Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Profeta tal-​Qedem b’Messaġġ Modern

Profeta tal-​Qedem b’Messaġġ Modern

Kapitlu Wieħed

Profeta tal-​Qedem b’Messaġġ Modern

Isaija 1:1

1, 2. (a) Liema sitwazzjoni taʼ swied il-​qalb naraw fid-​dinja llum? (b) Senatur Amerikan kif esprima t-​tħassib tiegħu dwar id-​deterjorazzjoni tas-​soċjetà?

 MIN illum ma jixxennaqx biex jeħles mill-​problemi li l-​umanità qed tħabbat wiċċha magħhom? Madankollu, kemm-il darba ma jseħħx dak li nixxennqu għalih! Noħolmu li jkollna l-​paċi, imma niġu mifluġin bil-​gwerer. Ngħożżu l-​liġi u l-​ordni, imma ma nistgħux inwaqqfu ż-​żjieda kontinwa f’dak li huwa serq, stupru, u qtil. Nixtiequ nafdaw lill-​ġirien tagħna, imma jkollna nsakkru l-​bibien tagħna għall-​protezzjoni. Inħobbu lil uliedna u nipprovaw innaqqxu fihom valuri tajbin, imma taʼ spiss narawhom iċedu għall-​influwenza ħażina taʼ dawk taʼ mparhom bla ma nistgħu nagħmlu xejn.

2 Nagħmlu sewwa jekk naqblu maʼ Ġob, li stqarr li l-​ħajja qasira tal-​bniedem fiha ‘biżżejjed tbatija.’ (Ġob 14:1) Dan jidher speċjalment hekk illum, għax is-​soċjetà qed tiddeterjora fuq skala li qatt ma rajna bħalha. Senatur Amerikan osserva: “Il-​Gwerra Bierda issa spiċċat, imma f’sens traġiku, id-​dinja issa ntgħamlet iktar għammiela għal vendetta u salvaġġiżmu etniċi, tribwali, u reliġjużi. . . . Baxxejna l-​livelli morali tagħna sal-​punt li ħafna miż-​żgħażagħ tagħna jinsabu konfużi, skuraġġiti u f’inkwiet serju. Qegħdin naħsdu l-​ħsad taʼ traskuraġni mill-​ġenituri, divorzji, abbuż fuq it-​tfal, tqala fost l-​adolexxenti, tfal li ma jkomplux l-​iskola, drogi illegali, u toroq mimlijin vjolenza. Huwa bħallikieku darna, li baqgħet wieqfa wara t-​terremot il-​kbir li nsejħulu l-​Gwerra Bierda, issa qed tittiekel mid-​dud.”

3. Liema ktieb tal-​Bibbja joffri b’mod speċjali tama għall-​futur?

3 Madankollu, ma nitħallewx bla tama. Xi 2,700 sena ilu, Alla nebbaħ lil raġel mil-​Lvant Nofsani biex ilissen sensiela taʼ profeziji li għandhom tifsira speċjali għal żmienna. Dawn il-​messaġġi huma dokumentati fil-​ktieb tal-​Bibbja li jġib isem dak il-​profeta​—Isaija. Min kien Isaija, u għala nistgħu ngħidu li l-​profezija tiegħu, dokumentata kważi tliet millennji ilu, tipprovdi dawl għall-​umanità kollha llum?

Raġel Twajjeb fi Żminijiet taʼ Taqlib

4. Min kien Isaija, u meta qeda bħala l-​profeta taʼ Jehovah?

4 Fl-​ewwel vers tal-​ktieb tiegħu, Isaija jintroduċi lilu nnifsu bħala “bin Amos,” a u jgħidilna li kien jaqdi bħala l-​profeta t’Alla “fi żmien Għużżija, Ġotam, Aħaż, Ħeżekija, slaten taʼ Ġuda.” (Isaija 1:1) Dan ifisser li Isaija kompla jaqdi bħala l-​profeta t’Alla għall-​ġens taʼ Ġuda minn taʼ l-​inqas għal 46 sena, billi x’aktarx beda fit-​tmiem tar-​renju taʼ Għużżija​—madwar is-​sena 778 Q.E.K.

5, 6. Liema ħaġa żgur li kienet vera rigward il-​ħajja tal-​familja taʼ Isaija, u għala?

5 Imqabbel maʼ dak li nafu dwar xi profeti oħrajn, ftit li xejn nafu dwar il-​ħajja persunali taʼ Isaija. Fil-​fatt nafu li kien miżżewweġ u li rrefera għal martu bħala “l-​profetessa.” (Isaija 8:3) Skond is-​Cyclopedia of Biblical, Theological, and Ecclesiastical Literature taʼ McClintock u Strong, dan it-​titlu jindika li l-​ħajja miżżewġa taʼ Isaija “ma kinitx biss konsistenti mal-​vokazzjoni tiegħu, imma kienet ukoll minsuġa b’mod intimu magħha.” Jistaʼ jkun ukoll li, simili għal xi nisa devoti oħrajn f’Iżrael tal-​qedem, mart Isaija kellha l-​inkarigu profetiku tagħha stess.​—Mħallfin 4:4; 2 Slaten 22:14.

6 Isaija u martu kellhom minn taʼ l-​inqas żewġ subien, u kull wieħed ngħata isem b’sinjifikat profetiku. L-​ewwel imwieled, Sijarjasub, kien maʼ Isaija meta dan wassal il-​messaġġi t’Alla lis-​Sultan mill-​agħar Aħaż. (Isaija 7:3) Huwa evidenti li l-​qima lejn Alla kienet proġett tal-​familja għal Isaija u martu​—eżempju mill-​aħjar għall-​koppji miżżewġin illum!

7. Iddeskrivi l-​kundizzjonijiet f’Ġuda fi żmien Isaija.

7 Isaija u l-​familja tiegħu għexu matul perijodu mqalleb fl-​istorja taʼ Ġuda. It-​taqlib politiku kien komuni, il-​qrati kienu mċappsin bit-​tixħim, u l-​ipokresija farrket il-​qafas reliġjuż tas-​soċjetà. Il-​qċaċet taʼ l-​għoljiet kienu mimlijin artali dedikati lil allat foloz. Saħansitra xi slaten ħeġġew lin-​nies għall-​qima pagana. Per eżempju, Aħaż mhux biss ittollera l-​idolatrija fost is-​sudditi tiegħu imma ħa sehem fiha personalment, billi ġagħal lil nislu stess ‘jgħaddi min-​nar’ f’sagrifiċċju ritwali lil Molek, l-​alla tal-​Kangħanin. b (2 Slaten 16:​3, 4; 2 Kronaki 28:​3, 4) U dan kollu seħħ fost poplu li kien f’relazzjoni taʼ patt maʼ Jehovah!​—Eżodu 19:​5-8.

8. (a) Is-​Slaten Għużżija u Ġotam x’eżempju taw, u segwieha l-​poplu t-​tmexxija tagħhom? (b) Isaija kif wera l-​qlubija f’nofs poplu ribelluż?

8 Taʼ min ifaħħru huwa l-​fatt li xi wħud li għexu fi żmien Isaija​—inkluż xi ftit ħakkiema—​ipprovaw iħeġġu lin-​nies għall-​qima vera. Fosthom kien hemm is-​Sultan Għużżija, li għamel “is-​sewwa f’għajnejn il-​Mulej.” Xorta waħda, matul ir-​renju tiegħu l-​poplu “kien għadu joffri s-​sagrifiċċji u jaħraq l-​inċens fis-​santwarji.” (2 Slaten 15:​3, 4) Is-​Sultan Ġotam ukoll “għamel is-​sewwa f’għajnejn il-​Mulej.” Madankollu, il-​“poplu kompla jitħassar.” (2 Kronaki 27:2) Iva, matul ħafna mill-​ministeru profetiku taʼ Isaija, is-​saltna taʼ Ġuda kienet fi stat tal-​biki spiritwalment u moralment. B’mod ġenerali, in-​nies injoraw kwalunkwe influwenza pożittiva li ġiet mingħand is-​slaten tagħhom. Wieħed jistaʼ jifhem li ma kienx xi inkarigu faċli li twassal il-​messaġġi t’Alla lil dan il-​poplu stinat. Minkejja dan, meta Jehovah staqsa l-​mistoqsija, “Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?” Isaija ma ħasibhiex darbtejn. Hu esklama: “Hawn jien: ibgħat lili!”​—Isaija 6:8.

Messaġġ taʼ Salvazzjoni

9. X’ifisser isem Isaija, u dan kif inhu relatat mat-​tema tal-​ktieb tiegħu?

9 Isem Isaija jfisser “Salvazzjoni taʼ Jehovah,” u nagħmlu sew jekk dan insejħulu t-​tema tal-​messaġġ tiegħu. Huwa veru li ftit mill-​profeziji taʼ Isaija huma taʼ ġudizzju, imma t-​tema taʼ salvazzjoni xorta waħda hija prominenti ferm. Darba wara l-​oħra, Isaija rrakkonta kif fiż-​żmien stabbilit Jehovah kellu jeħles lill-​Iżraelin mill-​jasar f’Babilonja, u b’hekk iħalli lil fdal jirritorna lejn Sijon u jġib il-​pajjiż lura għall-​isplendur li kellu qabel. Bla dubju l-​akbar ferħ taʼ Isaija kien il-​privileġġ li jlissen u jikteb profeziji dwar ir-​restawr taʼ Ġerusalemm, il-​belt maħbuba tiegħu!

10, 11. (a) Il-​ktieb taʼ Isaija għala huwa taʼ interess għalina llum? (b) Il-​ktieb taʼ Isaija kif jitfaʼ l-​attenzjoni fuq il-​Messija?

10 Imma dawn il-​messaġġi taʼ ġudizzju u salvazzjoni x’għandhom x’jaqsmu magħna? B’ferħ, Isaija ma jipprofetizzax sempliċement għall-​benefiċċju tas-​saltna taż-​żewġ tribujiet taʼ Ġuda. Għall-​kuntrarju, il-​messaġġi tiegħu għandhom sinjifikat speċjali għal żmienna. Isaija jagħti deskrizzjoni glorjuża taʼ kif is-​Saltna t’Alla dalwaqt se ġġib barkiet grandjużi għall-​art tagħna. F’dan ir-​rigward, porzjon kbir mill-​kitbiet taʼ Isaija jiffoka fuq il-​Messija mbassar, li se jaħkem bħala Sultan tas-​Saltna t’Alla. (Danjel 9:25; Ġwann 12:41) Żgur li m’huwiex b’kumbinazzjoni li l-​ismijiet Ġesù u Isaija jesprimu kważi l-​istess ħsieb, billi l-​isem Ġesù jfisser “Jehovah Hu Salvazzjoni.”

11 M’għandniex xi ngħidu, Ġesù twieled xi sebaʼ sekli wara żmien Isaija. Madankollu, il-​profeziji Messjaniċi li hemm fil-​ktieb taʼ Isaija tant huma dettaljati u tant huma eżatti li jinqraw qishom rakkont taʼ wieħed li ra b’għajnejh stess il-​ħajja taʼ Ġesù fuq l-​art. Sors wieħed innota li minħabba dan, il-​ktieb taʼ Isaija kultant jissejjaħ il-​“Ħames Evanġelju.” Għaldaqstant, ma tantx jissorprendina l-​fatt li Isaija kien l-​iktar ktieb tal-​Bibbja li ġie kwotat minn Ġesù u l-​appostli tiegħu sabiex jidentifikaw b’mod ċar min kien il-​Messija.

12. Għala aħna ħerqanin biex nistudjaw il-​ktieb taʼ Isaija?

12 Isaija jagħti deskrizzjoni glorjuża taʼ “smewwiet ġodda u art ġdida” li fihom “sultan għad isaltan bil-​ġustizzja” u prinċpijiet jaħkmu bis-​sewwa. (Isaija 32:​1, 2; 65:​17, 18; 2 Pietru 3:13) B’hekk, il-​ktieb taʼ Isaija jipponta lejn it-​tama, li tferraħ il-​qalb, tas-​Saltna t’Alla taħt il-​Messija Ġesù Kristu bħala s-​Sultan fuq it-​tron. X’inkuraġġiment għalina biex ngħixu kull ġurnata nistennew bil-​ferħ is-​‘salvazzjoni minn Jehovah’! (Isaija 25:9; 40:​28-31) Mela, ejja neżaminaw bil-​ħerqa l-​messaġġ prezzjuż li hemm fil-​ktieb taʼ Isaija. Waqt li nagħmlu dan, il-​fiduċja tagħna fil-​wegħdi t’Alla se tissaħħaħ bil-​kbir. Ukoll, se niġu megħjunin inqawwu l-​konvinzjoni tagħna li Jehovah hu tabilħaqq dak Alla tas-​salvazzjoni tagħna.

[Noti taʼ taħt]

a Amos, missier Isaija, m’huwiex l-​istess Amos li pprofetizza fil-​bidu tar-​renju taʼ Għużżija u li kiteb il-​ktieb tal-​Bibbja li jġorr ismu.

b Xi wħud jgħidu illi li wieħed ‘jgħaddi min-​nar’ jistaʼ jindika sempliċement ċerimonja taʼ purifikazzjoni. Iżda, f’dan il-​kuntest donnu li l-​frażi tirreferi għal sagrifiċċju letterali. M’hemm l-​ebda dubju li l-​issagrifikar tat-​tfal kien prattikat mill-​Kangħanin u mill-​Iżraelin apostati.​—Dewteronomju 12:31; Salm 106:​37, 38.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampa f’paġna 7]

Min Kien Isaija?

X’IFISSER L-​ISEM: “Salvazzjoni taʼ Jehovah”

FAMILJA: Miżżewweġ, b’minn taʼ l-​inqas żewġ subien

POST TAʼ RESIDENZA: Ġerusalemm

SNIN TAʼ SERVIZZ: Minn taʼ l-​inqas 46 sena, minn madwar is-​sena 778 Q.E.K. sa wara s-​sena 732 Q.E.K.

SLATEN TAʼ ĠUDA FI ŻMIENU: Għużżija, Ġotam, Aħaż, Ħeżekija

PROFETI FI ŻMIENU: Mikea, Hosegħa, Għoded

[Stampa f’paġna 6]

Il-​qima lejn Alla kienet proġett tal-​familja għal Isaija u martu