‘Aqbżu bil-Ferħ għal Dejjem Minħabba f’Dak li Għad Noħloq Jien’
Kapitlu Sitta u Għoxrin
‘Aqbżu bil-Ferħ għal Dejjem Minħabba f’Dak li Għad Noħloq Jien’
1. Liema kliem rassiguranti kien miktub mill-appostlu Pietru, u liema mistoqsija tqum?
QATT se narawh it-tmiem taʼ l-inġustizzji u s-sofferenzi? Iktar minn 1,900 sena ilu, l-appostlu Pietru kiteb dan il-kliem rassiguranti: “Aħna, skond il-wegħda [t’Alla], nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Pietru, flimkien maʼ ħafna qaddejja leali oħrajn t’Alla matul is-sekli, ħares ’il quddiem lejn il-jum grandjuż meta mhux se jkun hawn iktar ksur tal-liġi, moħqrija, u vjolenza, imma se jiddominaw il-ġustizzja u t-tjieba. Nistgħu aħna nkunu ċerti li se titwettaq din il-wegħda?
2. Liema profeta tkellem dwar “smewwiet ġodda u art ġdida,” u kemm-il twettiq għandha din il-profezija antika?
2 Iva, nistgħu! Meta tkellem dwar “smewwiet ġodda u art ġdida,” Pietru ma kienx qed jintroduċi xi idea ġdida. Madwar 800 sena qabel, Jehovah lissen kliem simili permezz tal-profeta Isaija. Din il-wegħda li tlissnet iktar kmieni twettqet fuq skala żgħira fis-sena 537 Q.E.K. meta l-Lhud ġew meħlusin mill-jasar f’Babilonja, u b’hekk setgħu jirritornaw lejn arthom. Imma l-profezija taʼ Isaija qed titwettaq b’mod grandjuż illum ukoll, u aħna nħarsu ’l quddiem lejn twettiq saħansitra iktar kommoventi fid-dinja l-ġdida t’Alla li ġejja. Tabilħaqq, din il-profezija li tqawwi l-qalb mogħtija permezz taʼ Isaija tagħtina ħjiel tal-barkiet li Alla għandu maħżunin għal dawk li jħobbuh.
Jehovah Jiftaħ Idejh lil ‘Poplu Rasu Iebsa’
3. Liema mistoqsija titwieġeb għalina f’Isaija kapitlu 65?
3 Ftakar li f’Isaija 63:15–64:11 [63:15–64:12, NW] insibu t-talba profetika taʼ Isaija għan-nom taʼ l-eżiljati Lhud f’Babilonja. Bħalma jintwera ċar mill-kliem taʼ Isaija, ħafna Lhud m’humiex qegħdin iqimu lil Jehovah b’ruħhom kollha, imma xi wħud nidmu u daru lura lejh. Sejjer Jehovah jistabbilixxi mill-ġdid lill-ġens minħabba dan il-fdal sogħbien? Ir-risposta nsibuha f’Isaija kapitlu 65. Imma qabel ma jlissen wegħda taʼ ħelsien għal dawk il-ftit li huma leali, Jehovah jiddeskrivi l-ġudizzju li hemm jistenna lil ħafna li m’għandhomx fidi.
4. (a) Kuntrarju għall-poplu ribelluż tiegħu, min se jfittex lil Jehovah? (b) L-appostlu Pawlu kif applikaha l-iskrittura taʼ Isaija 65:1, 2?
4 Jehovah baqaʼ jissaporti lill-poplu stinat u ribelluż tiegħu. Madankollu, se jasal iż-żmien meta se jabbandunahom f’idejn l-għedewwa tagħhom u b’qalb tajba jilqaʼ u jbierek lil oħrajn. Permezz taʼ Isaija, Jehovah jgħid: “Kont lest li jsibuni dawk li ma staqsewx għalija. Kont lest li jsibuni dawk li ma fittxewnix. Jiena għedt: ‘Hawn jien! Hawn jien!’ lil poplu li b’ismi ma sejjaħlix.” (Isaija 65:1) Hija osservazzjoni kerha dwar il-poplu f’patt maʼ Jehovah li dawk tal-ġnus se jiġu għandu filwaqt li n-nies rashom iebsa taʼ Ġuda in ġenerali se jirrifjutaw li jagħmlu dan. Isaija m’huwiex l-uniku profeta li bassar li Alla fl-aħħar mill-aħħar se jagħżel poplu li qabel ma kienx rikonoxxut Minnu. (Hosegħa 2:1; 2:25 [1:10; 2:23, NW]) L-appostlu Pawlu kkwota Isaija 65:1, 2 mis-Settanta biex juri li nies tal-ġnus kienu se jiksbu l-“ġustizzja li ġejja mill-fidi” avolja l-Lhud naturali rrifjutaw li jagħmlu dan.—Rumani 9:30; 10:20, 21.
5, 6. (a) Jehovah liema xewqa ħerqana wera, imma l-poplu tiegħu kif wieġeb? (b) X’nistgħu nitgħallmu minn kif Jehovah aġixxa maʼ Ġuda?
5 Jehovah jispjega għala se jippermetti li l-poplu tiegħu stess isofri l-gwaj: “Il-jum kollu ftaħt idejja lil poplu mxewwex u rasu iebsa; mxew fi triq mhux tajba, skond kapriċċihom.” (Isaija 65:2) Li wieħed jiftaħ idejh jindika stedina jew talba bil-ħrara. Jehovah ma fetaħx idejh għal perijodu qasir, imma l-jum kollu. Ix-xewqa taʼ qalbu hi li Ġuda tirritorna lejh. Madankollu, dan il-poplu rasu iebsa ma weġibx.
6 X’lezzjoni li tqawwi l-qalb nitgħallmu mill-kliem taʼ Jehovah! Iridna nersqu qrib tiegħu għaliex hu Alla li tistaʼ tersaq lejh. (Ġakbu 4:8) Dan il-kliem jurina wkoll li Jehovah hu umli. (Salm 113:5, 6) Wara kollox, hu jkompli jiftaħ idejh b’mod figurattiv, billi jitlob bil-ħrara lill-poplu tiegħu biex jirritorna minkejja l-fatt li r-ras iebsa tal-poplu għamlitu ‘mnikket.’ (Salm 78:40, 41) Huwa biss wara li kien ilu jistidinhom mill-qalb għal sekli sħaħ li fl-aħħarnett jabbandunahom f’idejn l-għedewwa tagħhom. Anki issa, hu ma jagħlqilhomx il-bieb f’wiċċhom lil individwi umlin li hemm fosthom.
7, 8. Il-poplu rasu iebsa taʼ Jehovah b’liema modi sfidah?
7 Il-Lhud rashom iebsa sfidawh ripetutament lil Jehovah bil-kondotta t’għajb tagħhom. Jehovah jiddeskrivi l-azzjonijiet offensivi tagħhom: “Poplu dejjem lest biex jinbixni f’wiċċi: joffru s-sagrifiċċji fil-ġonna, u jaħarqu l-inċens fuq ix-xaqquf. Imorru joqogħdu fl-oqbra, u jgħaddu l-lejl fil-moħbi. Jieklu laħam il-ħanżir, u brodu mniġġes fil-borom tagħhom. Mbagħad jgħidulek: ‘Oqgħod għalik! La tersaqx lejja, għax jien għalik qaddis.’ Dawn il-ħwejjeġ duħħan fi mnifsejja, nar imkebbes il-jum kollu.” (Isaija 65:3-5) Dawn it-taparsi nies devoti qegħdin joffendu lil Jehovah ‘f’wiċċu’—espressjoni li tistaʼ timplika li kienu insolenti u bla rispett. Ma jagħmlu ebda sforz biex jaħbu l-atti taʼ stmerrija tagħhom. M’huwiex taʼ min jikkundannah b’mod speċjali l-fatt li d-dnubiet isiru fil-preżenza taʼ Dak li għandu jiġi onorat u obdut?
8 Fil-fatt, dawn il-midinbin li huma twajbin f’għajnejhom stess qegħdin jgħidu lil Lhud oħrajn: ‘Tersaqx lejja, għax jien qaddis iktar minnek.’ X’ipokrisija! Dawn l-uħud “devoti” qegħdin joffru s-sagrifiċċji u jaħarqu l-inċens lill-allat foloz, affarijiet li huma kundannati mil-Liġi t’Alla. (Eżodu 20:2-6) Qegħdin bil-qiegħda qalb l-oqbra, u dan jagħmilhom imniġġsin skond il-Liġi. (Numri 19:14-16) Qegħdin jieklu l-laħam tal-ħanżir, ikel imniġġes. a (Levitiku 11:7) Madankollu, l-attivitajiet reliġjużi tagħhom iġagħluhom iħossuhom li huma iktar qaddisin minn Lhud oħrajn, u jridu li nies oħrajn ma jersqux lejhom sabiex dawn ma jitqaddsux, biex ngħidu hekk, jew jindafu, billi sempliċement jassoċjaw magħhom. Madankollu, dan assolutament m’huwiex kif dak Alla li jesiġi “devozzjoni esklużiva” jħares lejn l-affarijiet!—Dewteronomju 4:24, NW.
9. Jehovah kif iqishom lill-midinbin li huma twajbin f’għajnejhom stess?
9 Minflok ma jqis lil dawn l-uħud, li huma twajbin f’għajnejhom stess, bħala li huma qaddisin, Jehovah jgħid: “Dawn il-ħwejjeġ duħħan fi mnifsejja.” Il-kelma Ebrajka għal “imnieħer” jew “imnifsejn” spiss tintuża b’mod figurattiv għar-rabja. Id-duħħan ukoll huwa assoċjat mar-rabja taħraq taʼ Jehovah. (Dewteronomju 29:19 [29:20, NW]) L-idolatrija moqżieża li waqaʼ fiha l-poplu tiegħu qanqlet ir-rabja taħraq taʼ Jehovah.
10. Jehovah kif se jħallashom lil dawk f’Ġuda għad-dnubiet tagħhom?
10 Fil-ġustizzja tiegħu, Jehovah ma jistax ma jikkastigax lil dawn li qed jidinbu għax iridu. Jikteb Isaija: “Araw, dan kollu miktub quddiemi: ‘Ma niskotx, jien inħallas, u nħallashom f’ħoġorhom, għal ħżunithom u ħżunit missirijiethom,’ jgħid il-Mulej. ‘Ħarqu l-inċens fuq il-muntanji u żebilħuni fuq l-għoljiet. Għalhekk jien inkejjel ħlashom, u f’ħoġorhom inroddulhom.’” (Isaija 65:6, 7) Billi ħadu sehem fil-qima falza, dawn il-Lhud ġabu tmaqdir fuq Jehovah. Il-qima taʼ dak Alla veru għamluha tidher li mhix aħjar minn dik tal-ġnus taʼ madwarhom. “Għal ħżunithom,” li tinkludi l-idolatrija u l-ispiritiżmu, Jehovah se jħallashom “f’ħoġorhom.” L-espressjoni “ħoġor” b’mod evidenti tirreferi għal fardal fil-libsa taʼ fuq li kien jittellaʼ u jservi taʼ borża fejn il-bejjiegħa setgħu jferrgħu ammont imkejjel taʼ xi prodott. (Luqa 6:38) Għal-Lhud li huma apostati, it-tifsira hija ċara—Jehovah se jkejlilhom “ħlashom,” jew il-kastig tagħhom. Dak Alla taʼ ġustizzja se jagħtihom li ħaqqhom. (Salm 79:12; Ġeremija 32:18) Ladarba Jehovah ma jinbidilx, aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li fiż-żmien stabbilit minnu, hu se jħallas b’mod simili lil din is-sistema t’affarijiet mill-agħar.—Malakija 3:6.
“Minħabba l-Qaddejja Tiegħi”
11. Jehovah kif jindika li se jsalva lil fdal leali?
11 Se juri Jehovah ħniena maʼ wħud leali fost il-poplu tiegħu? Jispjega Isaija: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Bħalma wieħed isib l-inbid f’għanqud, u jgħid: “La teqirdux, hemm il-barka fih,” hekk nagħmel jiena minħabba l-qaddejja tiegħi, biex ma neqridhomx ilkoll. Jien noħroġ nisel minn Ġakobb, u minn Ġuda werriet tal-muntanji tiegħi. Jirtuhom il-maħturin tiegħi, u l-qaddejja tiegħi jgħammru hemm.’” (Isaija 65:8, 9) Meta jqabbel lin-nies tiegħu m’għanqud għeneb, Jehovah juża tixbiha li huma jistgħu jifhmuha mill-ewwel. Hemm ħafna u ħafna għeneb fil-pajjiż, u l-inbid li jsir mill-għeneb huwa barka għall-bnedmin. (Salm 104:15) Ix-xbieha li tingħata tistaʼ tkun dik t’għanqud li ftit mill-għeneb li fih huwa tajjeb, imma mhux kollu. Jew l-idea tistaʼ tkun li għanqud wieħed huwa tajjeb, waqt li għenieqed oħrajn għadhom ma sarux jew huma mħassrin. Hu x’inhu l-każ, dak li jieħu ħsieb id-dwieli mhux se jarmi l-għeneb it-tajjeb. Jehovah b’hekk jassigura lill-poplu tiegħu li mhux se jeqred lill-ġens għalkollox imma se jħalli fdal leali. Hu jgħid li dan il-fdal favorit se jippossiedi l-“muntanji” tiegħu, jiġifieri, lil Ġerusalemm u l-pajjiż taʼ Ġuda, l-art mimlija għoljiet li Jehovah kiseb għalih.
12. Liema barkiet hemm jistennew lill-fdal leali?
12 Liema barkiet hemm jistennew lil dan il-fdal leali? Jispjega Jehovah: “U jkun Saron mergħa għall-imrieħel, u l-wied taʼ Għakor mistrieħ għall-baqar, għall-poplu tiegħi li jfittixni.” (Isaija 65:10) L-imrieħel għandhom irwol importanti fil-ħajja taʼ ħafna Lhud, u mergħat abbundanti jgħinu biex ikun hemm ir-riżq fi żminijiet taʼ sliem. Jehovah jirreferi għal żewġ estremitajiet tal-pajjiż sabiex jagħti stampa taʼ sliem u riżq. Lejn il-punent, il-Witja taʼ Saron, magħrufa għall-ġmiel u l-fertilità tagħha, testendi tul il-Kosta tal-Mediterran. Il-Wied taʼ Għakor jifforma parti mill-fruntiera fil-grigal tal-pajjiż. (Ġożwè 15:7) Matul l-eżilju li ġej, dawn l-inħawi se jkunu ħerba, flimkien mal-bqija tal-pajjiż. Madankollu, Jehovah jwiegħed li wara l-eżilju dawn se jsiru mergħat mill-isbaħ għall-fdal li jirritorna.—Isaija 35:2; Hosegħa 2:17 [2:15, NW].
Jafdaw fl-“Alla tal-Fortuna”
13, 14. Liema prattiċi juru li n-nies t’Alla telquh, u x’se jiġrilhom b’riżultat taʼ dan?
13 Il-profezija taʼ Isaija issa ddur fuq dawk li telqu lil Jehovah u baqgħu fl-idolatrija. Din tgħid: “Imma intom li tlaqtu lill-Mulej, li nsejtu l-għolja mqaddsa tiegħi, li lestejtu mejda għal Gad [jew, l-alla tal-fortuna], u mlejtu l-inbid għal Meni [jew, l-alla tad-destin].” (Isaija 65:11) b Billi lestew mejda bl-ikel u x-xorb quddiem “l-alla tal-fortuna” u “l-alla tad-destin,” dawn il-Lhud li tbiegħdu mill-fidi waqgħu fil-prattiċi idolatrużi tal-ġnus pagani. c X’se jiġrilhom dawk li jafdaw b’għajnejhom magħluqin f’dawn l-allat?
14 Jehovah jwissihom bla tlaqliq: “Jien għax-xabla kkundannajtkom, u lkoll kemm intom tmilu għall-qatla. Għax jien sejjaħtilkom, u intom ma weġibtux; tkellimt, u ma smajtux. Għamiltu l-ħażin f’għajnejja, u għażiltu dak li ma jogħġobnix.” (Isaija 65:12) Fl-Ebrajk oriġinali, l-isem taʼ l-alla tad-destin jistaʼ jfisser xi ħaġa oħra. Jehovah juża din it-tifsira biex jgħid lil dawk li qegħdin iqimu lil dan l-alla falz li se jkunu destinati għax-xabla, jiġifieri, se jieħdu l-qerda. Jehovah kemm-il darba talabhom biex jindmu lil dawn in-nies permezz tal-profeti tiegħu, imma huma injorawh u b’ras iebsa għażlu li jagħmlu dak li jafu li huwa ħażin f’għajnejh. X’nuqqas taʼ rispett juru lejn Alla! Bi twettiq tat-twissija t’Alla, il-ġens se jsofri katastrofi kbira fis-sena 607 Q.E.K. meta Jehovah jippermetti li l-Babiloniżi jeqirdu lil Ġerusalemm u t-tempju tagħha. F’dak iż-żmien “alla tal-fortuna” mhux se jirnexxilu jipproteġi lil dawk li huma devoti lejh f’Ġuda u f’Ġerusalemm.—2 Kronaki 36:17.
15. Illum il-Kristjani veri b’liema mod jagħtu kas it-twissija li nsibu f’Isaija 65:11, 12?
15 Illum il-Kristjani veri jagħtu kas it-twissija li nsibu f’Isaija 65:11, 12. Huma ma jemmnux bil-“fortuna,” bħallikieku kienet xi tip taʼ qawwa soprannaturali li kapaċi tiffavorihom. Billi jirrifjutaw li jberbqu l-ġid materjali tagħhom biex jipprovaw jikkuntentaw lill-“alla tal-fortuna,” huma jevitaw kull xorta taʼ logħob taʼ l-ażżard. Huma konvinti li dawk li jiddedikaw ruħhom lil dan l-alla eventwalment se jitilfu kollox, għax lil dawn Jehovah jgħidilhom: “Jien għax-xabla kkundannajtkom.”
“Araw, il-Qaddejja Tiegħi Jifirħu”
16. Jehovah b’liema modi se jbierek lill-qaddejja leali tiegħu, imma x’se jiġrilhom dawk li abbandunawh?
16 Waqt li ċċanfar lil dawk li abbandunaw lil Jehovah, il-profezija tiddeskrivi s-sehem oppost li hemm jistenna lil dawk li jqimu lil Alla bis-sinċerità u lil dawk li jqimuh b’ipokrisija: “Dan jgħid Sidi l-Mulej: ‘Araw, il-qaddejja tiegħi jieklu, imma intom tkunu bil-ġuħ; araw, il-qaddejja tiegħi jixorbu, imma intom tkunu bl-għatx; araw, il-qaddejja tiegħi jifirħu, imma intom tistħu; araw, il-qaddejja tiegħi jgħannu bl-hena taʼ qalbhom, imma intom tgħajjtu bin-niket taʼ qalbkom, u tixhru bid-diqa taʼ ruħkom.’” (Isaija 65:13, 14) Jehovah se jberikhom lill-qaddejja leali tiegħu. Dawn se jibdew jgħajtu, bi qlubhom imfawrin bil-ferħ. L-ikel, ix-xorb, u l-hena huma termini li jissinjifikaw li Jehovah se jissodisfa b’mod abbundanti l-ħtiġijiet taʼ l-adoraturi tiegħu. B’kuntrast, dawk li għażlu li jabbandunaw lil Jehovah se jkunu bil-ġuħ u bl-għatx spiritwalment. Il-ħtiġijiet tagħhom m’humiex se jiġu provduti. Huma se jgħajtu u jixhru minħabba d-diqa u n-niket li se jiġu fuqhom.
17. In-nies t’Alla llum għala għandhom għalfejn jgħajtu bil-ferħ?
17 Il-kliem taʼ Jehovah jiddeskrivi tajjeb il-kundizzjoni spiritwali llum taʼ dawk li bil-kliem isostnu li qed jaqdu lil Alla. Madankollu, waqt li l-miljuni taʼ nies fil-Kristjaneżmu jsofru minħabba d-diqa u n-niket, l-adoraturi taʼ Jehovah jgħajtu bil-ferħ, u għandhom għalfejn jithennew. Huma mitmugħin tajjeb spiritwalment. Jehovah jipprovdilhom provvista abbundanti taʼ ikel spiritwali permezz taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja u permezz tal-laqgħat Kristjani. Verament, il-veritajiet li jibnuna u l-wegħdi li jfarrġuna tal-Kelma t’Alla jagħtuna ‘l-hena f’qalbna’!
18. X’se jibqaʼ minn dawk li abbandunaw lil Jehovah, u x’jistaʼ jfisser il-fatt li isimhom jintuża f’xi ħalfa?
18 Jehovah jkompli jindirizza lil dawk li abbandunawh: “L-isem li tħallu jisħtu bih il-magħżulin tiegħi: ‘Ħa joqtlok Sidi l-Mulej.’ Imma l-qaddejja tiegħi b’isem ieħor jissejjħu. Min jitbierek fuq l-art, jitbierek b’Alla tal-verità, u b’Alla tas-sewwa jaħlef min jaħlef fuq l-art, għax it-taħbit taʼ qabel għadda, u għab minn quddiemi.” (Isaija 65:15, 16) Kulma se jibqaʼ minn dawk li abbandunaw lil Jehovah huwa isimhom, li se jintuża biss f’xi ħalfa, jew saħta. Dan jistaʼ jfisser li dawk li jixtiequ jintrabtu b’mod solenni permezz taʼ ħalfa, fil-fatt, se jgħidu: ‘Jekk ma nwettaqx din il-wegħda, ħallini nġarrab il-kastig li rċivew dawk l-apostati.’ Jistaʼ jfisser ukoll li isimhom se jintuża b’tixbiha, bħal Sodoma u Gomorra, bħala simbolu tal-kastig t’Alla fuq dawk li huma mill-agħar.
19. Il-qaddejja t’Alla kif se jissejħu b’isem ieħor, u għala se jkollhom fiduċja f’dak Alla taʼ fedeltà? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)
19 Kemm se jkun differenti s-sehem tal-qaddejja t’Alla! Se jissejħu b’isem ieħor. Dan jissinjifika l-kundizzjoni mbierka u l-unur li se jgawdu meta jkunu lura f’arthom. M’humiex se jfittxu barka mingħand xi alla falz jew jaħilfu b’xi idolu bla ħajja. Pjuttost, meta jitbierku jew jaħilfu xi ħalfa, dan se jagħmluh b’dak Alla taʼ fedeltà. (Isaija 65:16; ara n-nota taʼ taħt fin-NW.) L-abitanti tal-pajjiż se jkollhom raġun jesprimu fiduċja sħiħa f’Alla, għax hu se jkun wera li jżomm il-wegħdi tiegħu. d Wara li jsibu ruħhom fis-sigurtà f’arthom, il-Lhud se jinsewh malajr in-niket li kellhom qabel.
“Arani, Se Noħloq Smewwiet Ġodda u Art Ġdida”
20. Il-wegħda taʼ Jehovah dwar “smewwiet ġodda u art ġdida” kif twettqet fis-sena 537 Q.E.K.?
20 Jehovah issa jżid mal-wegħda tiegħu li jerġaʼ jagħti l-ħajja lill-membri taʼ fdal niedem wara li jirritornaw mill-eżilju f’Babilonja. Permezz taʼ Isaija, Jehovah jgħid: “Arani, se noħloq smewwiet ġodda u art ġdida. Ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi, f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.” (Isaija 65:17) Il-wegħda taʼ tiġdid mingħand Jehovah żgur li se titwettaq, u għalhekk hu jitkellem dwar dan it-tiġdid fil-futur bħallikieku diġà qed iseħħ. Din il-profezija twettqet l-ewwel darba fis-sena 537 Q.E.K. meta l-fdal Lhudi ttieħed lura lejn Ġerusalemm. F’dak iż-żmien, is-“smewwiet ġodda” minn xiex kienu fformati? Mill-kariga taʼ Żerubbabel bħala gvernatur li kienet appoġġata mill-Qassis il-Kbir Ġożwè u ċentrata f’Ġerusalemm. Il-fdal Lhudi li mar lura fforma “art ġdida,” soċjetà mnaddfa li ssottomettiet ruħha għal din il-ħakma u għenet biex il-qima safja tiġi stabbilita mill-ġdid fil-pajjiż. (Esdra 5:1, 2) Il-ferħ taʼ dan it-tiġdid taffielhom is-sofferenza kollha li kienu għaddew minnha; in-niket taʼ qabel lanqas biss ftakruh iżjed.—Salm 126:1, 2.
21. Liema smewwiet ġodda bdew jeżistu fl-1914?
21 Madankollu, ftakar li Pietru tenna l-profezija taʼ Isaija u wera li din kellha twettiq fil-futur. Kiteb l-appostlu: “Aħna, skond il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Fl-1914 bdew jeżistu s-smewwiet ġodda li kien ilhom ħafna mistennijin. Is-Saltna Messjanika li twieldet dik is-sena qed taħkem mis-sema, u Jehovah taha l-awtorità fuq l-art kollha. (Salm 2:6-8) Dan il-gvern tas-Saltna, taħt Kristu u l-144,000 li jaħkmu miegħu, huwa s-smewwiet ġodda.—Apokalissi 14:1.
22. Min se jifforma l-art ġdida, u n-nies kif qegħdin jitħejjew saħansitra minn issa biex isiru ċ-ċentru taʼ dan l-arranġament?
22 Xi ngħidu għall-art ġdida? Fuq il-mudell tat-twettiq tal-qedem, l-art ġdida se tkun ifformata minn nies li jissottomettu ruħhom bil-ferħ għall-ħakma tal-gvern il-ġdid fis-sema. Saħansitra issa, miljuni taʼ individwi b’rieda tajba jissottomettu ruħhom għal dan il-gvern u jistinkaw biex isegwu l-liġijiet tiegħu kif jinstabu fil-Bibbja. Dawn l-individwi jiġu minn kull nazzjonalità, lingwa, u razza, u jaħdmu flimkien biex jaqdu lis-Sultan Ġesù Kristu li qed isaltan. (Mikea 4:1-4) Wara li tispiċċa din is-sistema t’affarijiet mill-agħar, dan il-grupp se jkun iċ-ċentru t’art ġdida li maż-żmien se tkun soċjetà taʼ bnedmin mad-dinja kollha li jibżgħu minn Alla u li se jirtu l-qasam taʼ l-art tas-Saltna t’Alla.—Mattew 25:34.
23. Liema tagħrif insibu fil-ktieb taʼ l-Apokalissi dwar “sema ġdid u art ġdida,” u din il-profezija kif se titwettaq?
23 Il-ktieb taʼ l-Apokalissi jiddeskrivi viżjoni li ra l-appostlu Ġwanni dwar il-jum li ġej taʼ Jehovah, meta din is-sistema t’affarijiet se titneħħa min-nofs. Imbagħad, Satana se jiġi mitfugħ fl-abbiss. (Apokalissi 19:11–20:3) Wara din id-deskrizzjoni, Ġwanni jtenni l-kliem profetiku taʼ Isaija, billi jikteb: “Rajt sema ġdid u art ġdida.” Il-versi taʼ wara fir-rakkont taʼ din il-viżjoni glorjuża jitkellmu dwar iż-żmien meta Alla Jehovah se jbiddel mill-għeruq il-kundizzjonijiet fuq din l-art għall-aħjar. (Apokalissi 21:1, 3-5) Jidher ċar li l-wegħda taʼ Isaija dwar “smewwiet ġodda u art ġdida” se jkollha twettiq meraviljuż fid-dinja l-ġdida t’Alla! Taħt il-gvern tas-smewwiet ġodda se jkun hemm soċjetà ġdida fuq l-art li se tgawdi ġenna li hi kemm spiritwali u kemm letterali. Taʼ faraġ tabilħaqq hija l-wegħda li “ma jitfakkarx iżjed l-imgħoddi [il-mard, is-sofferenza, u l-ħafna gwajijiet oħrajn li jiffaċċja l-bniedem], f’moħħ ħadd aktar ma jiġi.” Ikun x’ikun li niftakru f’dak iż-żmien, dan mhux se jikkaġunalna n-niket profond jew l-uġigħ li issa jtaqqal il-qlub taʼ ħafna.
24. Jehovah għala se jithenna bit-tiġdid taʼ Ġerusalemm, u x’mhux se jinstemaʼ iktar fit-toroq taʼ din il-belt?
24 Tkompli l-profezija taʼ Isaija: “Għad jifirħu u jaqbżu bil-ferħ għal dejjem, minħabba f’dak li għad noħloq jien. Arani, se noħloq Ġerusalemm għall-hena, il-poplu tagħha għall-ferħ. Jien nifraħ b’Ġerusalemm u nitgħaxxaq bil-poplu tiegħi, ma jinstemax aktar fiha leħen il-biki, lanqas leħen in-niket.” (Isaija 65:18, 19) Mhux il-Lhud biss se jithennew minħabba li jittieħdu lura lejn arthom imma Alla nnifsu wkoll se jithenna, għax lil Ġerusalemm se jsebbaħha, se jagħmilha mill-ġdid iċ-ċentru tal-qima vera fuq l-art. Mhux se jinstemaʼ iktar il-ħoss tal-biki minħabba l-gwaj, li kien jinstemaʼ għal għaxriet taʼ snin qabel fit-toroq taʼ din il-belt.
25, 26. (a) Fi żmienna, Jehovah kif joħloq lil Ġerusalemm “għall-hena”? (b) Jehovah kif se jużaha lil Ġerusalemm il-ġdida, u llum għala nistgħu ntiru bil-ferħ?
25 Illum, ukoll, Jehovah joħloq lil Ġerusalemm “għall-hena.” Kif? Bħalma rajna diġà, is-smewwiet ġodda li bdew jeżistu fl-1914, maż-żmien se jkunu jinkludu 144,000 ruħ, ħakkiema bi sħab maʼ Kristu, li għandhom sehem miegħu fil-gvern tas-sema. Dawn huma deskritti b’mod profetiku bħala “Ġerusalemm il-ġdida.” (Apokalissi 21:2) Huwa f’konnessjoni maʼ Ġerusalemm il-ġdida li Alla jgħid: “Arani, se noħloq Ġerusalemm għall-hena, il-poplu tagħha għall-ferħ.” Ġerusalemm il-ġdida se tintuża minn Alla biex tferraʼ barkiet bla għadd fuq il-bnedmin ubbidjenti. Mhux se jinstemaʼ iktar il-ħoss tal-biki jew tan-niket, għax Jehovah se jissodisfa ‘dak li tixtieq qalbna.’—Salm 37:3, 4.
26 Verament, illum għandna għalfejn intiru bil-ferħ! Dalwaqt Jehovah se jqaddes l-isem famuż tiegħu billi jeqred lil kulmin jopponih. (Salm 83:18, 19 [83:17, 18, NW]) Imbagħad is-smewwiet ġodda se jkollhom kontroll sħiħ. X’raġunijiet meraviljużi huma dawn biex nithennew u nifirħu għal dejjem b’dak li qed joħloq Alla!
Il-Wegħda taʼ Futur fis-Sigurtà
27. Isaija b’liema mod jiddeskriviha s-sigurtà li se titgawda mil-Lhud li jirritornaw lejn arthom?
27 Fl-ewwel twettiq, kif se tkun il-ħajja taħt is-smewwiet ġodda għal-Lhud li jirritornaw? Jgħid Jehovah: “Ma jkunx hemm iżjed fiha tarbija li tgħix ftit jiem, lanqas xiħ li ma jimteliex bl-għomor. Għax iż-żagħżugħ imut taʼ mitt sena, u taʼ mitt sena jkun il-midneb meta jieħu l-kastig.” (Isaija 65:20) Xi stampa mill-isbaħ tas-sigurtà li se titgawda mill-eżiljati li jirritornaw f’arthom meta tiġi stabbilita mill-ġdid! Il-mewt qabel il-waqt mhix se tieħu taħt dufrejha lil xi tarbija tat-twelid, li jkollha biss ftit jiem. Mewt bħal din lanqas ma se tieħu lil xi ħadd xiħ li jkun għadu ma għexx għomru kollu. e Kemm hu rassiguranti l-kliem taʼ Isaija għal-Lhud li se jirritornaw lejn Ġuda! Ladarba jsibu ruħhom fis-sigurtà f’pajjiżhom, mhux se jkollhom għalfejn jinkwetaw li l-għedewwa se jiħdulhom it-trabi jew joqtlulhom l-irġiel tagħhom.
28. X’nitgħallmu mill-kliem taʼ Jehovah dwar il-ħajja fid-dinja l-ġdida taħt is-Saltna tiegħu?
28 Il-kliem taʼ Jehovah x’jgħidilna dwar il-ħajja fid-dinja l-ġdida li ġejja? Taħt is-Saltna t’Alla, kull tifel u tifla se jkollhom il-prospett taʼ futur fis-sigurtà. Il-mewt qatt m’hi se tieħu taħt dufrejha lil xi bniedem fl-aqwa tiegħu li jkun jibżaʼ minn Alla. Għall-kuntrarju, il-bnedmin ubbidjenti se jkunu salvi, fis-sigurtà, jistgħu jgawdu l-ħajja. X’se jiġrilhom dawk li jagħżlu li jirribellaw kontra Alla? Se jitilfu l-privileġġ tal-ħajja. Anki jekk il-midneb ribelluż ikun “taʼ mitt sena,” dan xorta jmut. F’każ bħal dan, se jkun għadu “żagħżugħ” meta jitqabbel maʼ dak li setaʼ jsir—bniedem b’ħajja li ma tintemmx.
29. (a) In-nies ubbidjenti t’Alla liema ferħ se jkollhom fil-pajjiż taʼ Ġuda meta jiġi stabbilit mill-ġdid? (b) Is-siġar għala huma tixbiha xierqa taʼ ħajja twila? (Ara n-nota taʼ taħt.)
29 Jehovah jkompli jiddeskrivi l-kundizzjonijiet li se jiddominaw fil-pajjiż taʼ Ġuda meta jiġi stabbilit mill-ġdid: “Huma għad jibnu djarhom u jgħammru fihom, iħawwlu d-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux biex jgħammar ħaddieħor, u ma jħawwlux biex jiekol ħaddieħor; għax il-poplu tiegħi jgħix daqs kemm jgħixu s-siġar, u l-magħżulin tiegħi jistgħallu xogħol idejhom.” (Isaija 65:21, 22) Wara li jirritornaw lejn il-pajjiż taʼ Ġuda li jinsab ħerba u li bla dubju ma fihx djar u dwieli, in-nies ubbidjenti t’Alla se jkollhom il-ferħ li jgħixu fi djarhom stess u li jieklu l-frott tad-dwieli tagħhom stess. Alla se jbierek xogħolhom, u se jkollhom ħajjiet twal—bħall-jiem taʼ siġra—li fihom jistgħu jgawdu l-frott tal-ħidma tagħhom. f
30. Il-qaddejja taʼ Jehovah liema sitwazzjoni hienja jgawdu llum, u x’se jgawdu fid-dinja l-ġdida?
30 Fi żmienna, kien hemm twettiq taʼ din il-profezija. In-nies taʼ Jehovah ħarġu mill-eżilju spiritwali fl-1919 u bdew jistabbilixxu mill-ġdid lil ‘pajjiżhom,’ jew il-qasam t’attività u l-qima tagħhom. Huma bnew kongregazzjonijiet u kkultivaw il-frott spiritwali. B’riżultat taʼ dan, saħansitra issa n-nies taʼ Jehovah jgawdu ġenna spiritwali u sliem mingħand Alla. Aħna nistgħu nkunu ċerti li dan is-sliem se jkompli fil-Ġenna taʼ l-art letterali. Huwa impossibbli li nimmaġinaw eżatt dak li se jwettaq Jehovah bil-qlub u l-idejn ħerqanin taʼ l-adoraturi tiegħu fid-dinja l-ġdida. Kemm se tifraħ li tibni darek u mbagħad tgħix fiha! Taħt il-ħakma tas-Saltna, qatt ma se jonqos ix-xogħol li jagħti sodisfazzjon. Kemm se jkun premjanti li dejjem ‘idduq’ il-frott taʼ ħidmietek! (Koħèlet 3:13) Se jkollna aħna żmien biżżejjed biex ingawdu bis-sħiħ ix-xogħol taʼ idejna? Iva, tabilħaqq! Il-ħajjiet bla tmiem tal-bnedmin leali se jkunu “daqs kemm jgħixu s-siġar”—għal eluf taʼ snin, u iktar!
31, 32. (a) L-eżiljati li jirritornaw liema barkiet se jgawdu? (b) Fid-dinja l-ġdida, il-bnedmin leali liema prospett se jkollhom?
31 Jehovah jiddeskrivi iktar barkiet li hemm jistennew lill-eżiljati li jirritornaw: “Ma jitħabtux għal xejn u ma jildux tfal biex jinqerdu ħesrem, għax ikunu nisel imbierek mill-Mulej, u hekk ukoll uliedhom.” (Isaija 65:23) Dawn il-Lhud li jirritornaw se jkunu mberkin minn Jehovah, u għalhekk mhux se jitħabtu għalxejn. Il-ġenituri mhux se jildu tfal sempliċement biex dawn imutu qabel il-waqt. Dawk li kienu fl-eżilju mhux se jgawduhom waħedhom il-barkiet tat-tiġdid; nisilhom se jkun magħhom. Tant hu ħerqan Alla biex iwettaq il-ħtiġijiet tan-nies tiegħu li hu jwiegħed: “Qabel ma jsejjħuli, nwieġeb; nismagħhom, meta għadhom ikellmuni.”—Isaija 65:24.
32 Jehovah kif se jwettaqhom dawn il-wegħdi fid-dinja l-ġdida li ġejja? Irridu nistennew u naraw. Jehovah ma pprovdiex id-dettalji kollha, imma nistgħu nkunu ċerti li l-bnedmin leali qatt ma se jerġgħu ‘jitħabtu għal xejn.’ Il-kotra kbira taʼ wħud li jibqgħu ħajjin wara Armageddon u t-tfal kollha li jistgħu jitwildulhom se jkollhom il-prospett taʼ ħajja twila u sodisfaċenti—ħajja taʼ dejjem! Dawk li jiġu lura fl-irxoxt u li jagħżlu li jgħixu fi qbil mal-livelli t’Alla wkoll se jsibu l-ferħ fid-dinja l-ġdida. Jehovah se jismagħhom u jwieġeb għall-ħtiġijiet tagħhom, saħansitra qabel jitolbuh. Tabilħaqq, Jehovah se jiftaħ idu u jissodisfa ‘bil-ġid lil kulħadd.’—Salm 145:16.
33. Meta l-Lhud jirritornaw lejn arthom, l-annimali f’liema sens se jkunu fis-sliem?
33 Sa fejn se jaslu s-sliem u s-sigurtà mwegħdin? Jehovah jikkonkludi din is-silta mill-profezija: “‘Il-lupu u l-ħaruf jirgħu flimkien, l-iljun, bħall-barri, jiekol it-tiben, u t-trab ikun ikel is-serp. Ma jagħmlux deni u lanqas ħsara fuq l-għolja mqaddsa tiegħi kollha,’ jgħid il-Mulej.” (Isaija 65:25) Meta l-membri leali tal-fdal Lhudi jirritornaw lejn arthom, Jehovah se jieħu ħsiebhom. Fil-fatt, l-iljun se jiekol it-tiben bħall-barri, għax mhux se jagħmel ħsara lil-Lhud jew lill-annimali domestiċi tagħhom. Din il-wegħda hija ċerta għax tikkonkludi bil-kliem, “jgħid il-Mulej.” U kelmtu dejjem isseħħ!—Isaija 55:10, 11.
34. Kliem Jehovah liema twettiq kommoventi għandu llum u kif se jitwettaq fid-dinja l-ġdida?
34 Illum kliem Jehovah qed jitwettaq b’mod kommoventi fost l-adoraturi veri. Mill-1919 ’l hawn, Alla bierek il-pajjiż spiritwali tal-poplu tiegħu u bidlu f’ġenna spiritwali. Dawk li jidħlu f’din il-ġenna spiritwali jagħmlu bidliet taʼ l-għaġeb f’ħajjithom. (Efesin 4:22-24) Bl-għajnuna taʼ l-ispirtu t’Alla, individwi li darba kellhom personalità bħal taʼ bhima—forsi kienu jipprofittaw ruħhom minn bnedmin sħabhom jew b’xi mod għamluhom vittma tagħhom—jagħmlu progress billi jrażżnu l-karatteristiċi mhux mixtiqin li jkollhom. B’riżultat taʼ dan, huma jgawdu s-sliem u l-unità fil-qima maʼ sħabhom fit-twemmin. Il-barkiet li qegħdin jitgawdew issa min-nies taʼ Jehovah fil-ġenna spiritwali tagħhom se jkomplu jgawduhom fil-Ġenna taʼ l-art letterali, fejn is-sliem li jiddomina fost il-bnedmin se jkollu msieħeb miegħu s-sliem maʼ l-annimali. Nistgħu nkunu ċerti li fiż-żmien stabbilit minn Alla, l-inkarigu oriġinali li ta lill-bnedmin se jitwettaq b’mod xieraq: “Aħkmuha [l-art]; u saltnu fuq il-ħut tal-baħar u t-tajr taʼ l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art.”—Ġenesi 1:28.
35. Għala għandna għalfejn ‘naqbżu bil-ferħ għal dejjem’?
35 Kemm aħna grati għall-wegħda taʼ Jehovah li joħloq “smewwiet ġodda u art ġdida”! Din il-wegħda twettqet fis-sena 537 Q.E.K. u qed terġaʼ titwettaq illum. Dan it-twettiq doppju qed jiġbed l-attenzjoni tagħna lejn futur glorjuż għall-bnedmin ubbidjenti. Jehovah tana b’qalb tajba, permezz tal-profezija taʼ Isaija, ħjiel taʼ dak li għandu maħżun għal dawk li jħobbuh. Verament, għandna għalfejn nagħtu kas il-kliem taʼ Jehovah: ‘Aqbżu bil-ferħ għal dejjem minħabba f’dak li għad noħloq jien’!—Isaija 65:18.
[Noti taʼ taħt]
a Ħafna jaħsbu li dawn il-midinbin kienu qalb l-oqbra biex jipprovaw jikkomunikaw mal-mejtin. Il-fatt li kielu l-laħam tal-ħanżir setaʼ kien marbut mal-qima taʼ l-idoli.
b Ara n-nota taʼ taħt fil-Bibbja taʼ l-Għaqda Biblika.
c Meta jikkummenta fuq dan il-vers, Ġirolmu, traduttur tal-Bibbja mwieled fir-rabaʼ seklu E.K., jitkellem dwar drawwa antika ċelebrata mill-idolatri fl-aħħar jum taʼ l-aħħar xahar tas-sena tagħhom. Hu kiteb: “Kienu jarmaw mejda mimlija b’diversi tipi taʼ ikel u buqar imħallat b’inbid ħelu biex jiżguraw fortuna f’dik li hi fertilità jew għas-sena li tkun għaddiet jew għal dik li tkun ġejja.”
d Skond Isaija 65:16 fit-test Masoretiku Ebrajk, Jehovah hu “dak Alla taʼ l-Amen.” “Amen” tfisser “hekk ikun,” jew “dażgur,” u hi affermazzjoni jew garanzija li xi ħaġa hija vera jew żgur li se sseħħ. Billi jwettaq dak kollu li jwiegħed, Jehovah juri li dak li jgħid huwa minnu.
e Il-Bibbja taʼ Karm Żammit tittraduċih hekk Isaija 65:20: “Ma jkunx hemm aktar fiha tarbija li tgħix ftit jiem, u lanqas xiħ li ma jtemmx sninu.”
f Is-siġar huma tixbiha xierqa taʼ ħajja twila, għax fost l-affarijiet ħajjin li nafu bihom huma l-iktar li jdumu jeżistu. Per eżempju, siġra taż-żebbuġ tibqaʼ tipproduċi frott għal mijiet taʼ snin u tistaʼ tgħix sa elf sena.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 389]
Fid-dinja l-ġdida t’Alla, se jkollna żmien biżżejjed biex ingawdu x-xogħol taʼ idejna