Xi Gwaj għar-Ribelli!
Kapitlu Ħdax
Xi Gwaj għar-Ribelli!
1. Ġerobogħam liema żball terribbli għamel?
META l-poplu li kien f’patt maʼ Jehovah nqasam f’żewġ saltniet, is-saltna b’għaxar tribujiet fit-tramuntana ġiet taħt il-ħakma taʼ Ġerobogħam. Is-sultan il-ġdid kien ħakkiem taʼ ħila u mimli enerġija, imma ma kellux fidi vera f’Jehovah. Minħabba f’hekk għamel żball terribbli li effettwa ħażin l-istorja kollha tas-saltna tat-tramuntana. Taħt il-Liġi Mosajka, l-Iżraelin kienu kmandati jivvjaġġaw tliet darbiet fis-sena lejn it-tempju f’Ġerusalemm, li issa kien jinsab fis-saltna tan-nofsinhar taʼ Ġuda. (Dewteronomju 16:16) Billi beżaʼ li dawn il-vjaġġi regulari kienu se jġagħlu lis-sudditi tiegħu jibdew jaħsbu biex jerġgħu jingħaqdu maʼ ħuthom tan-nofsinhar, Ġerobogħam “għamel żewġ għoġiela tad-deheb, u lill-poplu qallu: ‘Ilkom tmorru biżżejjed Ġerusalemm! Iżrael, dawn huma l-allat tagħkom li tellgħukom mill-art taʼ l-Eġittu.’ Huwa qiegħed wieħed mill-għoġiela f’Betel, u l-ieħor qiegħdu f’Dan.”—1 Slaten 12:28, 29.
2, 3. L-iżball taʼ Ġerobogħam x’effetti kellu fuq Iżrael?
2 Għal ftit taż-żmien, il-pjan taʼ Ġerobogħam donnu rnexxa. Bil-mod il-mod in-nies ma baqgħux imorru Ġerusalemm u bdew iqimu quddiem iż-żewġ għoġiela. (1 Slaten 12:30) Madankollu, din il-prattika reliġjuża apostata kkorrompiet is-saltna b’għaxar tribujiet. Fis-snin taʼ wara, saħansitra Ġeħu, li kien wera żelu taʼ min ifaħħru meta naddaf lil Iżrael mill-qima taʼ Bagħal, kompla jmil quddiem l-għoġiela tad-deheb. (2 Slaten 10:28, 29) X’irriżulta iktar mid-deċiżjoni żbaljata traġikament taʼ Ġerobogħam? Instabilità politika u sofferenza għan-nies.
3 Talli Ġerobogħam kien sar apostata, Jehovah qal li ż-żerriegħa tiegħu ma kinitx se ssaltan fuq il-pajjiż, u li fl-aħħar mill-aħħar is-saltna tat-tramuntana kellha ssofri diżastru terribbli. (1 Slaten 14:14, 15) Il-kelma taʼ Jehovah seħħet bil-provi. Sebgħa mis-slaten taʼ Iżrael damu jaħkmu sentejn jew inqas—xi wħud ftit jiem biss. Sultan minnhom ikkommetta suwiċidju, u sitta ġew assassinati minn irġiel ambizzjużi li ħadulhom posthom fuq it-tron. Iżrael kien mifni bl-inkwiet, bil-vjolenza, u bil-qtil b’mod speċjali wara r-renju taʼ Ġerobogħam II, li ntemm madwar is-sena 804 Q.E.K. waqt li Għużżija kien qed isaltan f’Ġuda. Huwa f’atmosfera bħal din li, permezz taʼ Isaija, Jehovah jibgħat “kelma,” jew twissija diretta, lis-saltna tat-tramuntana. “Bagħat Sidi kelma kontra Ġakobb, u waqgħet fuq Iżrael.”—Isaija 9:7 [9:8, “NW”]. a
Il-Kburija u l-Insolenza Jqanqlu l-Korla t’Alla
4. Jehovah liema “kelma” jibgħat kontra Iżrael, u għala?
4 Il-“kelma” taʼ Jehovah mhix se tiġi injorata. “Il-poplu kollu jkun jaf, Efrajm u dawk li jgħammru f’Samarija, dawk . . . [i]mkabbra u suppervi f’qalbhom.” (Isaija 9:8 [9:9, “NW”]) “Ġakobb,” “Iżrael,” “Efrajm,” u “Samarija” kollha jirreferu għas-saltna tat-tramuntana taʼ Iżrael, li tagħha Efrajm huwa t-tribù predominanti u s-Samarija hija l-belt kapitali. Il-kelma taʼ Jehovah kontra din is-saltna hija stqarrija ġudizzjarja qawwija, għax Efrajm sar qalbu iebsa bħala apostata u insolenti b’mod sfaċċat lejn Jehovah. Alla mhux se jipproteġi lin-nies mill-konsegwenzi tal-ħażen tagħhom. Se jiġu sforzati jisimgħu l-kelma t’Alla, u joqogħdu attenti għaliha.—Galatin 6:7.
5. L-Iżraelin kif juru li l-atti taʼ ġudizzju mingħand Jehovah ma jeffettwawhomx?
5 Hekk kif il-kundizzjonijiet imorru mill-ħażin għall-agħar, in-nies iġarrbu telfiet kbar, inkluż djarhom—li ġeneralment kienu magħmulin mit-tafal u njam irħis ferm. Se jirtabu qlubhom b’riżultat taʼ dan? Se jagħtu kas tal-profeti taʼ Jehovah u jirritornaw lejn dak Alla veru? b Isaija jiddokumenta r-risposta supperva tan-nies: “Waqaʼ x-xaqquf, nibnu bil-ġebel minġur; tqaċċat il-ġummajż, nxettlu ċ-ċedru.” (Isaija 9:9 [9:10, “NW”]) L-Iżraelin jisfidaw lil Jehovah u jiddisprezzaw lill-profeti tiegħu li jgħidulhom għala qegħdin isofru dawn it-tbatijiet. Fi kliem ieħor, in-nies jgħidu: ‘Jistaʼ jkun li nitilfu djarna magħmulin mit-tafal li jispiċċa u minn injam irħis ferm, imma se npattu għal dan it-telf billi nibnu mill-ġdid b’materjal superjuri—ġebel minġur u ċedru!’ (Qabbel Ġob 4:19.) Lil Jehovah ma jħallulu ebda għażla ħlief li jiddixxiplinahom iktar.—Qabbel Isaija 48:22.
6. Jehovah kif ixejjen il-komplott tas-Sirja u Iżrael kontra Ġuda?
6 Ikompli Isaija: “U l-Mulej qajjem kontrieh l-avversarji tiegħu.” (Isaija 9:10a [9:11a, “NW”]) Is-Sultan Pekaħ taʼ Iżrael u s-Sultan Resin tas-Sirja huma alleati. Dawn qegħdin jikkonfoffaw biex jikkonkwistaw is-saltna b’żewġ tribujiet taʼ Ġuda u biex ipoġġu fuq it-tron taʼ Jehovah f’Ġerusalemm sultan li jikkontrollawh huma—ċertu “bin Tabal.” (Isaija 7:6) Imma l-konfoffa mhix se tirnexxi. Resin għandu għedewwa potenti, u Jehovah se ‘jqajjem’ lil dawn l-għedewwa “kontrieh,” kontra Iżrael. It-terminu ‘jqajjem’ ifisser li jħallihom jiggwerraw b’mod effettiv, u b’hekk l-alleanza u l-objettivi tagħha se jispiċċaw.
7, 8. X’inhu r-riżultat għal Iżrael meta l-Assirja tikkonkwista s-Sirja?
7 Din l-alleanza tibda tisfaxxa meta l-Assirja tattakka lis-Sirja. “U s-sultan taʼ l-Assirja talaʼ għal Damasku [il-belt kapitali tas-Sirja], u ħadha f’idejh, u tturufna lil niesha lejn Kir, u lil Resin qatlu.” (2 Slaten 16:9) Peress li tilef lill-alleat potenti tiegħu, Pekaħ jiskopri li l-proġetti tiegħu għal Ġuda sfaw fix-xejn. Fil-fatt, ftit wara l-mewt taʼ Resin, Pekaħ innifsu jiġi assassinat minn Ħosegħa, li wara dan jaħtaf it-tron tas-Samarija.—2 Slaten 15:23-25, 30.
8 Is-Sirja, li qabel kienet alleata taʼ Iżrael, issa tisfa vassall taʼ l-Assirja, il-qawwa dominanti li hemm fir-reġjun. Isaija jipprofetizza dwar kif Jehovah se juża din l-alleanza politika ġdida: “[Jehovah] xewwex l-għedewwa tiegħu [taʼ Iżrael]: Lil Aram [“Sirja,” “NW”] mil-lvant, u l-Filistin mill-punent [“minn wara,” “Saydon”], li belgħu lil Iżrael b’ħalq daqsiex. B’danakollu l-korla tiegħu ma reġgħetx lura, u idu għadha merfugħa.” (Isaija 9:10b, 11 [9:11b, 12, “NW”]) Iva, is-Sirja hija issa l-għadu taʼ Iżrael, u dan irid iħejji għal attakk mill-Assirja u mis-Sirja. L-invażjoni tirnexxi. Lil Ħosegħa, l-użurpatur, l-Assirja tagħmlu l-qaddej tagħha, billi tesiġi mingħandu tribut sostanzjali. (Xi snin qabel, l-Assirja rċiviet somma kbira mingħand is-Sultan Menaħem taʼ Iżrael.) Kemm huwa veru kliem il-profeta Hosegħa: “Il-barranin kilulu saħħtu [lil Efrajm]”!—Hosegħa 7:9; 2 Slaten 15:19, 20; 17:1-3.
9. Għala nistgħu ngħidu li l-Filistin jattakkaw “minn wara”?
9 Isaija ma jgħidx ukoll li l-Filistin se jinvadu “minn wara”? Iva. Qabel ma ġew ivvintati l-boxxli, l-Ebrej kienu jindikaw id-direzzjoni mill-pożizzjoni taʼ persuna li tkun qed tħares lejn tlugħ ix-xemx. B’hekk, il-“lvant” kien quddiem, filwaqt li l-punent, il-kosta fejn kienu jgħixu l-Filistin, kien “wara.” F’dan il-kuntest, l-“Iżrael” imsemmi f’Isaija 9:11 jistaʼ jinkludi lil Ġuda għaliex il-Filistin invadew lil Ġuda matul ir-renju t’Aħaż, il-kontemporanju taʼ Pekaħ, billi ħatfu u okkupaw għadd taʼ bliet u fortizzi Ġudeani. Bħal Efrajm fit-tramuntana, Ġuda jixirqilha din id-dixxiplina mingħand Jehovah, għax hi wkoll hija miżgħuda bl-apostasija.—2 Kronaki 28:1-4, 18, 19.
‘Mir-Ras sad-Denb’—Ġens taʼ Ribelli
10, 11. Jehovah liema kastig se jġib kontra Iżrael minħabba l-irvell persistenti tagħhom?
10 Minkejja s-sofferenza kollha li għaddejja minnha—u minkejja d-dikjarazzjonijiet qawwijin tal-profeti taʼ Jehovah—is-saltna tat-tramuntana tippersisti fl-irvell tagħha kontra Jehovah. “Il-poplu ma darx lejn min darbu, u l-Mulej taʼ l-eżerċti ma fittxewhx.” (Isaija 9:12 [9:13, “NW”]) B’riżultat taʼ dan, il-profeta jgħid: “Għalhekk il-Mulej qataʼ minn Iżrael ir-ras u d-denb, il-palma u s-simar f’jum wieħed; l-anzjan u n-nobbli huma r-ras, u l-profeta, mgħallem il-gideb, id-denb! Il-mexxejja taʼ dan il-poplu mexxewh ħażin, u ntilfu l-immexxijin.”—Isaija 9:13-15 [9:14-16, “NW”].
11 Ir-“ras” u l-“palma” jirrappreżentaw “l-anzjan u n-nobbli”—il-mexxejja tal-ġens. Id-“denb” u s-“simar” jirreferu għal profeti foloz li jlissnu kliem li jogħġob lill-mexxejja tagħhom. Studjuż tal-Bibbja jikteb: “Il-Profeti foloz jissejħu d-denb, għaliex moralment kienu l-iktar nies baxxi minn fost in-nies kollha, u għaliex kienu segwaċi u partitarji lagħqin taʼ ħakkiema mill-agħar.” Il-professur Edward J. Young jgħid dwar dawn il-profeti foloz: “Mexxejja ma kinux dawn imma, billi mxew fejn ħaduhom il-mexxejja, huma sempliċement użaw tifħir żejjed u żegħil, denb iferfer taʼ kelb.”—Qabbel it-2 Timotju 4:3.
Anki r-‘Romol u l-Iltiema’ Huma Ribelli
12. Il-korruzzjoni kemm ippenetrat fil-fond fis-soċjetà Iżraelija?
12 Jehovah hu d-Difensur tar-romol u l-iltiema. (Eżodu 22:22, 23) Madankollu, ismaʼ naqra dak li jgħid issa Isaija: “Għalhekk Sidi ma jħennx għaż-żgħażagħ tagħhom; ma jitħassarx l-iltiema u r-romol tagħhom. Għax ilkoll midgħajja [“apostati,” “NW”] u ħżiena; kull fomm jitkellem il-bluha. Minkejja dan għadbu ma reġax lura, u idu għadha merfugħa.” (Isaija 9:16 [9:17, “NW”]) L-apostasija kkorrompiet il-livelli kollha tas-soċjetà, inkluż ir-romol u l-iltiema! Bil-paċenzja, Jehovah jibgħat il-profeti tiegħu, bit-tama li n-nies ibiddlu triqathom. Per eżempju, “Erġaʼ dur, Iżrael, lejn il-Mulej Alla tiegħek, għax int tfixkilt minħabba fi ħżunitek,” jitlob bil-ħniena Hosegħa. (Hosegħa 14:2 [14:1, NW]) Min jaf kemm ikidd lid-Difensur tar-romol u l-iltiema l-fatt li se jkollu jesegwixxi l-ġudizzju saħansitra kontrihom!
13. X’nistgħu nitgħallmu mis-sitwazzjoni taʼ żmien Isaija?
13 Bħal Isaija, aħna qegħdin ngħixu fi żminijiet kritiċi qabel il-jum taʼ ġudizzju taʼ Jehovah kontra dawk mill-agħar. (2 Timotju 3:1-5) Kemm hu importanti, għalhekk, li, hi x’inhi s-sitwazzjoni tagħhom fil-ħajja, il-veri Kristjani jibqgħu nodfa spiritwalment, moralment, u mentalment sabiex jibqgħu jgawdu l-favur t’Alla. Ħalli kull wieħed minna jibżaʼ għaliha r-relazzjoni tiegħu maʼ Jehovah. Ħalli ħadd minn dawk li ħarbu minn “Babilonja l-Kbira” ma qatt jerġaʼ ‘jkollu x’jaqsam magħha fi dnubietha.’—Apokalissi 18:2, 4.
Il-Qima Falza Tnissel il-Vjolenza
14, 15. (a) X’jirriżulta mill-qima tad-demonji? (b) Isaija jipprofetizza li Iżrael se jġarrab liema sofferenza kontinwa?
14 Fil-fatt, il-qima falza hija l-qima tad-demonji. (1 Korintin 10:20) Bħalma ntwera qabel id-Dilluvju, l-influwenza tad-demonji twassal għall-vjolenza. (Ġenesi 6:11, 12) Għalhekk, ma jissorprendiniex il-fatt li meta Iżrael isir apostata u jibda jqim lid-demonji, il-pajjiż jimtela bil-vjolenza u l-ħażen.—Dewteronomju 32:17; Salm 106:35-38.
15 Bi kliem li jagħti stampa ċara, Isaija jiddeskrivi kemm infirxu l-ħażen u l-vjolenza f’Iżrael: “Għax il-ħażen bħal ħuġġieġa nar, jiblaʼ x-xewk u l-ħurrieq, u jqabbad il-ħatab tal-masġar, u jinbarmu ’l fuq f’kolonna duħħan. Bl-għadab tal-Mulej taʼ l-eżerċti maħruqa l-art, u l-poplu bħal ikel in-nar, u ma jaħmilx wieħed lil ieħor. Jaħtaf min-naħa tal-lemin, u jibqaʼ bil-ġuħ, jiekol min-naħa tax-xellug, u ma jixbax, kull wieħed jiekol laħam għajru. Manassi kontra Efrajm, Efrajm kontra Manassi, it-tnejn flimkien kontra Ġuda. Minkejja dan għadbu ma reġax lura, u idu għadha merfugħa.”—Isaija 9:17-20 [18-21, “NW”].
16. Kif jitwettaq il-kliem taʼ Isaija 9:17-20 [9:18-21, NW]?
16 Bħal fjamma li tinfirex qalb ix-xewk, il-vjolenza ssir bla kontroll u f’ħakka t’għajn tasal sal-“ħatab tal-masġar,” u b’hekk toħloq nar taʼ vjolenza li jiblaʼ l-masġar kollu. Il-kummentaturi tal-Bibbja Keil u Delitzsch jiddeskrivu l-livell taʼ vjolenza bħala li kien “il-qerda tagħhom infushom l-iktar inumana waqt gwerra ċivili anarkika. Imneżżgħin minn kull emozzjoni tenera, dawn belgħu lil xulxin mingħajr ma xebgħu.” X’aktarx li t-tribujiet taʼ Efrajm u Manassi huma speċifikati hawnhekk għaliex huma r-rappreżentanti prinċipali tas-saltna tat-tramuntana u, bħala dixxendenti taż-żewġ ulied taʼ Ġużeppi, huma l-iktar tnejn li jiġu minn xulxin minn fost l-għaxar tribujiet. Madankollu, minkejja dan, il-vjolenza bejniethom, taʼ bejn l-aħwa, jinterrompuha biss meta jiggwerraw kontra Ġuda li tinsab fin-nofsinhar.—2 Kronaki 28:1-8.
Imħallfin Korrotti Jiltaqgħu maʼ l-Imħallef Tagħhom
17, 18. X’korruzzjoni teżisti fis-sistema legali u amministrattiva taʼ Iżrael?
17 Jehovah issa jitfaʼ l-lenti tal-ġudizzju tiegħu fuq l-imħallfin korrotti taʼ Iżrael u uffiċjali oħrajn. Dawn jabbużaw mill-poter billi jaħtfu l-ġid tal-fqar u taʼ l-imsejknin li jiġu għandhom ifittxu l-ġustizzja. Jgħid Isaija: “Gwaj għal dawk li jagħmlu l-ħaqq ħażin, u għall-kittieba ħfief biex jiktbu d-dnewwa; li jwarrbu mill-ġustizzja l-imsejknin, u jisirqu jedd il-fqar tal-poplu tiegħi; jagħmlu priża mir-romol, u jaħtfu ġid l-iltiema.”—Isaija 10:1, 2.
18 Il-Liġi taʼ Jehovah tipprojbixxi kull għamla taʼ inġustizzja. “La tgħawwiġx fil-ħaqq li tagħmel; la tħarisx lejn wiċċ il-fqir; lanqas ma tweġġaħ lill-kbir għal wiċċu.” (Levitiku 19:15) Billi jinjoraw dik il-liġi, dawn l-uffiċjali jifformulaw il-“ħaqq ħażin” tagħhom sabiex jilleġittimizzaw dak li jammonta għal serq sfaċċat taʼ l-iktar tip krudil—jieħdu n-naqra ġid li għandhom ir-romol u l-iltiema. M’għandniex xi ngħidu, l-allat foloz taʼ Iżrael huma għomja għal din l-inġustizzja, imma Jehovah m’huwiex. Permezz taʼ Isaija, Jehovah issa jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq dawn l-imħallfin mill-agħar.
19, 20. Kif se tinbidel is-sitwazzjoni taʼ l-imħallfin Iżraeliti korrotti, u x’se jiġrilu l-‘ġid’ tagħhom?
19 “X’se tagħmlu f’jum il-kastig? Fil-ħerba li ġejja mill-bogħod? Lejn min sa dduru għall-għajnuna? U ġidkom fejn se tħalluh? Ma jibqgħalkomx ħlief titrekknu qalb l-ilsiera, jew taqgħu fost il-mejtin.” (Isaija 10:3, 4a) Ir-romol u l-iltiema m’għandhomx imħallfin onesti lejn min iduru. Kemm huwa xieraq, għalhekk, li Jehovah issa jistaqsi lil dawk l-imħallfin Iżraelin korrotti lejn min se jduru issa li Jehovah qed jitlob kont minnhom. Iva, dawn dalwaqt se jsiru jafu li hija “ħaġa tal-biżaʼ li taqaʼ f’idejn Alla l-ħaj!”—Lhud 10:31.
20 Il-‘ġid’ taʼ dawn l-imħallfin mill-agħar—il-prestiġju, l-unur, u l-qawwa dinjin li jirriżultaw mill-għana u l-pożizzjoni tagħhom—se jkun għomru qasir. Xi wħud se jsiru priġunieri tal-gwerra, billi ‘jitrekknu,’ jew jintrassu, maʼ priġunieri oħrajn, waqt li l-bqija se jinqatlu, u l-katavri tagħhom se jkunu mgħottijin bil-mejtin tal-gwerra. Il-‘ġid’ tagħhom jinkludi wkoll rikkezzi miksubin bil-qerq li se jinsterqu mill-għadu.
21. Waqfet ir-rabja taʼ Jehovah kontra Iżrael, minkejja l-kastigi li ħadu?
21 Isaija jikkonkludi din l-aħħar strofa bi twissija kerha: “B’dan kollu [il-gwaj kollu li l-ġens sofra s’issa] ma reġax lura għadbu, u għadha idu mimduda.” (Isaija 10:4b, “Saydon”) Iva, Jehovah għandu iktar x’jgħidlu lil Iżrael. Id Jehovah se tibqaʼ mimduda jew merfugħa sakemm jagħti d-daqqa finali u qerridija lis-saltna ribelluża tat-tramuntana.
Qatt Taqaʼ Vittma tal-Qerq u l-Egoiżmu
22. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn dak li ġralu Iżrael?
22 Il-kelma taʼ Jehovah permezz taʼ Isaija kienet qawwija fuq Iżrael u ‘ma reġgħetx lura vojta.’ (Isaija 55:10, 11) L-istorja tiddokumenta t-tmiem traġiku tas-saltna tat-tramuntana taʼ Iżrael, u aħna nistgħu biss nimmaġinaw is-sofferenza li kellhom jissaportu l-abitanti tagħha. Bl-istess ċertezza, il-kelma t’Alla se titwettaq fuq is-sistema t’affarijiet preżenti, speċjalment fuq il-Kristjaneżmu apostat. Kemm huwa importanti, għalhekk, li l-Kristjani qatt ma jagħtu widen għal propaganda giddieba kontra Alla! Grazzi għall-Kelma t’Alla, l-istrateġiji makakki taʼ Satana ilhom li ġew esposti, u għalhekk m’għandniex għalfejn nintrebħu minnhom bħalma ġralhom in-nies taʼ Iżrael tal-qedem. (2 Korintin 2:11) Jalla lkoll kemm aħna qatt ma nieqfu milli nqimu lil Jehovah “fl-ispirtu u l-verità.” (Ġwann 4:24) F’dak il-każ, l-id merfugħa tiegħu m’hijiex se tolqot lill-adoraturi tiegħu bħalma laqtet lir-ribelluż Efrajm. B’dirgħajh se jħaddanhom miegħu, u se jgħinhom fit-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem fuq l-art magħmula ġenna.—Ġakbu 4:8.
[Noti taʼ taħt]
a Isaija 9:7–10:4 [9:8–10:4, NW] huwa fformat minn erbaʼ strofi (sezzjonijiet minn passaġġ ritmiku), u kull waħda tispiċċa bir-ritornell allarmanti: “B’dan kollu ma reġax lura għadbu, u għadha idu mimduda.” (Isaija 9:11, 16, 20; 10:4, Saydon [9:12, 17, 21; 10:4, NW]) Din it-teknika letterarja għandha l-effett li torbot Isaija 9:7–10:4 [9:8–10:4, NW] f’“kelma” waħda komposta. (Isaija 9:7 [9:8, NW]) Innota wkoll li ‘id’ Jehovah “għadha . . . mimduda,” mhux biex toffri rikonċiljazzjoni, imma biex tiġġudika.—Isaija 9:12 [9:13, NW].
b Il-profeti li Jehovah bagħat għand is-saltna tat-tramuntana f’Iżrael jinkludu lil Ġeħu (mhux is-sultan), Elija, Mikajja, Eliżew, Ġona, Għoded, Hosegħa, Għamos, u Mikea.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 139]
Il-ħażen u l-vjolenza jibilgħu lil Iżrael bħal nar f’masġar
[Stampa f’paġna 141]
Jehovah se jitlob kont minn dawk li jagħmlu lil oħrajn vittma tagħhom