Salvazzjoni u Hena taħt ir-Renju tal-Messija
Kapitlu Tlettax
Salvazzjoni u Hena taħt ir-Renju tal-Messija
1. Iddeskrivi l-kundizzjoni spiritwali tal-poplu f’patt m’Alla fi żmien Isaija.
FI ŻMIEN Isaija, il-kundizzjoni spiritwali tal-poplu f’patt m’Alla kienet ħażina. Saħansitra taħt il-ħakma taʼ slaten leali, bħal Għużżija u Ġotam, ħafna min-nies qiemu fil-postijiet għoljin. (2 Slaten 15:1-4, 34, 35; 2 Kronaki 26:1, 4) Meta Ħeżekija sar sultan, kellu jneħħi mill-pajjiż l-oġġetti u l-prattiċi marbutin mal-qima taʼ Bagħal. (2 Kronaki 31:1) Mhux taʼ b’xejn li Jehovah ħeġġeġ lill-poplu tiegħu biex jirritorna lejh u wissieh dwar id-dixxiplina li kienet ġejja!
2, 3. Jehovah liema inkuraġġiment jipprovdi għal dawk li jixtiequ jaqduh minkejja l-infedeltà li hawn mifruxa maʼ kullimkien?
2 Xorta waħda, mhux kollha kienu ribelli fil-veru sens tal-kelma. Jehovah kellu profeti leali, u x’aktarx li kien hemm xi Lhud li tawhom widen. Jehovah kellu kliem taʼ faraġ għal dawn l-uħud. Wara li ddeskriva l-ħerba terribbli li kellha ġġarrab Ġuda matul l-invażjoni Assirjana, il-profeta Isaija kien imnebbaħ biex iniżżel bil-miktub wieħed mill-isbaħ passaġġi fil-Bibbja kollha, deskrizzjoni tal-barkiet li kellhom jiġu taħt ir-renju tal-Messija. a Xi aspetti minn dawn il-barkiet kellhom twettiq fuq skala żgħira meta l-Lhud irritornaw mill-jasar f’Babilonja. Imma l-profezija in ġenerali għandha t-twettiq ewlieni llum. Huwa veru li Isaija u Lhud leali oħrajn taʼ żmienu laħqu mietu u ma rawx dawn il-barkiet. Imma huma ħarsu ’l quddiem lejhom bil-fidi u se jaraw it-twettiq taʼ kliem Isaija wara l-irxoxt tagħhom.—Lhud 11:35.
3 In-nies taʼ Jehovah fi żmienna wkoll jeħtieġu l-inkuraġġiment. Kollha kemm huma għandhom bħala sfida l-valuri morali fid-dinja li sejrin mill-ħażin għall-agħar b’pass mgħaġġel, l-oppożizzjoni ħarxa għall-messaġġ tas-Saltna, u d-dgħjufijiet persunali tagħhom. Il-kliem meraviljuż taʼ Isaija dwar il-Messija u r-renju tiegħu jistaʼ jsaħħaħ lin-nies t’Alla u jgħinhom biex jilqgħu dawn l-isfidi.
Il-Messija—Mexxej taʼ Ħila
4, 5. Isaija x’ipprofetizza rigward il-miġja tal-Messija, u Mattew milli jidher kif applikah kliem Isaija?
4 Sekli sħaħ qabel żmien Isaija, kittieba Ebrej oħrajn tal-Bibbja ġibdu l-attenzjoni lejn il-miġja tal-Messija, il-Mexxej veru, li kien se jintbagħat f’Iżrael minn Jehovah. (Ġenesi 49:10; Dewteronomju 18:18; Salm 118:22, 26) Issa permezz taʼ Isaija, Jehovah jżid dettalji oħrajn. Jikteb Isaija: “Għad toħroġ fergħa miz-zokk taʼ Ġesse, għad tinbet rimja minn għeruqu.” (Isaija 11:1; qabbel Salm 132:11.) “Fergħa” u “rimja,” it-tnejn li huma jindikaw li l-Messija se jkun id-dixxendent taʼ Ġesse permezz taʼ ibnu David, li kien ġie midluk biż-żejt bħala sultan taʼ Iżrael. (1 Samwel 16:13; Ġeremija 23:5; Apokalissi 22:16) Meta jasal il-Messija veru, din ir-“rimja,” mid-dar taʼ David, se tipproduċi frott tajjeb.
5 Il-Messija mwiegħed hu Ġesù. Mattew, kittieb taʼ l-evanġelju, alluda għall-kliem taʼ Isaija 11:1 meta qal li Ġesù, imsejjaħ “Nażri,” wettaq kliem il-profeti. Peress li trabba fil-belt taʼ Nazaret, Ġesù ġie msejjaħ Nażri, isem li milli jidher huwa relatat mal-kelma Ebrajka wżata f’Isaija 11:1 għal “rimja.” b—Mattew 2:23, nota taʼ taħt fin-NW; Luqa 2:39, 40.
6. Skond il-profezija, il-Messija x’tip taʼ ħakkiem se jkun?
6 Il-Messija x’tip taʼ ħakkiem se jkun? Se jkun hu bħall-Assirjan kiefer u taʼ rasu li jeqred is-saltna tat-tramuntana bl-għaxar tribujiet taʼ Iżrael? Daż-żgur li le. Dwar il-Messija, Isaija jgħid: “Fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu taʼ l-għerf u d-dehen, l-ispirtu taʼ l-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu taʼ l-għerf u l-biżaʼ tal-Mulej, u l-għaxqa tiegħu fil-biżaʼ tal-Mulej.” (Isaija 11:2, 3a) Il-Messija jiġi midluk, mhux biż-żejt, imma bl-ispirtu qaddis t’Alla. Dan iseħħ fil-magħmudija taʼ Ġesù, meta Ġwanni l-Għammied jara l-ispirtu qaddis t’Alla nieżel fuq Ġesù fis-sura taʼ ħamiema. (Luqa 3:22) L-ispirtu taʼ Jehovah ‘jibqaʼ fuq’ Ġesù, u Ġesù jagħti evidenza taʼ dan meta jaġixxi bl-għerf, bid-dehen, bil-għaqal, bil-qawwa, u bl-għarfien. Xi kwalitajiet eċċellenti għal ħakkiem!
7. Ġesù liema wegħda għamlilhom lis-segwaċi leali tiegħu?
7 Is-segwaċi taʼ Ġesù wkoll jistgħu jirċievu l-ispirtu qaddis. F’wieħed mid-diskorsi tiegħu, Ġesù ddikjara: “Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!” (Luqa 11:13) Għaldaqstant, qatt m’għandna nsibuha bi tqila biex nitolbu l-ispirtu qaddis mingħand Alla, u lanqas m’għandna nieqfu milli nikkultivaw il-frott bnin tiegħu— “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.” (Galatin 5:22, 23) Jehovah jwiegħed li jwieġeb it-talba tas-segwaċi taʼ Ġesù għal “għerf li ġej mis-sema” biex jgħinhom jittrattaw b’suċċess l-isfidi tal-ħajja.—Ġakbu 1:5; 3:17.
8. Ġesù kif isib l-għaxqa tiegħu fil-biżaʼ taʼ Jehovah?
8 X’inhu l-biżaʼ taʼ Jehovah muri mill-Messija? Ġesù ċertament li m’huwiex imwerwer minn Alla, għax jibżaʼ mill-kundanna tiegħu. Minflok, il-Messija għandu rispett profond lejn Alla, ġieħ mimli mħabba għalih. Individwu li jibżaʼ minn Alla dejjem ikun jixtieq li ‘jagħmel l-affarijiet li jogħġbu lilu,’ bħalma jagħmel Ġesù. (Ġwann 8:29) Bil-kliem u bil-fatti, Ġesù jgħallem li m’hemmx ferħ akbar milli timxi kuljum fil-biżaʼ bnin taʼ Jehovah.
Imħallef Twajjeb u Ħanin
9. Ġesù x’eżempju jagħtihom lil dawk li għandhom l-obbligu li jiġġudikaw il-kwistjonijiet li jqumu fil-kongregazzjoni Kristjana?
9 Isaija jbassar iktar dwar il-karatteristiċi tal-Messija: “Ma jiġġudikax skond ma jidher fl-għajnejn, u ma jagħtix sentenza skond ma jismaʼ.” (Isaija 11:3b) Kieku kellek tidher quddiem qorti tal-liġi, ma kontx tkun grat li jkollok imħallef bħal dan? Fil-kariga tiegħu bħala Mħallef taʼ l-umanità kollha, il-Messija mhux se jħalli argumenti foloz, tattiċi makakki fl-awla tal-qorti, xnigħat, jew xi fatturi superfiċjali, bħalma hi l-għana, jibdlulu fehmtu. Hu jinduna bil-qerq u jinjora l-apparenzi esterni mhux favorevoli, billi jagħraf ‘dak li hu moħbi fil-qalb,’ “il-bniedem moħbi.” (1 Pietru 3:4, nota taʼ taħt fin-NW) L-eżempju superlattiv taʼ Ġesù jservi bħala l-mudell għal dawk kollha li għandhom l-obbligu li jiġġudikaw il-kwistjonijiet li jqumu fil-kongregazzjoni Kristjana.—1 Korintin 6:1-4.
10, 11. (a) Ġesù kif jikkoreġihom lis-segwaċi tiegħu? (b) Ġesù x’ġudizzju jagħtihom lil dawk li huma mill-agħar?
10 Il-kwalitajiet superlattivi tal-Messija kif se jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet ġudizzjarji tiegħu? Jispjega Isaija: “Jiġġudika l-imsejknin skond il-ġustizzja, u jagħti sentenza skond is-sewwa lill-fqajrin taʼ l-art. Isawwat il-kiefra [“l-art,” “KŻ”] bix-xettru taʼ fommu, u b’nifs xufftejh joqtol lill-ħażin. Il-ħżiem taʼ ġenbejh tkun il-ġustizzja, u l-fedeltà l-ħżiem taʼ qaddu.”—Isaija 11:4, 5.
11 Meta s-segwaċi tiegħu jkollhom bżonn il-korrezzjoni, Ġesù jwassalhielhom bil-mod li jibbenefikahom l-iktar—eżempju eċċellenti għall-anzjani Kristjani. Mill-banda l-oħra, dawk li jipprattikaw il-ħażen jistgħu jistennew ġudizzju aħrax. Meta Alla jesiġi li din is-sistema t’affarijiet tagħtih kont, il-Messija se ‘jsawwat l-art’ bil-leħen awtoritattiv tiegħu, billi joħroġ ġudizzju taʼ qerda għal dawk kollha li huma mill-agħar. (Salm 2:9; qabbel Apokalissi 19:15.) Eventwalment, mhux se jibqaʼ nies mill-agħar biex jiddisturbaw il-paċi taʼ l-umanità. (Salm 37:10, 11) Ġesù, li għandu ġenbejh u qaddu mħażżmin bil-ġustizzja u l-fedeltà, għandu l-qawwa li jwettaq dan.—Salm 45:4-8 [45:3-7, NW].
Kundizzjonijiet Mibdulin fuq l-Art
12. Liema tħassib jistaʼ jgħaddi minn moħħ wieħed Lhudi meta dan jikkontempla fuq li jirritorna minn Babilonja lejn l-Art Imwegħda?
12 Ġib quddiem għajnejk Iżraeli li għadu kif sar jaf bid-digriet taʼ Ċiru li l-Lhud jistgħu jirritornaw lejn Ġerusalemm u jibnu t-tempju mill-ġdid. Se jitlaq hu s-sigurtà taʼ Babilonja biex jagħmel il-vjaġġ twil lejn art twelidu? Matul is-70 sena li Iżrael kien nieqes minn artu, l-għelieqi abbandunati mtlew bil-ħaxix ħażin. L-ilpup, l-iljupardi, l-iljuni, u l-orsijiet issa jitlajjaw ’l hawn u ’l hinn bla biżaʼ f’dawk l-għelieqi. Il-kobri wkoll jagħmlu l-bejta tagħhom hemmhekk. Għall-għajxien tagħhom, il-Lhud li jirritornaw se jkollhom jiddependu fuq l-annimali domestiċi—in-nagħaġ u l-baqar biex jipprovdu l-ħalib, is-suf, u l-laħam, u l-gniedes biex jaħartu. Se jaqgħu dawn vittma taʼ xi annimal salvaġġ? Se jingidmu mis-sriep it-tfal żgħar? Xi ngħidu dwar il-periklu taʼ xi attakk mill-ħallelin matul il-vjaġġ?
13. (a) Isaija jagħti liema stampa li tqanqal il-qalb? (b) Kif nafu li s-sliem deskritt minn Isaija ma jinvolvix biss sigurtà mill-annimali salvaġġi?
13 Isaija issa jagħti stampa li tqanqal il-qalb tal-kundizzjonijiet li Alla se jġib fil-pajjiż. Hu jgħid: “Il-lupu jibda jgħix mal-ħaruf, il-leopard mal-gidi, u jirgħu flimkien l-għoġol u ferħ l-iljun, daqsxejn taʼ tfajjel isuqhom. Il-baqra u l-ors jirgħu flimkien, u l-frieħ tagħhom flimkien jistrieħu. L-iljun bħall-gendus jiekol it-tiben. It-tarbija tal-ħalib titliegħeb fil-ħofra tas-serp; u t-tifel miftum idaħħal idu fil-bejta tal-lifgħa. Ma jagħmlux aktar deni u anqas ħsara fuq il-muntanja qaddisa kollha tiegħi, għax mimlija hi l-art bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.” (Isaija 11:6-9) Ma jmissilniex qalbna dan il-kliem? Innota li s-sliem deskritt hawnhekk jirriżulta mill-għarfien dwar Jehovah. Għaldaqstant, mhux is-sigurtà mill-annimali salvaġġi biss hija involuta. L-għarfien dwar Jehovah mhux se jbiddilhom lill-annimali, imma lin-nies se jeffettwahom. La huma u sejrin lura d-dar u lanqas fil-pajjiż restawrat tagħhom ma se jkollhom għalfejn jibżgħu l-Iżraelin mill-bhejjem salvaġġi jew minn bnedmin li jixbhu lill-bhejjem.—Esdra 8:21, 22; Isaija 35:8-10; 65:25.
14. Liema hu t-twettiq akbar taʼ Isaija 11:6-9?
14 Madankollu, din il-profezija għandha twettiq akbar. Fl-1914, Ġesù, il-Messija, ngħata t-tron fuq il-Muntanja Sijon tas-sema. Fl-1919, dawk li kien fadal mill-“Iżrael taʼ Alla” esperjenzaw ħelsien mill-jasar taʼ Babilonja u ħadu sehem fir-restawr tal-qima vera. (Galatin 6:16) Bħala riżultat taʼ dan, infetħet it-triq biex il-profezija taʼ Isaija dwar il-Ġenna taʼ l-art titwettaq fi żmienna. L-“għerf,” l-għarfien eżatt dwar Jehovah, biddel il-personalitajiet taʼ xi nies. (Kolossin 3:9, 10) Uħud li qabel kienu vjolenti saru paċifiċi. (Rumani 12:2; Efesin 4:17-24) Dawn l-iżviluppi issa effettwaw lil miljuni għaliex il-profezija taʼ Isaija saret tinkludi għadd li qed jiżdied b’ħeffa kbira taʼ Kristjani li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art. (Salm 37:29; Isaija 60:22) Dawn tgħallmu li se jasal iż-żmien meta l-art kollha se tkun restawrata għal ġenna taʼ l-art fis-sigurtà u fis-sliem, skond l-iskop oriġinali t’Alla.—Mattew 6:9, 10; 2 Pietru 3:13.
15. Nistgħu nistennew raġunevolment li kliem Isaija jkollu twettiq letterali fid-dinja l-ġdida? Spjega.
15 F’dik il-Ġenna taʼ l-art restawrata, se jkollha l-profezija taʼ Isaija twettiq ieħor, forsi iktar letterali? Jidher raġunevoli li naħsbu hekk. Lil dawk kollha li se jgħixu taħt il-ħakma tal-Messija, il-profezija tassigurahom bl-istess mod kif assigurat lill-Iżraelin li rritornaw; huma u wliedhom m’humiex se jħossuhom mheddin minn xi ħsara minn kwalunkwe sors—la mill-bnedmin u lanqas mill-annimali. Taħt il-ħakma tas-Saltna tal-Messija, l-abitanti kollha taʼ l-art se jgawdu kundizzjonijiet paċifiċi bħal dawk gawduti f’Għeden minn Adam u Eva. M’għandniex xi ngħidu, l-Iskrittura ma tirrivelax kull dettall dwar kif kienet il-ħajja f’Għeden—jew kif se tkun fil-Ġenna taʼ l-art. Iżda, nistgħu nkunu fiduċjużi li taħt il-ħakma għaqlija u taʼ mħabba tas-Sultan Ġesù Kristu, kollox se jkun preċiż kif għandu jkun.
Il-Qima Safja Restawrata Permezz tal-Messija
16. X’kien li waqaf bħala sinjal għall-poplu t’Alla fis-sena 537 Q.E.K.?
16 Il-qima safja ġiet taħt attakk għall-ewwel darba f’Għeden meta Satana rnexxielu jinfluwenza lil Adam u Eva biex ma jobdux lil Jehovah. Sal-ġurnata tal-lum, Satana għadu ma qatax qalbu fl-għan tiegħu li jdawwar kemm jistaʼ jkun nies lil hinn minn Alla. Imma Jehovah qatt ma se jippermetti li l-qima safja tgħib minn fuq l-art. Hemm ismu involut, u hu jimpurtah minn dawk li jaqduh. Għaldaqstant, permezz taʼ Isaija hu jagħmel wegħda impressjonanti: “Mbagħad jiġri f’dak il-jum li l-għerq taʼ Ġesse jieqaf bħala sinjal għall-popli. Lilu jfittxu l-ġnus, u l-għamara tiegħu tkun imsebbħa.” (Isaija 11:10) Lura fis-sena 537 Q.E.K., Ġerusalemm, il-belt li David kien għamilha l-kapitali nazzjonali, serviet bħala sinjal, billi sejħet lil fdal leali mill-poplu Lhudi mferrex biex jirritorna u jibni t-tempju mill-ġdid.
17. Ġesù kif ‘qam biex jaħkem il-ġnus’ fl-ewwel seklu u fi żmienna?
17 Madankollu, il-profezija tindika iktar minn dan. Bħalma rajna diġà, din tiġbed l-attenzjoni lejn il-ħakma tal-Messija, il-Mexxej wieħed u veru għan-nies tal-ġnus kollha. L-appostlu Pawlu kkwota Isaija 11:10 biex juri li fi żmienu nies tal-ġnus kien se jkollhom post fil-kongregazzjoni Kristjana. Billi kkwota dan il-vers mit-traduzzjoni Settanta, hu kiteb: “Isaija jgħid: ‘Se jkun hemm l-għerq taʼ Ġesse, u se jkun hemm wieħed li jqum biex jaħkem il-ġnus; fih il-ġnus iqegħdu t-tama tagħhom.’” (Rumani 15:12) Iktar minn hekk, il-profezija testendi saħansitra iktar u iktar—sa żmienna meta n-nies tal-ġnus juru mħabbithom lejn Jehovah billi jappoġġaw lill-aħwa midlukin tal-Messija.—Isaija 61:5-9; Mattew 25:31-40.
18. Fi żmienna, Ġesù kif baqaʼ ċentru?
18 Fit-twettiq taʼ żmienna, “dak il-jum” li rrefera għalih Isaija beda meta fl-1914 il-Messija ngħata t-tron bħala Sultan tas-Saltna tas-sema t’Alla. (Luqa 21:10; 2 Timotju 3:1-5; Apokalissi 12:10) Minn dakinhar ’l hawn, Ġesù Kristu baqaʼ sinjal ċar, ċentru, għal Iżrael spiritwali u għal nies mill-ġnus kollha li jixxennqu għal gvern taʼ tjieba. Taħt id-direzzjoni tal-Messija, l-aħbar tajba tas-Saltna twasslet lill-ġnus kollha, bħalma bassar Ġesù. (Mattew 24:14; Mark 13:10) Din l-aħbar tajba għandha effett qawwi. “Kotra kbira, li ħadd ma jistaʼ jgħoddha, minn kull . . . ġens” qegħda tissottometti ruħha lejn il-Messija billi tissieħeb mal-fdal midluk fil-qima safja. (Apokalissi 7:9) Hekk kif ħafna wħud ġodda jkomplu jissieħbu mal-fdal ġod-‘dar tat-talb’ spiritwali taʼ Jehovah, huma jżidu mal-glorja taʼ l-“għamara” tal-Messija, it-tempju spiritwali kbir t’Alla.—Isaija 56:7; Ħaggaj 2:7.
Poplu Magħqud Jaqdi lil Jehovah
19. Jehovah f’liema żewġ okkażjonijiet jiġbor lura fdal mill-poplu tiegħu mxerred maʼ l-art kollha?
19 Isaija mbagħad ifakkar lill-Iżraelin li qabel dan Jehovah pprovdielhom salvazzjoni meta l-ġens iffaċċja l-oppressjoni minn għadu potenti. Dik il-parti taʼ l-istorja taʼ Iżrael—meta Jehovah ħeles lill-ġens mill-jasar fl-Eġittu—hija għażiża għal qalb il-Lhud leali kollha. Jikteb Isaija: “Jiġri f’dak il-jum, il-Mulej jerġaʼ jmidd idu, biex jikseb fdal il-poplu tiegħu, li jkun fadal, mill-Assirja u mill-Eġittu, minn Patros u minn Kus, minn Għelam u minn Singħar, minn Ħamat u mill-gżejjer tal-baħar. U jgħolli sinjal lill-ġnus, u jiġbor il-mormijin taʼ Iżrael, u jiġbor l-imxerrdin taʼ Ġuda mill-erbat itruf taʼ l-art.” (Isaija 11:11, 12) Bħallikieku qed jaqbadhom minn idhom, Jehovah se joħroġ lill-membri tal-fdal leali kemm taʼ Iżrael u kemm taʼ Ġuda, minn ġol-ġnus fejn kienu mxerrdin u se jġibhom qawwijin u sħaħ f’arthom. Fuq skala żgħira, dan iseħħ fis-sena 537 Q.E.K. Iżda, kemm hu iktar glorjuż it-twettiq il-kbir! Fl-1914, Jehovah għolla lil Ġesù Kristu li ngħata t-tron bħala “sinjal lill-ġnus.” Mis-sena 1919, dawk li kien fadal mill-“Iżrael taʼ Alla” bdew ġejjin bi ħġarhom lejn dan is-sinjal, ħerqanin biex jieħdu sehem fil-qima safja taħt is-Saltna t’Alla. Dan il-ġens spiritwali uniku ġej “minn kull tribù u lsien, minn kull poplu u ġens.”—Apokalissi 5:9.
20. In-nies t’Alla liema unità se jgawdu malli jirritornaw minn Babilonja?
20 Isaija issa jiddeskrivi l-unità tal-ġens restawrat. Billi jirreferi għas-saltna tat-tramuntana bħala Efrajm u għas-saltna tan-nofsinhar bħala Ġuda, hu jgħid: “Tintemm l-għira taʼ Efrajm, u jinqerdu l-għedewwa taʼ Ġuda. Efrajm ma jgħirx aktar għal Ġuda, u Ġuda ma jobgħodx lil Efrajm. Itiru għal fuq għoljiet il-Filistin lejn il-punent, u flimkien jaħtfu lin-nies tal-lvant. Fuq Edom u Mowab imiddu jdejhom, u jaħkmu lil ulied Għammon.” (Isaija 11:13, 14) Meta l-Lhud jirritornaw minn Babilonja, m’humiex se jibqgħu maqsumin f’żewġt iġnus. Membri mit-tribujiet kollha taʼ Iżrael se jirritornaw magħqudin lejn pajjiżhom. (Esdra 6:17) Mhux se jibqgħu juru korla u ostilità lejn xulxin. Bħala poplu magħqud, se jittrijonfaw kontra l-għedewwa tagħhom fil-ġnus taʼ madwarhom.
21. L-unità tal-poplu t’Alla llum kif tispikka verament?
21 Jerġaʼ iktar impressjonanti hija l-unità taʼ l-“Iżrael taʼ Alla.” Għal kważi 2,000 sena, it-12-il tribù simboliċi taʼ Iżrael spiritwali gawdew unità bbażata fuq l-imħabba lejn Alla u lejn ħuthom spiritwali. (Kolossin 3:14; Apokalissi 7:4-8) Illum, in-nies taʼ Jehovah—kemm l-Iżraelin spiritwali u kemm dawk li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art—igawdu sliem u unità mad-dinja kollha taħt il-ħakma tal-Messija, kundizzjonijiet li ma jeżistux fir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jippreżentaw front spiritwali magħqud kontra l-isforzi taʼ Satana biex ifixkilhom fil-qima tagħhom. Bħala poplu wieħed, huma jwettqu l-inkarigu taʼ Ġesù biex jippridkaw u jgħallmu l-aħbar tajba tas-Saltna tal-Messija fil-ġnus kollha.—Mattew 28:19, 20.
Se Jintgħelbu l-Ostakli
22. Jehovah kif se ‘jnixxef ilsien il-baħar taʼ l-Eġittu’ u “jxejjer idu fuq ix-Xmara”?
22 Hemm ħafna ostakli, kemm letterali u kemm figurattivi, biex ifixklu lill-Iżraelin huma u ġejjin lura mill-eżilju. Kif se jintgħelbu? Jgħid Isaija: “U l-Mulej inixxef ilsien il-baħar taʼ l-Eġittu, u jxejjer idu fuq ix-Xmara bis-sħana tar-riħ tiegħu; u jofroqha f’sebaʼ widien, u jaqsmuha bil-qrieq.” (Isaija 11:15) Huwa Jehovah li se jwarrab kull xkiel biex il-poplu tiegħu jirritorna. Saħansitra ostakli tal-biżaʼ bħalma huma l-medda tal-Baħar l-Aħmar (bħal, per eżempju, il-Golf taʼ Swejz) jew is-setgħana Xmara Ewfrat, se jinxfu, għall-mod tal-kelma, u b’hekk wieħed ikun jistaʼ jaqsam għan-naħa l-oħra mingħajr ma jkollu għalfejn jinżaʼ l-qorq!
23. B’liema mod se ‘jkun hemm mogħdija biex joħorġu mill-Assirja’?
23 Fi żmien Mosè, Jehovah ħejja triq għall-Iżraelin biex jaħarbu mill-Eġittu u jimmarċjaw lejn l-Art Imwegħda. Issa se jagħmel xi ħaġa simili: “U jkun hemm mogħdija għall-poplu tiegħu, għal dawk li jifdal fl-Assirja, bħalma kien hemm għal Iżrael, dakinhar li telgħu mill-art taʼ l-Eġittu.” (Isaija 11:16) Jehovah se jmexxi lill-eżiljati li sejrin lura bħallikieku għaddejjin minn xi triq ewlenija mill-post fejn kienu eżiljati sa art twelidhom. Se jkun hemm xi opponenti li jipprovaw iwaqqfuhom, imma Alla tagħhom, Jehovah, se jkun magħhom. Illum bl-istess mod il-Kristjani midlukin u sħabhom jiġu attakkati b’kefrija, imma huma jibqgħu mexjin ’il quddiem bil-kuraġġ! Huma ħarġu mill-Assirja moderna, id-dinja taʼ Satana, u qed jgħinu lil oħrajn biex jagħmlu l-istess ħaġa. Huma jafu li l-qima safja se tirnexxi u tiffjorixxi, għax m’hijiex ix-xogħol tal-bniedem, imma t’Alla.
Hena bla Tmiem għas- Sudditi tal-Messija!
24, 25. In-nies taʼ Jehovah b’liema espressjonijiet taʼ tifħir u gratitudni se jgħajtu?
24 B’lingwaġġ ferrieħi Isaija issa jiddeskrivi l-ferħ kbir tal-poplu taʼ Jehovah minħabba t-twettiq tal-kelma Tiegħu: “U inti tgħid dakinhar: ‘Nroddlok ħajr, Mulej, għaliex għadabt għalija; imma l-korla tiegħek reġgħet lura, u farraġtni.’” (Isaija 12:1) Id-dixxiplina li Jehovah jagħti lin-nies stinati tiegħu hija ħarxa. Imma din twettaq l-iskop tagħha billi tfejjaq ir-relazzjoni tal-ġens miegħu u tirrestawra l-qima safja. Jehovah jiżgura lill-adoraturi leali tiegħu li fl-aħħar mill-aħħar hu se jsalvahom. Mhux taʼ b’xejn li jesprimu apprezzament!
25 L-Iżraelin restawrati għandhom il-fiduċja tagħhom f’Jehovah msaħħa kompletament, u b’hekk jgħajtu: “‘Ara, Alla s-salvazzjoni tiegħi, jiena nittama u ma jkollix mniex nibżaʼ. Għax qawwieti u għanjieti hu l-Mulej [“Jah Jehovah,” “NW”], għalija sar is-salvazzjoni.’ Kollkom ferħana timlew l-ilma mill-għejun tas-salvazzjoni.” (Isaija 12:2, 3) Il-kelma Ebrajka tradotta “għanjieti” fit-tieni vers tidher bħala “tifħir” fil-verżjoni Settanta. L-adoraturi jinfexxu jkantaw għanjiet taʼ tifħir minħabba s-salvazzjoni mingħand “Jah Jehovah.” Bħala forma mqassra taʼ l-isem Jehovah, “Jah” tintuża fil-Bibbja biex twassal sentimenti għoljin taʼ tifħir u gratitudni. L-użu taʼ l-espressjoni “Jah Jehovah”—l-isem divin irdoppjat—iżid l-intensità taʼ tifħir lil Alla għal livell saħansitra ogħla.
26. Min illum jgħarraf l-għemejjel t’Alla fost il-ġnus?
26 Adoraturi ġenwini taʼ Jehovah ma jistgħux iżommu l-ferħ tagħhom għalihom biss. Isaija jbassar: “F’dak il-jum għad tgħidu: ‘Roddu ħajr lill-Mulej, sejjħu ismu, għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu, xandru li ismu huwa fl-għoli. Għannu lill-Mulej għax għamel ħwejjeġ kbar; ħa jkun dan magħruf maʼ l-art kollha.’” (Isaija 12:4, 5) Mis-sena 1919 ’l hawn, il-Kristjani midlukin—iktar tard bl-għajnuna taʼ sħabhom in-“nagħaġ oħra”—‘xandru t-tifħir taʼ dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.’ Huma “ġens maħtur, . . . nazzjon qaddis” separati għal dan l-iskop. (Ġwann 10:16; 1 Pietru 2:9) Uħud midlukin jiddikjaraw li l-isem qaddis taʼ Jehovah qed jiġi onorat u jieħdu sehem f’li jagħmluh magħruf maʼ l-art kollha. Dawn imexxu lill-adoraturi kollha taʼ Jehovah f’li jithennew bil-provvediment tiegħu għas-salvazzjoni tagħhom. Huwa sewwa sew bħalma jesklama Isaija: “Aqbeż bil-ferħ, għanni, int li tgħammar f’Sijon, għax kbir hu f’nofsok il-Qaddis taʼ Iżrael!” (Isaija 12:6) Il-Qaddis taʼ Iżrael hu Alla Jehovah nnifsu.
Ħares Lejn il-Futur bil-Fiduċja!
27. Waqt li jistennew it-twettiq tat-tama tagħhom, il-Kristjani f’liema ħaġa huma fiduċjużi?
27 Illum miljuni sħaħ ġew bi ħġarhom lejn is-“sinjal lill-ġnus”—Ġesù Kristu li ngħatalu t-tron fis-Saltna t’Alla. Huma henjin ħafna li huma sudditi taʼ dik is-Saltna u huma ferħanin ferm li jafu lil Alla Jehovah u lil Ibnu. (Ġwann 17:3) Isibu hena kbir fis-sħubija Kristjana magħquda tagħhom u jagħmlu ħilithom kollha biex jippreservaw il-paċi li hija l-marka tal-qaddejja veri taʼ Jehovah. (Isaija 54:13) Billi huma konvinti li Jah Jehovah hu Alla li jwettaq il-wegħdi tiegħu, huma fiduċjużi fit-tama tagħhom u jsibu għaxqa kbira f’li jaqsmuha maʼ ħaddieħor. Jalla kull adoratur taʼ Jehovah jkompli juża saħħtu kollha biex jaqdi lil Alla u biex jgħin lil oħrajn jagħmlu l-istess ħaġa. Ħalli kulħadd idaħħal f’qalbu l-kliem taʼ Isaija u jithenna fis-salvazzjoni permezz tal-Messija taʼ Jehovah!
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma “Messija” ġejja mill-kelma Ebrajka ma·shiʹach, li tfisser “Wieħed Midluk.” L-ekwivalenti Griega hija Khri·stosʹ, jew “Kristu.”—Mattew 2:4, nota taʼ taħt fin-NW.
b Il-kelma Ebrajka għal “rimja” hija neʹtser, u għal “Nażri” hija Nots·riʹ.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 158]
Il-Messija hu “fergħa” li toħroġ minn Ġesse, permezz tas-Sultan David
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 162]
[Stampa f’paġna 170]
Isaija 12:4, 5, kif jidher fir-Rombli tal-Baħar il-Mejjet (Fejn jidher l-isem t’Alla huwa mmarkat)