Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

L-​Art Terġaʼ Ssir Ġenna!

L-​Art Terġaʼ Ssir Ġenna!

Kapitlu Tmienja u Għoxrin

L-​Art Terġaʼ Ssir Ġenna!

Isaija 35:1-10

1. Ħafna reliġjonijiet għala joffru t-​tama taʼ ħajja f’ġenna?

 “IN-​NOSTALĠIJA għall-​ġenna hija waħda mill-​iktar affarijiet li l-​bniedem dejjem jhewden dwarhom. Din hi x’aktarx l-​iktar xewqa kbira u persistenti li għandu. F’kull livell tal-​ħajja reliġjuża tidher ċerta xenqa għall-​ġenna.” Hekk tgħid The Encyclopedia of Religion. Hija ħaġa naturali li l-​bniedem ikollu din in-​nostalġija ladarba l-​Bibbja tgħidilna li l-​ħajja umana bdiet fil-​Ġenna taʼ l-​art—ġnien mill-​isbaħ ħieles mill-​mard u l-​mewt. (Ġenesi 2:8-15) Mhix sorpriża għalina li ħafna mir-​reliġjonijiet tad-​dinja joffru t-​tama taʼ ħajja futura f’xi xorta taʼ ġenna.

2. Fejn nistgħu nsibuha t-​tama vera taʼ Ġenna taʼ l-​art fil-​futur?

2 F’ħafna partijiet tal-​Bibbja, nistgħu naqraw dwar it-​tama vera taʼ Ġenna taʼ l-​art fil-​futur. (Isaija 51:3) Per eżempju, il-​parti mill-​profezija taʼ Isaija li nsibu f’kapitlu 35taʼ Is tiddeskrivi kif reġjuni li huma bħal xagħri jinbidlu f’imsaġar u ġonna u għelieqi mimlijin frott. L-​għomja jiksbu d-​dawl, l-​imbikkmin jistgħu jitkellmu, u t-​torox jistgħu jisimgħu. F’din il-​Ġenna taʼ l-​art imwegħda m’hemmx swied il-​qalb jew għajat, u dan iġagħalna naħsbu li saħansitra l-​mewt m’għadhiex teżisti. X’wegħda meraviljuża! Kif għandna nifhmuh dan il-​kliem? Joffrilna xi tama llum? Ir-​risposti għal dawn il-​mistoqsijiet se jiġu provduti hekk kif nikkunsidraw dan il-​kapitlu taʼ Isaija.

Jithenna Pajjiż Imħarbat

3. Skond il-​profezija taʼ Isaija, il-​pajjiż liema bidla se jġarrab?

3 Il-​profezija mnebbħa taʼ Isaija dwar kif l-​art se terġaʼ ssir Ġenna tibda b’dan il-​kliem: “Ħa jifirħu d-​deżert u l-​art maħruqa; ħa jifraħ ix-​xagħri u jwarrad, ħa jwarrad bħar-​ranġis. Ħa tifraħ fuq li tifraħ, taqbeż u tgħanni. Sebħ il-​Libanu jingħata lilha, il-​ġmiel tal-​Karmel u taʼ Saron. Għad jaraw is-​sebħ tal-​Mulej, il-​ġmiel taʼ Alla tagħna.”—Isaija 35:1, 2.

4. Pajjiż il-​Lhud meta u kif jieħu d-​dehra taʼ xagħri?

4 Isaija jikteb dan il-​kliem madwar is-​sena 732 Q.E.K. Xi 125 sena wara, il-​Babiloniżi jeqirdu lil Ġerusalemm u n-​nies taʼ Ġuda jintbagħtu fl-​eżilju. Pajjiżhom jitħalla baħħ u jsir ħerba. (2 Slaten 25:8-11, 21-26) B’dan il-​mod titwettaq it-​twissija taʼ Jehovah li n-​nies taʼ Iżrael kienu se jispiċċaw fl-​eżilju jekk ma jurux lealtà. (Dewteronomju 28:15, 36, 37; 1 Slaten 9:6-8) Meta l-​ġens Lhudi jaqaʼ fil-​jasar f’pajjiż barrani, l-​għelieqi u l-​ġonna tagħhom imsoqqijin sew jitħallew mitluqin għal 70 sena u jsiru bħal xagħri.—Isaija 64:9 [64:10, NW]; Ġeremija 4:23-27; 9:10-12.

5. (a) Il-​kundizzjonijiet taʼ ġenna taʼ l-​art kif jerġgħu jitgawdew fil-​pajjiż? (b) In-​nies f’liema sens “jaraw is-​sebħ tal-​Mulej”?

5 Madankollu, il-​profezija taʼ Isaija tbassar li l-​pajjiż mhux se jibqaʼ ħerba għal dejjem. Se jerġaʼ jsir ġenna taʼ l-​art fil-​veru sens tal-​kelma. Se jingħatalu “sebħ il-​Libanu” u l-​“ġmiel tal-​Karmel u taʼ Saron.” a Kif? Malli jirritornaw mill-​eżilju, il-​Lhud jistgħu jikkultivaw u jsaqqu l-​għelieqi tagħhom mill-​ġdid, u pajjiżhom jerġaʼ jsir għammiel u għani kif kien qabel. Il-​kredtu għal dan jistaʼ jingħata biss lil Jehovah. Huwa bis-​saħħa tar-​rieda tiegħu u bl-​appoġġ u l-​barka tiegħu li l-​Lhud jaslu biex igawdu dawn il-​kundizzjonijiet taʼ ġenna taʼ l-​art. In-​nies jistgħu jaraw “is-​sebħ tal-​Mulej, il-​ġmiel taʼ Alla” tagħhom meta jirrikonoxxu li hemm id Jehovah wara l-​bidla meraviljuża taʼ pajjiżhom.

6. Liema twettiq importanti taʼ kliem Isaija jidher hawn?

6 Minkejja dan, fil-​pajjiż taʼ Iżrael mibdul f’ġenna, kliem Isaija għandu twettiq iktar importanti. F’sens spiritwali, Iżrael kien fi stat taʼ nixfa bħal deżert għal bosta snin. Waqt li l-​eżiljati kienu f’Babilonja, il-​qima safja kienet maħnuqa ferm. Ma kienx hemm tempju, ma kienx hemm artal, u ma kienx hemm saċerdozju organizzat. Is-​sagrifiċċji taʼ kuljum waqfu. Issa, Isaija jipprofetizza li se jseħħ l-​oppost. Taħt it-​tmexxija taʼ rġiel bħal Żerubbabel, Esdra, u Neħemija, rappreżentanti mit-​12-il tribù kollha taʼ Iżrael jirritornaw lejn Ġerusalemm, jibnu t-​tempju mill-​ġdid, u jqimu lil Jehovah fil-​libertà. (Esdra 2:1, 2) Din tabilħaqq li hi ġenna spiritwali!

Mixgħulin bl-​Ispirtu

7, 8. Il-​Lhud eżiljati għala jeħtieġu attitudni pożittiva, u kliem Isaija kif jipprovdi l-​inkuraġġiment?

7 Il-​kliem taʼ Isaija f’kapitlu 35 għandu xejra ferriħija. Il-​profeta qed iħabbar futur mill-​isbaħ għall-​ġens niedem. Tabilħaqq, hu jitkellem b’konvinzjoni u ottimiżmu. Żewġ sekli wara, meta waslu biex jerġgħu jieħdu posthom f’arthom, il-​Lhud eżiljati jeħtieġu l-​istess konvinzjoni u ottimiżmu. Permezz taʼ Isaija, Jehovah jħeġġiġhom profetikament: “Qawwu l-​idejn mitruħa; saħħu l-​irkubbtejn imriegħda. Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa: ‘Agħmlu l-​ħila, la tibżgħux! Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas; il-​ħlas taʼ Alla wasal; Hu stess ġej biex isalvakom.’”—Isaija 35:3, 4.

8 Meta fl-​aħħar jintemm l-​eżilju jkun hemm ħafna x’irid isir. Is-​Sultan Ċiru tal-​Persja, il-​mezz li bih Jehovah ġab vendetta kontra Babilonja, ħareġ kmand li l-​qima taʼ Jehovah trid terġaʼ tieħu postha f’Ġerusalemm. (2 Kronaki 36:22, 23) Eluf taʼ familji Lhud għandhom bżonn jorganizzaw ruħhom sabiex jagħmlu l-​vjaġġ perikoluż minn Babilonja sa Ġerusalemm. Meta jaslu hemmhekk, se jkollhom jibnu postijiet addattati fejn jgħixu u jħejju għax-​xogħol enormi tal-​bini mill-​ġdid tat-​tempju u l-​belt. Għal xi Lhud f’Babilonja, dan kollu għandu mnejn jidher li hu taʼ qtigħ il-​qalb. Madankollu, dan m’huwiex iż-​żmien biex wieħed jintelaq jew jitbeżżaʼ. Il-​Lhud iridu jsaħħu lil xulxin u jkollhom fiduċja f’Jehovah. Hu jassigurahom li se jiġu salvati.

9. Liema wegħda grandjuża hi offruta lil-​Lhud li jirritornaw?

9 Dawk li jinħelsu mill-​jasar f’Babilonja se jkollhom għalfejn jithennew, għax hemm jistenniehom futur grandjuż malli jirritornaw Ġerusalemm. Ibassar Isaija: “Mbagħad jinfetħu għajnejn l-​għomja, jinfetħu widnejn it-​torox. Mbagħad iz-​zopp jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-​imbikkma jinħall bil-​ferħ.”—Isaija 35:5, 6a.

10, 11. Għal-​Lhud li jiġu lura, kliem Isaija għala jrid ikollu tifsira spiritwali, u dan x’iġagħalna naħsbu?

10 Jidher ċar li Jehovah għandu f’moħħu l-​kundizzjoni spiritwali tan-​nies tiegħu. Dawn ġew kastigati b’70 sena taʼ eżilju għall-​apostasija li wettqu qabel. Xorta waħda, meta ddixxiplina lin-​nies tiegħu, Jehovah m’għamilhomx għomja, torox, zopop, u mbikkmin. Għaldaqstant, biex il-​ġens taʼ Iżrael jerġaʼ għal li kien qabel m’hemmx bżonn li jitfejqu l-​mankamenti fiżiċi. Jehovah jagħti lura dak li ntilef, jiġifieri, is-​saħħa spiritwali.

11 Il-​Lhud li jindmu jitfejqu billi jerġgħu jiksbu s-​sensi spiritwali tagħhom—il-​vista spiritwali tagħhom u l-​abbiltà tagħhom li jisimgħu, jobdu, u jlissnu l-​kelma taʼ Jehovah. Huma jsiru konxji tal-​fatt li jeħtieġu jibqgħu qrib Jehovah. Bil-​kondotta tajba tagħhom, ‘ilsienhom jinħall’ b’tifħir ferrieħi lil Alla tagħhom. Dak li qabel kien “zopp” isir ħerqan u attiv fil-​qima tiegħu lejn Jehovah. F’sens figurattiv, hu se “jaqbeż bħal għażżiela.”

Jehovah Jiffriska lin-​Nies Tiegħu

12. Jehovah sa liema punt se jipprovdi ilma għall-​art?

12 Huwa diffiċli li timmaġina ġenna taʼ l-​art mingħajr ilma. Il-​Ġenna taʼ l-​art oriġinali f’Għeden kellha abbundanza taʼ ilma. (Ġenesi 2:10-14) L-​art mogħtija lil Iżrael kienet ukoll “art taʼ widien taʼ ilma, taʼ għejun u gliegel.” (Dewteronomju 8:7) Għalhekk, b’mod xieraq Isaija jagħmel din il-​wegħda rifreskanti: “Iva, igelgel l-​ilma fid-​deżert, u l-​widien fix-​xagħri. L-​art maħruqa tinbidel f’għadira, u l-​art niexfa f’għejun taʼ ilma ġieri. Fejn qabel kienu jimteddu x-​xakalli, issa hemm il-​ħmiemel tal-​qasab u l-​ġummar.” (Isaija 35:6b, 7) Meta l-​Iżraelin jerġgħu jieħdu ħsieb il-​pajjiż, l-​inħawi li kienu ħerba, fejn darba kienu jħufu x-​xakalli, se jinksew b’siġar li jħaddru mfawrin bil-​frott. Art niexfa bit-​trab se tiġi mibdula f’“għadira” fejn jistgħu jikbru l-​ġummar u qasab ieħor li jikber fl-​ilma.—Ġob 8:11.

13. Il-​ġens li reġaʼ ħa postu liema ilma spiritwali se jkollu bl-​abbundanza?

13 Iżda, iktar importanti huwa l-​ilma spiritwali tal-​verità, li l-​Lhud li jirritornaw f’arthom se jgawdu bl-​abbundanza. Jehovah se jipprovdi għarfien, inkuraġġiment, u faraġ permezz tal-​Kelma tiegħu. Iktar minn hekk, irġiel ixjeħ u prinċpijiet li huma leali se jkunu “bħal swieqi taʼ l-​ilma f’art niexfa.” (Isaija 32:1, 2) Nies li għandhom għal qalbhom il-​qima safja, bħal Esdra, Ħaggaj, Ġożwè, Neħemija, Żakkarija u Żerubbabel, tabilħaqq li se jaraw b’għajnejhom stess it-​twettiq tal-​profezija taʼ Isaija.—Esdra 5:1, 2; 7:6, 10; Neħemija 12:47.

“It-​Triq il-​Qaddisa”

14. Iddeskrivi kif minn Babilonja tistaʼ tasal Ġerusalemm.

14 Madankollu, biex ikunu jistgħu jgawdu dawn il-​kundizzjonijiet fiżiċi u spiritwali bħal taʼ ġenna, il-​Lhud eżiljati se jkollhom jagħmlu l-​vjaġġ twil u perikoluż minn Babilonja sa Ġerusalemm. Jekk jaqbdu rotta dritta jkollhom jaqsmu madwar 800 kilometru taʼ deżert niexef u għeri. Biex jaqbdu rotta inqas diffiċli jridu jivvjaġġaw 1,600 kilometru. Jieħdu liema vjaġġ jieħdu jkun ifisser li jqattgħu xhur sħaħ fil-​beraħ. Barra minn hekk, ikunu fil-​periklu li jiġu attakkati kemm minn bhejjem salvaġġi u kemm minn bnedmin li huma bħall-​bhejjem. Xorta waħda, dawk li jemmnu l-​profezija taʼ Isaija ma jinkwetawx iżżejjed. Għala?

15, 16. (a) Jehovah liema protezzjoni jipprovdilhom lil-​Lhud leali fil-​vjaġġ tagħhom lejn darhom? (b) Jehovah f’liema sens ieħor jipprovdi triq imħarsa għal-​Lhud?

15 Permezz taʼ Isaija, Jehovah jwiegħed: “Hekk ikun hemm triq, isejjħulha: ‘It-​Triq il-​Qaddisaʼ. Ħadd imniġġes ma jgħaddi minnha, u l-​boloh ma jiġġerrewx fiha. Ma jkunx hemm l-​iljun, u ebda bhima feroċi ma titlaʼ minnha: minnha jgħaddu l-​mifdijin.” (Isaija 35:8, 9) Jehovah ħeles lin-​nies tiegħu! Huma “l-​mifdijin” tiegħu, u jiggarantilhom li jaslu qawwijin u sħaħ fi triqithom lejn darhom. Hemm xi triq letterali miksija, merfugħa ’l fuq, u bil-​ħitan fil-​ġnub minn Babilonja sa Ġerusalemm? Le, imma l-​protezzjoni li Jehovah jagħti lin-​nies tiegħu fil-​vjaġġ tagħhom tant hi ċerta li għalihom daqs li kieku għaddejjin minn triq bħal din.—Qabbel Salm 91:1-16.

16 Il-​Lhud huma protetti wkoll minn perikli spiritwali. It-​triq figurattiva hi t-​“Triq il-​Qaddisa.” Dawk li ma jurux rispett lejn l-​affarijiet sagri jew li m’humiex nodfa spiritwalment ma jitħallewx jgħaddu minnha. Ħadd ma jridhom fil-​pajjiż li jerġaʼ jsir ġenna. Dawk li jiġu aċċettati għandhom motiv tajjeb. Mhux sejrin lura lejn Ġuda u Ġerusalemm għax iħossuhom kburin b’ġenshom jew biex jiġru wara l-​interessi persunali. Il-​Lhud li huma spiritwali jirrealizzaw li r-​raġuni prinċipali għala sejrin lura hi biex jagħtu l-​ħajja mill-​ġdid lill-​qima safja taʼ Jehovah f’dak il-​pajjiż.—Esdra 1:1-3.

In-​Nies taʼ Jehovah Jithennew

17. Il-​profezija taʼ Isaija kif farrġithom lil-​Lhud leali matul l-​eżilju twil tagħhom?

17 Kapitlu 35 tal-​profezija taʼ Isaija jispiċċa fuq nota ferriħija: “Jerġgħu lura l-​mifdijin tal-​Mulej, u jidħlu f’Sijon jgħajjtu bil-​ferħ, b’ferħ taʼ dejjem fuq rashom. Il-​ferħ u l-​hena jiksbu, u jgħibu swied il-​qalb u l-​krib.” (Isaija 35:10) L-​ilsiera Lhud li fdaw f’din il-​profezija biex jiksbu l-​faraġ u t-​tama matul l-​eżilju tagħhom forsi qagħdu jitħassbu dwar kif kienu se jitwettqu d-​diversi dettalji tagħha. X’aktarx li ħafna aspetti mill-​profezija ma fehmuhomx. Xorta waħda, il-​fatt li kienu se “jerġgħu lura . . . u jidħlu f’Sijon” kien ċar daqs il-​kristall.

18. Il-​ferħ u l-​hena fil-​pajjiż li jerġaʼ għal li kien qabel, b’liema mod jieħdu post is-​swied il-​qalb u l-​krib f’Babilonja?

18 Għaldaqstant, fis-​sena 537 Q.E.K., xi 50,000 raġel (inkluż iktar minn 7,000 ilsir) flimkien man-​nisa u t-​tfal jagħmlu l-​vjaġġ lura lejn Ġerusalemm li jieħu erbaʼ xhur, b’fiduċja sħiħa f’Jehovah. (Esdra 2:64, 65) Ftit xhur biss wara, l-​artal taʼ Jehovah jinbena mill-​ġdid, u dan kien l-​ewwel pass fil-​bini mill-​ġdid tat-​tempju. B’hekk titwettaq il-​profezija taʼ Isaija li kien ilha 200 sena li tlissnet. Il-​ferħ u l-​hena fil-​pajjiż li jerġaʼ għal li kien qabel jieħdu post is-​swied il-​qalb u l-​krib tal-​ġens waqt li kien f’Babilonja. Jehovah wettaq il-​wegħda tiegħu. Il-​pajjiż jerġaʼ jsir ġenna—kemm letterali u kemm spiritwali!

It-​Twelid taʼ Ġens Ġdid

19. Għala jrid jingħad li l-​profezija taʼ Isaija għandha biss twettiq limitat fis-​sitt seklu Q.E.K.?

19 M’għandniex xi ngħidu, fis-​sitt seklu Q.E.K., ma sarx it-​twettiq sħiħ taʼ Isaija kapitlu 35. Il-​kundizzjonijiet taʼ ġenna taʼ l-​art gawduti mil-​Lhud li jerġgħu lura f’arthom m’humiex dejjiema. Maż-​żmien, it-​tagħlim reliġjuż falz u n-​nazzjonaliżmu jniġġsu l-​qima safja. Spiritwalment, il-​Lhud jerġgħu jġarrbu s-​swied il-​qalb u l-​krib. Maż-​żmien, Jehovah ma jibqax jaċċettahom bħala l-​poplu tiegħu. (Mattew 21:43) Minħabba li reġgħu m’obdewhx, l-​hena tagħhom m’huwiex għal dejjem. Dan kollu jindika li hemm twettiq ieħor, akbar minn dan, taʼ Isaija kapitlu 35.

20. Liema Iżrael ġdid beda jeżisti fl-​ewwel seklu E.K.?

20 Meta wasal il-​waqt taʼ Jehovah, beda jeżisti Iżrael ieħor, dak spiritwali. (Galatin 6:16) Ġesù ħejja t-​triq għat-​twelid taʼ dan Iżrael ġdid matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art. Hu reġaʼ ta l-​ħajja lill-​qima safja, u bit-​tagħlim tiegħu, l-​ilmijiet tal-​verità bdew igelglu mill-​ġdid. Fejjaq lill-​morda, kemm fiżikament u kemm spiritwalment. Ħarġet għajta ferriħija hekk kif ixxandret l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. Sebaʼ ġimgħat wara l-​mewt u l-​irxoxt tiegħu, Ġesù glorifikat stabbilixxa l-​kongregazzjoni Kristjana, Iżrael spiritwali magħmul minn Lhud u oħrajn mifdijin bid-​demm li xerred Ġesù. Dawn ġew imnisslin bħala wlied spiritwali t’Alla, saru ħut Ġesù, u ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis.—Atti 2:1-4; Rumani 8:16, 17; 1 Pietru 1:18, 19.

21. Rigward il-​kongregazzjoni Kristjana fl-​ewwel seklu, liema ġrajjiet jistgħu jitqiesu bħala twettiq taʼ ċerti karatteristiċi mill-​profezija taʼ Isaija?

21 Meta kien qed jikteb lill-​membri taʼ Iżrael spiritwali, l-​appostlu Pawlu rrefera għall-​kliem taʼ Isaija 35:3 billi qal: “Erfgħu l-​idejn merħija u l-​irkubbtejn mitluqa tagħkom.” (Lhud 12:12) Għalhekk, jidher ċar li fl-​ewwel seklu E.K. kien hemm twettiq tal-​kliem taʼ Isaija kapitlu 35. F’sens letterali, Ġesù u d-​dixxipli tiegħu mirakolożament taw id-​dawl lill-​għomja u s-​smigħ lit-​torox. Bis-​saħħa tagħhom iz-​‘zopop’ setgħu jimxu u l-​imbikkmin setgħu jerġgħu jitkellmu. (Mattew 9:32; 11:5; Luqa 10:9) Iktar importanti, nies taʼ qalb retta ħarbu mir-​reliġjon falza u bdew igawdu ġenna spiritwali ġewwa l-​kongregazzjoni Kristjana. (Isaija 52:11; 2 Korintin 6:17) Bħalma kien fil-​każ tal-​Lhud li rritornaw minn Babilonja, dawn il-​maħrubin ukoll kellhom bżonn taʼ spirtu pożittiv u kuraġġuż.—Rumani 12:11.

22. Kristjani sinċieri li qegħdin ifittxu l-​verità fi żmienna kif daħlu fil-​jasar taħt Babilonja?

22 Xi ngħidu għal żmienna? Għandha l-​profezija taʼ Isaija twettiq ieħor, wieħed iktar sħiħ li jinvolvi l-​kongregazzjoni Kristjana llum? Iva. Wara li mietu l-​appostli, l-​għadd tal-​veri Kristjani midlukin naqas bil-​kbir, u Kristjani foloz, “sikrana,” imxew ’il quddiem fix-​xena dinjija. (Mattew 13:36-43; Atti 20:30; 2 Pietru 2:1-3) Anki meta, matul is-​seklu 19, individwi sinċieri bdew jisseparaw ruħhom mill-​Kristjaneżmu u jfittxu l-​qima safja, il-​fehma tagħhom baqgħet imniġġsa b’tagħlim mhux skritturali. Fl-​1914, Ġesù ngħata t-​tron bħala Sultan Messjaniku, imma ftit wara, is-​sitwazzjoni kienet tidher kerha għal dawn l-​uħud sinċieri li kienu qegħdin ifittxu l-​verità. Bit-​twettiq tal-​profezija, il-​ġnus ‘għamlulhom gwerra u rebħuhom,’ u dawn il-​Kristjani sinċieri ma tħallewx jippridkaw l-​aħbar tajba. Kienu fil-​fatt daħlu fil-​jasar taħt Babilonja.—Apokalissi 11:7, 8.

23, 24. Kliem Isaija b’liema modi twettaq fost in-​nies t’Alla mill-​1919 ’l hawn?

23 Madankollu, fl-​1919 l-​affarijiet inbidlu. Jehovah ħareġ lin-​nies tiegħu mill-​jasar. Huma bdew jiċħdu t-​tagħlim falz li qabel kien niġġes il-​qima tagħhom. B’riżultat taʼ dan, gawdew fejqan. Huma sabu ruħhom f’ġenna spiritwali, li saħansitra llum tkompli tinfirex madwar l-​art. F’sens spiritwali, l-​għomja qegħdin jitgħallmu jaraw u t-​torox jisimgħu—billi joqogħdu attenti bis-​sħiħ għall-​ħidma taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla, u jkunu konxji l-​ħin kollu tal-​ħtieġa li jibqgħu qrib Jehovah. (1 Tessalonikin 5:6; 2 Timotju 4:5) Billi m’għadhomx imbikkmin, il-​veri Kristjani huma ħerqanin biex ‘iħollu lsienhom’ ħalli jxandru l-​veritajiet Bibliċi lil ħaddieħor. (Rumani 1:15) Dawk li kienu dgħajfin, jew ‘zopop,’ spiritwalment, issa juru żelu u ferħ. B’mod figurattiv, dawn kapaċi ‘jaqbżu bħal għażżiela.’

24 Dawn il-​Kristjani li ngħataw il-​ħajja mill-​ġdid jimxu fit-​“Triq il-​Qaddisa.” Din it-​“Triq,” li twassal lil dak li jkun minn Babilonja l-​Kbira għal ġo ġenna spiritwali, hija miftuħa għall-​adoraturi kollha li huma nodfa spiritwalment. (1 Pietru 1:13-16) Dawn jistgħu jistrieħu fuq Jehovah għall-​protezzjoni u jkunu fiduċjużi li Satana mhux se jirnexxilu jeqred il-​qima vera bl-​attakki tiegħu bħal taʼ bhima. (1 Pietru 5:8) Uħud diżubbidjenti u kulmin iġib ruħu bħal annimal salvaġġ li jgħix fuq il-​priża, ma jitħallewx iniġġsu lil dawk li mexjin fit-​triq il-​qaddisa t’Alla. (1 Korintin 5:11) Ġewwa dan l-​ambjent protett, il-​mifdijin taʼ Jehovah—il-​midlukin u n-​“nagħaġ oħra”—isibu l-​ferħ f’li jaqdu lill-​uniku Alla veru.—Ġwanni 10:16.

25. Se jkun hemm twettiq fiżiku taʼ Isaija kapitlu 35? Spjega.

25 Xi ngħidu għall-​futur? Qatt se titwettaq b’mod fiżiku l-​profezija taʼ Isaija? Iva. Il-​fejqan mirakoluż imwettaq minn Ġesù u l-​appostli tiegħu fl-​ewwel seklu wera x-​xewqa u l-​abbiltà taʼ Jehovah biex iwettaq dan il-​fejqan fuq skala kbira ferm fil-​futur. Is-​Salmi mnebbħin jitkellmu dwar ħajja taʼ dejjem f’kundizzjonijiet taʼ paċi fuq l-​art. (Salm 37:9, 11, 29) Ġesù wiegħed ħajja fil-​Ġenna taʼ l-​art. (Luqa 23:43) Mill-​bidu sat-​tmiem, il-​Bibbja tipprovdi tama għal ġenna taʼ l-​art letterali. F’dak iż-​żmien, l-​għomja, it-​torox, iz-​zopop, u l-​imbikkmin se jitfejqu fiżikament u għal dejjem. Is-​swied il-​qalb u l-​krib se jisparixxu. L-​hena tabilħaqq li se jkun għal żmien indefinit, saħansitra għal dejjem.—Apokalissi 7:9, 16, 17; 21:3, 4.

26. Kliem Isaija kif isaħħaħhom lill-​Kristjani llum?

26 Waqt li l-​Kristjani veri jistennew li l-​art letterali terġaʼ ssir Ġenna, minn issa stess huma jgawdu l-​barkiet tal-​ġenna spiritwali. Huma jiffaċċjaw b’ottimiżmu l-​provi u t-​tribulazzjonijiet. B’fiduċja li ma titħarrikx f’Jehovah, dawn jinkuraġġixxu lil xulxin, billi jagħtu kas it-​twissija: “Qawwu l-​idejn mitruħa; saħħu l-​irkubbtejn imriegħda. Għidu lil dawk b’qalbhom imbeżżgħa: ‘Agħmlu l-​ħila, la tibżgħux.’” Huma għandhom fiduċja sħiħa fl-​assiguranza profetika: “Araw, Alla tagħkom ġej jitħallas; il-​ħlas taʼ Alla wasal; Hu stess ġej biex isalvakom.”—Isaija 35:3, 4.

[Nota taʼ taħt]

a L-Iskrittura tiddeskrivi l-​Libanu tal-​qedem bħala pajjiż għammiel b’foresti jħaddru u ċedri maestużi, li jitqabbel mal-​Ġnien taʼ Għeden. (Salm 29:5; 72:16; Eżekjel 28:11-13) Saron kienet magħrufa għall-​ilma ġieri u l-​foresti tal-​ballut; Karmel kienet famuża għad-​dwieli, il-​ġonna bis-​siġar tal-​frott, u l-​għoljiet miksijin bil-​fjuri.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 370]

[Stampi f’paġna 375]

Postijiet li huma deżert isiru postijiet imsoqqijin sew mimlijin ħmiemel tal-​qasab u l-​ġummar

[Stampa f’paġna 378]

Ġesù fejjaq lill-​morda, kemm spiritwalment u kemm fiżikament