Lezzjonijiet dwar l-Infedeltà
Kapitlu Tmintax
Lezzjonijiet dwar l-Infedeltà
1. Kif kont tħossok li kieku kont ġo belt tal-qedem li qed tiġi assedjata?
IMMAĠINA kif kont tħossok li kieku kont ġo belt tal-qedem li qed tiġi assedjata. Wara s-swar hemm l-għadu—b’saħħtu u bla ħniena. Int taf li bliet oħrajn diġà waqgħu taħt idejh. Issa hu determinat li jikkonkwista u jneżżaʼ lil beltek u jistupra u joqtol lill-abitanti tagħha. L-eżerċti taʼ l-għadu huma potenti wisq biex tikkonfrontahom direttament fil-ġlied; l-unika tama li għandek hi li s-swar tal-belt iżommuhom barra. Hekk kif tittawwal minn fuq is-swar, tara l-għadu ġej b’torrijiet taʼ l-assedju. Għandhom ukoll kanuni li kapaċi jisparaw balal kbar ferm biex ifarrku d-difiżi tiegħek. Tara wkoll il-magni li jġarrfu s-swar u s-slielem biex jixxabbtu magħhom, l-arċieri u l-karrijiet tagħhom, il-qtajjaʼ taʼ suldati tagħhom. X’dehra li tkexkxek!
2. Meta jseħħ l-assedju deskritt f’Isaija kapitlu 22?
2 F’Isaija kapitlu 22, naqraw dwar assedju bħal dan—assedju kontra Ġerusalemm. Meta jseħħ? Huwa diffiċli li nindikaw xi assedju partikulari li fih jitwettqu l-karatteristiċi deskritti kollha. B’mod evidenti, il-profezija tiġi mifhuma l-aħjar bħala deskrizzjoni ġenerika tad-diversi assedji li se jseħħu fuq Ġerusalemm, twissija ġenerali taʼ dak li ġej fil-futur.
3. L-abitanti taʼ Ġerusalemm kif qegħdin jirreaġixxu għall-assedju deskritt minn Isaija?
3 Iffaċċjati bl-assedju deskritt minn Isaija, l-abitanti taʼ Ġerusalemm x’qegħdin jagħmlu? Bħala l-poplu f’patt m’Alla, qegħdin huma jgħajtu lil Jehovah biex isalvahom? Le, qegħdin juru attitudni bla għaqal ferm, bħal dik li tinsab illum fost ħafna li jsostnu li jqimu ’l Alla.
Belt Assedjata
4. (a) X’inhu “Wied il-Viżjoni,” u għala għandu dan l-isem? (b) X’inhi l-kundizzjoni spiritwali taʼ l-abitanti taʼ Ġerusalemm?
4 F’kapitlu 21 taʼ Isaija, kull wieħed mit-tliet messaġġi taʼ ġudizzju kien introdott bil-kelma “Oraklu.” (Isaija 21:1, 11, 13) Kapitlu 22 jiftaħ bl-istess mod: “Oraklu fuq Wied il-Viżjoni: ‘Xi ġralek issa biex tlajt kollok kemm int fuq il-bjut?’” (Isaija 22:1) “Wied il-Viżjoni” jirreferi għal Ġerusalemm. Il-belt tissejjaħ wied għaliex avolja hi elevata, hija ċirkundata b’muntanji ogħla minnha. Hija assoċjata mal-“Viżjoni” għaliex hemmhekk jingħataw ħafna viżjonijiet u rivelazzjonijiet divini. Għal din ir-raġuni, l-abitanti tal-belt għandhom jagħtu kas il-kliem taʼ Jehovah. Minflok, injorawh billi żvijaw u ħaddnu l-qima falza. L-għadu li qed jassedja l-belt huwa strument tal-ġudizzju t’Alla kontra l-poplu stinat tiegħu.—Dewteronomju 28:45, 49, 50, 52.
5. X’aktarx, in-nies għala jitilgħu fuq il-bjut tagħhom?
5 Innota li l-abitanti taʼ Ġerusalemm ‘telgħu kollha kemm huma fuq il-bjut’ taʼ djarhom. Fil-qedem, il-familji Iżraelin spiss kienu jinġabru fuq il-bjut. Isaija ma jgħidx għala jagħmlu hekk f’din l-okkażjoni, imma kliemu jindika diżapprovazzjoni. X’aktarx, mela, huma telgħu fuq il-bjut biex isejħu lill-allat foloz tagħhom. Din hi d-drawwa tagħhom fis-snin li jwasslu għall-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K.—Ġeremija 19:13; Sofonija 1:5.
6. (a) X’kundizzjonijiet huma prevalenti ġewwa Ġerusalemm? (b) Għala hemm xi wħud li jifirħu, imma x’inhu ġej fil-futur?
6 Ikompli Isaija: “Int li kont mimlija għajat u għagħa, belt ferrieħa? Il-maqtulin tiegħek ma nqatlux bix-xabla, lanqas mietu fil-battalja.” (Isaija 22:2) Kotriet sħaħ ġrew bi ħġarhom lejn il-belt, u din tinsab mimlija konfużjoni. In-nies fit-toroq huma storbjużi u beżgħanin. Iżda, xi wħud minnhom huma ferrieħa, forsi għaliex iħossuhom fis-sigurtà jew għax jemmnu li l-periklu se jgħaddi. a Madankollu, hija bluha li tifraħ f’dan iż-żmien. Ħafna fil-belt se jmutu mewta ferm iktar krudili milli b’xifer is-sejf. Belt assedjata tkun maqtugħa minn sorsi taʼ ikel minn barra. Il-ħażniet taʼ ġewwa l-belt qed jiġu fix-xejn. Nies imġewħin, kollha jgħaffġu fuq xulxin, iġibu ħafna epidemiji. B’hekk, ħafna f’Ġerusalemm se jmutu bil-ġuħ u l-pesti. Dan iseħħ kemm fis-sena 607 Q.E.K. u kemm fis-sena 70 E.K.—2 Slaten 25:3; Lamentazzjonijiet 4:9, 10. b
7. Il-ħakkiema taʼ Ġerusalemm x’jagħmlu matul l-assedju, u x’jiġrilhom?
7 F’din il-kriżi, il-ħakkiema taʼ Ġerusalemm xi tmexxija jagħtu? Iwieġeb Isaija: “Il-kapijiet tiegħek ħarbu lkoll f’daqqa, ħarbu ’l bogħod. Il-qalbiena tiegħek inqabdu lkoll f’salt, bla mank ġibdu l-qaws inqabdu lsiera.” (Isaija 22:3) Il-ħakkiema u l-irġiel setgħana jaħarbu u mbagħad jinqabdu! Dawn jinqabdu u jittieħdu bħala priġunieri mingħajr lanqas biss ma jintuża xi qaws biex jisparalhom. Dan iseħħ fis-sena 607 Q.E.K. Wara li jiġġarraf is-sur taʼ Ġerusalemm, is-Sultan Żedekija jaħrab bil-lejl maʼ l-irġiel setgħana tiegħu. L-għadu jsir jaf b’dan, jitlaq jiġri għal warajhom, u jilħaqhom fil-witat taʼ Ġeriko. L-irġiel setgħana jitferrxu. Lil Żedekija jaħtfuh, jagħmuh, jorbtuh fi qjud tar-ram, u jkaxkruh lejn Babilonja. (2 Slaten 25:2-7) X’konsegwenza traġika għall-infedeltà tiegħu!
Diżappunt Minħabba t-Traġedja
8. (a) Isaija kif jirreaġixxi għall-profezija li tbassar traġedja fuq Ġerusalemm? (b) X’se tkun ix-xena f’Ġerusalemm?
8 Din il-profezija tqanqlu profondament lil Isaija. Hu jgħid: “Warrbu ħarstkom minni, ħa nibki bl-imrar li għandi; tfittxux li tfarrġuni għall-qerda taʼ bint il-poplu tiegħi.” (Isaija 22:4) Isaija tnikket minħabba t-tmiem li kien profetizzat għal Mowab u Babilonja. (Isaija 16:11; 21:3) Issa d-diżappunt u l-lamentazzjoni tiegħu huma saħansitra iktar intensi hekk kif jikkontempla dwar id-diżastru li ġej fuq il-poplu tiegħu stess. Ħadd ma jistaʼ jfarrġu. Għala? “Għax jum taʼ biżaʼ, qerda u taħwid għandu lest Sidi l-Mulej taʼ l-eżerċti. F’Wied il-Viżjoni tiġrif taʼ swar, u għajat tielaʼ lejn l-għolja.” (Isaija 22:5) Ġerusalemm se tkun mimlija taħwid bla kontroll. In-nies se jiġġerrew ’l hawn u ’l hinn bla skop u milqutin mill-paniku. Hekk kif l-għadu jibda jifqaʼ s-swar tal-belt, se jkun hemm “għajat tielaʼ lejn l-għolja.” Ifisser dan li l-abitanti tal-belt se jgħajtu lil Alla fit-tempju qaddis tiegħu fuq il-Muntanja Morija? Jistaʼ jkun. Madankollu, meta tqis l-infedeltà tagħhom, dan wisq probabbli jfisser sempliċement li l-għajat taʼ terrur tagħhom se jidwi fil-muntanji li jiċċirkondawhom.
9. Iddeskrivi l-eżerċtu li qed jhedded lil Ġerusalemm.
9 Liema xorta taʼ għadu qed jhedded lil Ġerusalemm? Isaija jgħidilna: “Għelam qabad il-barżakka, u Aram rikeb iż-żiemel, u Kir ħejja t-tarka.” (Isaija 22:6) L-għedewwa huma armati sa snienhom. Għandhom arċieri li l-barżakki tagħhom huma mimlijin vleġeġ. Il-gwerriera qed ilestu t-tarki tagħhom għall-battalja. Hemm il-karrijiet u żwiemel imħarrġin għall-battalja. L-eżerċtu jinkludi suldati minn Għelam, li tinsab fit-tramuntana taʼ dak li issa hu l-Golf Persjan, u minn Kir, li x’aktarx tinsab qrib Għelam. Il-fatt li jissemmew dawn il-pajjiżi jindika kemm l-invażuri jiġu mill-bogħod. Jindika wkoll li arċieri Għelamin setgħu kienu fl-eżerċtu li hedded lil Ġerusalemm fi żmien Ħeżekija.
Jipprovaw Jiddefendu Ruħhom
10. Liema żvilupp huwa sinjal ħażin għall-belt?
10 Isaija jiddeskrivi s-sitwazzjoni li qed tiżviluppa: “L-isbaħ fost widienek mimlija karrijiet, u rikkieba mqassma biswit il-bieb. U hekk l-ilqugħ taʼ Ġuda tneħħa.” (Isaija 22:7, 8a) Karrijiet u żwiemel jimlew il-widien barra l-belt taʼ Ġerusalemm u jħejju ruħhom biex jattakkaw il-bibien tal-belt. X’inhu “l-ilqugħ taʼ Ġuda” li jitneħħa? X’aktarx, huwa xi wieħed mill-bibien tal-belt, li l-qbid tiegħu huwa sinjal ħażin għad-difensuri. c Meta jitneħħa dan l-ilqugħ difensiv, il-belt tinfetaħ beraħ għal dawk li qed jattakkawha.
11, 12. L-abitanti taʼ Ġerusalemm jieħdu liema miżuri taʼ difiża?
11 Isaija issa jiffoka fuq kif in-nies jipprovaw jiddefendu ruħhom. L-ewwel li jiġu f’moħħhom huma l-armi! “Dakinhar mortu taraw it-tagħmir tal-gwerra f’Dar il-Foresta, u rajtu kemm kotor it-tiċrit fil-belt taʼ David; ġbartu l-ilma tal-ġiebja t’isfel.” (Isaija 22:8b, 9) L-armi jinħażnu fl-armerija taʼ Dar il-Foresta. Din l-armerija nbniet minn Salamun. Ladarba din inbniet biċ-ċedri tal-Libanu, saret magħrufa bħala “l-palazz tal-foresta tal-Libanu.” (1 Slaten 7:2-5) Jiġi eżaminat it-tiċrit fis-sur. L-ilma jinġabar—miżura importanti għad-difiża. In-nies għandhom bżonn l-ilma biex jgħixu. Mingħajru, ebda belt ma tistaʼ tibqaʼ wieqfa. Iżda, innota li ma jintqal xejn dwar li huma jfittxu lil Jehovah biex jeħlishom. Pjuttost, jistrieħu fuq ir-riżorsi tagħhom stess. Jalla aħna qatt ma nagħmlu dan l-iżball!—Salm 127:1.
12 X’jistaʼ jsir dwar dak it-tiċrit fis-sur tal-belt? “Għaddejtu d-djar taʼ Ġerusalemm, u ħattejtu d-djar biex issaħħu l-ħitan.” (Isaija 22:10) Issir stima tad-djar ħalli jaraw liema minnhom jistgħu jiġġarrfu biex jipprovdu materjal għat-tiswija tat-tiċrit fis-swar. Dan huwa sforz biex l-għadu ma jitħalliex jikseb kontroll sħiħ tas-sur.
Poplu bla Fidi
13. In-nies kif jipprovaw jassiguraw provvista taʼ ilma, imma lil min jinsew?
13 “Għamiltu ħawt bejn iż-żewġt iswar għall-ilma tal-ġiebja l-qadima. Imma ma fittixtux lil min għamilhom, u ma tajtux kas taʼ min sawwarhom sa mill-qedem.” (Isaija 22:11) L-isforzi biex jinġabar l-ilma, deskritti kemm hawnhekk u kemm fil-vers 9, ifakkruna fl-azzjoni li ħa s-Sultan Ħeżekija biex jipproteġi l-belt mill-Assirjani li invadewha. (2 Kronaki 32:2-5) Madankollu, in-nies tal-belt f’din il-profezija taʼ Isaija huma assolutament bla fidi. Kuntrarju għal Ħeżekija, dawn lanqas biss jikkalkulawh lill-Ħallieq, hekk kif jaħdmu fuq id-difiża tal-belt.
14. Minkejja l-messaġġ taʼ twissija minn Jehovah, in-nies liema attitudni bla għaqal għandhom?
14 Ikompli Isaija: “Sejjħilkom dakinhar is-Sid, il-Mulej taʼ l-eżerċti; sejjħilkom għall-biki u għat-tinwiħ, għat-tqarwiż tar-ras u l-ilbies tax-xkejjer. Imma, araw, intom tajtuha għall-għors u t-tbahrid, qtiltu l-baqar u biċċirtu n-nagħaġ, u kiltu l-laħam u xrobtu l-inbid: ‘Nieklu u nixorbu, għax għada mmutu.’” (Isaija 22:12, 13) L-abitanti taʼ Ġerusalemm ma juru ebda rimors għar-ribelljoni tagħhom kontra Jehovah. La jibku, la jqarwżu xagħarhom, u lanqas jilbsu x-xkejjer bħala sinjal taʼ ndiema. Kieku kienu qed jagħmlu dan, x’aktarx li Jehovah kien jiskansahom mill-waħx li kien ġej. Minflok, huma jintelqu għal tgawdija senswali. L-istess attitudni teżisti llum fost ħafna li ma jpoġġux fidi f’Alla. Peress li m’għandhom ebda tama—la taʼ rxoxt mill-imwiet u lanqas taʼ ħajja fl-art magħmula Ġenna fil-futur—huma jiġru wara ħajja taʼ bla rażan, billi jgħidu: “Nieklu u nixorbu, għax għada mmutu!” (1 Korintin 15:32) Kemm qed jaraw sa mneħirhom! Kieku jaħasra jpoġġu l-fiduċja tagħhom f’Jehovah, kemm ikollhom tama dejjiema!—Salm 4:7, 8 [4:6-8, NW]; Proverbji 1:33.
15. (a) X’inhu l-messaġġ taʼ ġudizzju minn Jehovah kontra Ġerusalemm, u min iwettqu l-ġudizzju tiegħu? (b) Il-Kristjaneżmu għala se jsofri tmiem simili għal dak taʼ Ġerusalemm?
15 L-abitanti assedjati taʼ Ġerusalemm ma se jkollhom ebda sigurtà. Jgħid Isaija: “Il-Mulej tal-qtajjaʼ għarrafni f’widinti: ‘Le, ma jinħafrilkomx dan il-ħażen sa ma tmutu.’ Hekk tkellem Sidi, il-Mulej taʼ l-eżerċti.” (Isaija 22:14) Minħabba l-qalb iebsa tan-nies, mhux se jkun hemm maħfra. Il-mewt se tiġi, assolutament. Din hija ċertezza għax qalha l-Mulej Sovran, Jehovah taʼ l-eżerċti. Bi twettiq tal-kliem profetiku taʼ Isaija, it-traġedja tiġi darbtejn fuq Ġerusalemm infidila. Din tiġi meqruda mill-eżerċti taʼ Babilonja u iktar tard minn dawk taʼ Ruma. Hekk ukoll se tiġi t-traġedja fuq il-Kristjaneżmu infidil, li l-membri tiegħu jsostnu li jqimu lil Alla imma attwalment jiċħduh bix-xogħlijiet tagħhom. (Titu 1:16) Id-dnubiet tal-Kristjaneżmu, flimkien maʼ dawk tar-reliġjonijiet l-oħrajn tad-dinja li jiddisprezzaw it-triqat taʼ tjieba t’Alla, “saru ħemel għoli sas-sema.” Bħall-iżball taʼ Ġerusalemm apostata, l-iżball tagħhom huwa kbir wisq biex jitgħatta.—Apokalissi 18:5, 8, 21.
Prokuratur Egoist
16, 17. (a) Min issa jirċievi messaġġ taʼ twissija mingħand Jehovah, u għala? (b) X’se jiġrilu Sebna minħabba li hu ambizzjuż iżżejjed?
16 Il-profeta issa jdawwar l-attenzjoni tiegħu minn fuq poplu infidil għal fuq individwu infidil. Jikteb Isaija: “Dan jgħid Sidi, il-Mulej taʼ l-eżerċti: ‘Mur, asal wasla sa għand dan il-ministru [“prokuratur,” “NW”], sa għand Sebna, li jagħmel mill-palazz, u għidlu: “X’għandek hawn, u ’l min għandek hawn, biex qiegħed tibni qabar għalik, bħal min iħaffer għalih qabar fl-għoli u jaqtaʼ għamara għalih fil-blat?”’”—Isaija 22:15, 16.
17 Sebna hu ‘prokuratur li jagħmel mill-palazz,’ x’aktarx il-palazz tas-Sultan Ħeżekija. Bħala tali, hu għandu pożizzjoni influwenti, it-tieni biss wara s-sultan. Ħafna hu mistenni minnu. (1 Korintin 4:2) Madankollu, meta suppost li qed jagħti l-ewwel attenzjoni tiegħu lill-interessi tal-ġens, Sebna qiegħed isus wara l-glorja persunali. Qiegħed iħaffer qabar lussuż—li jipparaguna maʼ dak taʼ sultan—għalih innifsu fl-għoli fuq blata. Jehovah, li qiegħed josserva dan, inebbaħ lil Isaija biex iwissi lill-prokuratur infidil: “Ara l-Mulej sa jwaddbek maʼ l-art, ja bniedem setgħan! U jaqbdek qabda sewwa. U jagħmlek kobba u jwaddbek ’il bogħod, bħal ballun f’medda kbira taʼ art. Hemm issib mewtek bil-karrijiet tal-glorja tiegħek, ja għajb taʼ dar sidek! Nwarrbek minn postok, u nneħħik minn fejn qiegħed.” (Isaija 22:17-19) Minħabba li moħħu biss fih innifsu, Sebna lanqas biss se jkollu qabar ordinarju f’Ġerusalemm. Minflok, se jitwaddab bħal ballun, biex imut f’art imbegħda. F’dan hemm twissija għal dawk kollha li huma fdati bl-awtorità fost il-poplu t’Alla. L-abbuż mill-poter se jwassal lil dak li jkun biex jitlef dik l-awtorità u forsi wkoll jitlef kollox.
18. Min se jieħu post Sebna, u x’ifisser li dan il-wieħed se jirċievi l-ilbies uffiċjali taʼ Sebna u l-muftieħ taʼ dar David?
18 Iżda, Sebna kif se jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu? Permezz taʼ Isaija, Jehovah jispjega: “Dakinhar insejjaħ lill-qaddej tiegħi Eljakim bin Ħilkija, nlibbsu l-libsa tiegħek, u nħażżmu bit-terħa tiegħek, u nagħtih f’idejh il-ħakma tiegħek. U jkun missier għal min jgħammar f’Ġerusalemm, u għad-dar taʼ Ġuda. Nqiegħed muftieħ dar David fuq spallejh. Jiftaħ hu, u ħadd ma jagħlaq; jagħlaq hu, u ħadd ma jiftaħ.” (Isaija 22:20-22) Eljakim, li jieħu post Sebna, se jingħata l-ilbies uffiċjali taʼ prokuratur flimkien mal-muftieħ taʼ dar David. Il-Bibbja tuża t-terminu “muftieħ” biex tissimbolizza awtorità, gvern, jew poter. (Qabbel Mattew 16:19.) Fil-qedem, kunsillier tas-sultan, li kien jiġi fdat bl-imfietaħ, għandu mnejn li kien ikollu superviżjoni ġenerali fuq il-kmamar irjali, u saħansitra jagħżel liema kandidati jidħlu fis-servizz tas-sultan. (Qabbel Apokalissi 3:7, 8.) B’hekk, il-kariga taʼ prokuratur hija importanti, u ħafna hu mistenni minn min jaqdi fiha. (Luqa 12:48) Sebna jistaʼ jkun li hu kapaċi, imma għaliex hu infidil, Jehovah se jpoġġi lil ħaddieħor floku.
Żewġ Imsiemer Simboliċi
19, 20. (a) Eljakim kif se juri li hu barka għan-nies tiegħu? (b) X’se jiġrilhom dawk li jkomplu jfittxu lil Sebna?
19 Fl-aħħarnett, Jehovah juża lingwaġġ simboliku biex jiddeskrivi t-trasferiment taʼ poter minn fuq Sebna għal fuq Eljakim, billi jistqarr: “‘U nwaħħlu [lil Eljakim] bħal musmar maʼ ħajt fis-sod, u jkun tron glorjuż għal dar missieru. U jdendlu miegħu l-glorja kollha taʼ dar missieru, il-friegħi u r-rimi, it-tagħmir ċkejken, mill-bwieqi sal-ġarar. Dakinhar,’ oraklu tal-Mulej taʼ l-eżerċti, ‘iċedi l-musmar [Sebna] li kien imwaħħal fis-sod, u titkisser, taqaʼ u titfarrak it-tagħbija mdendla miegħu, għax il-Mulej tkellem!’”—Isaija 22:23-25.
20 F’dawn il-versi l-ewwel musmar huwa Eljakim. Dan se jsir “tron glorjuż” għal dar missieru, Ħilkija. Kuntrarju għal Sebna, hu mhux se jwaqqaʼ fl-għajb id-dar jew ir-reputazzjoni taʼ missieru. Eljakim se jkun appoġġ dejjiemi għat-tagħmir tad-dar, jiġifieri, għal oħrajn fis-servizz tas-sultan. (2 Timotju 2:20, 21) B’kuntrast, it-tieni musmar jirreferi għal Sebna. Għalkemm jistaʼ jidher li qiegħed fis-sigurtà, hu se jitneħħa. Kulmin ikompli jfittex lilu se jaqaʼ.
21. Fi żmienna, min kellu jċedi postu bħal Sebna, għala, u għal min?
21 L-esperjenza taʼ Sebna tfakkarna li fost dawk li jsostnu li jqimu lil Alla, dawk li jaċċettaw xi privileġġi taʼ servizz għandhom jużawhom biex jaqdu lil oħrajn u biex iġibu tifħir lil Jehovah. M’għandhomx jabbużaw mill-pożizzjoni tagħhom sabiex jistagħnew jew jiksbu prominenza persunali. Per eżempju, il-Kristjaneżmu ilu jippromwovi lilu nnifsu bħala prokuratur maħtur, ir-rappreżentant taʼ Ġesù Kristu fuq l-art. Madankollu, sewwa sew bħalma Sebna ġab diżunur fuq missieru billi fittex il-glorja persunali, il-mexxejja tal-Kristjaneżmu ġabu diżunur fuq il-Ħallieq billi geddsu rikkezzi u poter għalihom infushom. Għaldaqstant, meta fl-1918 wasal iż-żmien biex il-ġudizzju “jibda mid-dar taʼ Alla,” Jehovah warrbu lill-Kristjaneżmu. Ġie identifikat prokuratur ieħor—il-“prokuratur leali, il-wieħed diskret”—u dan inħatar fuq in-nies tad-dar taʼ Ġesù fuq l-art. (1 Pietru 4:17; Luqa 12:42-44, NW) Din il-klassi komposta wriet li hi denja li ġġorr fuq spallejha l-“muftieħ” irjali taʼ dar David. Bħal “musmar” taʼ min jafdah, dan il-prokuratur wera li hu appoġġ taʼ min jorbot fuqu għat-“tagħmir” differenti kollu, Kristjani midlukin b’responsabbiltajiet differenti li jfittxuh għal manteniment spiritwalment. In-“nagħaġ oħra” wkoll, bħall-‘barrani li kien jgħix fil-belt’ taʼ Ġerusalemm tal-qedem, jiddependu minn dan il-“musmar,” Eljakim taʼ żmienna.—Ġwann 10:16; Dewteronomju 5:14.
22. (a) Għala kien f’waqtu li post Sebna bħala prokuratur jingħata li xi ħaddieħor? (b) Fi żmienna, għala kienet f’waqtha l-ħatra tal-“prokuratur leali, il-wieħed diskret”?
22 Eljakim ħa post Sebna meta Sanħerib u l-qtajjaʼ tiegħu kienu qed jheddu lil Ġerusalemm. B’mod simili, il-“prokuratur leali, il-wieħed diskret,” inħatar biex jaqdi matul żmien it-tmiem, li se jintemm meta Satana u l-forzi tiegħu jersqu għal attakk finali fuq “Iżrael taʼ Alla” u sħabhom, in-nagħaġ oħra. (Galatin 6:16) Bħalma ġara fi żmien Ħeżekija, dan l-attakk se jispiċċa f’qerda għall-għedewwa tat-tjieba. Dawk li jistrieħu fuq il-“musmar maʼ ħajt fis-sod,” il-prokuratur leali, se jibqgħu ħajjin, sewwa sew bħalma l-abitanti leali taʼ Ġerusalemm baqgħu ħajjin wara li l-Assirjani invadew lil Ġuda. Għalhekk, kemm hu għaqli li ma nibqgħux imqabbdin mal-“musmar” tal-Kristjaneżmu li tilef il-kredtu!
23. Eventwalment, x’jiġrilu Sebna, u x’nistgħu nitgħallmu minn dan?
23 X’jiġrilu Sebna? M’għandniex bil-miktub kif twettqet il-profezija dwaru, li nsibu f’Isaija 22:18. Meta jeżalta lilu nnifsu u mbagħad jitwaqqaʼ fl-għajb, jixbah lill-Kristjaneżmu, imma forsi hu tgħallem mid-dixxiplina. F’din il-ħaġa, hu differenti ferm mill-Kristjaneżmu. Meta Rabsaki l-Assirjan jesiġi li Ġerusalemm għandha ċċedi, Eljakim, il-prokuratur il-ġdid taʼ Ħeżekija, imexxi d-delegazzjoni li toħroġ biex tiltaqaʼ miegħu. Madankollu, Sebna qiegħed ħdejh bħala segretarju għas-sultan. B’mod evidenti, Sebna għadu jaqdi fis-servizz tas-sultan. (Isaija 36:2, 22) X’lezzjoni mill-aħjar għal dawk li jitilfu xi pożizzjonijiet taʼ servizz fl-organizzazzjoni t’Alla! Minflok ma jħossuhom imfantsin u jibqgħu jżommu f’qalbhom, ikunu għaqlin jekk ikomplu jaqdu lil Jehovah fi kwalunkwe kariga li jippermettilhom. (Lhud 12:6) Billi jagħmlu hekk, se jevitaw id-diżastru li ġej fuq il-Kristjaneżmu, u se jgawdu l-favur u l-barka t’Alla għall-eternità.
[Noti taʼ taħt]
a Fis-sena 66 E.K., ħafna Lhud ferħu meta rtiraw l-eżerċti Rumani li kienu qed jassedjaw lil Ġerusalemm.
b Skond Ġużeppi Flavju, kittieb taʼ l-istorja fl-ewwel seklu, fis-sena 70 E.K., il-ġuħ f’Ġerusalemm tant kien aħrax li n-nies kielu l-ġild, il-ħaxix, u l-ħuxlief. F’każ wieħed li ġie rapportat, omm xwiet u kielet lil binha stess.
c Alternattiva oħra hi li “l-ilqugħ taʼ Ġuda” jistaʼ jirreferi għal xi ħaġa oħra li tipproteġi l-belt, bħalma huma l-fortizzi fejn jinħażnu l-armi u jabitaw is-suldati.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 231]
Meta jaħrab, Żedekija jinqabad u jagħmuh
[Stampa f’paġna 232]
Il-prospetti huma koroh għal-Lhud maqbudin f’Ġerusalemm
[Stampa f’paġna 239]
Eljakim jintgħamel “musmar maʼ ħajt fis-sod” minn Ħeżekija
[Stampa f’paġna 241]
Bħal Sebna, ħafna mill-mexxejja tal-Kristjaneżmu ġabu diżunur fuq il-Ħallieq billi geddsu r-rikkezzi
[Stampi f’paġna 242]
Fi żmienna, klassi tal-prokuratur leali nħatret fuq in-nies tad-dar taʼ Ġesù