Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

“Żmien taʼ Rieda Tajba”

“Żmien taʼ Rieda Tajba”

Kapitlu Għaxra

“Żmien taʼ Rieda Tajba”

Isaija 49:1-26

1, 2. (a) Isaija liema barka gawda? (b) Min huma dawk involuti fil-​kliem profetiku li nsibu fl-​ewwel parti minn Isaija kapitlu 49?

 IL-​BNEDMIN leali kollha minn dejjem gawdew l-​approvazzjoni u l-​protezzjoni t’Alla. Imma Jehovah ma jurix ir-​rieda tajba tiegħu lil min ġie ġie. Individwu jrid jikkwalifika biex jikseb din il-​barka li m’hawnx bħalha. Isaija hekk għamel. Hu gawda l-​favur t’Alla u ntuża minn Jehovah bħala strument biex jgħarraf ir-​rieda Tiegħu lil oħrajn. Insibu eżempju taʼ dan fl-​ewwel parti mill-​profezija taʼ Isaija kapitlu 49.

2 Dan il-​kliem hu indirizzat b’mod profetiku lil nisel Abraham. Fl-​ewwel twettiq, dan in-​nisel huwa l-​ġens taʼ Iżrael, li kien dixxendent t’Abraham. Madankollu, jidher ċar li ħafna mil-​lingwaġġ japplika għal Nisel Abraham, il-​Messija mwiegħed, li kien ilu tant mistenni. Il-​kliem imnebbaħ japplika wkoll għall-​aħwa spiritwali tal-​Messija, li jsiru parti min-​nisel spiritwali t’Abraham u taʼ l-​“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 3:7, 16, 29; 6:16) B’mod partikulari, din il-​parti mill-​profezija taʼ Isaija tiddeskrivi r-​relazzjoni speċjali li teżisti bejn Jehovah u Ibnu l-​maħbub, Ġesù Kristu.—Isaija 49:26.

Maħtur u Protett minn Jehovah

3, 4. (a) Il-​Messija x’appoġġ għandu? (b) Il-​Messija lil min qed ikellem?

3 Il-​Messija jgawdi r-​rieda tajba, jew l-​approvazzjoni, t’Alla. Jehovah jagħtih l-​awtorità u l-​kredenzjali meħtiġin biex iwettaq il-​missjoni tiegħu. B’mod xieraq, għalhekk, dak li se jkun il-​Messija jgħid: “Isimgħuni, gżejjer, agħtuni widen, popli mbiegħda! Il-​Mulej mill-​ġuf sejjaħli, mill-​ġewwieni taʼ ommi ftakar f’ismi.”—Isaija 49:1.

4 Hawnhekk il-​Messija jindirizza kliemu lil popli li jiġu ‘mill-​bogħod.’ Għalkemm il-​Messija hu mwiegħed lil-​Lhud, permezz tal-​ministeru tiegħu se jitbierku l-​ġnus kollha. (Mattew 25:31-33) Avolja l-​“gżejjer” u l-​“popli” m’humiex f’patt maʼ Jehovah, dawn għandhom jagħtu kas il-​Messija taʼ Iżrael għaliex hu mibgħut biex isalva lill-​bnedmin kollha.

5. Il-​Messija kif jingħata isem saħansitra qabel ma jitwieled bħala bniedem?

5 Il-​profezija tgħid li qabel ma jitwieled bħala bniedem, il-​Messija se jingħata isem minn Jehovah. (Mattew 1:21; Luqa 1:31) Ferm qabel ma jitwieled, Ġesù jingħata l-​isem taʼ “Kunsillier taʼ l-​għaġeb, Alla setgħan, Missier għal dejjem, Prinċep tas-​sliem.” (Isaija 9:5 [9:6, NW]) Għimmanu-el, li x’aktarx hu l-​isem taʼ wieħed minn ulied Isaija, ukoll jirriżulta li hu isem profetiku tal-​Messija. (Isaija 7:14; Mattew 1:21-23) Anki l-​isem Ġesù, li jingħata lill-​Messija u li bih se jsir magħruf, huwa mbassar qabel it-​twelid tiegħu. (Luqa 1:30, 31) Dan l-​isem ġej mill-​kelma Ebrajka li tfisser “Jehovah Hu Salvazzjoni.” Jidher ċar li Ġesù ma ħatarx lilu nnifsu bħala Kristu.

6. Fomm il-​Messija b’liema mod hu bħal xabla misnuna, u kif inhu moħbi, jew mistur?

6 Il-​kliem profetiku tal-​Messija jkompli: “Għamilli fommi xabla misnuna, taħt id-​dell taʼ idu ħbieni. Għamel minni vleġġa maħtura, fil-​barżakka tiegħu ħbieni.” (Isaija 49:2) Meta jasal iż-​żmien biex il-​Messija taʼ Jehovah jibda l-​ministeru tiegħu fuq l-​art fis-​sena 29 E.K., il-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ Ġesù tassew juru li huma bħal armi misnunin u jleqqu li kapaċi jidħlu fi qlub dawk li jisimgħuh. (Luqa 4:31, 32) Il-​kliem u l-​azzjonijiet tiegħu jqanqlu l-​għadab taʼ l-​għadu l-​kbir taʼ Jehovah, Satana, u l-​aġenti tiegħu. Minn dak in-​nhar li jitwieled Ġesù, Satana jipprova jiħodlu ħajtu, imma Ġesù hu bħal vleġġa moħbija fil-​barżakka taʼ Jehovah. a Bil-​fiduċja, hu jistaʼ jserraħ moħħu mill-​protezzjoni taʼ Missieru. (Salm 91:1; Luqa 1:35) Fiż-​żmien stabbilit, Ġesù jagħti ħajtu għan-​nom tal-​bnedmin. Imma se jiġi ż-​żmien meta se joħroġ bħala gwerrier setgħan mis-​sema li hu armat f’sens differenti, b’xabla misnuna ħierġa minn fommu. Din id-​darba, ix-​xabla misnuna tirrappreżenta l-​awtorità li għandu Ġesù biex jiddikjara u jwettaq ġudizzji kontra l-​għedewwa taʼ Jehovah.—Apokalissi 1:16.

Il-​Ħidma tal-​Qaddej t’Alla M’Hijiex Għalxejn

7. Il-​kliem taʼ Jehovah f’Isaija 49:3 għal min japplika, u għala?

7 Issa Jehovah jgħid dan il-​kliem profetiku: “Iżrael, inti l-​qaddej tiegħi, bik jiena nkun imfaħħar.” (Isaija 49:3) Fin-​New World Translation, l-​aħħar parti taʼ dan il-​vers tinqara hekk, “int dak li fih se nuri l-​ġmiel tiegħi.” Jehovah jirreferi għall-​ġens taʼ Iżrael bħala l-​qaddej tiegħu. (Isaija 41:8) Imma Ġesù Kristu hu l-​aqwa Qaddej t’Alla. (Atti 3:13) Ħadd minn fost il-​ħlejjaq t’Alla ma jistaʼ jirrifletti l-​“ġmiel” taʼ Jehovah aħjar minn Ġesù. Għaldaqstant, waqt li letteralment huwa indirizzat lil Iżrael, dan il-​kliem japplika realment għal Ġesù.—Ġwann 14:9; Kolossin 1:15.

8. Il-​poplu tal-​Messija stess kif jirreaġixxi għalih, imma l-​Messija lejn min iħares biex jiġġudika s-​suċċess tiegħu?

8 M’huwiex minnu, iżda, li Ġesù jiġi disprezzat u miċħud mill-​biċċa l-​kbira mill-​poplu tiegħu stess? Iva. B’mod ġenerali, il-​ġens taʼ Iżrael ma jaċċettahx lil Ġesù bħala l-​Qaddej midluk t’Alla. (Ġwann 1:11) Kulma jwettaq Ġesù waqt li qiegħed fuq l-​art jistaʼ jidher min-​nies taʼ żmienu bħala li hu bla valur, saħansitra insinifikanti. Il-​Messija issa jirreferi għal dan li jidher qisu fjask fil-​ministeru tiegħu billi jgħid: “Għalxejn inkeddejt, u fix-​xejn ħlejt saħħti.” (Isaija 49:4a) Dan il-​kliem ma jintqalx għaliex il-​Messija hu skuraġġit. Ikkunsidra x’jgħid imbagħad: “Imma f’idejn il-​Mulej il-​kawża tiegħi, u l-​ħlas tiegħi għand Alla tiegħi.” (Isaija 49:4b) Is-​suċċess tal-​Messija ma jiġix ġudikat mill-​bniedem imma minn Alla.

9, 10. (a) Il-​Messija x’inkarigu jingħata mingħand Jehovah, u x’riżultati jikseb? (b) Illum, il-​Kristjani kif jistgħu jiġu inkuraġġiti mill-​esperjenzi tal-​Messija?

9 Ġesù hu interessat prinċipalment fl-​approvazzjoni, jew ir-​rieda tajba, t’Alla. Fil-​profezija, il-​Messija jgħid: “Issa tkellem il-​Mulej [Jehovah], li minn ġuf ommi għamilni qaddej tiegħu, biex għandu nraġġaʼ lura ’l Ġakobb, u biex Iżrael jinġabar miegħu mill-​ġdid, għax jien kont imfaħħar f’għajnejn il-​Mulej, u Alla tiegħi kien il-​qawwa tiegħi.” (Isaija 49:5) Il-​Messija jiġi biex idawwar qlub ulied Iżrael lura lejn Missierhom tas-​sema. Il-​biċċa l-​kbira ma jaċċettawx, imma xi wħud jaċċettaw. Madankollu, il-​ħlas veru tiegħu jagħtihulu Alla Jehovah. Is-​suċċess tiegħu ma jitkejjilx skond kif jarah il-​bniedem imma skond il-​livelli taʼ Jehovah stess.

10 Illum, xi kultant is-​segwaċi taʼ Ġesù jistgħu jħossu li bħallikieku qegħdin jaħdmu għalxejn. F’xi postijiet, ir-​riżultati fil-​ministeru tagħhom jistgħu jidhru li huma insinifikanti meta jitqabblu maʼ l-​ammont taʼ xogħol u sforzi li jsiru. Xorta waħda, huma jissaportu billi jiġu inkuraġġiti mill-​eżempju taʼ Ġesù. Jiġu msaħħin ukoll bil-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu, li kiteb: “Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-​ħidma tal-​Mulej. Kunu afu li l-​ħidma tagħkom fil-​Mulej m’hijiex għalxejn.”—1 Korintin 15:58.

“Dawl għall-​Ġnus”

11, 12. Il-​Messija kif kien u għadu “dawl għall-​ġnus”?

11 Fil-​profezija taʼ Isaija, Jehovah jinkuraġġixxi lill-​Messija billi jfakkru li l-​fatt li hu l-​Qaddej t’Alla m’huwiex xi “ħaġa żgħira wisq.” Ġesù jrid ‘iqajjem it-​tribù taʼ Ġakobb, u jreġġaʼ lura l-​fdal taʼ Iżrael.’ Jehovah jispjega wkoll: “Jien nagħmel minnek dawl għall-​ġnus, biex is-​salvazzjoni tiegħi sa truf l-​art tinfirex.” (Isaija 49:6) Ġesù kif idawwal lill-​popli “sa truf l-​art” meta l-​ministeru tiegħu fuq l-​art hu limitat biss għal Iżrael?

12 Il-​Bibbja turi li d-​“dawl [t’Alla] għall-​ġnus” ma ntefiex meta Ġesù telaq minn fuq l-​art. Xi 15-il sena wara li miet Ġesù, il-​missjunarji Pawlu u Barnaba kkwotaw il-​profezija taʼ Isaija 49:6 u applikawha għad-​dixxipli taʼ Ġesù, ħutu spiritwali. Huma spjegaw: “Għax hekk ordnalna l-​Mulej, ‘Jien għamiltek dawl tal-​ġnus, biex twassal is-​salvazzjoni sa truf l-​art.’” (Atti 13:47) Qabel ma miet, Pawlu ra l-​aħbar tajba taʼ salvazzjoni titħabbar mhux biss lil-​Lhud imma wkoll “lill-​ħlejjaq kollha taħt is-​smewwiet.” (Kolossin 1:6, 23) Illum, dawk li fadal mill-​aħwa midlukin taʼ Kristu jkomplu f’dan ix-​xogħol. Appoġġati minn “kotra kbira” li tgħodd bil-​miljuni, huma jaqdu bħala “dawl għall-​ġnus” f’iktar minn 230 pajjiż madwar id-​dinja.—Apokalissi 7:9.

13, 14. (a) Il-​Messija u s-​segwaċi tiegħu ffaċċjaw liema reazzjoni għax-​xogħol taʼ l-​ippridkar? (b) Kif inqalbet il-​folja?

13 Jehovah tabilħaqq li jagħti s-​saħħa lill-​Qaddej tiegħu l-​Messija, lill-​aħwa midlukin tal-​Messija, u lil dawk kollha tal-​kotra kbira li, flimkien magħhom, ikomplu x-​xogħol taʼ l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba. Huwa minnu li d-​dixxipli tiegħu ffaċċjaw l-​istmerrija u l-​oppożizzjoni bħal Ġesù. (Ġwann 15:20) Imma fiż-​żmien stabbilit minnu, Jehovah dejjem iġiegħel li tinqaleb il-​folja sabiex isalva u jippremja lill-​qaddejja leali tiegħu. Rigward il-​Messija, li hu “mkasbar min-​nies” u “mistmerr mill-​poplu,” Jehovah jwiegħed: “Is-​slaten għad jaraw u jqimu, u l-​prinċpijiet iqimu wiċċhom fl-​art, minħabba l-​Mulej li hu fidil, il-​Qaddis taʼ Iżrael, Dak li ħatrek.”—Isaija 49:7.

14 Iktar tard l-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani ġewwa Filippi dwar kif ġie mbassar li kellha tinqaleb il-​folja. Hu ddeskriva lil Ġesù bħala wieħed li kien ġie umiljat fuq zokk tat-​tortura imma li mbagħad ngħata pożizzjoni għolja minn Alla. Lill-​Qaddej tiegħu, Jehovah “għollieh sas-​smewwiet u żejjnu bl-​Isem li hu fuq kull isem, biex fl-​isem taʼ Ġesù . . . l-​ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom.” (Filippin 2:8-11) Is-​segwaċi leali taʼ Kristu ġew imwissijin li huma wkoll se jiġu persegwitati. Imma bħalma ġara fil-​każ tal-​Messija, huma assigurati mir-​rieda tajba taʼ Jehovah.—Mattew 5:10-12; 24:9-13; Mark 10:29, 30.

“Iż-​Żmien Speċjalment Aċċettabbli”

15. Liema “żmien” speċjali jissemma fil-​profezija taʼ Isaija, u dan x’jindika?

15 Il-​profezija taʼ Isaija tkompli bi stqarrija sinifikanti ferm. Jehovah jgħid lill-​Messija: “Fiż-​żmien it-​tajjeb [“żmien taʼ rieda tajba,” “NW”] smajtek, u f’jum is-​salvazzjoni għentek. Ħaristek u għamilt minnek patt mal-​poplu.” (Isaija 49:8a) Profezija simili tinstab f’Salm 69:14-19 [69:13-18, NW]. Is-​salmista jirreferi għal “żmien taʼ rieda tajba,” billi juża l-​espressjoni “żmien aċċettabbli” (NW). Dawn it-​termini jindikaw li r-​rieda tajba u l-​protezzjoni taʼ Jehovah jintwerew b’manjiera speċjali biss waqt perijodu speċifiku u temporanju.

16. X’kien iż-​żmien taʼ rieda tajba mingħand Jehovah għal Iżrael tal-​qedem?

16 Meta seħħ dan iż-​żmien taʼ rieda tajba? Fl-​isfond oriġinali, il-​kliem kien parti minn profezija taʼ tiġdid u bassar li l-​Lhud kellhom jirritornaw mill-​eżilju. L-​Iżraelin esperjenzaw żmien taʼ rieda tajba meta setgħu ‘jerġgħu jqajmu l-​art’ u jippossiedu mill-​ġdid “il-​wirt imħarbat.” (Isaija 49:8b) Ma kinux għadhom iktar “imjassrin” f’Babilonja. Matul il-​vjaġġ tagħhom lejn pajjiżhom, Jehovah ħa ħsieb li ma jaqbadhomx “ġuħ” jew “għatx,” u ma “tolqothomx is-​sħana u lanqas ix-​xemx.” L-​Iżraelin li kienu mxerrdin ġew bi ħġarhom lura lejn art twelidhom “mill-​bogħod; . . . mit-​tramuntana u l-​punent.” (Isaija 49:9-12) Minkejja dan l-​ewwel twettiq drammatiku, il-​Bibbja turi li din il-​profezija tapplika iktar minn darba.

17, 18. Jehovah liema żmien taʼ rieda tajba ħatar matul l-​ewwel seklu?

17 L-​ewwelnett, dak in-​nhar li twieled Ġesù, l-​anġli ħabbru sliem u rieda tajba, jew favur, mingħand Alla għall-​bnedmin. (Luqa 2:13, 14, Saydon) Din ir-​rieda tajba ma ġietx offruta lill-​bnedmin in ġenerali, imma biss lil dawk li eżerċitaw fidi f’Ġesù. Iktar tard Ġesù qara pubblikament il-​profezija taʼ Isaija 61:1, 2 u applikaha għalih innifsu bħala x-​xandâr tas-​“sena tal-​grazzja [“aċċettabbli,” NW] tal-​Mulej” Jehovah. (Luqa 4:17-21) L-​appostlu Pawlu tkellem dwar Kristu bħala li rċieva l-​protezzjoni speċjali taʼ Jehovah matul iż-​żmien meta kien jgħix bħala bniedem. (Lhud 5:7-9) Mela dan iż-​żmien taʼ rieda tajba japplika għall-​favur t’Alla fuq Ġesù matul ħajtu bħala bniedem.

18 Madankollu, din il-​profezija terġaʼ tiġi applikata f’post ieħor. Wara li kkwota l-​kliem taʼ Isaija rigward iż-​żmien taʼ rieda tajba, Pawlu ssokta jgħid: “Araw, issa hu ż-​żmien tajjeb [“iż-​żmien speċjalment aċċettabbli,” NW], araw, issa hu jum is-​salvazzjoni!” (2 Korintin 6:2) Pawlu kiteb dan il-​kliem 22 sena wara li miet Ġesù. B’mod evidenti, meta twieldet il-​kongregazzjoni Kristjana nhar Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Jehovah estenda s-​sena taʼ rieda tajba tiegħu sabiex tinkludi lis-​segwaċi midlukin taʼ Kristu.

19. Illum, il-​Kristjani kif jistgħu jibbenefikaw miż-​żmien taʼ rieda tajba mingħand Jehovah?

19 Illum, xi ngħidu għas-​segwaċi taʼ Ġesù li m’humiex midlukin bħala werrieta tas-​saltna t’Alla fis-​sema? Jistgħu dawk li għandhom it-​tama għall-​art jibbenefikaw minn dan iż-​żmien aċċettabbli? Iva. Il-​ktieb Bibliku taʼ l-​Apokalissi juri li dan hu żmien taʼ rieda tajba min-​naħa taʼ Jehovah lejn il-​kotra kbira li se toħroġ “mit-​taħbit il-​kbir” biex tgawdi l-​ħajja fuq art magħmula ġenna. (Apokalissi 7:13-17) Għaldaqstant, il-​Kristjani kollha jistgħu jieħdu vantaġġ minn dan il-​perijodu limitat li matulu Jehovah joffri r-​rieda tajba tiegħu lill-​bnedmin imperfetti.

20. Il-​Kristjani b’liema mod jistgħu jevitaw li jirċievu l-​grazzja taʼ Jehovah għalxejn?

20 Qabel ma xandar iż-​żmien aċċettabbli taʼ Jehovah, l-​appostlu Pawlu lissen twissija. Hu ħeġġeġ lill-​Kristjani ‘biex ma jirċivux il-​grazzja t’Alla għal xejn.’ (2 Korintin 6:1) Fi qbil maʼ dan, il-​Kristjani jużaw kull opportunità biex jogħġbu lil Alla u jagħmlu r-​rieda tiegħu. (Efesin 5:15, 16) Ikun taʼ ġid għalihom jekk isegwu t-​twissija taʼ Pawlu: “Ħuti, araw li f’ebda wieħed minnkom ma jkun hemm qalb imħassra bin-​nuqqas taʼ twemmin li jwassal għall-​firda minn Alla l-​ħaj. Imma agħmlu l-​qalb lil xulxin kull jum, sakemm inkunu għadna nistgħu ngħidu ‘illum’, biex ħadd minnkom ma jiġġarraf mid-​dnub u jwebbes qalbu.”—Lhud 3:12, 13.

21. Liema stqarrija taʼ ferħ ittemm l-​ewwel parti minn Isaija kapitlu 49?

21 Hekk kif l-​espressjonijiet profetiċi bejn Jehovah u l-​Messija tiegħu jiġu fi tmiem, Isaija jlissen stqarrija taʼ ferħ: “Għannu, o smewwiet, aqbeż bil-​ferħ, o art, infexxu fl-​għana, o muntanji! Għax farraġ il-​Mulej lill-​poplu tiegħu; u ħenn għall-​imsejknin tiegħu!” (Isaija 49:13) Xi kliem sabiħ taʼ faraġ għall-​Iżraelin tal-​qedem u għal Ġesù Kristu, il-​Qaddej il-​kbir taʼ Jehovah, kif ukoll għall-​qaddejja midlukin taʼ Jehovah u sħabhom in-​“nagħaġ oħra” llum!—Ġwann 10:16.

Jehovah Ma Jinsiehx lill-​Poplu Tiegħu

22. Jehovah kif jenfasizza li qatt ma se jinsieh lill-​poplu tiegħu?

22 Isaija issa jkompli jirrapporta d-​dikjarazzjonijiet taʼ Jehovah. Hu jbassar li l-​Iżraelin eżiljati se juru t-​tendenza li jgħajjew u jitilfu kull tama. Jgħid Isaija: “Sijon kienet tgħid: ‘Ħallieni l-​Mulej,’ u: ‘Sidi nsieni.’” (Isaija 49:14) Huwa minnu dan? Ħallieh u nsieh Jehovah lill-​poplu tiegħu? Waqt li jaġixxi bħala l-​kelliemi taʼ Jehovah, Isaija jkompli: “Tistaʼ mara tinsa t-​tarbija tagħha, u ma tħennx għal bin ġufha? Mqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt!” (Isaija 49:15) X’risposta mimlija mħabba mingħand Jehovah! L-​imħabba li għandu Alla għall-​poplu tiegħu hija akbar minn dik taʼ omm għat-​tarbija tagħha. Hu jaħseb il-​ħin kollu dwar dawk li huma leali lejh. Jiftakarhom bħallikieku ismijiethom kienu minquxin fuq idejh: “Ara! Naqqaxtek fuq il-​keffa taʼ jdejja; ħitanek dejjem quddiemi.”—Isaija 49:16.

23. Pawlu kif inkuraġġiehom lill-​Kristjani biex ikunu fiduċjużi li Jehovah ma jinsihomx?

23 Fl-​ittra li kiteb lill-​Galatin, l-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-​ġid; għax jekk ma naqtgħux qalbna, naħsdu fi żmienu.” (Galatin 6:9) Lil-​Lhud kitbilhom il-​kliem inkuraġġanti: “Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-​imħabba li wrejtu lejn ismu.” (Lhud 6:10) Qatt m’għandna nħossu li Jehovah nesa lill-​poplu tiegħu. Bħal Sijon tal-​qedem, il-​Kristjani għandhom raġun jithennew u jistennew bil-​paċenzja lil Jehovah. Hu ma jerġax lura minn kelmtu rigward dak li stqarr u li wiegħed fil-​patt tiegħu.

24. Sijon b’liema mod se tiġi stabbilita mill-​ġdid, u liema mistoqsijiet se tistaqsi?

24 Permezz taʼ Isaija, Jehovah joffri iktar faraġ. M’għadhomx iktar taʼ theddida dawk li qegħdin ‘iġarrfu lil Sijon,’ sew jekk huma l-​Babiloniżi u sew jekk huma l-​Lhud apostati. “Il-​bennejja” taʼ Sijon, Lhud eżiljati li jibqgħu leali lejn Jehovah, “ġejjin mgħaġġla.” Se ‘jinġabru’ flimkien. Wara li jkunu marru bl-​għaġla lura lejn Ġerusalemm, il-​Lhud li jinsabu mill-​ġdid f’art twelidhom se jkunu ornamenti taʼ tiżjin għall-​belt kapitali tagħhom, sewwa sew bħalma “għarusa” “tiżżejjen” bi lbies sabiħ. (Isaija 49:17, 18) Il-​postijiet taʼ Sijon saru ‘ħerba.’ Immaġina kif se tissorprendi ruħha meta ħabta u sabta tant ikollha nies fiha li l-​post fejn tgħammar hi se jkun qisu djieq. (Aqra Isaija 49:19, 20.) Naturalment, hi tistaqsi minfejn ġejjin dawn l-​ulied kollha: “Mbagħad int tgħid f’qalbek ‘Min welidli ’l dawn, meta jien bla tfal, ħawlija, kont ilsira u mitluqa? Min rabbihomli? Ara! Jien kont bqajt waħdi. Minn fejn ġew dawn?’” (Isaija 49:21) X’sitwazzjoni hienja għal Sijon li qabel kienet bla tfal!

25. Iżrael spiritwali liema tiġdid esperjenza fi żmienna?

25 Dan il-​kliem jitwettaq ukoll fi żmienna. Fis-​snin diffiċli taʼ l-​ewwel gwerra dinjija, Iżrael spiritwali esperjenza perijodu li fih kien imħarbat u mjassar. Imma ġie stabbilit mill-​ġdid u sab ruħu f’ġenna spiritwali. (Isaija 35:1-10) Ġralu bħal dik il-​belt li darba kienet imħarbta, li ddeskriva Isaija. Kemm tgħaxxaq Iżrael spiritwali meta sab ruħu miżgħud b’adoraturi ferrieħa u attivi taʼ Jehovah!

“Sinjal lill-​Ġnus”

26. Jehovah liema direzzjoni jipprovdi għall-​poplu meħlus tiegħu?

26 B’mod profetiku, Jehovah issa jieħu lil Isaija lejn iż-​żmien meta n-​nies Tiegħu se jkunu meħlusin minn Babilonja. Se jirċievu huma xi direzzjoni divina? Iwieġeb Jehovah: “Arawni! Se nagħti sinjal lill-​ġnus, u ngħolli l-​istendard tiegħi għall-​popli, u jġibu s-​subjien tiegħek fuq dirgħajhom, u l-​bniet tiegħek iġorruhom fuq spallejhom.” (Isaija 49:22) Fit-​twettiq tal-​bidu, Ġerusalemm, il-​post fejn kien ċentrat il-​gvern u fejn kien hemm it-​tempju taʼ Jehovah, issir is-​“sinjal” taʼ Jehovah. Anki nies prominenti u setgħana taʼ ġnus oħrajn, bħalma huma “s-​slaten” u “l-​irġejjen,” jassistu lill-​Iżraelin fil-​vjaġġ tagħhom lura hemmhekk. (Isaija 49:23a) Fost dawn li jagħtu l-​għajnuna hemm is-​slaten Persjani Ċiru u Artasersi Longimanu u n-​nies taʼ darhom. (Esdra 5:13; 7:11-26) U kliem Isaija japplika wkoll xi mkien ieħor.

27. (a) Fit-​twettiq akbar, il-​popli lejn liema “sinjal” se jiġu bi ħġarhom? (b) X’se jkun ir-​riżultat meta l-​ġnus kollha se jiġu mġagħlin ibaxxu rashom għall-​ħakma tal-​Messija?

27 Isaija 11:10 jitkellem dwar “sinjal għall-​popli.” L-​appostlu Pawlu applika dan il-​kliem għal Kristu Ġesù. (Rumani 15:8-12) Għaldaqstant, fit-​twettiq akbar, Ġesù u l-​ħakkiema sħabu midlukin bl-​ispirtu huma s-​“sinjal” taʼ Jehovah li lejh jiġu l-​popli bi ħġarhom. (Apokalissi 14:1) Meta jasal il-​waqt, il-​popli kollha taʼ l-​art, saħansitra l-​ħakkiema taʼ llum, se jkollhom ibaxxu rashom għall-​ħakma tal-​Messija. (Salm 2:10, 11; Danjel 2:44) X’se jkun ir-​riżultat? Jgħid Jehovah: “Int tkun taf li jien il-​Mulej, li min jittama fija, ma jitħawwadx.”—Isaija 49:23b.

Issa “s-​Salvazzjoni Tagħna Hi Eqreb”

28. (a) Jehovah b’liema kliem jerġaʼ jassigura lin-​nies tiegħu li se jinħelsu? (b) Jehovah liema wegħda għad għandu rigward il-​poplu tiegħu?

28 Xi wħud minn dawk li jinsabu eżiljati f’Babilonja għandhom mnejn jistaqsu, ‘Huwa tassew possibbli li Iżrael se jinħeles?’ Jehovah jqis din il-​mistoqsija u jistaqsi: “Tistaʼ tittieħed il-​priża minn id il-​qawwi? jew jinħelsu l-​ilsiera minn id it-​tirann?” (Isaija 49:24) Ir-​risposta hi iva. Jehovah jassigurahom: “Iva! Jittieħdu l-​ilsiera minn id il-​qawwi; il-​priża tat-​tirann tinħeles.” (Isaija 49:25a) X’assiguranza taʼ faraġ! Iktar minn hekk, minbarra li juri rieda tajba lejn in-​nies tiegħu, Jehovah jwegħedhom b’mod solenni li jipproteġihom. Hu jgħidilhom ċar u tond: “Jiena stess neħodha maʼ dawk li ħaduha miegħek, u jiena stess insalva lil uliedek.” (Isaija 49:25b) Din il-​wegħda għadha tgħodd. Bħalma nsibu f’Żakkarija 2:12 [2:8, NW], Jehovah jgħid lill-​poplu tiegħu: ‘Min imiss lilkom imiss il-​mimmi t’għajnejja.’ Huwa minnu li aħna issa ngawdu perijodu taʼ rieda tajba li matulu l-​popli taʼ l-​art għandhom l-​opportunità li jmorru bi ħġarhom lejn Sijon spiritwali. Madankollu, dan il-​perijodu taʼ rieda tajba se jintemm.

29. Liema prospett ikrah hemm jistenna lil dawk li jirrifjutaw li jobdu lil Jehovah?

29 X’se jiġrilhom dawk li b’ras iebsa jirrifjutaw li jobdu lil Jehovah u li saħansitra jippersegwitaw lil dawk li jqimuh? Hu jgħid: “U ’l dawk li ħaqruk inġagħalhom jieklu laħamhom stess, u jiskru b’demmhom bħal bl-​inbid ġdid.” (Isaija 49:26a) Xi prospett ikrah! Dawn l-​opponenti rashom iebsa m’għandhomx futur fit-​tul. Se jinqerdu. B’hekk, kemm billi jsalva lin-​nies tiegħu u kemm billi jeqred lill-​għedewwa tagħhom, Jehovah se jkun jidher li hu Salvatur. “Kull bniedem ikun jaf li jien il-​Mulej, il-​Ħellies tiegħek, il-​Feddej tiegħek, il-​Qawwi taʼ Ġakobb.”—Isaija 49:26b.

30. Jehovah liema atti taʼ salvazzjoni wettaq għan-​nom tal-​poplu tiegħu, u x’għad irid jagħmel?

30 Dan il-​kliem applika l-​ewwel darba meta Jehovah uża lil Ċiru biex jeħles lill-​poplu Tiegħu mill-​jasar f’Babilonja. Applika bl-​istess mod fl-​1919 meta Jehovah uża lil Ibnu, Ġesù Kristu, li ngħata t-​tron biex jeħles lill-​poplu Tiegħu mill-​jasar spiritwali. Għaldaqstant, il-​Bibbja titkellem kemm dwar Jehovah u kemm dwar Ġesù bħala li huma salvaturi. (Titu 2:11-13; 3:4-6) Jehovah hu s-​Salvatur tagħna, u Ġesù, il-​Messija, hu l-​Aġent Ewlieni tiegħu. (Atti 5:31) Tabilħaqq, l-​atti taʼ salvazzjoni minn Alla permezz taʼ Ġesù Kristu huma meraviljużi. Permezz taʼ l-​aħbar tajba, Jehovah jeħles lil dawk taʼ qalb retta mill-​jasar tar-​reliġjon falza. Permezz tas-​sagrifiċċju li tħallas bħala prezz tal-​fidwa, hu jeħlishom mill-​jasar tad-​dnub u l-​mewt. Fis-​sena 1919 hu ħeles lil ħut Ġesù mill-​jasar spiritwali. U fil-​gwerra t’Armageddon li riesqa bl-​għaġla, hu se jeħles lil kotra kbira taʼ bnedmin leali mill-​qerda li se tiġi fuq il-​midinbin.

31. Il-​Kristjani kif għandhom jirreaġixxu għall-​fatt li jistgħu jgawdu r-​rieda tajba t’Alla?

31 Għalhekk, xi privileġġ dan li nistgħu ngawdu r-​rieda tajba t’Alla! Jalla lkoll kemm aħna nużaw b’mod għaqli dan iż-​żmien aċċettabbli. U jalla naġixxu f’armonija maʼ l-​urġenza taʼ żminijietna, billi nagħtu kas il-​kliem taʼ Pawlu lir-​Rumani: “Intom tafu f’liema żmien qegħdin. Waslet is-​siegħa li intom tqumu min-​ngħas; għax is-​salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu. Il-​lejl għoddu għadda, u qorob il-​jum. Inwarrbu mela l-​għemil tad-​dlam u nilbsu l-​armi tad-​dawl. Ngħixu kif jixraq, bħal f’binhar; mhux bl-​ikel iż-​żejjed u s-​sokor, mhux biż-​żína u t-​tbahrid, mhux bil-​ġlied u l-​għira. Imma ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu u ħallukom mill-​ħsieb tal-​ġisem u l-​ġibdiet tiegħu.”—Rumani 13:11-14.

32. In-​nies t’Alla liema assiguranzi għandhom?

32 Jehovah se jkompli jiffavorixxi lil dawk li jagħtu kas il-​pariri tiegħu. Se jipprovdilhom is-​saħħa u l-​abbiltajiet meħtiġin biex iwettqu l-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba. (2 Korintin 4:7) Jehovah se juża lill-​qaddejja tiegħu bħalma juża lil Ġesù, il-​Mexxej tagħhom. Fommhom se jagħmilhulhom bħal “xabla misnuna” sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-​qlub tal-​ġwejdin bil-​messaġġ taʼ l-​aħbar tajba. (Mattew 28:19, 20) Hu se jipproteġi lin-​nies tiegħu “taħt id-​dell taʼ idu.” Bħal “vleġġa” tleqq, huma se jiġu misturin “fil-​barżakka tiegħu.” Tabilħaqq, Jehovah mhux se jabbandunah lill-​poplu tiegħu!—Salm 94:14; Isaija 49:2, 15.

[Nota taʼ taħt]

a “Peress li Satana bla dubju identifika lil Ġesù bħala l-​Iben t’Alla u bħala dak li kien profetizzat li se jisħaqlu rasu (Ġen 3:15), hu għamel kulma setaʼ biex jeqred lil Ġesù. Imma, meta ħabbar lil Marija dwar it-​tnissil taʼ Ġesù, l-​anġlu Gabrijel qalilha: ‘L-​Ispirtu s-​Santu jiġi fuqek, u l-​qawwa taʼ l-​Għoli tixħet id-​dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.’ (Lq 1:35) Jehovah pproteġa lil Ibnu. L-​attentati biex Ġesù jinqered meta kien għadu tarbija ma rnexxewx.”—Insight on the Scriptures, it-​2 Volum, paġna 868, pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 139]

Il-​Messija hu bħal “vleġġa” tleqq fil-​barżakka taʼ Jehovah

[Stampa f’paġna 141]

Il-​Messija kien u għadu “dawl għall-​ġnus”

[Stampa f’paġna 147]

L-​imħabba li għandu Alla għall-​poplu tiegħu hija akbar minn dik taʼ omm għat-​tarbija tagħha