Profeta tal-Qedem b’Messaġġ Modern
Kapitlu Tnejn
Missier u l-Ulied Ribellużi Tiegħu
1, 2. Spjega kif Jehovah spiċċa biex ikollu wlied ribellużi.
LIL ULIEDU ma ħalliehom neqsin minn xejn, bħalma jagħmel kwalunkwe ġenitur li jħobb. Għal bosta snin ħa ħsieb li jkollhom x’jieklu, x’jilbsu, u fejn jistkennu. Meta kien hemm bżonn, iddixxiplinahom. Imma l-kastig li ħadu qatt ma kien eċċessiv; dejjem ngħata ‘skond ma kien ħaqqhom.’ (Ġeremija 30:11) Nistgħu biss nimmaġinaw, allura, l-uġigħ li jħoss dan il-missier mimli mħabba meta jkollu jistqarr: “Ulied rabbejt u kabbart, u huma qamu kontrija.”—Isaija 1:2.
2 L-ulied ribellużi li ssir referenza għalihom hawnhekk huma n-nies taʼ Ġuda, u l-missier imnikket hu Alla Jehovah. Xi traġedja! Jehovah ħa ħsiebhom lill-Ġudeani u għolliehom għal pożizzjoni elevata fost il-ġnus. “Libbistek il-brukkat u xeddejtlek sandli tad-denfil, dawwartek bl-għażel u ksejtek bil-ħarir,” ifakkarhom iktar tard permezz tal-profeta Eżekjel. (Eżekjel 16:10) Madankollu, fil-biċċa l-kbira, in-nies taʼ Ġuda ma japprezzawhx dak li Jehovah għamel għalihom. Minflok, jirribellaw, jew iqumu kontrih.
3. Jehovah għala jsejjaħ is-smewwiet u l-art biex jixhdu l-irvell taʼ Ġuda?
3 B’raġuni valida, qabel dan il-kliem rigward l-ulied ribellużi tiegħu, Jehovah jgħid dan li ġej: “Isimgħu, smewwiet! Agħti widen, art! Għax tkellem il-Mulej.” (Isaija 1:2a) Sekli qabel, is-smewwiet u l-art semgħu, bħallikieku, lill-Iżraelin jirċievu twissijiet ċari u tondi rigward il-konsegwenzi tad-diżubbidjenza. Mosè qal: “Jien insejjaħ illum b’xhud kontrikom is-smewwiet u l-art. Minnufih tinqerdu minn wiċċ l-art, li intom se taqsmu l-Ġordan biex teħduha f’idejkom; ma ddumux żmien twil fiha, għax tinqerdu għalkollox.” (Dewteronomju 4:26) Issa fi żmien Isaija, Jehovah jsejjaħ lis-smewwiet inviżibbli u lill-art viżibbli biex jixhdu l-irvell taʼ Ġuda.
4. Jehovah kif jagħżel li jippreżenta ruħu lil Ġuda?
4 Peress li s-sitwazzjoni hija diffiċli, din tirrikjedi li tiġi trattata ċar u tond. Madankollu, saħansitra f’dawn iċ-ċirkustanzi mwegħra, taʼ min jinnota—u huwa inkuraġġanti—li Jehovah jippreżenta ruħu lil Ġuda bħala ġenitur mimli mħabba iktar milli sempliċement bħala s-sid li xtrahom. Fil-fatt, Jehovah qed jitlob bil-ħniena lin-nies tiegħu biex jikkunsidraw il-kwistjoni min-naħa taʼ missier li għandu diqa kbira minħabba wliedu xellerati. Forsi xi ġenituri f’Ġuda jistgħu jiġu effettwati personalment minn dan l-għawġ u jitqanqlu mit-tixbieha. Kien x’kien il-każ, Jehovah wasal biex jippreżenta l-każ tiegħu kontra Ġuda.
Il-Bhejjem bla Raġuni Għandhom Iktar Sens
5. B’kuntrast maʼ Iżrael, il-gendus u l-ħmar b’liema mod juru sens taʼ fedeltà?
5 Permezz taʼ Isaija, Jehovah jgħid: “Il-gendus jagħraf lil sidu, u l-ħmar il-maxtura taʼ sidu; imma Iżrael ma jagħrafx, il-poplu tiegħi ma jifhimx.” (Isaija 1:3) a Il-gendus u l-ħmar huma bhejjem tat-tagħbija familjari maʼ dawk li jgħixu fil-Lvant Nofsani. Tabilħaqq, il-Ġudeani ma kinux se jiċħdu li saħansitra dawn il-bhejjem inferjuri juru sens taʼ fedeltà u jkunu jafu li jappartjenu lil xi sid. F’dan ir-rigward, ikkunsidra dak li ra b’għajnejh stess wieħed riċerkatur tal-Bibbja f’inżul ix-xemx ġo belt fil-Lvant Nofsani: “Malli l-merħla daħlet mill-ħitan ’il ġewwa bdiet titferrex. Kull barri kien jaf perfettament lil sidu, u t-triq lejn ir-razzett tiegħu, u lanqas għal mument wieħed ma nfixel fil-geġwiġija taʼ sqaqien dojoq u mgħawġin. Inkwantu għall-ħmar, dan mexa dritt lejn il-bieb, u sal-‘maxtura taʼ sidu.’”
6. In-nies taʼ Ġuda kif m’aġixxewx bis-sens?
6 Ladarba xeni bħal dawn huma bla dubju komuni fi żmien Isaija, il-punt tal-messaġġ taʼ Jehovah huwa ċar: Jekk saħansitra bhima bla raġuni tagħraf lil sidha u l-maxtura tagħha stess, in-nies taʼ Ġuda liema skuża jistgħu jġibu talli telqu lil Jehovah? Verament, huma ‘ma fehmux.’ Donnu jidher li m’humiex konxji tal-fatt li r-riżq tagħhom u l-istess eżistenza tagħhom jiddependu fuq Jehovah. Hija tabilħaqq evidenza taʼ ħniena li Jehovah għadu jirreferi għall-Ġudeani bħala l-“poplu tiegħi”!
7. Liema huma xi modi li bihom nistgħu nuru li napprezzaw il-provvedimenti taʼ Jehovah?
7 Aħna qatt ma se nkunu rridu nġibu ruħna bħallikieku m’għandniex sens billi ma nurux apprezzament lejn dak kollu li Jehovah għamel għalina! Minflok, għandna nimitaw lis-salmista David, li qal: “Nfaħħrek, Mulej, b’qalbi kollha; nxandar għeġubijietek kollha!” (Salm 9:2 [9:1, New World Translation]) Li kontinwament nieħdu għarfien dwar Jehovah se jinkuraġġina f’dan ir-rigward, għax il-Bibbja tgħid illi “li tagħraf lill-Qaddis hu d-dehen.” (Proverbji 9:10) Li nimmeditaw kuljum fuq il-barkiet taʼ Jehovah se jgħinna nkunu wħud li nroddu ħajr u ma nonqsux li nuru apprezzament lejn Missierna tas-sema. (Kolossin 3:15) “Min iroddli sagrifiċċju taʼ radd il-ħajr, dan isebbaħni,” jgħid Jehovah, u “lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni taʼ Alla.”—Salm 50:23.
Insult Offensiv lill-“Qaddis taʼ Iżrael”
8. In-nies taʼ Ġuda għala jistgħu jissejħu l-“ġens midneb”?
8 Isaija jkompli l-messaġġ tiegħu bi kliem iebes għall-ġens taʼ Ġuda: “Jaħasra għalik, ġens midneb, poplu mgħobbi bil-ħażen, nisel il-ħżiena, ulied imħassrin! Telqu lill-Mulej; maqdru l-Qaddis taʼ Iżrael, nġibdu lura minnu.” (Isaija 1:4) L-għemejjel mill-agħar jistgħu joktru sal-punt li jsiru bħal piż li jfarrkek. Fi żmien Abraham, Jehovah ddeskriva d-dnubiet taʼ Sodoma u Gomorra bħala “toqol kbir.” (Ġenesi 18:20) Xi ħaġa simili hija issa evidenti fin-nies taʼ Ġuda, għax Isaija jgħid li huma ‘mgħobbijin bil-ħażen.’ Barra minn hekk, isejħilhom “nisel il-ħżiena, ulied imħassrin.” Iva, il-Ġudeani huma bħal tfal delinkwenti. Huma “nġibdu lura” minn maʼ Missierhom, jew bħalma tpoġġiha n-New Revised Standard Version, huma “miksurin għalkollox” miegħu.
9. X’inhu s-sinjifikat tal-frażi l-“Qaddis taʼ Iżrael”?
9 Permezz tal-korsa xellerata tagħhom, in-nies taʼ Ġuda qegħdin juru diżrispett kbir lejn il-“Qaddis taʼ Iżrael.” X’inhu s-sinjifikat taʼ din il-frażi, li tinsab 25 darba fil-ktieb taʼ Isaija? Li tkun qaddis ifisser li tkun nadif u safi. Jehovah hu qaddis sa l-ogħla grad. (Apokalissi 4:8) L-Iżraelin jiġu mfakkrin dwar dan il-fatt kull darba li josservaw il-kliem imnaqqax fuq il-pjanċa tad-deheb ileqq taʼ fuq it-turbant tal-qassis il-kbir: “Il-Qdusija tappartjeni lil Jehovah.” (Eżodu 39:30, NW) Għaldaqstant, billi jirreferi għal Jehovah bħala l-“Qaddis taʼ Iżrael,” Isaija jenfasizza kemm kien gravi d-dnub taʼ Ġuda. Wara kollox, dawn ir-ribelli qegħdin jiksru direttament il-kmand mogħti lil missirijiethom tal-qedem: “Għandkom titqaddsu, u tkunu qaddisin, għax jien qaddis”!—Levitiku 11:44.
10. Kif nistgħu nevitaw li nuru diżrispett lejn il-“Qaddis taʼ Iżrael”?
10 Il-Kristjani llum iridu jevitaw akkost taʼ kollox li jsegwu l-eżempju taʼ Ġuda li wriet diżrispett lejn il-“Qaddis taʼ Iżrael.” Iridu jimitaw il-qdusija taʼ Jehovah. (1 Pietru 1:15, 16) U jeħtieġ li ‘jobogħdu l-ħażen.’ (Salm 97:10) Prattiċi mhux nodfa bħalma huma l-immoralità sesswali, l-idolatrija, is-serq, u s-sokor jistgħu jikkorrompu l-kongregazzjoni Kristjana. Huwa għalhekk li l-kongregazzjoni taqtagħhom mis-sħubija lil dawk li jkunu jridu jibqgħu jipprattikaw dawn l-affarijiet. Fl-aħħar mill-aħħar, dawk li ma jindmux u jibqgħu jsegwu korsa taʼ nuqqas taʼ ndafa se jiġu esklużi milli jgawdu l-barkiet tal-gvern tas-Saltna t’Alla. Tassew, dawn il-prattiċi mill-agħar kollha huma insult offensiv lill-“Qaddis taʼ Iżrael.”—Rumani 1:26, 27; 1 Korintin 5:6-11; 6:9, 10.
Marida minn Rasha sa Saqajha
11, 12. (a) Iddeskrivi l-kundizzjoni ħażina taʼ Ġuda. (b) Għala m’għandux jiddispjaċina għal Ġuda?
11 Isaija mbagħad jipprova jirraġuna man-nies taʼ Ġuda billi jindikalhom l-istat marradi tagħhom. Hu jgħid: “Għaliex tridu tissawwtu aktar? Għaliex tibqgħu tirvillaw?” Fi kliem ieħor, Isaija qed jistaqsihom: ‘Ma sofrejtux biżżejjed? Għala ġġibu iktar ħsara fuqkom infuskom billi tibqgħu tirvellaw?’ Ikompli Isaija: “Ir-ras kollha marida, il-qalb kollha mifnija. Minn qiegħ ir-riġel sar-ras, xejn ma hemm sħiħ fih.” (Isaija 1:5, 6a) Ġuda tinsab fi stat taʼ mard li jqażżek—marida spiritwalment minn rasha sa saqajha. Deskrizzjoni kerha tabilħaqq!
12 Għandu għalfejn jiddispjaċina għal Ġuda? Lanqas xejn! Sekli qabel, il-ġens kollu kemm hu taʼ Iżrael kien ġie mwissi kif jixraq dwar il-kastig għad-diżubbidjenza. Dan hu parti minn dak li ntqallu: “Jolqtok il-Mulej bl-infafet qalila f’irkubbtejk u f’saqajk, minn qiegħ riġlejk sal-quċċata taʼ rasek, u ma tfiqx minnhom.” (Dewteronomju 28:35) F’sens figurattiv, Ġuda issa qegħda ssofri dawn l-istess konsegwenzi tal-korsa stinata tagħha. U dan kollu setaʼ ġie evitat kieku n-nies taʼ Ġuda kienu sempliċement obdew lil Jehovah.
13, 14. (a) Liema feriti sarulha lil Ġuda? (b) Is-sofferenzi taʼ Ġuda jġagħluha tikkunsidra mill-ġdid il-korsa ribelluża tagħha?
13 Isaija jkompli jiddeskrivi l-istat taʼ Ġuda li jġiblek ħasra: “Xejn ħlief drib, tbenġil u ġrieħi jnixxu. Ma naddfuhomx, anqas rabtuhom, lanqas dewwewhom biż-żejt.” (Isaija 1:6b) Hawnhekk il-profeta qed jirreferi għal tliet tipi taʼ feriti: drib (qtugħ, bħal dak li jsir minn xi xabla jew sikkina), tbenġil (bziezen kaġunati mis-swat), u ġrieħi jnixxu (feriti friski u miftuħin li donnhom ma jitfejqux). L-idea preżentata hija dik taʼ bniedem li ġie kastigat bl-aħrax b’kull manjiera immaġinabbli, u ebda parti minn ġismu ma skansat il-ħsara. Ġuda tinsab verament fi stat tal-biki.
14 Titqanqal Ġuda biex tirritorna lejn Jehovah minħabba l-kundizzjoni miżerabbli tagħha? Le! Ġuda hija bħar-ribell deskritt fi Proverbji 29:1: “Min ikun imwiddeb u jibqaʼ jwebbes rasu, malajr jiġġarraf u ma jkollux fejqan.” Il-ġens donnu ma jistax ifiq. Bħalma jpoġġiha Isaija, il-ġrieħi tiegħu ‘ma tnaddfux, anqas intrabtu, lanqas iddewwew biż-żejt.’ b F’ċertu sens, Ġuda tixbah lil ferita mal-ġisem kollu li hi miftuħa u mhix infaxxata.
15. B’liema modi nistgħu nipproteġu ruħna mill-mard spiritwali?
15 Billi nieħdu lezzjoni minn Ġuda, aħna rridu noqogħdu għassa kontra l-mard spiritwali. Bħall-mard fiżiku, dan jistaʼ jeffettwa lil kwalunkwe wieħed minna. Wara kollox, min minna m’huwiex fil-periklu li jistaʼ jċedi għal xewqat tal-ġisem? Ir-regħba u x-xewqa għal pjaċiri eċċessivi jistgħu jqabbdu l-għeruq fi qlubna. Għaldaqstant, għandna bżonn inħarrġu lilna nfusna biex ‘ma naħmlux il-ħażen’ u ‘nżommu mat-tajjeb.’ (Rumani 12:9) Għandna bżonn ukoll li nikkultivaw il-frott taʼ l-ispirtu t’Alla fil-ħajja tagħna taʼ kuljum. (Galatin 5:22, 23) Billi nagħmlu dan, se nevitaw il-kundizzjoni li ġabet kastig fuq Ġuda—dik taʼ mard spiritwali minn rasha sa saqajha.
Art Imħarbta
16. (a) Isaija kif jiddeskriviha l-kundizzjoni taʼ l-art taʼ Ġuda? (b) Xi wħud għala jgħidu li dan il-kliem x’aktarx li tlissen matul ir-renju taʼ Aħaż, imma aħna kif nistgħu nifhmuh?
16 Isaija issa jabbanduna t-tixbieha medika tiegħu u jdur lejn il-kundizzjoni taʼ l-art taʼ Ġuda. Bħallikieku qed iħares fiss lejn wita mimlija marki tal-battalja, hu jgħid: “Artkom imħarbta, blietkom maħruqa bin-nar; ir-rabaʼ tagħkom quddiemkom għad jikluh il-barranin; kollox ħerba bħal Sodoma fit-tiġrif.” (Isaija 1:7) Xi studjużi jgħidu li għalkemm dan il-kliem jinsab kmieni fil-ktieb taʼ Isaija, il-profeta x’aktarx li lissnu iktar tard fil-karriera tiegħu, forsi matul ir-renju tas-Sultan mill-agħar Aħaż. Huma jsostnu li r-renju taʼ Għużżija kien prosperu wisq biex jiġġustifika deskrizzjoni skuraġġanti bħal din. Huwa veru li ma jistax jingħad b’ċertezza jekk il-ktieb taʼ Isaija ġiex kompilat f’ordni kronoloġiku. Madankollu, il-kliem taʼ Isaija dwar il-ħerba x’aktarx li hu profetiku. Meta jlissen il-kliem t’hawn fuq, Isaija x’aktarx li qed juża teknika li tinsab f’postijiet oħrajn fil-Bibbja—dik li tiddeskrivi ġrajja fil-futur bħallikieku seħħet diġà, u b’hekk dan jenfasizza ċ-ċertezza tat-twettiq taʼ xi profezija.—Qabbel Apokalissi 11:15.
17. Id-deskrizzjoni profetika tal-ħerba għala m’għandhiex tkun taʼ sorpriża għan-nies taʼ Ġuda?
17 Hu x’inhu l-każ, id-deskrizzjoni profetika tal-ħerba taʼ Ġuda m’għandhiex tkun taʼ sorpriża għal dawn in-nies stinati u diżubbidjenti. Jehovah wissiehom sekli qabel dwar x’kien se jiġrilhom jekk jirribellaw. Hu qal: “Nagħmel ħerba mill-art, u jistagħġbu biha l-għedewwa tagħkom li jgħammru fiha. U lilkom inxerred fost il-ġnus, u nislet ix-xabla għal warajkom, u artkom issir deżert u blietkom ħerba.”—Levitiku 26:32, 33; 1 Slaten 9:6-8.
18-20. Il-kliem taʼ Isaija 1:7, 8 meta jitwettaq, u Jehovah b’liema mod ‘iħalli fdal żgħir’ f’dan iż-żmien?
18 Il-kliem f’Isaija 1:7, 8 milli jidher jitwettaq matul l-invażjonijiet mill-Assirja li jirriżultaw fil-qerda taʼ Iżrael u fil-qerda u s-sofferenza mifruxin maʼ Ġuda kollha. (2 Slaten 17:5, 18; 18:11, 13; 2 Kronaki 29:8, 9) Madankollu, Ġuda ma tinqeridx totalment. Jgħid Isaija: “Waħedha baqgħet bint Sijon, bħal għarix f’qasam dwieli, bħal girna f’għalqa bħajra, bħal belt imdawwra.”—Isaija 1:8.
19 Fost il-ħerba kollha, “bint Sijon,” Ġerusalemm, se titħalla wieqfa. Imma se tkun qisha bla protezzjoni taʼ xejn—bħal għarix f’qasam dwieli jew il-post fejn jistkenn għassies maʼ għalqa bil-bettieħ. Fi vjaġġ man-Nil, studjuż tas-seklu 19 ftakar fil-kliem taʼ Isaija meta ra għerejjex simili, li jiddeskrivihom bħala “ftit iktar minn ilqugħ kontra r-riħ mit-tramuntana.” F’Ġuda, meta kien jgħaddi l-ħsad, dawn l-għerejjex kienu jħalluhom jitfarrku u jiġġarrfu. Xorta waħda, tidher kemm tidher li hi dgħajfa quddiem l-eżerċtu potenti Assirjan, Ġerusalemm se tibqaʼ teżisti.
20 Isaija jikkonkludi din l-istqarrija profetika b’dan il-mod: “Li kieku l-Mulej taʼ l-eżerċti ma ħallilniex fdal żgħir, bħal Sodoma konna nkunu, lil Gomorra konna nixbhu.” (Isaija 1:9) c Kontra s-setgħa taʼ l-Assirja, Jehovah finalment se jiġi biex jgħin lil Ġuda. Kuntrarju għal Sodoma u Gomorra, Ġuda m’hijiex se tiġi meqruda għalkollox. Se tibqaʼ teżisti.
21. Wara li Babilonja qerdet lil Ġerusalemm, Jehovah għala ‘ħalla fdal żgħir’?
21 Iktar minn 100 sena wara, Ġuda kienet mhedda mill-ġdid. In-nies ma kinux tgħallmu mid-dixxiplina li ngħatatilhom permezz taʼ l-Assirja. “Huma kienu jiddieħku bil-mibgħutin tiegħu, imaqdru kliemu, u jkasbru l-profeti tiegħu.” Bħala riżultat, “saħnet il-korla tal-Mulej għall-poplu tiegħu, hekk li ma setgħux jeħilsuha aktar.” (2 Kronaki 36:16) Nabukodonosor, il-monarka Babiloniż, ikkonkwista lil Ġuda, u din id-darba, ma kien għad baqaʼ xejn “bħal għarix f’qasam dwieli.” Ġerusalemm inqerdet ukoll. (2 Kronaki 36:17-21) Xorta waħda, Jehovah ‘ħalla fdal żgħir.’ Avolja Ġuda ssaportiet 70 sena fl-eżilju, Jehovah ħa ħsieb li l-ġens ikompli, speċjalment il-linja Davidika, li kellha tipproduċi l-Messija mwiegħed.
22, 23. Fl-ewwel seklu, Jehovah għala ‘ħalla fdal żgħir’?
22 Fl-ewwel seklu, Iżrael għadda mill-kriżi finali tiegħu bħala l-poplu f’patt m’Alla. Meta Ġesù ppreżenta lilu nnifsu bħala l-Messija mwiegħed, il-ġens m’aċċettahx, u bħala riżultat, Jehovah m’aċċettax lilhom. (Mattew 21:43; 23:37-39; Ġwann 1:11) Kien dan it-tmiem taʼ li Jehovah jkollu ġens speċjali fuq l-art? Le. L-appostlu Pawlu wera li Isaija 1:9 kellu jerġaʼ twettiq ieħor. Billi kkwota mill-verżjoni Settanta, hu kiteb: “Kif ukoll il-profeta Isaija qal minn qabel: ‘Li kieku l-Mulej taʼ l-eżerċti ma ħallilniex nisel, konna nsiru bħal Sodoma, u ’l Gomorra konna nixbhu.’”—Rumani 9:29.
23 Din id-darba dawk li baqgħu ħajjin kienu l-Kristjani midlukin, li poġġew fidi f’Ġesù Kristu. Dawn kienu, l-ewwelnett, kredenti Lhud. Iktar tard issieħbu magħhom xi kredenti Ġentili. Flimkien huma fformaw Iżrael ġdid, l-“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16; Rumani 2:29) Dan in-“nisel” baqaʼ ħaj wara l-qerda tas-sistema t’affarijiet Lhudija fis-sena 70 E.K. Tabilħaqq, l-“Iżrael taʼ Alla” għadu magħna llum. Issa ssieħbu miegħu miljuni taʼ individwi kredenti mill-ġnus, li jifformaw “kotra kbira li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien.”—Apokalissi 7:9.
24. Liema ħaġa għandu jinnota kulħadd jekk jixtieq li jibqaʼ ħaj wara l-akbar kriżi taʼ l-umanità?
24 Din id-dinja dalwaqt se tiffaċċja l-battalja taʼ Armageddon. (Apokalissi 16:14, 16) Waqt li din se tkun kriżi akbar minn meta l-Assirja jew Babilonja invadew lil Ġuda, akbar saħansitra minn meta Ruma ħarbtet lill-Ġudea fis-sena 70 E.K., xorta waħda se jkun hemm min jibqaʼ ħaj. (Apokalissi 7:14) Mela, kemm huwa vitali li kulħadd jikkunsidra bir-reqqa l-kliem li Isaija qal lil Ġuda! Kien ifisser sopravivenza għal uħud leali lura f’dak iż-żmien. U jistaʼ jfisser sopravivenza għal uħud li jemmnu llum.
[Noti taʼ taħt]
a F’dan il-kuntest, “Iżrael” jirreferi għas-saltna taʼ Ġuda b’żewġ tribujiet.
b Il-kliem taʼ Isaija jirrifletti l-prattika medika taʼ żmienu. E. H. Plumptre, riċerkatur tal-Bibbja, jinnota: “Li wieħed ‘jagħlaq’ jew ‘jagħfas’ il-ġerħa mdennija kien il-proċess li bih kienu jipprovaw l-ewwel jeħilsu mill-materja li tnixxi; imbagħad, bħal fil-każ taʼ Ħeżekija (kap. xxxviii. Is 38:21), kienet ‘tintrabat,’ bi ġbara, imbagħad xi żejt stimulanti jew ingwent, x’aktarx, bħal f’Luqa x. 34, żejt u nbid kienu jintużaw, biex titnaddaf l-ulċera.”
c Il-Commentary on the Old Testament, minn C. F. Keil u F. Delitzsch, jgħid: “Id-diskors tal-profeta hawnhekk wasal f’waqfa. Il-fatt li jiġi maqsum f’żewġ sezzjonijiet separati f’dan il-punt, huwa indikat fl-iskrittura permezz taʼ l-ispazju mħolli bejn Is 1 vers 9 u 10. Dan il-metodu taʼ li wieħed jimmarka sezzjonijiet akbar jew iżgħar, billi jew iħalli l-ispazji jew inkella ma jkomplix jikteb fl-istess linja, huwa eqdem mill-punti u l-aċċenti tal-vokali, u huwa bbażat fuq tradizzjoni mill-iktar antika.”
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 20]
Kuntrarju għal Sodoma u Gomorra, Ġuda m’hijiex se tibqaʼ għal dejjem mhix abitata