesi 13:13; 19:13, 24.
11, 12. (a) Il-Medja kif issir qawwa dinjija? (b) Il-profezija ssemmi liema karatteristika mhux tas-soltu dwar l-eżerċti tal-Medja?
11 Fi żmien Isaija, kemm il-Medja u kemm Babilonja jinsabu taħt il-madmad taʼ l-Assirja. Xi seklu wara, fis-sena 632 Q.E.K., il-Medja u Babilonja jingħaqdu flimkien u jegħlbu lil Ninwè, il-belt kapitali taʼ l-Assirja. Dan jiftaħ it-triq biex Babilonja ssir il-qawwa dinjija predominanti. Mur għidilha li xi 100 sena wara dan, il-Medja se teqridha! Min ħlief Alla Jehovah setaʼ jagħmel tbassira qalbiena bħal din?
12 Meta jidentifika l-istrument taʼ qerda magħżul minnu, Jehovah jgħid dwar l-eżerċti tal-Medja li “l-fidda ma jaħsbux fiha, u anqas għad-deheb ma jagħmlu.” X’karatteristika mhux tas-soltu f’suldati li qalbhom xrafet bil-gwerra! L-istudjuż tal-Bibbja Albert Barnes jgħid: “Ftit, tabilħaqq, kienu l-eżerċti li jattakkaw u li ma kinux jiġu influwenzati mit-tama li jaħtfu xi priża.” Juru l-eżerċti tal-Medja li Jehovah qal is-sewwa f’dan ir-rigward? Iva. Ikkunsidra dan il-kumment li jinsab f’The Bible-Work, imħejji minn J. Glentworth Butler: “Kuntrarju għall-biċċa l-kbira tal-ġnus li qatt iggwerraw, il-Medi, u speċjalment il-Persjani, kienu iktar moħħhom fil-konkwisti u fil-glorja milli fid-deheb.” b Meta nqisu dan, ma niskantawx li meta jeħles lill-Iżraelin mill-eżilju f’Babilonja, Ċiru, il-ħakkiem Persjan, jagħtihom lura eluf taʼ reċipjenti tad-deheb u l-fidda li Nabukodonosor kien ħataf mit-tempju taʼ Ġerusalemm.—Esdra 1:7-11.
13, 14. (a) Għalkemm m’humiex interessati fil-priża, il-gwerriera Medi u Persjani għal liema ħaġa huma ambizzjużi? (b) Ċiru kif jegħlibhom id-difiżi taʼ Babilonja li tant kienu kburin bihom?
13 Waqt li l-gwerriera Medi u Persjani ftit li xejn għandhom xewqa għall-priża, madankollu xorta waħda huma ambizzjużi. Mhux bi ħsiebhom jibqgħu inferjuri għal kwalunkwe ġens ieħor fid-dinja. Iktar minn hekk, Jehovah jpoġġi l-“qerda” fi qlubhom. (Isaija 13:6) Għaldaqstant, bil-qwies tagħhom tal-metall—li jistgħu jintużaw mhux biss biex jisparaw il-vleġeġ imma wkoll biex jolqtu u jfarrku lis-suldati taʼ l-għadu, in-nisel t’ommijiet Babiloniżi—huma determinati li jikkonkwistaw lil Babilonja.
14 Lil Ċiru, il-mexxej taʼ l-eżerċti Medo-Persjani, ma jbeżżgħuhx il-fortifikazzjonijiet taʼ Babilonja. Fil-lejl taʼ bejn il-5 u s-6 t’Ottubru, tas-sena 539 Q.E.K., hu jordna li l-ilmijiet tax-Xmara Ewfrat jiġu mdawrin band’oħra. Hekk kif il-livell taʼ l-ilma jitbaxxa, l-invażuri jidħlu baxx baxx fil-belt, billi jgħaddu minn ġox-xmara f’ilma fond sa koxxtejhom. L-abitanti taʼ Babilonja ma jintebħu b’xejn u jinqabdu fuq sieq waħda, u Babilonja taqaʼ. (Danjel 5:30) Alla Jehovah jnebbaħ lil Isaija biex jipprofetizza dawn il-ġrajjiet, u b’hekk ma jħalli ebda dubju li Hu qed jidderiġihom l-affarijiet.
15. X’futur hemm jistennieha lil Babilonja?
15 Kemm se tkun sħiħa l-qerda taʼ Babilonja? Ismaʼ d-dikjarazzjoni taʼ Jehovah: “Qatt aktar ma titgħammar, minn żmien għal żmien ħadd aktar ma joqgħod fiha. L-Għarbi ma jtellax l-għarix fiha, u r-rgħajja ma jserrħux l-imrieħel tagħhom. Imma hemm jistrieħu l-bhejjem tax-xagħri; fi djarhom tbejjet il-kokka, u jgħammru n-ngħam. Hemm jaqbżu l-mogħoż selvaġġi; tnewwaħ il-jena fil-kastelli tagħhom, u x-xakalli fi djarhom tal-pjaċir. Is-siegħa tagħha waslet, u jiemha iżjed ma jtulux.” (Isaija 13:20-22) Il-belt se tintemm f’ħerba assoluta.
16. Il-kundizzjoni preżenti taʼ Babilonja tagħtina liema fiduċja?
16 Dan ma seħħx immedjatament fis-sena 539 Q.E.K. Xorta waħda, illum jidher ċar daqs il-kristall li kulma bassar Isaija dwar Babilonja seħħ. Babilonja “hija issa, u ilha hekk għal sekli sħaħ, xena taʼ ħerba estensiva, u fi stat taʼ rovina,” jgħid wieħed kummentatur tal-Bibbja. Imbagħad iżid: “Huwa impossibbli li tħares lejn din ix-xena u ma tiftakarx kemm twettqu b’eżattezza t-tbassiriet taʼ Isaija u Ġeremija.” Jidher ċar li ebda bniedem fi żmien Isaija ma setaʼ jbassar il-waqgħa taʼ Babilonja u l-ħerba li ġiet fuqha. Wara kollox, il-waqgħa taʼ Babilonja taħt il-Medi u l-Persjani seħħet xi 200 sena wara li Isaija kiteb il-ktieb tiegħu! U l-ħerba finali tagħha ġiet sekli wara. Ma jsaħħaħx dan il-fidi tagħna fil-Bibbja bħala l-Kelma ispirata t’Alla? (2 Timotju 3:16) Iktar minn hekk, ladarba Jehovah wettaq il-profeziji fl-imgħoddi, jistaʼ jkollna fiduċja assoluta li profeziji Bibliċi li għadhom ma twettqux se jseħħu meta jasal il-waqt t’Alla.
‘Strieħu mill-Uġigħ’
17, 18. Liema barkiet se jkollu Iżrael meta Babilonja tiġi megħluba?
17 Il-waqgħa taʼ Babilonja se tkun taʼ serħan għal Iżrael. Se tkun tfisser ħelsien mill-jasar u l-opportunità biex jirritornaw lejn l-Art Imwegħda. Għaldaqstant, Isaija issa jgħid: “Iva, il-Mulej iħenn għal Ġakobb, u jerġaʼ jagħżel lil Iżrael, u jġibhom jistrieħu f’arthom. Magħhom jissieħbu u l-barranin jitwaħħdu maʼ dar Ġakobb. Jiġbruhom il-popli u jeħduhom f’imkienhom. Tiksibhom dar Iżrael bħala lsiera, rġiel u nisa, f’art il-Mulej; u jkunu lsiera dawk li kienu jassruhom, u maħkuma l-ħakkiema tagħhom.” (Isaija 14:1, 2) “Ġakobb” hawnhekk jirreferi għal Iżrael kollu kemm hu—it-12-il tribù kollha. Jehovah se jurih ħniena lil “Ġakobb” billi lill-ġens iħallih jirritorna lejn artu. Se jkunu akkumpanjati minn eluf taʼ barranin, li ħafna minnhom se jaqdu lill-Iżraelin bħala qaddejja tat-tempju. Xi Iżraelin saħansitra se jkollhom awtorità fuq dawk li qabel kienu ijassruhom. c
18 Se tisparixxi d-djieqa tal-ħajja fl-eżilju. Minflok, Jehovah se jagħti lin-nies tiegħu ‘serħan mill-uġigħ, mill-inkwiet, mill-jasar iebes li ġabuhom fih.’ (Isaija 14:3) Peress li nħelsu mit-tagħbijiet fiżiċi tal-jasar, in-nies taʼ Iżrael mhux se jsofru iktar mill-uġigħ u l-inkwiet għax jgħixu fost adoraturi t’allat foloz. (Esdra 3:1; Isaija 32:18) Meta jikkummenta dwar dan, il-ktieb Lands and Peoples of the Bible jgħid: “Għall-Babiloniż allatu kienu għalkollox bħalu, fl-aspetti mill-agħar kollha tal-karattru tiegħu. Kienu beżżigħin, sakranazzi u imbeċilli.” X’serħan li taħrab minn ambjent reliġjuż u degradanti bħal dan!
19. X’inhu meħtieġ biex Iżrael igawdi l-maħfra taʼ Jehovah, u x’nitgħallmu minn dan?
19 Minkejja dan, il-ħniena taʼ Jehovah tintwera taħt kundizzjoni. In-nies tiegħu jridu jesprimu rimors għall-ħażen tagħhom, li qanqal lil Alla biex jikkastigahom b’tant ħruxija. (Ġeremija 3:25) Il-maħfra taʼ Jehovah tiġi jekk ikun hemm stqarrija tad-dnubiet sinċiera u mill-qalb. (Ara Neħemija 9:6-37; Danjel 9:5.) Dan l-istess prinċipju għadu jgħodd illum. Ladarba “ma hemmx bniedem li ma jidnibx,” ilkoll kemm aħna neħtieġu l-ħniena taʼ Jehovah. (2 Kronaki 6:36) Jehovah, dak Alla mimli ħniena, jistidinna bl-imħabba biex nistqarrulu dnubietna, nindmu, u nwaqqfu kwalunkwe korsa żbaljata, sabiex inkunu nistgħu nitfejqu. (Dewteronomju 4:31; Isaija 1:18; Ġakbu 5:16) Dan ma jgħinniex biss biex jerġaʼ jkollna l-favur tiegħu imma wkoll biex jagħtina l-faraġ.—Salm 51:3 [51:1, NW]; Proverbji 28:13; 2 Korintin 2:7.
“Għanja” Kontra Babilonja
20, 21. Il-ġirien taʼ Babilonja kif jifirħu bil-waqgħa tagħha?
20 Iktar minn 100 sena qabel ma Babilonja ssir il-qawwa dinjija l-iktar setgħana, Isaija jbassar ir-reazzjoni tad-dinja għall-waqgħa tagħha. B’mod profetiku, hu jikkmanda lill-Iżraelin li nħelsu minn taħt il-jasar tagħha: “U int tinfexx f’din l-għanja lis-sultan taʼ Babilonja u tgħidlu: ‘Ah, kif intemm it-tirann, kif intemmet kburitu! Kisser il-Mulej ħatar il-ħżiena, ix-xettru tal-ħakkiema; kien isawwat il-popli fis-saħna tiegħu, bi swat ma jaqtaʼ qatt; kien jiżżarġan f’qilltu fuq il-ġnus, b’tirannija bla lġiem.’” (Isaija 14:4-6) Babilonja bniet reputazzjoni ġmielha bħala konkwistatriċi, oppressura li lil nies ħielsa tagħmilhom ilsiera. Kemm huwa xieraq li l-waqgħa tagħha tiġi ċelebrata b’“għanja” diretta primarjament lejn id-dinastija Babiloniża—tibda b’Nabukodonosor u tispiċċa b’Nabonidu u Beltassar—li ppresediet fuq jiem il-glorja tal-belt il-kbira!
21 X’differenza se tagħmel il-waqgħa tagħha! “U issa li strieħet u kkwitat l-art kollha, nfexxew f’għajat taʼ ferħ. Mqar iċ-ċipress jifraħ minħabba fik, hekk ukoll iċ-ċedri tal-Libanu, u jgħidu: ‘Mindu int tinsab mimdud, ħadd ma jitlaʼ jqaċċat minna.’” (Isaija 14:7, 8) Għall-ħakkiema taʼ Babilonja, is-slaten tal-ġnus taʼ madwarhom kienu bħal siġar li jridu jitqaċċtu u jintużaw għall-iskopijiet tagħhom stess. Sewwa, dan kollu issa spiċċa. Il-Babiloniż li jaqtaʼ l-injam qaċċat l-aħħar siġra tiegħu!
22. F’sens poetiku, art l-imwiet kif inhi effettwata mill-waqgħa tad-dinastija Babiloniża?
22 Tant hija taʼ l-istagħġib il-waqgħa taʼ Babilonja li l-qabar stess jirreaġixxi: “Art l-Imwiet minn taħt tqanqlet, biex tilqgħek mal-wasla tiegħek; tqajjem għalik l-erwieħ, il-kbarat kollha taʼ l-art; tqajjem mit-tronijiet tagħhom is-slaten kollha tal-ġnus. Lkoll jinfexxu jitkellmu u jgħidulek: ‘Int ukoll ġejt fix-xejn bħalna, f’kollox sirt tixbahna. Tniżżlet kburitek f’Art l-Imwiet, bid-daqq taʼ l-arpi tiegħek, friexek taħtek it-taħsir, u d-dud għatietek.’” (Isaija 14:9-11) Xi stampa poetika qawwija! Huwa bħallikieku l-qabar komuni taʼ l-umanità kien se jqajjem lil dawk is-slaten kollha li mietu qabel id-dinastija Babiloniża sabiex ikunu jistgħu jagħtuha merħba. Huma jżebilħu l-ħakma Babiloniża li issa hi bla saħħa, mixħuta fuq sodda taʼ taħsir minflok fuq xi sufan lussuż, mgħottija bid-dud minflok b’għata li jiswa l-flus.
“Bħal Ġisem Mirfus taħt ir-Riġlejn”
23, 24. Liema arroganza estrema tintwera mis-slaten taʼ Babilonja?
23 Isaija jissokta bl-għanja: “Mis-smewwiet kif iġġarraft, int il-kewkba taʼ filgħodu, bin iż-żerniq! Kif stabatt maʼ l-art, int li l-ġnus kont tfarrak!” (Isaija 14:12) Il-kburija egoista tqanqal lis-slaten taʼ Babilonja biex jgħollu lilhom infushom ’il fuq minn dawk taʼ madwarhom. Bħal kewkba tiddi b’dawl qawwi fis-sema kmieni fil-għodu, b’mod arroganti dawn jeżerċitaw qawwa u awtorità. Il-fatt li Nabukodonosor ikkonkwista lil Ġerusalemm jipprovdi kburija partikulari; din bravura li l-Assirja ma rnexxilhiex twettaqha. Il-kliem taʼ l-għanja jiddeskrivi lid-dinastija mkabbra taʼ Babilonja bħala li qegħda tgħid: “Nitlaʼ sas-smewwiet, ’il fuq mill-kwiekeb taʼ Alla. It-tron tiegħi ngħolli u ngħammar fuq il-muntanji taʼ laqgħat l-allat, fi truf it-tramuntana. Nitlaʼ sa fuq qċaċet is-sħab, insir nixbah lil Alla l-Għoli.” (Isaija 14:13, 14) Jistaʼ jkun hemm xi ħaġa iktar sfaċċata?
24 Fil-Bibbja, is-slaten tal-linja rjali taʼ David jiġu mxebbhin maʼ kwiekeb. (Numri 24:17) Minn David ’il quddiem, dawk il-“kwiekeb” ħakmu minn fuq il-Muntanja Sijon. Wara li Salamun bena t-tempju f’Ġerusalemm, l-isem Sijon sar japplika għall-belt kollha kemm hi. Taħt il-patt tal-Liġi, l-irġiel Iżraelin kollha kienu obbligati jivvjaġġaw lejn Sijon tliet darbiet fis-sena. B’hekk, din saret ‘il-muntanja tal-laqgħat.’ Billi jaqtagħha li jrażżan lis-slaten Ġudeani u mbagħad ineħħihom minn fuq dik il-muntanja, Nabukodonosor qed jiddikjara l-intenzjoni tiegħu li jpoġġi lilu nnifsu ’l fuq minn dawk il-“kwiekeb.” Il-kredtu għar-rebħa tiegħu fuqhom ma jagħtihx lil Jehovah. Minflok, hu b’mod arroganti jidher li qed ipoġġi lilu nnifsu fil-post taʼ Jehovah.
25, 26. Id-dinastija Babiloniża kif iġġarrab tmiem taʼ għajb?
25 X’bidla hemm maħżuna għad-dinastija mkabbra Babiloniża! Babilonja m’għandha l-ebda ċans li tiġi elevata ’l fuq mill-kwiekeb t’Alla. Minflok, Jehovah jgħid: “Imma issa, arak, mġarraf f’art l-imwiet, f’qiegħ l-għammieq. Jiskantaw, dawk li jarawk, jitħassbu fik: ‘Hu dan il-bniedem li qalleb id-dinja taʼ taħt fuq, li riegħed is-saltniet, li għamel deżert mill-art, u blietha għamilhom trab, li lill-ilsiera ma ħallihomx imorru d-dar?’” (Isaija 14:15-17) Id-dinastija ambizzjuża se tinżel f’Ħades (Art l-Imwiet), sewwa sew bħal kwalunkwe bniedem ieħor.
26 Allura, fejn se tkun il-qawwa li kkonkwistat saltniet, qerdet l-art produttiva, u għelbet bliet bla għadd? Fejn se tkun il-qawwa dinjija li ħadet ilsiera u qatt ma ħalliethom imorru lura f’arthom? Fil-fatt, id-dinastija Babiloniża lanqas biss se jkollha difna diċenti! Jgħid Jehovah: “Is-slaten kollha tal-ġnus, lkoll mistrieħa bil-ġieħ, kull wieħed f’qabru. Imma int mormi ’l bogħod minn qabrek, bħal fergħa mistmerra mlibbes bħall-maqtulin minfuda bis-sejf, li jinżlu sal-qiegħa tal-ħofra, bħal ġisem mirfus taħt ir-riġlejn. Maʼ dawk li tniżżlu f’ħoġor il-qabar, int qatt ma tkun midfun. Għax int ħarbatt lil artek, u l-poplu tiegħek qtilt. Qatt iżjed ma jissemma nisel il-ħażin.” (Isaija 14:18-20) Fil-qedem, kien jitqies taʼ għajb li sultan jiċċaħħad milli jkollu difna onorabbli. Għalhekk, xi ngħidu għad-dinastija rjali taʼ Babilonja? Huwa minnu li slaten individwali x’aktarx li jindifnu bl-unur, imma d-dinastija imperjali taʼ slaten li kienet ġejja minn Nabukodonosor tintrema “bħal fergħa mistmerra.” Huwa bħallikieku d-dinastija tiġi mitfugħa f’qabar bla kitba—bħal sempliċi suldat taʼ l-infanterija li jinqatel fil-battalja. X’umiljazzjoni!
27. Ġenerazzjonijiet futuri tal-Babiloniżi b’liema mod isofru għall-ħażen taʼ missirijiethom?
27 Il-kliem taʼ l-għanja jintemm b’ordnijiet finali lill-konkwistaturi Medi u Persjani: “Ħejju għall-qatla taʼ wliedu minħabba l-ħażen taʼ . . . [“missirijiethom,” “KŻ”], li ma jqumux u jirtu l-art u jimlew bil-ħerba d-dinja.” (Isaija 14:21) Il-waqgħa taʼ Babilonja se tkun permanenti. Id-dinastija Babiloniża se titqaċċat mill-għeruq. Ma se jkun hemm ebda rinaxximent għaliha. Ġenerazzjonijiet futuri tal-Babiloniżi se jsofru minħabba l-“ħażen taʼ missirijiethom.”
28. X’kien l-għerq tad-dnub fis-slaten Babiloniżi, u x’nitgħallmu minn dan?
28 Il-ġudizzju pronunzjat kontra d-dinastija Babiloniża jipprovdilna lezzjoni prezzjuża. L-ambizzjoni tagħhom li ma tispiċċa qatt kienet l-għerq tad-dnub tas-slaten Babiloniżi. (Danjel 5:23) Qlubhom kienu mimlijin b’xewqa għall-poter. Riedu jiddominaw lil ħaddieħor. (Isaija 47:5, 6) U kienu jixxennqu għall-glorja mill-bnedmin, li bi dritt tappartjeni lil Alla. (Apokalissi 4:11) Din hija twissija għal kulmin għandu xi awtorità—saħansitra fil-kongregazzjoni Kristjana. L-ambizzjoni u l-kburija egoista huma karatteristiċi li Jehovah mhux se jittollera, la f’individwi u lanqas fi ġnus.
29. Il-kburija u l-ambizzjoni tal-ħakkiema Babiloniżi kienet riflessjoni taʼ liema ħaġa?
29 Il-kburija tal-ħakkiema Babiloniżi rriflettiet l-ispirtu taʼ “l-alla taʼ din id-dinja,” Satana x-Xitan. (2 Korintin 4:4) Dan ukoll jixxennaq għall-poter u jixtieq ipoġġi lilu nnifsu ’l fuq minn Alla Jehovah. Bħalma ġara fil-każ tas-sultan taʼ Babilonja u n-nies li rażżan taħtu, l-ambizzjoni taʼ Satana, li tmur kontra kull qdusija, irriżultat f’miżerja u sofferenza għall-umanità kollha.
30. Liema Babilonja oħra tissemma fil-Bibbja, u xi spirtu wriet?
30 Iktar minn hekk, fil-ktieb taʼ l-Apokalissi, naqraw dwar Babilonja oħra—“Babilonja l-Kbira.” (Apokalissi 18:2) Din l-organizzazzjoni, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, ukoll uriet spirtu taʼ kburija, oppressjoni, u kefrija. Bħala riżultat taʼ dan, din ukoll trid tiffaċċja “Jum il-Mulej” u tiġi meqruda meta jasal il-waqt t’Alla. (Isaija 13:6) Mill-1919 ’l hawn qed jidwi madwar l-art il-messaġġ: “Iġġarrfet Babilonja l-Kbira!” (Apokalissi 14:8) Meta ma setgħetx iżżomm iktar fil-jasar lill-poplu t’Alla, din ġarrbet waqgħa. Dalwaqt din se tiġi meqruda kompletament. Dwar Babilonja tal-qedem, Jehovah kkmanda: ‘Ħallsuha skond ma għamlet, agħmlulha skond għemilha. Għax iżżarġnet kontra l-Mulej; kontra l-Qaddis taʼ Iżrael.’ (Ġeremija 50:29; Ġakbu 2:13) Babilonja l-Kbira se tirċievi ġudizzju simili.
31. X’se jiġrilha dalwaqt Babilonja l-Kbira?
31 Għaldaqstant, l-istqarrija finali taʼ Jehovah f’din il-profezija fil-ktieb taʼ Isaija ma tapplikax biss għal Babilonja tal-qedem imma wkoll għal Babilonja l-Kbira: “Jien inqum għalihom, . . . neqred lil Babilonja, isimha u fdalha, nisilha u razzitha . . . Nagħmel minnha għamara għall-qanfud u mistagħdar taʼ ilma qiegħed. Niknisha bl-ixkupa tal-qerda.” (Isaija 14:22, 23) Ir-rovini abbandunati taʼ Babilonja tal-qedem juru dak li Jehovah dalwaqt se jagħmel lil Babilonja l-Kbira. X’faraġ għal dawk li jħobbu l-qima vera! X’inkuraġġiment għalina biex nistinkaw ħalli qatt ma nħallu jiżviluppaw fina l-karatteristiċi sataniċi taʼ kburija, arroganza, jew krudeltà!
[Noti taʼ taħt]
a Isaija jsemmi biss lill-Medi b’isimhom, imma għadd taʼ ġnus se jkunu alleati kontra Babilonja—il-Medja, il-Persja, Għelam, u ġnus iżgħar oħrajn. (Ġeremija 50:9; 51:24, 27, 28) Ġnus ġirien jirreferu kemm għall-Medi u kemm għall-Persjani bħala l-“Medi.” Iżjed minn hekk, fi żmien Isaija, il-Medja hija l-qawwa li tiddomina. Huwa biss taħt Ċiru li l-Persja ssir dominanti.
b Madankollu, donnu jidher li iktar tard il-Medi u l-Persjani żviluppaw imħabba kbira għal-lussu.—Ester 1:1-7.
c Per eżempju, Danjel inħatar bħala uffiċjal għoli f’Babilonja taħt il-Medi u l-Persjani. U xi 60 sena wara, Ester saret sultana, il-mara tas-Sultan Persjan Assweru, u Mordekaj sar prim ministru taʼ l-Imperu Persjan kollu kemm hu.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 178]
Babilonja mirbuħa se ssir l-għamara taʼ ħlejjaq tad-deżert
[Stampa f’paġna 186]
Bħal Babilonja tal-qedem, Babilonja l-Kbira se ssir ħerba