Jehovah Jumilja lill-Kburin
Kapitlu Ħamsa
Jehovah Jumilja lill-Kburin
1, 2. Għala jinteressana l-messaġġ profetiku li Isaija ta lil-Lhud taʼ żmienu?
BILLI jħossu diżgustat bil-kundizzjoni taʼ Ġerusalemm u Ġuda, il-profeta Isaija issa jdur lejn Alla Jehovah u jiddikjara: “Int abbandunajt il-poplu tiegħek, id-dar taʼ Ġakobb.” (Isaija 2:6a) X’kien li ġagħal lil Alla jiċħad lill-poplu li hu stess kien għażel bħala l-ġens “magħżul” tiegħu?—Dewteronomju 14:2.
2 Il-kundanna pubblika li Isaija lissen kontra l-Lhud taʼ żmienu hija taʼ interess kbir għalina. Għala? Għaliex il-kundizzjoni tal-Kristjaneżmu llum hija simili ferm għal dik tal-poplu taʼ Isaija, u hekk ukoll huwa l-ġudizzju dikjarat minn Jehovah. Jekk noqogħdu attenti għall-proklamazzjoni taʼ Isaija se jkollna fehma ċara dwar dak li hu kundannat minn Alla u se jkollna l-għajnuna biex naħarbu prattiċi diżapprovati minnu. Mela, b’antiċipazzjoni ħerqana, ejja nikkunsidraw il-kelma profetika taʼ Jehovah dokumentata f’Isaija 2:6–4:1.
Iqimu bi Kburija
3. Isaija jistqarr liema żball tal-poplu tiegħu?
3 Waqt li jistqarr l-iżball tal-poplu tiegħu, Isaija jgħid: “Imtlew bis-saħħara u bil-bassara bħall-Filistin, u ħadu b’idejn il-barranin.” (Isaija 2:6b) Xi 800 sena qabel, Jehovah kien ikkmanda lin-nies magħżulin tiegħu: “La titkasbru b’ebda ħaġa minn dawn, għax b’dawn il-ħwejjeġ tkasbru l-ġnus li jien se nkeċċihom minn quddiemkom.” (Levitiku 18:24) Jehovah sforza lil Balgħam biex jgħid dwar dawk li kienu ntgħażlu Minnu bħala l-propjetà speċjali tiegħu: “Minn fuq il-qċaċet tal-blat qiegħed narah; nħares lejh minn fuq l-għoljiet. Dan poplu jgħammar waħdu; mal-ġnus ma jitħallatx.” (Numri 23:9, 12) Madankollu, sa żmien Isaija l-magħżulin taʼ Jehovah adottaw il-prattiċi moqżieża tal-ġnus taʼ madwarhom u huma ‘mimlijin saħħara.’ Minflok ma jpoġġu l-fidi tagħhom f’Jehovah u fil-kelma tiegħu, dawn qegħdin jipprattikaw ‘it-tbassir bħall-Filistin.’ Il-pajjiż, mhux talli ma jżommx ruħu separat mill-ġnus, imma talli ‘jieħu b’idejn il-barranin’—bla dubju, barranin li jintroduċu prattiċi ħżiena fost il-poplu t’Alla.
4. Minflok ma jġagħluhom jirringrazzjaw lil Jehovah, l-għana u l-qawwa militari kif jeffettwawhom lil-Lhud?
4 Billi jinnota r-riżq ekonomiku u s-saħħa militari li hemm bħalissa f’Ġuda taħt is-Sultan Għużżija, Isaija jistqarr: “Arthom imtliet bil-fidda u d-deheb, u t-teżori tagħhom bla qjies; pajjiżhom mimli biż-żwiemel, u l-karrijiet tagħhom bla qjies.” (Isaija 2:7) Jirringrazzjawh in-nies lil Jehovah għal dan l-għana u din is-saħħa militari? (2 Kronaki 26:1, 6-15) ’Il bogħod minn hekk! Minflok, ipoġġu l-fiduċja tagħhom fl-għana nnifsu u jduru lil hinn mis-Sors tiegħu, Alla Jehovah. X’jirriżulta minn dan? “[I]mtliet arthom bl-idoli; iqimu xogħol idejhom, u kull ma ħadmu subgħajhom. U l-bniedem jiċċekken [“ibaxxi rasu,” “KŻ”], u r-raġel jaqaʼ fix-xejn, għalhekk la taħfrilhomx!” (Isaija 2:8, 9) Huma jagħtu daharhom lil dak Alla l-ħaj u jbaxxu rashom quddiem idoli bla ħajja.
5. Li wieħed ibaxxi rasu quddiem l-idoli għala m’huwiex att taʼ umiltà?
5 Li wieħed ibaxxi rasu jistaʼ jkun sinjal taʼ umiltà. Imma li wieħed ibaxxi rasu quddiem affarijiet bla ħajja huwa fieragħ, għax minħabba f’hekk, min iqim l-idoli “jaqaʼ fix-xejn,” isir baxx. Kif jistaʼ Jehovah jaħfer dnub bħal dan? X’se jagħmlu dawn l-idolatri meta Jehovah jitlobhom kont taʼ għemilhom?
“Titbaxxa l-Ħarsa Mkabbra”
6, 7. (a) X’jiġrilhom il-kburin f’jum il-ġudizzju taʼ Jehovah? (b) Jehovah fuq xiex u fuq min jesprimi r-rabja tiegħu, u għala?
6 Ikompli Isaija: “Idħol fil-blat u nħeba fit-trab, minħabba t-twerwir tal-Mulej u d-dija tal-kobor tiegħu.” (Isaija 2:10) Imma ebda blata ma se tkun kbira biżżejjed biex tipproteġihom, u ebda għata ma se tkun ħoxna biżżejjed biex tostorhom, minn Jehovah, li Jistaʼ Kollox. Meta jiġi biex jesegwixxi l-ġudizzju tiegħu, “titbaxxa l-ħarsa mkabbra tal-bniedem, u s-suppervja tal-bniedem tiġi fix-xejn, u dakinhar jitgħolla waħdu l-Mulej.”—Isaija 2:11.
7 Ġej il-“jum għall-Mulej taʼ l-eżerċti.” Dan se jkun żmien fejn Alla jesprimi r-rabja tiegħu “għaċ-ċedri kollha tal-Libanu, mkabbra u għolja, għall-ballut kollu taʼ Basan; għall-muntanji kollha għolja, għall-għoljiet kollha merfugħa; għat-torrijiet kollha għolja; għal kull sur imsaħħaħ; għal kull ġifen taʼ Tarsis, għal kull xini kollu ġmiel.” (Isaija 2:12-16) Iva, kull organizzazzjoni maħluqa mill-bniedem bħala simbolu tal-kburija tiegħu u kull individwu li jiċħad ’l Alla se jingħataw l-attenzjoni f’jum il-korla taʼ Jehovah. B’hekk, “tiġġarraf il-kburija tal-bniedem, u titniżżel is-suppervja tal-bniedem; u dakinhar, jitgħolla waħdu l-Mulej.”—Isaija 2:17.
8. Il-jum taʼ ġudizzju mbassar kif jiġi fuq Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K.?
8 Il-jum imbassar taʼ ġudizzju jiġi fuq il-Lhud fis-sena 607 Q.E.K. meta s-Sultan Babiloniż Nabukodonosor jeqred lil Ġerusalemm. L-abitanti jaraw il-belt maħbuba tagħhom ħuġġieġa waħda, il-bini manjifiku tagħha mġarraf, is-swar setgħanin tagħha mfarrkin. It-tempju taʼ Jehovah sar terrapien. La t-teżori tagħhom lanqas il-karrijiet tagħhom ma se jiswew f’dak il-jum li “għad ikun . . . jum għall-Mulej taʼ l-eżerċti.” U l-idoli tagħhom? Jiġrilhom sewwa sew bħalma jbassar Isaija: “L-idoli jdubu għalkollox.” (Isaija 2:18) Il-Lhud—inkluż il-prinċpijiet u l-irġiel setgħanin—jittieħdu lsiera f’Babilonja. Ġerusalemm trid tibqaʼ ħerba għal 70 sena.
9. Il-kundizzjoni tal-Kristjaneżmu b’liema mod hija simili għal dik taʼ Ġerusalemm u Ġuda fi żmien Isaija?
9 Kemm hi simili l-kundizzjoni tal-Kristjaneżmu għal dik taʼ Ġerusalemm u Ġuda fi żmien Isaija! Il-Kristjaneżmu ċertament li rawwem relazzjoni mill-qrib mal-ġnus taʼ din id-dinja. Dan jappoġġa b’entużjażmu lill-Ġnus Magħquda u mela daru bl-idoli u bi prattiċi mhux skritturali. Is-segwaċi tiegħu huma materjalistiċi u jpoġġu l-fiduċja tagħhom fil-qawwa militari. U xi ngħidu dwar kif iħarsu lejn il-membri tal-kleru? Bħala li jistħoqqilhom distinzjoni kbira, billi jagħtuhom kull xorta taʼ titlu u unur. Il-kburija tal-Kristjaneżmu ċertament li se tinġieb fix-xejn. Imma meta?
“Jum il-Mulej” Jehovah fuq l-Għatba
10. L-appostli Pawlu u Pietru jippontaw lejn liema “jum il-Mulej” Jehovah?
10 L-Iskrittura tipponta lejn “jum il-Mulej” Jehovah li se jkun sinjifikattiv ferm iktar mill-jum taʼ ġudizzju fuq Ġerusalemm u Ġuda tal-qedem. Taħt ispirazzjoni, l-appostlu Pawlu assoċja “jum il-Mulej” Jehovah mal-preżenza tas-Sultan Ġesù Kristu mqiegħed fuq it-tron. (2 Tessalonikin 2:1, 2) Pietru tkellem dwar dak il-jum f’konnessjoni maʼ li jiġu stabbiliti “smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:10-13) Dan huwa l-jum li fih Jehovah se jesegwixxi l-ġudizzju tiegħu fuq is-sistema t’affarijiet mill-agħar kollha kemm hi, inkluż il-Kristjaneżmu.
11. (a) Min se “jiflaħ għalih” “jum il-Mulej” Jehovah li ġej? (b) Lil Jehovah kif nistgħu nagħmluh il-kenn tagħna?
11 “Ah, x’jum dan!” jgħid il-profeta Ġoel. “Għax fil-qrib jum il-Mulej, jasal bħal riefnu mingħand Xaddaj.” Meta nqisu kemm hu fil-viċin dak il-“jum,” m’għandux kulħadd ikun konċernat dwar is-sigurtà matul dak iż-żmien li jispira l-biżaʼ? “Min jiflaħ għalih?” jistaqsi Ġoel. Hu jwieġeb: “[I]l-Mulej ikun għall-poplu tiegħu kenn.” (Ġoel 1:15; 2:11; 4:16 [3:16, NW]) Se jkun Alla Jehovah kenn għal dawk li għandhom spirtu taʼ kburija u li jpoġġu l-fiduċja tagħhom fl-għana, fil-qawwa militari, u f’allat magħmulin mill-bniedem? Impossibbli! Alla abbanduna saħansitra lin-nies magħżulin tiegħu meta aġixxew b’dan il-mod. Kemm huwa vitali li l-qaddejja t’Alla kollha ‘jfittxu l-ġustizzja, ifittxu l-umiltà,’ u jeżaminaw bis-serjetà l-post li l-qima taʼ Jehovah għandha f’ħajjithom!—Sofonija 2:2, 3.
“Għall-Ġrieden u għall-Friefet il-Lejl”
12, 13. Għala huwa xieraq li dawk li jqimu l-idoli jixħtu l-allat tagħhom “għall-ġrieden u għall-friefet il-lejl” fil-jum taʼ Jehovah?
12 Dawk li jqimu l-idoli kif se jqisuhom l-idoli tagħhom matul il-jum il-kbir taʼ Jehovah? Iwieġeb Isaija: “[I]n-nies jidħlu fl-għerien tal-blat, u fil-ħofor tat-trab taʼ l-art, minħabba t-twerwir tal-Mulej, u d-dija tal-glorja tiegħu, meta jqum biex iriegħed l-art. Dakinhar il-bniedem jarmi xbihat allatu, tal-fidda u d-deheb . . . jixħethom għall-ġrieden u għall-friefet il-lejl; biex jidħol fl-għerien tal-blat u fi xquq l-irdum, minħabba t-twerwir tal-Mulej u d-dija tal-glorja tiegħu, meta jqum biex iriegħed l-art. Ħallikom minnu l-bniedem, għax nifs biss għandu fi mnifsejh, ma jiswa xejn!”—Isaija 2:19-22.
13 Il-ġrieden jgħixu f’toqob fl-art, u l-friefet il-lejl jorqdu f’għerien mudlama u mwarrba. Iktar minn hekk, fejn ikun hemm għadd kbir taʼ friefet il-lejl, ikun hemm riħa tinten u gzuz taʼ saffi ħoxnin taʼ ħmieġ tagħhom. Huwa xieraq li l-idoli jiġu mixħutin f’postijiet bħal dawn. Post mudlam u maħmuġ huwa kulma jixirqilhom. Inkwantu għan-nies, dawn se jfittxu l-kenn fl-għerien u fix-xquq fil-blat f’jum il-ġudizzju taʼ Jehovah. Mela l-idoli u dawk li jqimuhom se jkollhom l-istess tmiem. Fi qbil mal-profezija taʼ Isaija, l-idoli bla ħajja la salvaw lil dawk li qimuhom u lanqas lil Ġerusalemm minn taħt idejn Nabukodonosor fis-sena 607 Q.E.K.
14. Matul il-jum li ġej tal-ġudizzju taʼ Jehovah fuq l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, x’se jagħmlu dawk il-bnedmin li moħħhom fid-dinja?
14 X’se jagħmlu n-nies matul il-jum li ġej tal-ġudizzju taʼ Jehovah fuq il-Kristjaneżmu u fuq partijiet oħrajn mill-imperu dinji taʼ reliġjon falza? Peress li jħabbtu wiċċhom maʼ kundizzjonijiet li sejrin mill-ħażin għall-agħar mad-dinja kollha, il-biċċa l-kbira x’aktarx li se jirrealizzaw li l-idoli tagħhom huma bla valur. Bħala alternattiva, dawn għandhom mnejn ifittxu kenn u protezzjoni f’organizzazzjonijiet terrestri li m’humiex spiritwali, forsi inkluż il-Ġnus Magħquda, il-“Bhima lewn aħmar dagħmieni” t’Apokalissi kapitlu 17. Huma “l-għaxart iqrun” taʼ dik il-bhima salvaġġa simbolika li se jeqirdu lil Babilonja l-Kbira, l-imperu dinji taʼ reliġjon falza, li minnu l-Kristjaneżmu jifforma parti sinjifikanti.—Apokalissi 17:3, 8-12, 16, 17.
15. Jehovah kif se “jitgħolla” waħdu f’jum il-ġudizzju tiegħu?
15 Għalkemm meta Babilonja l-Kbira tintgħamel ħerba u tinħaraq jistaʼ jkun ix-xogħol dirett taʼ dawk l-għaxart iqrun simboliċi, din tkun, fil-fatt, l-esekuzzjoni tal-ġudizzju taʼ Jehovah. Dwar Babilonja l-Kbira, Apokalissi 18:8 jgħid: “Għalhekk f’jum wieħed jiġuha l-kastigi tagħha: mewt u niket u ġuħ u fin-nar għad tinħaraq, għax setgħani hu l-Mulej li jagħmel ħaqq minnha.” Mela l-kredtu għall-fatt li l-umanità ma tibqax dominata mir-reliġjon falza jmur lejn Alla Jehovah, li Jistaʼ Kollox. Bħalma jgħid Isaija, “Dakinhar jitgħolla waħdu l-Mulej. Għax għad ikun hemm jum għall-Mulej taʼ l-eżerċti.”—Isaija 2:11b, 12a.
“Ħżiena Huma l-Mexxejja Tiegħek”
16. (a) Liema affarijiet jifformaw “kull irfid u rifda” taʼ soċjetà umana? (b) In-nies taʼ Isaija kif se jsofru meta jitneħħa “kull irfid u rifda” tas-soċjetà tagħhom?
16 Biex soċjetà umana tkun stabbli, irid ikollha “kull irfid u rifda”—neċessitajiet bħalma huma l-ikel u l-ilma u, iktar importanti, mexxejja taʼ min jafdahom li jkunu kapaċi jiggwidaw lin-nies u jżommu l-ordni soċjali. Iżda, dwar Iżrael tal-qedem, Isaija jbassar: “Iva, araw, is-Sid, il-Mulej taʼ l-eżerċti jneħħi minn Ġerusalemm u minn Ġuda kull irfid u rifda: kull matmura taʼ ħobż u kull ħażna taʼ ilma; il-qalbieni u l-gwerrier, l-imħallef u l-profeta, il-bassâr u l-anzjan, il-fizzjal tal-ħamsin u n-nobbli, il-kunsillier u l-imgħallem tas-sħarijiet, u l-imħarreġ fil-magħmul.” (Isaija 3:1-3) Sempliċi tfal se jsiru prinċpijiet u jaħkmu kapriċċjożament. Se jiġri li mhux biss il-ħakkiema se jaħqru lin-nies imma wkoll “il-poplu jgħakkes wieħed lil ieħor . . . Iż-żgħażagħ jiżżarġnu fuq ix-xjuħ, il-bniedem taʼ xejn fuq in-nobbli.” (Isaija 3:4, 5) It-tfal “jiżżarġnu” kontra l-anzjani tagħhom, billi ma jirrispettawhomx. Tant se tkun imwegħra l-kundizzjoni tal-ħajja li lil bniedem bla ebda kwalifika biex jaħkem se jintqallu: “Int għandek mantar, ejja u aħkem fuqna, ħa tkun din il-ħerba taħt idejk.” (Isaija 3:6) Imma dawk li jiġu mistidnin b’dan il-mod se jirrifjutaw, billi jinsistu li huma la għandhom l-abbiltà li jfejqu l-pajjiż ferut lanqas l-għana biex jerfgħu r-responsabbiltà. Fil-fatt, se jgħidu: “Jien m’iniex tabib, m’għandix f’dari u la ħobż u lanqas mantar. La tagħmlunix ħâkem tal-poplu!”—Isaija 3:7.
17. (a) Id-dnub taʼ Ġerusalemm u Ġuda f’liema sens kien ‘bħal dak taʼ Sodoma’? (b) Isaija fuq min jitfaʼ l-ħtija għall-kundizzjoni tal-poplu tiegħu?
17 Ikompli Isaija: “Iġġarrfet Ġerusalemm u Ġuda waqgħet. Għax ilsienhom u għemilhom kontra l-Mulej, biex jeħduha kontra l-glorja tiegħu. Il-ħarsa taʼ wiċċhom tixhed kontriehom, dnubiethom bħal Sodoma jxandru bla ma jaħbuhom. Ħażin għalihom, għax b’idejhom iġibu fuqhom stess il-ħsara.” (Isaija 3:8, 9) In-nies t’Alla rribellaw bil-kliem u bil-fatti kontra dak Alla veru. Saħansitra l-espressjonijiet bla mistħija u bla ndiema taʼ fuq wiċċhom jikxfulhom dnubiethom, li huma moqżieża daqs dawk taʼ Sodoma. Huma qegħdin f’patt m’Alla Jehovah, u madankollu hu mhux se jbiddel il-livelli tiegħu għalihom. “Hieni l-ġust għax tiġih tajba, għax għad jiekol frott għemilu. Gwaj għall-ħażin, għax tiġih ħażina, għax għemil idejh għad jilħquh. Il-poplu tiegħi, it-tfal għad jaħkmuhom, u n-nisa għad iżarġnu fuqhom. Poplu tiegħi, ħżiena huma l-mexxejja tiegħek, iħarbtu t-triq tal-mogħdija tiegħek.”—Isaija 3:10-12.
18. (a) Jehovah liema ġudizzju jlissen fuq l-anzjani u l-prinċpijiet taʼ żmien Isaija? (b) X’lezzjoni nitgħallmu mill-ġudizzju taʼ Jehovah fuq l-anzjani u l-prinċpijiet?
18 Jehovah “jagħmel il-ħaqq” mill-anzjani u l-prinċpijiet f’Ġuda: “Intom ħarbattu qasam id-dwieli, sraqtu l-fqir u mlejtu djarkom. Għaliex tgħakksu l-poplu tiegħi, u titħnu wiċċ il-fqir?” (Isaija 3:13-15) Minflok ma jaħdmu għall-ġid tal-poplu, il-mexxejja jieħdu sehem fi prattiċi qarrieqa. Huma jużaw ħażin l-awtorità tagħhom billi jistagħnew u jċaħħdu lill-foqra u lil dawk fil-bżonn. Imma dawn il-mexxejja jridu jagħtu kont lil Jehovah taʼ l-eżerċti talli jgħakksu lill-batuti. Xi twissija dik għal dawk li qegħdin f’pożizzjonijiet taʼ responsabbiltà llum! Jalla joqogħdu attenti li qatt ma jużaw ħażin l-awtorità tagħhom.
19. Il-Kristjaneżmu huwa ħati taʼ liema moħqrija u persekuzzjoni?
19 Il-Kristjaneżmu—partikolarment il-membri tal-kleru u l-irjus il-kbar tiegħu—akkwista bi frodi ħafna minn dak li suppost jappartjeni lin-nies komuni, li lilhom għakkes u jkompli jgħakkes. Dan ukoll sawwat, ippersegwita, u ħaqar lill-poplu t’Alla u ġab tmaqdir kbir fuq isem Jehovah. Fiż-żmien imwaqqat tiegħu, Jehovah ċertament li se jagħmel il-ħaqq minnu.
“Minflok Ġmiel, it-Timbru tal-Jasar”
20. Jehovah għala jikkundanna pubblikament lill-“bniet taʼ Sijon”?
20 Wara li jikkundanna pubblikament il-ħtijiet tal-mexxejja, Jehovah jdur lejn in-nisa taʼ Sijon, jew Ġerusalemm. Milli jidher biex isegwu l-moda, “il-bniet taʼ Sijon” jilbsu “ġawhar imsensel mar-riġlejn”—ċpiepet imdawrin maʼ l-għekiesi—li jċekċku b’mod melodjuż. In-nisa jagħmlu passi żgħar u jippassiġġaw ‘biż-żeglig,’ billi jadottaw bħallikieku mixja femminili u eleganti. Hemm xi ħaġa ħażina f’dan, jew le? L-attitudni taʼ dawn in-nisa. Jgħid Jehovah: “Il-bniet taʼ Sijon tkabbru, jimxu b’għonqhom imserdak, u b’għajnejhom jegħmżu.” (Isaija 3:16) Kburija bħal din ma tiskansahomx mill-kastig.
21. Il-ġudizzju taʼ Jehovah fuq Ġerusalemm kif jeffettwahom lin-nisa Lhud?
21 Għaldaqstant, meta Jehovah jagħmel ħaqq mill-pajjiż, dawn “il-bniet taʼ Sijon” kburin se jitilfu kollox—saħansitra l-ġmiel li tant huma kburin bih. Jehovah jipprofetizza: “Sidi għad jiksi bil-qxur il-qorriegħa taʼ bniet Sijon, u għerithom jikxfilhom il-Mulej. Dakinhar Sidi jneżżagħhom mit-tlellix tal-ħoloq taʼ l-għekiesi, mix-xmux u l-oqmra, mill-imsielet u l-brazzuletti, mill-filoxx u l-faxex tar-ras, mill-ġawhar imsensel mar-riġlejn, mit-trieħi u l-kwies tal-fwejjaħ, mill-amuleti u ċ-ċrieket, mill-ħoloq għall-imnieħer, mill-ilbies rikk u mill-imnatar, mix-xalel u mill-boroż, mill-mirja u x-xalpi tal-filoxx, mill-ilbies taʼ l-għażel fin, mit-trabant u mill-krâkar.” (Isaija 3:17-23) X’bidla traġika!
22. Minbarra t-tiżjin tagħhom, x’jitilfu iktar in-nisa taʼ Ġerusalemm?
22 Il-messaġġ profetiku jissokta jgħid: “U jkun hemm dakinhar minflok fwieħa, ntejjen; minflok trieħi, ħbula; minflok xagħar midfur, qriegħi; minflok ilbies rikk, tgeżwir bix-xkejjer; minflok ġmiel, it-timbru tal-jasar.” (Isaija 3:24) Fis-sena 607 Q.E.K., in-nisa kburin taʼ Ġerusalemm jinżlu mill-għana għall-faqar. Jitilfu l-libertà tagħhom u jirċievu “timbru tal-jasar.”
“Hi Għerja”
23. Jehovah x’jipproklama dwar Ġerusalemm?
23 Billi jkellem issa lill-belt taʼ Ġerusalemm, Jehovah jipproklama: “L-irġiel tiegħek jaqgħu taħt ix-xabla, u l-qalbiena fit-taqtigħa. U l-bwieb tagħha jibku u jixhru, u hi għerja, mitluqa maʼ l-art.” (Isaija 3:25, 26) L-irġiel taʼ Ġerusalemm, saħansitra l-qalbiena tagħha, se jiġu assassinati fil-battalja. Il-belt se tiġi mwittija. Għall-“bwieb tagħha,” dan se jkun żmien biex “jibku u jixhru.” Ġerusalemm se tintgħamel “għerja” u titħalla ħerba.
24. Il-fatt li l-irġiel jintilfu bix-xabla għandu liema konsegwenzi drastiċi għan-nisa taʼ Ġerusalemm?
24 Il-fatt li l-irġiel se jintilfu bix-xabla se jkollu konsegwenzi drastiċi għan-nisa taʼ Ġerusalemm. Biex jikkonkludi din il-parti tal-ktieb profetiku tiegħu, Isaija jbassar: “Dakinhar jaqbdu sebaʼ nisa maʼ raġel wieħed u jgħidulu: ‘Nieklu ħobżna u nxiddu lbiesna, biżżejjed nissejjħu b’ismek; neħħi l-għajb minn fuqna.’” (Isaija 4:1) Tant se jkun hemm ftit irġiel disponibbli għaż-żwieġ li diversi nisa se jittrakkaw maʼ raġel wieħed sabiex jissejħu b’ismu—jiġifieri, ikunu magħrufin pubblikament bħala n-nisa tiegħu—u b’hekk ikunu ħielsa mit-tmaqdir għax bla raġel. Il-Liġi Mosajka rrikjediet li raġel għandu jipprovdi l-ikel u l-ilbies għal martu. (Eżodu 21:10) Madankollu, billi jaċċettaw li ‘jieklu ħobżhom u jxiddu lbieshom,’ dawn in-nisa huma lesti li jeħilsu lir-raġel mill-obbligi legali li għandu. X’sitwazzjoni taʼ disprament għal dawk li darba kienu l-“bniet taʼ Sijon” kburin!
25. X’hemm maħżun għall-kburin?
25 Jehovah jumilja lill-kburin. Fis-sena 607 Q.E.K., hu tabilħaqq li l-kburija tan-nies magħżulin tiegħu jġagħalha ‘tiċċekken’ u jġiegħel lis-“suppervja” tagħhom “titbaxxa.” Jalla l-Kristjani veri ma jinsew qatt li “Alla jieqaf lill-kburi, u jagħti l-grazzja lill-umli.”—Ġakbu 4:6.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 50]
L-idoli, l-għana, u l-ħila militari ma jsalvawhiex lil Ġerusalemm f’jum il-ġudizzju taʼ Jehovah
[Stampa f’paġna 55]
F’“jum il-Mulej” Jehovah l-imperu dinji taʼ reliġjon falza se jsir ħerba