Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Tibżax mill-​Assirjan

Tibżax mill-​Assirjan

Kapitlu Tnax

Tibżax mill-​Assirjan

Isaija 10:​5-​34

1, 2. (a) Minn kif jaraha l-​bniedem, għala donnu li Ġona kellu raġuni tajba li jibqaʼ lura milli jippriedka lill-​Assirjani? (b) In-​Ninwin kif irreaġixxew għall-​messaġġ taʼ Ġona?

 F’NOFS is-​seklu disaʼ Q.E.K., il-​profeta Lhudi Ġona, bin Amittaj, ażżarda jidħol f’Ninwè, il-​belt kapitali taʼ l-​Imperu Assirjan. Kellu messaġġ qawwi x’iwassal. Jehovah kien qallu: “Qum, mur Ninwè, il-​belt il-​kbira, u xandrilha li ħżunithom telgħet quddiemi.”—Ġona 1:​2, 3.

2 Meta rċieva l-​inkarigu tiegħu għall-​ewwel darba, Ġona ħarab lejn id-​direzzjoni opposta, lejn Tarsis. Minn kif jaraha l-​bniedem, Ġona kellu raġun jibqaʼ lura. L-​Assirjani kienu nies kefrin. Innota kif monarka Assirjan kien jittrattahom lill-​għedewwa tiegħu: “Lill-​uffiċjali qtajtilhom dirgħajhom u riġlejhom barra. . . . Lil ħafna mill-​ilsiera li kien hemm fosthom ħraqthom bin-​nar, u lil ħafna ħadthom bħala lsiera ħajjin. Lil xi wħud minnhom qtajtilhom idejhom u subgħajhom, u lil oħrajn qaċċattilhom imneħirhom barra.” Xorta waħda, meta fl-​aħħar Ġona wassal il-​messaġġ taʼ Jehovah, in-​Ninwin nidmu minn dnubiethom u dakinhar Jehovah ħelishielha lill-​belt.—Ġona 3:​3-10; Mattew 12:41.

Jehovah Jaqbad “il-​Ħatar”

3. Il-​mod kif l-​Iżraelin jirreaġixxu għat-​twissijiet imwasslin mill-​profeti taʼ Jehovah kif inhu differenti minn dak tan-​Ninwin?

3 Iwieġbu l-​Iżraelin li lilhom ukoll Ġona kien ippridkalhom? (2 Slaten 14:25) Le. Il-​qima safja jagħtuha daharhom. Tabilħaqq, huma saħansitra jaslu biex “jaduraw il-​qtajjaʼ kollha tas-​smewwiet, u jqimu lil Bagħal.” Iktar minn hekk, “kienu jgħaddu lil uliedhom, subjien u bniet, min-​nar, u ntelqu għat-​taħbir u s-​sħarijiet, u nbiegħu biex jagħmlu l-​ħażin f’għajnejn il-​Mulej, biex jinkurlawh.” (2 Slaten 17:​16, 17) Kuntrarju għan-​Ninwin, Iżrael ma jweġibx meta Jehovah jibgħat il-​profeti biex iwissuhom. Għalhekk, Jehovah jiddetermina li jieħu miżuri iktar ibsin.

4, 5. (a) L-​“Assirjan” għal min jirreferi u Jehovah kif se jużah bħala “ħatar”? (b) Is-​Samarija meta taqaʼ?

4 Għal xi żmien wara li Ġona jżur Ninwè, l-​aggressjoni Assirjana tbatti. a Madankollu, fil-​bidu tas-​seklu tmienja Q.E.K., l-​Assirja tafferma ruħha mill-​ġdid bħala qawwa militari, u Jehovah jużaha b’mod impressjonanti. Il-​profeta Isaija jwassal twissija mingħand Jehovah lis-​saltna tat-​tramuntana taʼ Iżrael: “Gwaj għall-​. . . [“Assirjan,” “NW”], il-​ħatar taʼ għadbi u l-​għasluġ fil-​qilla tiegħi. Għall-​poplu midgħi jien nibagħtu, u kontra l-​ġens tad-​dagħdigħa tiegħi jien nordnalu, li jħarbtu bla ħniena, jaħtaflu l-​priża, u jgħaffeġ fuqu bħat-​tajn taʼ l-​art.”—Isaija 10:​5, 6.

5 X’umiljazzjoni għall-​Iżraelin! Alla juża ġens pagan—l-​“Assirjan”—bħala “ħatar” biex jikkastigahom. Fis-​sena 742 Q.E.K., is-​Sultan Assirjan Salmaneser V jassedja lis-​Samarija, il-​belt kapitali tal-​ġens apostat taʼ Iżrael. Mill-​post strateġiku tagħha fuq għolja taʼ xi 90 metru, is-​Samarija ddum kważi tliet snin tirreżisti l-​għadu. Imma l-​ebda strateġija umana ma tistaʼ twaqqaf l-​iskop t’Alla. Fis-​sena 740 Q.E.K., is-​Samarija taqaʼ, mgħaffġa taħt saqajn l-​Assirja.—2 Slaten 18:10.

6. L-​Assirjan b’liema mod imur lil hinn minn dak li Jehovah għandu f’moħħu għalih?

6 Għalkemm intużaw minn Jehovah biex jagħti lezzjoni lill-​poplu tiegħu, l-​Assirjani nfushom ma jirrikonoxxuhx lil Jehovah. Huwa għalhekk li hu jissokta jgħid: “Imma hu [l-Assirjan] ma jifhimhiex hekk, u f’qalbu ma jidhirlux hekk: għax f’qalbu għandu li jħarbat, u jeqred ġnus fuq ġnus.” (Isaija 10:7) Jehovah jrid li l-​Assirjan ikun strument fl-​id divina. Imma l-​Assirjan iħossu inklinat li jkun xi ħaġa oħra. Qalbu tħeġġu biex jipproġetta xi ħaġa iktar grandjuża—il-​konkwista tad-​dinja kollha taʼ dak iż-​żmien!

7. (a) Spjega l-​espressjoni “Jaqaw il-​prinċpijiet tiegħi m’humiex kollha slaten?” (b) Dawk li jabbandunaw lil Jehovah llum x’għandhom jinnotaw?

7 Ħafna mill-​bliet mhux Iżraelin konkwistati mill-​Assirjan qabel kienu maħkumin minn slaten. Dawn li qabel kienu slaten issa jridu jissottomettu ruħhom għas-​sultan taʼ l-​Assirja bħala prinċpijiet vassalli, u għalhekk hu jistaʼ jiftaħar verament: “Jaqaw il-​prinċpijiet tiegħi m’humiex kollha slaten?” (Isaija 10:8) L-​allat foloz taʼ bliet prominenti tal-​ġnus ma setgħux isalvaw lill-​adoraturi tagħhom mill-​qerda. L-​allat meqjumin mill-​abitanti tas-​Samarija, bħal Bagħal, Molek, u l-​għoġiela tad-​deheb, m’humiex se jipproteġuha lil dik il-​belt. Peress li abbandunat lil Jehovah, is-​Samarija m’għandha ebda dritt li tistennieh jaqbeż għaliha. Ħalli kulmin jabbanduna lil Jehovah llum jinnota xi ġralha s-​Samarija. L-​Assirjan għandu għalfejn jiftaħar rigward is-​Samarija u l-​bliet l-​oħrajn li kkonkwista: “M’hijiex Kalnu bħal Karkemis? M’hijiex Ħamat bħal Arfad? M’hijiex Samarija bħal Damasku?” (Isaija 10:9) Kollha xorta għall-​Assirjan—priża għalih biex jaqbad u jiħodha.

8, 9. L-​Assirjan għala jesaġera meta jitfaʼ ħarstu fuq Ġerusalemm?

8 Madankollu, l-​Assirjan jesaġera fil-​ftaħir tiegħu, għax hu jgħid: “Bħalma jdejja laħqu dawn is-​saltniet taʼ l-​allat, fejn kellhom idoli aktar minn Ġerusalemm u Samarija; bħalma għamilt lil Samarija u lil allatha, ma nagħmilx lil Ġerusalemm u lil allatha”? (Isaija 10:​10, 11) Fis-​saltniet li diġà ntgħelbu mill-​Assirjan kien hemm bil-​wisq iktar idoli milli hemm f’Ġerusalemm jew saħansitra fis-​Samarija. Hu jirraġuna: ‘X’se jżommni milli dak li għamilt lis-​Samarija nagħmlu wkoll lil Ġerusalemm?’

9 X’fanfarun! Jehovah mhux se jħallih jieħu lil Ġerusalemm. Huwa veru li ma jistax jingħad dwar Ġuda li din dejjem appoġġat il-​qima vera. (2 Slaten 16:​7-9; 2 Kronaki 28:24) Jehovah wissa lil Ġuda li minħabba l-​infedeltà tagħha, hi se ssofri ħafna matul l-​invażjoni Assirjana. Imma Ġerusalemm se tibqaʼ teżisti. (Isaija 1:​7, 8) Meta sseħħ l-​invażjoni Assirjana, Ħeżekija huwa s-​sultan taʼ Ġerusalemm. Ħeżekija m’huwiex bħal missieru, Aħaż. Difatti, fl-​ewwel xahar tar-​renju tiegħu, Ħeżekija jiftaħ mill-​ġdid il-​bibien tat-​tempju u jirrestawra l-​qima safja!—2 Kronaki 29:​3-5.

10. Jehovah x’iwiegħed rigward l-​Assirjan?

10 Għalhekk, l-​attakk propost mill-​Assirja fuq Ġerusalemm m’għandux l-​approvazzjoni taʼ Jehovah. Jehovah jwiegħed li se jitlob kont mingħand dik il-​qawwa dinjija insolenti: “U meta Sidi jtemm li għandu jagħmel fuq l-​għolja taʼ Sijon u Ġerusalemm, hu jikkastiga l-​frott tal-​kburija taʼ qalb is-​sultan taʼ l-​Assirja u l-​ħarsa mżarġna tar-​refgħa taʼ għajnejh.”—Isaija 10:12.

Għal fuq Ġuda u Ġerusalemm!

11. L-​Assirjan għala jaħseb li Ġerusalemm se tkun priża faċli?

11 Tmien snin wara li s-​saltna tat-​tramuntana waqgħet fis-​sena 740 Q.E.K., Sennakerib, monarka Assirjan ġdid, jimmarċja kontra Ġerusalemm. B’mod poetiku, Isaija jiddeskrivi l-​pjan kburi taʼ Sennakerib: “Bis-​saħħa taʼ jdejja għamilt dan; u bl-​għaqal tiegħi, għax moħħi jilħaqli, neħħejt il-​fruntieri tal-​popli, u ħtaftilhom ġidhom, u bħall-​ġorf niżżilt lis-​slaten. U idi, bħallikieku sabet bejta, ħatfet ġid il-​popli. Bħalma jiġbru l-​bajd mitluq, jien ġbart l-​art kollha, bla ma ħadd ħarrek ġwenħajh, jew fetaħ munqaru u pespes.” (Isaija 10:​13, 14) Sennakerib jirraġuna li bliet oħrajn waqgħu u s-​Samarija m’għadhiex teżisti, u għalhekk Ġerusalemm se tkun priża faċli! Il-​belt għandha mnejn tagħmel xi reżistenza b’nofs qalb, imma kważi lanqas bi tpespisa waħda, l-​abitanti tagħha se jitrażżnu malajr malajr, billi r-​riżorsi tagħhom se jinġabru bħall-​bajd minn bejta abbandunata.

12. Rigward il-​ftaħir taʼ l-​Assirjan, Jehovah liema juri li hu l-​mod it-​tajjeb kif wieħed iħares lejn l-​affarijiet?

12 Madankollu, Sennakerib qed jinsa xi ħaġa. Is-​Samarija apostata kien jixirqilha l-​kastig li ħadet. Iżda, taħt is-​Sultan Ħeżekija, Ġerusalemm għal darb’oħra saret sur tal-​qima safja. Kulmin ikun irid imiss lil Ġerusalemm se jkollu jħabbatha maʼ Jehovah! Isaija jistaqsi b’ton taʼ korla: “Forsi qatt ftaħret il-​mannara kontra min iqaċċat biha? Forsi l-​munxar qatt qam għal min jaħdem bih? Bħallikieku l-​ħatar jistaʼ jħarrek lil min jerfgħu, jew l-​għasluġ lil dak li m’hux xi biċċa għuda?” (Isaija 10:15) L-​Imperu Assirjan huwa sempliċi għodda f’id Jehovah, sewwa sew bħalma mannara, munxar, ħatar, jew għasluġ jistgħu jintużaw minn wieħed li jaqtaʼ s-​siġar, wieħed li jisserra l-​injam, jew ragħaj. Kif jissogra l-​ħatar issa jkabbar lilu nnifsu fuq il-​wieħed li jużah!

13. Identifika u għid x’jiġrilhom (a) is-​‘smien.’ (b) “il-​ħurrieq u x-​xewk.” (ċ) ‘il-​ġmiel tal-​masġar tiegħu.’

13 X’se jiġrilu l-​Assirjan? “Għalhekk għad jibgħat is-​Sid, il-​Mulej taʼ l-​eżerċti, l-​għelubija f’simnitu, u f’ġewwenih iqabbadlu l-​ħruq, il-​ħruq tan-​nar. U x-​xrara taʼ Iżrael issir nar, il-​Qaddis taʼ Iżrael nar iħeġġeġ, jaħraq u jikkonsma f’jum wieħed il-​ħurrieq u x-​xewk. U l-​ġmiel tal-​masġar u tal-​ġnien tiegħu itemmu għalkollox bħal bniedem mifni u mitluq. U jingħadd il-​fdal tas-​siġar tal-​masġar tiegħu; biżżejjed tfajjel biex jgħoddhom.” (Isaija 10:​16-19) Iva, Jehovah se jumiljah lil dak il-​“ħatar” Assirjan! Is-​‘smien’ taʼ l-​eżerċtu Assirjan, is-​suldati b’saħħithom tiegħu, se jintlaqtu bl-​“għelubija.” M’humiex se jidhru daqshekk b’saħħithom! Bħal qabda ħurrieq u xewk, it-​truppi armati tiegħu se jiġu maħruqin mid-​Dawl taʼ Iżrael, Alla Jehovah. U “l-​ġmiel tal-​masġar . . . tiegħu,” l-​uffiċjali militari tiegħu, se jiġu fi tmiemhom. Wara li Jehovah jagħmel dak li għandu jagħmel lill-​Assirjan, tant jibqaʼ ftit uffiċjali li sempliċi tfajjel se jkun jistaʼ jgħoddhom fuq il-​ponot taʼ subgħajh!—Ara wkoll Isaija 10:​33, 34.

14. Iddeskrivi l-​progress taʼ l-​Assirjan fuq l-​art taʼ Ġuda sas-​sena 732 Q.E.K.

14 Xorta waħda, il-​Lhud li qegħdin jgħixu f’Ġerusalemm fis-​sena 732 Q.E.K. bilfors li jsibuha iebsa biex jemmnu li xi ħadd se jegħleb lill-​Assirjan. L-​eżerċtu kbir immens taʼ l-​Assirja qiegħed javanza bla ħniena. Iftaħ widnejk u ismaʼ l-​lista tal-​bliet li waqgħu f’Ġuda: “Wasal Għajjât . . . Migron . . . Mikmas . . . Geba . . . Rama . . . Gibgħa taʼ Sawl . . . Bat-gallim . . . Lajsa . . . Għanatot . . . Madmena . . . Gebim . . . Nob.” (Isaija 10:​28-32a) b Fl-​aħħarnett l-​invażuri jaslu Lakis, 50 kilometru biss ’il bogħod minn Ġerusalemm. F’temp qasir, eżerċtu Assirjan kbir ferm qiegħed jhedded il-​belt. [I]xejjer idu lejn l-​għolja taʼ bint Sijon, il-​muntanja taʼ Ġerusalemm.” (Isaija 10:32b) X’jistaʼ jwaqqfu lill-​Assirjan?

15, 16. (a) Is-​Sultan Ħeżekija għala jeħtieġ fidi qawwija? (b) X’bażi hemm biex Ħeżekija jkollu fidi li Jehovah se jgħinu?

15 Fil-​palazz tiegħu ġol-​belt, is-​Sultan Ħeżekija jsir ansjuż. Hu jċarrat ilbiesu u jitgħatta bix-​xkejjer. (Isaija 37:1) Imbagħad jibgħat lil xi rġiel għand il-​profeta Isaija biex jistaqsu lil Jehovah għan-​nom taʼ Ġuda. Dawn malajr jiġu lura bir-​risposta taʼ Jehovah: “La tibżax . . . Jiena nħares din il-​belt u nsalvaha.” (Isaija 37:​6, 35) Xorta waħda, l-​Assirjani huma taʼ theddida u kunfidenti għall-​aħħar.

16 Il-​fidi—huwa permezz taʼ din li s-​Sultan Ħeżekija se jkun jistaʼ jgħaddi minn din il-​kriżi. Il-​fidi hija “l-​prova tal-​ħwejjeġ li ma narawx.” (Lhud 11:1) Tinvolvi li wieħed iħares lil hinn minn dak li huwa ovvju. Imma l-​fidi hija bbażata fuq l-​għarfien. Ħeżekija x’aktarx li jiftakar li xi żmien qabel Jehovah qal dan il-​kliem taʼ faraġ: “La tibżax, poplu tiegħi, int li tgħammar f’Sijon, mill-​Assirja . . . F’qasir żmien għad tibred is-​saħna tiegħi, u l-​korla tiegħi ddur għall-​qerda tagħhom. Mbagħad il-​Mulej taʼ l-​eżerċti ixejjer sawt għal fuqu, bħalma darba ħabat għal Midjan ħdejn il-​blata taʼ Għoreb; u l-​bastun jerfaʼ għal fuq il-​baħar, bħalma refgħu għall-​Eġittu.” (Isaija 10:​24-26) c Iva, in-​nies t’Alla kienu f’sitwazzjonijiet diffiċli qabel. L-​antenati taʼ Ħeżekija dehru li kienu assolutament inferjuri għall-​eżerċtu Eġizzjan ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar. Sekli sħaħ qabel, Gidgħon ma kellux l-​iċken ċans meta Midjan u Għamalek invadew lil Iżrael. Madankollu, Jehovah ħelishom lin-​nies tiegħu f’dawn iż-​żewġ okkażjonijiet.—Eżodu 14:​7-9, 13, 28; Mħallfin 6:33; 7:​21, 22.

17. Il-​madmad Assirjan kif “jitkisser biċċiet,” u għala?

17 Se jirrepetih Jehovah dak li għamel f’dawk l-​okkażjonijiet preċedenti? Iva. Jehovah jwiegħed: “U jrid iseħħ fdak il-​jum li t-​tagħbija tiegħu se titlaq minn fuq spalltek, u l-​madmad tiegħu minn fuq għonqok, u l-​madmad ċertament li se jitkisser biċċiet minħabba ż-​żejt.” (Isaija 10:​27, “NW”) Il-​madmad Assirjan se jitneħħa minn fuq l-​ispalla u l-​għonq tal-​poplu f’patt m’Alla. Tabilħaqq, il-​madmad se “jitkisser biċċiet”—u fil-​fatt hekk isir! F’lejl wieħed, l-​anġlu taʼ Jehovah joqtol 185,000 mill-​Assirjani. It-​theddida titwarrab, u l-​Assirjani jitilqu għal dejjem minn fuq l-​art taʼ Ġuda. (2 Slaten 19:​35, 36) Għala? “Minħabba ż-​żejt.” Dan jistaʼ jirreferi għaż-​żejt użat biex Ħeżekija jindilek bħala sultan fil-​linja taʼ David. B’hekk, Jehovah jwettaq il-​wegħda tiegħu: “Jiena nħares din il-​belt u nsalvaha minħabba fija nnifsi, u minħabba David, il-​qaddej tiegħi.”—2 Slaten 19:34.

18. (a) Għandha l-​profezija taʼ Isaija iktar minn twettiq wieħed? Spjega. (b) Liema organizzazzjoni llum hija bħas-​Samarija tal-​qedem?

18 Ir-​rakkont taʼ Isaija diskuss f’dan il-​kapitlu għandu x’jaqsam maʼ ġrajjiet li seħħew f’Ġuda iktar minn 2,700 sena ilu. Imma dawk il-​ġrajjiet huma rilevanti ħafna llum. (Rumani 15:4) Ifisser dan li l-​atturi prinċipali f’dan ir-​rakkont kommoventi—l-​abitanti tas-​Samarija u Ġerusalemm kif ukoll l-​Assirjani—għandhom il-​pariġġ tagħhom fi żmienna? Iva, hekk hu. Bħas-​Samarija l-​idolatruża, il-​Kristjaneżmu jsostni li jqim lil Jehovah, imma huwa apostat għall-​aħħar. F’An Essay on the Development of Christian Doctrine, John Henry Newman, Kardinal Kattoliku Ruman, jammetti li affarijiet użati mill-​Kristjaneżmu għal sekli sħaħ, bħalma huma l-​inċens, ix-​xemgħat, l-​ilma mbierek, is-​suttana tal-​qassisin, u x-​xbihat, “kollha għandhom oriġini pagana.” Daqskemm lil Jehovah ma kinitx togħġbu l-​idolatrija tas-​Samarija, daqshekk ieħor ma togħġbux il-​qima tal-​Kristjaneżmu bbażata fuq il-​paganiżmu.

19. Il-​Kristjaneżmu dwar liema ħaġa ġie mwissi, u minn min?

19 Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ilhom snin sħaħ iwissu lill-​Kristjaneżmu li Jehovah mhux qed jieħu pjaċir bih. Per eżempju, fl-​1955, mad-​dinja kollha ngħatat it-​taħdita pubblika intitolata “Il-​Kristjaneżmu jew il-​Kristjanità—Liema minn Dawn Hu ‘d-​Dawl tad-​Dinja’?” It-​taħdita spjegat ċar u tond kif il-​Kristjaneżmu kien żvija mid-​duttrini u l-​prattiċi Kristjani ġenwini. Wara dan, kopji taʼ dan id-​diskors qawwi ġew impostati lil membri tal-​kleru f’ħafna pajjiżi. Bħala organizzazzjoni, il-​Kristjaneżmu ma tax kas it-​twissija, u b’hekk lil Jehovah ma jħallilu ebda għażla ħlief li jiddixxiplinah b’“ħatar.”

20. (a) Liema ħaġa se sservi bħala l-​Assirjan taʼ żmienna, u kif se tintuża bħal ħatar? (b) Il-​Kristjaneżmu sa liema punt se jiġi dixxiplinat?

20 Jehovah lil min se juża biex jiddixxiplina lill-​Kristjaneżmu ribelluż? Ir-​risposta nsibuha f’kapitlu 17 t’Apokalissi. Hemmhekk tiġi introdotta lilna mara żienja, “Babilonja l-​Kbira,” li tirrappreżenta lir-​reliġjonijiet foloz kollha tad-​dinja, inkluż il-​Kristjaneżmu. Il-​mara żienja hija riekba fuq bhima lewn aħmar dagħmieni li għandha sebat irjus u għaxart iqrun. (Apokalissi 17:​3, 5, 7-12) Il-​bhima salvaġġa tirrappreżenta lill-​organizzazzjoni tal-​Ġnus Magħquda. d Sewwa sew bħalma l-​Assirjan tal-​qedem qered lis-​Samarija, il-​bhima lewn aħmar dagħmieni ‘se jkollha mibegħda għall-​Mara żienja, tagħmilha bħal deżert u tneżżagħha, u tiklilha laħamha u taħraqha bin-​nar.’ (Apokalissi 17:16) B’hekk, l-​Assirjan taʼ żmienna (ġnus imseħbin mal-​ĠM) se jagħti daqqa qawwija lill-​Kristjaneżmu u jfarrku b’tali mod li ma jibqax jeżisti.

21, 22. Min se jqanqal lill-​bhima salvaġġa biex tattakka lin-​nies t’Alla?

21 Se jgħibu x-​Xhieda leali taʼ Jehovah flimkien maʼ Babilonja l-​Kbira? Le. Huma ma tilfux l-​approvazzjoni t’Alla. Il-​qima safja se tibqaʼ teżisti. Madankollu, il-​bhima salvaġġa li teqred lil Babilonja l-​Kbira tħares ukoll bir-​regħba fid-​direzzjoni tan-​nies taʼ Jehovah. F’dan, il-​bhima ma twettaqx il-​ħsieb t’Alla, imma l-​ħsieb taʼ xi ħaddieħor. Taʼ min? Taʼ Satana x-​Xitan.

22 Jehovah jikxef il-​proġett kburi taʼ Satana: “Dakinhar jiġuk f’moħħok [f’moħħ Satana] ħsibijiet u tfassal pjan taʼ ħsara, u tgħid: ‘Ħa . . . nintefaʼ fuq nies kwieti, li jgħammru b’moħħhom mistrieħ: nies bla swar [protettivi]’ . . . biex taħtaf il-​priża u tisraq.” (Eżekjel 38:​10-12) Satana se jirraġuna, ‘Iva, għala ma nkeskisx lill-​ġnus biex jattakkaw lix-​Xhieda taʼ Jehovah? Dawn huma vulnerabbli, u la għandhom protezzjoni u lanqas influwenza politika. M’humiex se joffru reżistenza. Kemm se jkun faċli niġborhom bħal bajd minn ġo bejta mhix protetta!’

23. L-​Assirjan taʼ żmienna għala mhux se jkun jistaʼ jagħmel lin-​nies t’Alla dak li jagħmel lill-​Kristjaneżmu?

23 Imma oqogħdu attenti, ġnus! Kunu afu li jekk tmissu lin-​nies taʼ Jehovah, tkunu tridu tħabbtuha m’Alla nnifsu! Jehovah jħobbhom lil niesu, u se jiġġieled għalihom sewwa sew bħalma ġġieled għal Ġerusalemm fi żmien Ħeżekija. Meta l-​Assirjan taʼ żmienna jipprova jġib fix-​xejn lill-​qaddejja taʼ Jehovah, ikun fil-​fatt qiegħed jiggwerra kontra Alla Jehovah u l-​Ħaruf, Ġesù Kristu. Din hija battalja li ma tistax tintrebaħ mill-​Assirjan. “[I]l-Ħaruf joħroġ rebbieħ fuqhom,” tgħid il-​Bibbja, “għax hu Sid is-​sidien u Sultan is-​slaten.” (Apokalissi 17:14; qabbel Mattew 25:40.) Bħall-​Assirjan tal-​qedem, il-​bhima salvaġġa lewn aħmar dagħmieni se ‘tmur għall-​qerda.’ Ħadd ma se jibżaʼ minnha iktar.—Apokalissi 17:11.

24. (a) Il-​veri Kristjani x’inhuma determinati li jagħmlu biex iħejju għall-​futur? (b) Isaija kif iħares iktar ’il quddiem? (Ara l-​kaxxa f’paġna 155.)

24 Il-​veri Kristjani jistgħu jiffaċċjaw il-​futur bla biżaʼ jekk ir-​relazzjoni tagħhom maʼ Jehovah tibqaʼ b’saħħitha u jekk l-​iktar ħaġa importanti f’ħajjithom tkun li jagħmlu r-​rieda tiegħu. (Mattew 6:33) Allura ma jkollhomx għalfejn ‘jibżgħu mill-​ħsara.’ (Salm 23:4) Bl-​għajnejn tal-​fidi tagħhom, se jaraw id-​driegħ setgħani t’Alla merfugħ ’il fuq, mhux biex jikkastigahom, imma biex jipproteġihom mill-​għedewwa tiegħu. U widnejhom se jisimgħu dan il-​kliem rassiguranti: “La tibżax.”—Isaija 10:24.

[Noti taʼ taħt]

a Ara Insight on the Scriptures, l-​ewwel Volum, paġna 203.

b Biex nifhmuh aħjar, Isaija 10:​28-32 qed jiġi diskuss qabel Isaija 10:​20-27.

c Għal diskussjoni dwar Isaija 10:​20-23, ara “Isaija Jħares Iktar ’il Quddiem,” f’paġna 155.

d Iktar tagħrif rigward l-​identità tal-​mara żienja u tal-​bhima lewn aħmar dagħmieni jinsab f’kapitli 34 u 35 tal-​ktieb Revelation​—Its Grand Climax At Hand!, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa/Stampi f’paġna 155, 156]

ISAIJA JĦARES IKTAR ’IL QUDDIEM

Isaija 10:20-23

Kapitlu 10 taʼ Isaija jiffoka primarjament fuq il-​mod kif Jehovah se juża l-​invażjoni Assirjana biex jesegwixxi ġudizzju kontra Iżrael u fuq il-​wegħda tiegħu li jiddefendi lil Ġerusalemm. Peress li Is 10 versi 20 sa 23 jinsabu f’nofs din il-​profezija, dawn jistgħu jitqiesu bħala li għandhom twettiq ġenerali matul l-​istess perijodu. (Qabbel Isaija 1:7-9.) Madankollu, il-​mod kif hu mqiegħed il-​kliem jindika li dawn il-​versi japplikaw iktar speċifikament għal perijodi iktar tard meta Ġerusalemm ukoll se jkollha twieġeb għad-​dnubiet taʼ l-​abitanti tagħha.

Is-​Sultan Aħaż jipprova jikseb is-​sigurtà billi jdur lejn l-​Assirja għall-​għajnuna. Il-​profeta Isaija jbassar li f’xi żmien fil-​futur, dawk li jibqgħu ħajjin mid-​dar taʼ Iżrael qatt ma se jerġgħu jsegwu korsa bla sens bħal din. Isaija 10:20 jgħid li dawn se “jitwieżnu bis-​sewwa fuq il-​Mulej, il-​Qaddis taʼ Iżrael.” Madankollu, Is 10 vers 21 juri li għadd żgħir biss se jagħmlu dan: “Fdal jerġaʼ lura.” Dan ifakkarna f’Sijarjasub, bin Isaija, li huwa sinjal f’Iżrael u li ismu jfisser “Fdal Jerġaʼ Lura.” (Isaija 7:3) Vers 22 taʼ kapitlu 10 taʼ Is jwissi dwar “qerda” li ġejja u li ġiet deċiża. Din il-​qerda se tkun taʼ tjieba għaliex hija kastig ġust fuq poplu ribelluż. B’riżultat taʼ dan, minn ġens taʼ popolazzjoni kbira li hu “bħar-​ramel tal-​baħar,” fdal biss se jerġaʼ lura. Is 10 Vers 23 iwissi li din il-​qerda li ġejja se teffettwa l-​pajjiż kollu. Ġerusalemm m’hijiex se tiġi skansata din id-​darba.

Dawn il-​versi jiddeskrivu sewwa dak li ġara fis-​sena 607 Q.E.K. meta Jehovah uża l-​Imperu Babiloniż bħala l-​“ħatar” tiegħu. Il-​pajjiż kollu, inkluż Ġerusalemm, waqaʼ taħt idejn l-​invażur. Il-​Lhud ittieħdu lsiera lejn Babilonja għal 70 sena. Iżda, wara dan, xi wħud—saħansitra jekk “fdal” biss—irritornaw biex jerġgħu jistabbilixxu l-​qima vera f’Ġerusalemm.

Il-​profezija f’Isaija 10:20-23 kellha twettiq ieħor fl-​ewwel seklu, bħalma hu muri f’Rumani 9:27, 28. (Qabbel Isaija 1:9; Rumani 9:29.) Pawlu jispjega li f’sens spiritwali, “fdal” taʼ Lhud ‘ġew lura’ lejn Jehovah fl-​ewwel seklu E.K., billi numru żgħir taʼ Lhud leali saru segwaċi taʼ Ġesù Kristu u bdew iqimu lil Jehovah bl-​“ispirtu u l-​verità.” (Ġwann 4:24) Iktar tard, dawn ġew imseħbin minn Ġentili li emmnu, u b’hekk ifformaw ġens spiritwali, l-​“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16) F’din l-​okkażjoni twettaq il-​kliem taʼ Isaija 10:20: ‘Qatt iżjed’ ma kien hemm ġens dedikat lil Jehovah li biex jitwieżen dar lil hinn minnu lejn sorsi umani.

[Stampa f’paġna 147]

Sennakerib jirraġuna illi li jiġbor il-​ġnus huwa faċli daqs li kieku qed jiġbor il-​bajd minn ġo bejta