Premjata l-Fidi taʼ Sultan
Kapitlu Disgħa u Għoxrin
Premjata l-Fidi taʼ Sultan
1, 2. Ħeżekija għala kien sultan aħjar minn Aħaż?
ĦEŻEKIJA kellu 25 sena meta sar sultan taʼ Ġuda. X’tip taʼ ħakkiem kien se jkun? Kien se jimxi wara l-passi taʼ missieru, is-Sultan Aħaż, u jħajjar lis-sudditi tiegħu biex jimxu wara allat foloz? Jew kien se jmexxi lin-nies biex iqimu lil Jehovah, bħalma għamel is-Sultan David, missieru tal-qedem?—2 Slaten 16:2.
2 Ftit wara li Ħeżekija beda jsaltan, deher ċar li kellu l-ħsieb li ‘jagħmel is-sewwa f’għajnejn il-Mulej’ Jehovah. (2 Slaten 18:2, 3) Fl-ewwel sena tiegħu, ordna li jissewwa t-tempju taʼ Jehovah u li jerġgħu jinbdew is-servizzi fit-tempju. (2 Kronaki 29:3, 7, 11) Imbagħad organizza ċelebrazzjoni grandjuża tal-Qbiż li għaliha kien mistieden il-ġens kollu kemm hu—inkluż l-għaxar tribujiet taʼ Iżrael fit-tramuntana. X’festa li ma tintesiex kienet din! Ma kienx hemm oħra bħalha sa minn żmien is-Sultan Salamun.—2 Kronaki 30:1, 25, 26.
3. (a) X’azzjoni ttieħdet mill-abitanti taʼ Iżrael u Ġuda li attendew għall-Qbiż organizzat minn Ħeżekija? (b) Il-Kristjani llum x’jitgħallmu mill-azzjoni deċiżiva li ttieħdet minn dawk li attendew għal dan il-Qbiż?
3 Wara li spiċċat iċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż, dawk li attendew ġew imqanqlin biex ikissru x-xbihat taʼ l-Asera, iqaċċtu l-plieri sagri, ifarrku s-santwarji u l-artali taʼ l-allat foloz tagħhom, u wara dan irritornaw lejn bliethom, determinati li jaqdu lil dak Alla veru. (2 Kronaki 31:1) X’kuntrast kien dan maʼ l-attitudni reliġjuża li kellhom qabel! Minn dan, il-veri Kristjani llum jistgħu jitgħallmu l-importanza taʼ li ‘ma jinqatgħux mil-laqgħat tagħhom flimkien.’ Dawn il-laqgħat, kemm jekk ikunu fil-kongregazzjonijiet lokali u kemm jekk ikunu iktar fil-kobor, fl-assembleat u fil-konvenzjonijiet, għandhom irwol vitali f’li l-Kristjani jirċievu l-inkuraġġiment u jitqanqlu permezz tal-fratellanza, kif ukoll permezz taʼ l-ispirtu t’Alla biex ‘iħajru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb.’—Lhud 10:23-25.
Il-Fidi Mġarrba
4, 5. (a) Ħeżekija kif wera li kien indipendenti mill-Assirja? (b) Sanħerib liema azzjoni militari ħa kontra Ġuda, u Ħeżekija liema passi jieħu biex jevita attakk immedjat fuq Ġerusalemm? (ċ) Ħeżekija xi tħejjijiet jagħmel biex jiddefendi lil Ġerusalemm mill-Assirjani?
4 Ġerusalemm trid tgħaddi minn provi serji. Ħeżekija kiser alleanza li missieru Aħaż, li ma weriex fidi, kien għamel maʼ l-Assirjani. Hu saħansitra rażżan lill-Filistin, li huma l-alleati taʼ l-Assirja. (2 Slaten 18:7, 8) Dan għaddab lis-sultan taʼ l-Assirja. Għaldaqstant, naqraw: “Fis-sena erbatax tas-Sultan Ħeżekija, Sanħerib, sultan taʼ l-Assirja, talaʼ jaħbat għall-ibliet kollha ffortifikati taʼ Ġuda, u ħadhom f’idejh.” (Isaija 36:1) Forsi bit-tama li jipproteġi lil Ġerusalemm minn attakk immedjat mill-armata Assirjana li ma kienet tħenn għal ħadd, Ħeżekija aċċetta li jħallas ħaraġ enormi taʼ 300 talent tal-fidda u 30 talent tad-deheb lil Sanħerib. a—2 Slaten 18:14.
5 Ladarba m’hemmx biżżejjed deheb u fidda fit-teżor irjali biex jitħallas il-ħaraġ, Ħeżekija jieħu mit-tempju l-metalli prezzjużi li jistaʼ jsib. Hu jqaċċat ukoll il-bibien tat-tempju, li huma miksijin bid-deheb, u jibgħathom lil Sanħerib. L-Assirjan dawn jaċċettahom, imma għal ftit żmien biss. (2 Slaten 18:15, 16) Milli jidher, Ħeżekija jirrealizza li l-Assirjani mhux se jħallu lil Ġerusalemm bi kwietha għal żmien twil. Għalhekk, iridu jsiru xi tħejjijiet. In-nies jagħlqu l-għejun taʼ l-ilma li jistgħu jintużaw mill-Assirjani li jkunu qegħdin jinvaduhom. Ħeżekija jsaħħaħ ukoll is-swar taʼ Ġerusalemm u jibni ħażna kbira t’armi, inkluż “għodod tal-gwerra u tarkiet bil-kotra.”—2 Kronaki 32:4, 5.
6. Ħeżekija f’min ipoġġiha l-fiduċja tiegħu?
6 Madankollu, Ħeżekija ma jpoġġix il-fiduċja tiegħu fi pjanijiet maħsubin tajjeb għall-gwerra jew fis-swar, imma f’Jehovah taʼ l-eżerċti. Hu jħeġġeġ lill-kapijiet militari tiegħu: “Agħmlu l-ħila u qawwu qalbkom: la tibżgħux u la titwerwrux quddiem is-sultan taʼ l-Assirja, u quddiem il-kotra li hemm miegħu, għax magħna hemm aktar milli hemm miegħu. Miegħu hemm id-driegħ tal-laħam, imma magħna hemm il-Mulej, Alla tagħna, biex jgħinna u jitqabad fit-taqbid tagħna.” Bħala riżultat, il-poplu ‘jqawwi qalbu bi kliem Ħeżekija, sultan taʼ Ġuda.’ (2 Kronaki 32:7, 8) Ġib quddiem għajnejk il-ġrajjiet eċċitanti li jsegwu hekk kif nirrevedu kapitli 36 sa 39 tal-profezija taʼ Isaija.
Rabsaki Jippreżenta l-Każ Tiegħu
7. Min hu Rabsaki, u għala jintbagħat Ġerusalemm?
7 Sanħerib jibgħat lil Rabsaki (titlu militari, mhux isem persunali) flimkien maʼ żewġ kbarat oħrajn lejn Ġerusalemm biex jordnaw li l-belt iċċedi. (2 Slaten 18:17) Lil dawn jilqgħuhom barra s-sur tal-belt tlieta mir-rappreżentanti taʼ Ħeżekija, Eljakim l-indokratur tad-dar taʼ Ħeżekija, Sebna s-segretarju, u Ġowaħ bin Asaf il-kronista.—Isaija 36:2, 3.
8. Rabsaki kif jipprova jkisser ir-reżistenza taʼ Ġerusalemm?
8 Dak li għandu f’moħħu Rabsaki huwa sempliċi—jikkonvinċi lil Ġerusalemm biex iċċedi mingħajr ma toffri reżistenza. Bl-Ebrajk, hu l-ewwel jgħid b’leħen għoli: “X’inhi din it-tama li int qiegħed tittama? . . . Issa int f’min qiegħed tittama, biex irvellajt kontrija?” (Isaija 36:4, 5) Imbagħad Rabsaki jżeblaħ lil-Lhud imwerwrin, billi jfakkarhom li huma maqtugħin minn kulħadd u għalkollox. Lejn min jistgħu jduru għall-għajnuna? Lejn dik “il-qasba mxaqqa,” l-Eġittu? (Isaija 36:6) F’dan iż-żmien, l-Eġittu tassew li jixbah qasba mxaqqa; fil-fatt, għalkemm qabel kien qawwa dinjija, bħalissa ġie megħlub mill-Etjopja, u l-Fargħun preżenti taʼ l-Eġittu, is-Sultan Tirħaka, m’huwiex Eġizzjan imma Etjopjan. U dan m’għandux ħajja twila għax dalwaqt se jaqaʼ f’idejn l-Assirja. (2 Slaten 19:8, 9) Ladarba l-Eġittu lanqas lilu nnifsu ma jistaʼ jsalva, ftit li xejn jistaʼ jgħin lil Ġuda.
9. Milli jidher, x’iwassal lil Rabsaki biex jaħseb li Jehovah kien se jabbanduna lin-nies Tiegħu, imma x’inhuma l-fatti?
9 Rabsaki issa jinsisti li Jehovah mhux se jiġġieled għan-nies Tiegħu għaliex huma marru kontra r-rieda Tiegħu. Jgħid Rabsaki: “Tgħiduli intom: ‘Fil-Mulej Alla tagħna nittamaw aħna.’ M’hux hu kien li Ħeżekija neħħielu s-santwarji u l-artal tiegħu?” (Isaija 36:7) M’għandniex xi ngħidu, b’dak li għamlu, il-Lhud irritornaw lejn Jehovah u mhux ċaħduh, għax neħħew il-postijiet taʼ qima u l-artali li kien hemm fil-pajjiż.
10. Għala ma tagħmilx differenza jekk id-difensuri taʼ Ġuda humiex ħafna jew ftit?
10 Wara dan, Rabsaki jfakkar lil-Lhud li f’dik li hi sengħa tal-gwerra huma inferjuri għall-aħħar ħdejn pajjiżu. Hu jisfidahom b’mod arroganti billi jgħid: “Jien nagħtik elfejn żiemel, jekk inti għandek il-ħila ssib rikkieba għalihom.” (Isaija 36:8) Iżda, fir-realtà, tagħmel xi differenza jekk humiex ħafna jew ftit is-suldati fil-kavallerija mħarrġa taʼ Ġuda? Le, għax is-salvazzjoni taʼ Ġuda ma tiddependix fuq saħħa militari superjuri. Proverbji 21:31 jispjega l-affarijiet b’dan il-mod: “Jistaʼ jkun lest iż-żiemel għal nhar it-taqbida, imma r-rebħa tiġi mingħand il-Mulej.” Imbagħad Rabsaki jsostni li l-barka taʼ Jehovah qegħda maʼ l-Assirjani, mhux mal-Lhud. Kieku ma kienx hekk, jinsisti hu, l-Assirjani qatt ma kienu se jirbħu daqshekk mit-territorju taʼ Ġuda.—Isaija 36:9, 10.
11, 12. (a) Rabsaki għala jinsisti li jitkellem “bil-Lhudi,” u kif jipprova jħajjar lil-Lhud li qegħdin jisimgħuh? (b) Kliem Rabsaki x’effett jistaʼ jkollu fuq il-Lhud?
11 Ir-rappreżentanti taʼ Ħeżekija huma inkwetati dwar x’effett jistaʼ jkollhom l-argumenti taʼ Rabsaki fuq l-irġiel li qed jisimgħuh minn fuq is-sur tal-belt. Dawn il-fizzjali Lhud jitolbuh: “Kellem lill-qaddejja tiegħek bl-Arami, għax aħna nifhmuh. Tkellimniex bil-Lhudi, għax jismaʼ l-poplu li qiegħed fuq is-sur.” (Isaija 36:11) Imma Rabsaki mhux bi ħsiebu jitkellem bl-Arami. Hu jrid jiżraʼ d-dubju u l-biżaʼ fi qlub il-Lhud sabiex dawn iċedu u Ġerusalemm tkun tistaʼ tintrebaħ mingħajr ma toffri reżistenza! (Isaija 36:12) Għaldaqstant, l-Assirjan jerġaʼ jitkellem “bil-Lhudi.” Hu jwissi lill-abitanti taʼ Ġerusalemm: “Ma jqarraqx bikom is-sultan Ħeżekija, għax ma jistax jeħliskom minn idejja.” Wara dan, hu jipprova jħajjar lil dawk li qegħdin jisimgħuh billi jagħti stampa taʼ kif tistaʼ tkun il-ħajja għal-Lhud taħt ħakma Assirjana: “Agħmlu paċi miegħi u ersqu lejja, u tieklu, kull wieħed mid-dielja tiegħu u kull wieħed mit-tina tiegħu u jixrob l-ilma kull wieħed mill-bir tiegħu. Sakemm niġi u neħodkom f’art bħal artkom, art tal-qmuħ u taʼ l-inbid, art tal-ħobż u tad-dwieli.”—Isaija 36:13-17.
12 Mhux se jkun hemm ħsad għal-Lhud din is-sena—l-invażjoni Assirjana ma ħalliethomx iħawlu wċuħ tar-rabaʼ. L-idea li jieklu għeneb misjur u li jixorbu ilma frisk żgur li tħajjarhom lill-irġiel li qegħdin jisimgħu minn fuq is-sur. Imma Rabsaki għadu ma spiċċax jipprova jdgħajjef lil-Lhud.
13, 14. Minkejja l-argumenti taʼ Rabsaki, dak li ġralha s-Samarija għala m’għandux x’jaqsam mas-sitwazzjoni taʼ Ġuda?
13 Mill-ħażna taʼ kliem immirat biex idgħajjifhom, Rabsaki jislet arma oħra. Hu jwissi lil-Lhud biex ma jemmnuhx lil Ħeżekija jekk jgħidilhom: “Il-Mulej jeħlisna!” Rabsaki jfakkar lil-Lhud li l-allat tas-Samarija ma kellhomx il-ħila jżommu lill-għaxar tribujiet milli jintrebħu mill-Assirjani. U xi ngħidu għall-allat tal-ġnus l-oħrajn li waqgħu taħt idejn l-Assirja? “Fejn huma l-allat taʼ Ħamat u Arfad?” jistaqsi hu. “Fejn huma l-allat taʼ Sefarwajjim? Ħelsu huma lil Samarija minn idejja?”—Isaija 36:18-20.
14 M’għandniex xi ngħidu, Rabsaki, li jadura l-allat foloz, ma jifhimx li hemm differenza kbira bejn is-Samarija apostata u Ġerusalemm taħt Ħeżekija. L-allat foloz tas-Samarija ma kellhomx qawwa jsalvaw lis-saltna b’għaxar tribujiet. (2 Slaten 17:7, 17, 18) Mill-banda l-oħra, Ġerusalemm taħt Ħeżekija ċaħdet lill-allat foloz u daret lura biex taqdi lil Jehovah. Madankollu, it-tliet rappreżentanti minn Ġuda ma jipprovawx jispjegawlu dan lil Rabsaki. “[I]l-poplu baqaʼ sieket u ma weġbuhx, għax is-sultan kien ordnalhom: ‘La twiġbuhx.’” (Isaija 36:21) Eljakim, Sebna, u Ġowaħ jirritornaw għand Ħeżekija u jagħmlu rapport uffiċjali dwar il-kliem taʼ Rabsaki.—Isaija 36:22.
Ħeżekija Jieħu Deċiżjoni
15. (a) Ħeżekija liema deċiżjoni jiffaċċja issa? (b) Jehovah kif jassigurahom lin-nies tiegħu?
15 Is-Sultan Ħeżekija issa jrid jieħu deċiżjoni. Sejra Ġerusalemm iċċedi taħt idejn l-Assirjani? tissieħeb maʼ l-Eġittu? jew iżżomm il-pożizzjoni tagħha u tiġġieled? Ħeżekija jinsab taħt pressjoni kbira. Hu jmur fit-tempju taʼ Jehovah, filwaqt li jibgħat lil Eljakim u lil Sebna, flimkien max-xjuħ tal-qassisin, biex jitolbu lil Jehovah jiggwidahom permezz tal-profeta Isaija. (Isaija 37:1, 2) Lebsin ix-xkejjer, ir-rappreżentanti tas-sultan jersqu lejn Isaija u jgħidulu: “Jum taʼ diqa u kastig u għajb illum; . . . Għandu mnejn jismaʼ l-Mulej Alla tiegħek il-kliem tal-gran kuppier [Rabsaki], mibgħut minn sidu s-sultan taʼ l-Assirja, biex iżeblaħ lil Alla l-ħaj, u jrażżnu għall-kliem li samaʼ l-Mulej Alla tiegħek.” (Isaija 37:3-5) Iva, l-Assirjani qegħdin jisfidaw lil dak Alla ħaj! Sejjer Jehovah jagħti kas iż-żebliħ tagħhom? Permezz taʼ Isaija, Jehovah jassigura lil-Lhud: “La tibżax mill-kliem li smajt, li bih il-qaddejja tas-sultan taʼ l-Assirja żebilħuni. Arawni, se nqajjem spirtu fih, u malli jismaʼ aħbar jerġaʼ lura lejn artu, u hemm f’pajjiżu neqirdu bix-xabla.”—Isaija 37:6, 7.
16. X’ittri jintbagħtu minn Sanħerib?
16 Sadanittant, lil Rabsaki jsejħulu biex ikun maġenb Sanħerib waqt li s-sultan jiggwerra f’Libna. Sanħerib se jiggwerra maʼ Ġerusalemm iktar tard. (Isaija 37:8) Xorta waħda, it-tluq taʼ Rabsaki ma jnaqqasx il-pressjoni minn fuq Ħeżekija. Sanħerib jibgħat ittri taʼ theddid li fihom jiddeskrivi x’jistgħu jistennew l-abitanti taʼ Ġerusalemm jekk jirrifjutaw li jċedu: “Inti smajt x’għamlu s-slaten taʼ l-Assirja lill-pajjiżi l-oħra kollha, kif qerduhom għalkollox. Int waħdek se teħles? Jaqaw il-ġnus li missirijieti qerdu . . . ħelsuhom l-allat tagħhom? Fejn hu s-sultan taʼ Ħamat, u s-sultan taʼ Arfad, u s-sultan tal-belt taʼ Sefarwajjim, taʼ Ħena u Għiwwa?” (Isaija 37:9-13) Fi ftit kliem l-Assirjan qed jgħid li tkun ħaġa bla sens li jirreżistu—ir-reżistenza se ġġib biss iktar inkwiet!
17, 18. (a) X’inhu l-motiv taʼ Ħeżekija meta jitlob protezzjoni mingħand Jehovah? (b) Jehovah kif iwieġbu lill-Assirjan permezz taʼ Isaija?
17 Billi hu inkwetat ħafna dwar il-konsegwenzi li tistaʼ ġġib magħha d-deċiżjoni li jrid jieħu, Ħeżekija jifrex l-ittri taʼ Sanħerib quddiem Jehovah fit-tempju. (Isaija 37:14) F’talba mill-qalb hu jitlob bil-ħniena lil Jehovah biex jagħti kas it-theddid taʼ l-Assirjan, u jikkonkludi t-talba tiegħu bil-kliem: “Issa, Mulej Alla tagħna, salvana minn idu, u jkunu jafu s-saltniet kollha taʼ l-art li inti waħdek Alla, Mulej.” (Isaija 37:15-20) Minn dan jidher ċar li Ħeżekija qed jinkwieta l-iktar, mhux dwar il-ħelsien tiegħu stess, imma dwar it-tmaqdir li se jaqaʼ fuq isem Jehovah jekk l-Assirja tegħleb lil Ġerusalemm.
18 Ir-risposta taʼ Jehovah għat-talba taʼ Ħeżekija tasal permezz taʼ Isaija. Ġerusalemm m’għandhiex iċċedi taħt idejn l-Assirja, għandha żżomm il-pożizzjoni tagħha. Bħallikieku qed ikellem lil Sanħerib, Isaija jiddikjara bi qlubija l-messaġġ taʼ Jehovah lill-Assirjan: “Tistmerrek, tiddieħak bik, ix-xebba bint Sijon. Minn warajk tħarrek rasha [biex twaqqgħek għaċ-ċajt], bint Ġerusalemm.” (Isaija 37:21, 22) Jehovah mbagħad iżid, fi kliem ieħor: ‘Min int biex iżżeblaħ lill-Qaddis taʼ Iżrael? Nafhom l-għemejjel tiegħek. Għandek ambizzjonijiet kbar; tiftaħar bil-kbir. Int fdajt fil-qawwa militari li għandek u rbaħt ħafna artijiet. Imma taħsibx li ħadd ma jistaʼ għalik. Jien se nfixkel il-pjanijiet tiegħek. Se nirbħek. Imbagħad se nagħmillek kif int għamilt lil ħaddieħor. Se npoġġi ħolqa fi mnieħrek u nġorrok lura lejn l-Assirja!’—Isaija 37:23-29.
“Dan Ikun is-Sinjal” Għalik
19. Jehovah liema sinjal jagħtih lil Ħeżekija, u dan x’ifisser?
19 Ħeżekija x’garanzija għandu li l-profezija taʼ Isaija se titwettaq? Iwieġeb Jehovah: “Dan ikun is-sinjal: Din is-sena tiekol milli jinbet waħdu, sena oħra dak li jinbet minn dan, u fit-tielet sena tiżirgħu u taħsdu, u tħawwlu d-dwieli u tieklu mill-għelejjel tagħhom.” (Isaija 37:30) Jehovah se jipprovdi l-ikel għal-Lhud li jkunu maqbudin ġewwa s-swar. Għalkemm ma jkunux jistgħu jiżirgħu żerriegħa minħabba l-Assirjani, se jkunu jistgħu jieklu minn dak li jkun baqaʼ mill-ħsad tas-sena taʼ qabel. Is-sena taʼ wara, li tkun sena tas-Sabat, l-għelieqi tagħhom iridu jitħallew mhux maħdumin, minkejja s-sitwazzjoni ddisprata tagħhom. (Eżodu 23:11) Jehovah jwiegħed li jekk in-nies jobduh, se tinbet biżżejjed żergħa fl-għelieqi biex tmantnihom. Imbagħad, fis-sena taʼ wara, in-nies se jiżirgħu ż-żerriegħa bħalma jsir is-soltu u jgawdu l-frott tal-ħidma tagħhom.
20. Dawk li jaħarbu mill-attakk Assirjan b’liema mod se “jxenxlu għeruqhom fil-fond u jagħmlu l-frott fil-wiċċ”?
20 Jehovah issa jqabbel lin-nies tiegħu maʼ xitla li ma titqaċċatx malajr mill-għeruq: “[I]l-fdal li jkun ħeles mid-dar taʼ Ġuda jibqgħu u jxenxlu għeruqhom fil-fond u jagħmlu l-frott fil-wiċċ.” (Isaija 37:31, 32) Iva, dawk li jafdaw f’Jehovah m’għandhomx minn xiex jibżgħu. Huma u nisilhom se jibqgħu stabbiliti fis-sod fil-pajjiż.
21, 22. (a) X’inhu profetizzat dwar Sanħerib? (b) Il-kliem taʼ Jehovah dwar Sanħerib kif u meta jitwettaq?
21 Xi ngħidu għat-theddid taʼ l-Assirjan kontra Ġerusalemm? Iwieġeb Jehovah: “F’din il-belt ma jidħolx; ebda vleġġa ma jwaddab fiha; ebda tarka ma jressaq quddiemha; ebda ħajt ma jtellaʼ madwarha. Mit-triq li minnha ġie, minnha jerġaʼ lura. U f’din il-belt ma jidħolx.” (Isaija 37:33, 34) Wara kollox, mhux se jkun hemm battalja bejn l-Assirja u Ġerusalemm. B’sorpriża għalihom, se jkunu l-Assirjani, mhux il-Lhud, li jiġu megħlubin mingħajr reżistenza.
22 Fi qbil maʼ kelmtu, Jehovah jibgħat anġlu biex jeqred il-fjur tat-truppi taʼ Sanħerib—185,000 raġel. Dan milli jidher iseħħ f’Libna, u Sanħerib innifsu jistenbaħ u jsib il-mexxejja, il-kapijiet, u l-irġiel setgħanin taʼ l-armata tiegħu mejtin. B’wiċċu maʼ l-art bil-mistħija, hu jmur lura lejn Ninwè, imma minkejja t-telfa kbira li ġarrab, xorta jibqaʼ devot lejn l-alla falz Nisrok. Xi snin wara, waqt li jkun qed iqim fit-tempju taʼ Nisrok, Sanħerib jiġi assassinat minn tnejn minn uliedu. Għal darb’oħra, Nisrok m’għandux il-qawwa biex isalvah għax hu alla bla ħajja.—Isaija 37:35-38.
Il-Fidi taʼ Ħeżekija Tissaħħaħ Iktar
23. Ħeżekija liema kriżi jiffaċċja meta Sanħerib jitlaʼ l-ewwel darba kontra Ġuda, u dan għal xiex jistaʼ jwassal?
23 Għall-ħabta taʼ meta Sanħerib jitlaʼ l-ewwel darba kontra Ġuda, Ħeżekija jaqaʼ f’marda serja. Isaija jgħidlu li kien se jmut. (Isaija 38:1) Is-sultan, li għandu 39 sena, iħossu qisu ras maqtugħa. Hu ma jinkwetax biss għalih innifsu imma wkoll għall-futur tan-nies. Ġerusalemm u Ġuda jinsabu fil-periklu li jiġu invaduti mill-Assirjani. Jekk imut Ħeżekija, min se jmexxihom lin-nies biex jiġġieldu? F’dan iż-żmien, Ħeżekija għad m’għandu ebda iben li jistaʼ jieħu l-ħakma f’idejh. F’talba mill-qalb Ħeżekija jitlob bil-ħrara lil Jehovah biex jurih ħniena.—Isaija 38:2, 3.
24, 25. (a) Jehovah kif iwieġeb b’qalb tajba t-talba taʼ Ħeżekija? (b) Jehovah liema miraklu jwettaq, kif deskritt f’Isaija 38:7, 8?
24 Isaija għadu ma ħariġx mill-btieħi tal-palazz meta Jehovah jibagħtu lura b’messaġġ ieħor għand is-sultan li hu mixħut f’qiegħ taʼ sodda: “Jien smajt it-talba tiegħek, rajt id-dmugħ tiegħek. Arani, issa se ntawwal għomrok bi ħmistax-il sena oħra, u neħilsek minn id is-sultan taʼ l-Assirja, lilek u ’l din il-belt, u nħares ’il din il-belt.” (Isaija 38:4-6; 2 Slaten 20:4, 5) Jehovah se jsaħħaħ il-wegħda tiegħu b’sinjal mhux tas-soltu: “Arani, jien inraġġaʼ lura d-dell għaxar tarġiet, li x-xemx diġà niżlet mat-taraġ taʼ Aħaż.”—Isaija 38:7, 8a.
25 Skond Ġużeppi Flavju, kittieb Lhudi taʼ l-istorja, kien hemm taraġ ġewwa l-palazz irjali, x’aktarx b’kolonna ħdejh. Meta r-raġġi tax-xemx jaqgħu fuq il-kolonna, jixħtu dell fuq it-taraġ. Wieħed setaʼ jkejjel il-ħin tal-ġurnata billi jara fejn ikun wasal id-dell fuq it-taraġ. Issa Jehovah se jwettaq miraklu. Wara li d-dell jinżel bil-mod il-mod minn fuq it-taraġ kif jagħmel is-soltu, dan se jerġaʼ lura għaxar tarġiet. Min qatt samaʼ b’ħaġa bħal din? Tistqarr il-Bibbja: “U x-xemx reġgħet lura għaxar tarġiet mit-taraġ li kienet [niżlet].” (Isaija 38:8b) Ftit wara dan, Ħeżekija jfiq mill-marda li kellu. L-aħbar dwar dan tasal sa Babilonja. Meta s-sultan taʼ Babilonja jismagħha, jibgħat messaġġiera lejn Ġerusalemm biex jara eżatt x’ġara.
26. X’inhu riżultat wieħed taʼ li l-ħajja taʼ Ħeżekija ġiet imtawla?
26 Xi tliet snin wara li Ħeżekija jġarrab dan il-fejqan mirakoluż, jitwieled l-ewwel iben tiegħu, Manassi. Dan, meta jikber, ma jurix apprezzament lejn il-mogħdrija t’Alla, li mingħajrha lanqas biss kien jitwieled! Minflok, matul il-biċċa l-kbira taʼ ħajtu, Manassi jagħmel kemm jiflaħ dak li hu ħażin f’għajnejn Jehovah.—2 Kronaki 32:24; 33:1-6.
Żball fil-Ġudizzju
27. Ħeżekija b’liema modi juri l-apprezzament tiegħu lejn Jehovah?
27 Ħeżekija huwa raġel taʼ fidi, bħalma kien David, missieru tal-qedem. Hu jgħożżha l-Kelma t’Alla. Skond Proverbji 25:1, kien hu li ħa ħsieb biex jinġabar flimkien il-materjal li issa nsibu fi Proverbji kapitli 25 sa 29. Xi wħud huma tal-fehma li kien hu wkoll li kkompona Salm 119. L-għanja kommoventi taʼ gratitudni li Ħeżekija jikkomponi wara li jfiq mill-marda li ħakmitu turi li hu raġel b’sentimenti profondi. Hu jikkonkludi li l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja hi li nkunu nistgħu nfaħħru lil Jehovah fit-tempju Tiegħu “l-jiem kollha taʼ ħajjitna.” (Isaija 38:9-20) Jalla lkoll kemm aħna nħossuna l-istess dwar il-qima safja!
28. Ħeżekija liema żball fil-ġudizzju jagħmel xi żmien wara li jitfejjaq mirakolożament?
28 Għalkemm leali, Ħeżekija hu imperfett. Hu jagħmel żball serju fil-ġudizzju xi żmien wara li jitfejjaq minn Jehovah. Jispjega Isaija: “Dak iż-żmien Merodak-baladan bin Baladan, sultan taʼ Babilonja, bagħat ittra u rigal lil Ħeżekija, għax kien samaʼ li Ħeżekija kien marad u fieq. Ħeżekija feraħ bihom u wriehom id-dar tat-teżor, il-fidda u d-deheb, il-fwejjaħ u ż-żejt fin, l-armerija u kull ma kien jinsab fl-imħażen tiegħu; ma kien hemm xejn f’daru u f’saltnatu, li Ħeżekija ma wrihomlhomx.”—Isaija 39:1, 2. b
29. (a) X’jistaʼ jkun il-motiv taʼ Ħeżekija meta juri l-għana tiegħu lid-delegazzjoni Babiloniża? (b) X’se jkunu l-konsegwenzi taʼ l-iżball fil-ġudizzju li jagħmel Ħeżekija?
29 Saħansitra wara t-telfa qerrieda permezz taʼ l-anġlu taʼ Jehovah, l-Assirja tkompli tkun taʼ theddida għal bosta ġnus, inkluż Babilonja. Forsi Ħeżekija ried jimpressjona lis-sultan taʼ Babilonja bħala wieħed li fil-futur għandu mnejn ikun l-alleat tiegħu. Madankollu, Jehovah ma jridx li l-abitanti taʼ Ġuda jissieħbu maʼ l-għedewwa tagħhom; hu jridhom jafdaw fih! Permezz tal-profeta Isaija, Jehovah jirrivelalu l-futur lil Ħeżekija: “Ara, għad jiġi żmien li jinġarr f’Babilonja kull ma jinsab f’darek u kull ma ħażnu s’issa missirijietek! Ma jifdal xejn. . . . U minn fost uliedek li għad joħorġu minnek, li int għad tnissel, jittieħdu u jkunu ewnuki fil-palazz tas-sultan taʼ Babilonja.” (Isaija 39:3-7) Iva, dak l-istess ġens li Ħeżekija pprova jimpressjonah maż-żmien kien se jisraq it-teżori taʼ Ġerusalemm u jitfaʼ liċ-ċittadini tagħha fil-jasar. Il-fatt li Ħeżekija juri t-teżor tiegħu lill-Babiloniżi jservi biss biex ikompli jħajjarhom jixxennqu għalih b’regħba kbira.
30. Ħeżekija kif wera attitudni tajba?
30 Milli jidher waqt li jirreferi dwar meta Ħeżekija wera t-teżor tiegħu lill-Babiloniżi, it-2 Kronaki 32:26 jgħid: “Imma Ħeżekija umilja ruħu mill-kburija taʼ qalbu, hu u miegħu n-nies taʼ Ġerusalemm, u l-korla tal-Mulej ma laħqithomx fi żmien Ħeżekija.”
31. Kif seħħew l-affarijiet għal Ħeżekija, u dan x’jgħallimna?
31 Minkejja li kien imperfett, Ħeżekija kien bniedem taʼ fidi. Kien jaf li Alla tiegħu, Jehovah, hu persuna reali li jħoss. Meta kien taħt pressjoni qawwija, Ħeżekija talab bil-ħrara lil Jehovah, u Jehovah wieġbu. Alla Jehovah tah is-sliem għall-bqija taʼ ħajtu, u għal dan, Ħeżekija kien grat. (Isaija 39:8) Jehovah għandu jkun daqstant reali għalina llum. Meta jqumu l-problemi, jalla aħna, bħal Ħeżekija, infittxu lil Jehovah għall-għerf biex insolvuhom, għax hu “jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd.” (Ġakbu 1:5) Jekk inkomplu nissaportu u nimxu b’fidi f’Jehovah, nistgħu nibqgħu ċerti li hu se jsir għalina dak li “jagħti l-ħlas xieraq lil dawk li jfittxuh,” kemm issa u kemm fil-futur.—Lhud 11:6.
[Noti taʼ taħt]
a Dawn jiswew iktar minn 9.5 miljun dollaru Amerikan [Lm3,700,000] skond ir-rata kurrenti.
b Wara t-telfa taʼ Sanħerib, il-ġnus taʼ madwaru ġabu għotjiet taʼ deheb, fidda, u affarijiet prezzjużi oħrajn lil Ħeżekija. Fit-2 Kronaki 32:22, 23, 27, naqraw li “Ħeżekija kellu għana u ġieħ kbir” u li “dan għola ħafna f’għajnejn il-ġnus.” Dawn l-għotjiet forsi ppermettewlu jerġaʼ jimla t-teżor tiegħu, wara li kien battlu biex iħallas il-ħaraġ lill-Assirjani.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 383]
Is-Sultan Ħeżekija jafda f’Jehovah meta jiffaċċja s-setgħa taʼ l-Assirja
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 384]
[Stampa f’paġna 389]
Is-sultan jibgħat xi rappreżentanti tiegħu għand Isaija biex jismaʼ l-parir taʼ Jehovah
[Stampa f’paġna 390]
Ħeżekija jitlob li isem Jehovah jkun imfaħħar bil-kbir permezz tat-telfa li ġġarrab l-Assirja
[Stampa f’paġna 393]
L-anġlu taʼ Jehovah jeqred 185,000 Assirjan