Barranin Miġburin fid-Dar t’Alla għat-Talb
Kapitlu Sbatax
Barranin Miġburin fid-Dar t’Alla għat-Talb
1, 2. Liema aħbar kommoventi ngħatat fl-1935, u din kienet parti minn liema ħaġa?
NHAR il-Ġimgħa, 31 taʼ Mejju, 1935, Joseph F. Rutherford indirizza lil folla li kienet miġbura f’konvenzjoni li saret f’Washington, D.C. Hu ddiskuta l-identità tal-“folla kbira,” jew “kotra kbira,” li l-appostlu Ġwanni ra fil-viżjoni. Fil-quċċata tat-taħdita tiegħu, Ħuna Rutherford staqsa: “Jistgħu jekk jogħġobhom dawk kollha li għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art iqumu bil-wieqfa?” Skond wieħed minn dawk li kienu hemm, “iktar minn nofs l-udjenza qamet bil-wieqfa.” Imbagħad il-kelliemi qal: “Ara! Il-kotra kbira!” Waħda oħra li kienet preżenti tiftakar: “Għall-ewwel kien hemm is-skiet, imbagħad għajta taʼ ferħ, u ċ-ċapċip kien qawwi ħafna u fit-tul.”—Rivelazzjoni 7:9; King James Version.
2 Dan kien mument storiku fit-twettiq, li għadu għaddej, taʼ profezija li nkitbet xi 2,700 sena qabel u li tidher fil-Bibbji tagħna bħala Isaija kapitlu 56. Bħalma huwa l-każ taʼ ħafna profeziji oħrajn fil-ktieb taʼ Isaija, din il-profezija fiha kemm wegħdi li jfarrġu kif ukoll twissijiet ibsin. Fl-ewwel applikar tagħha, tiġi indirizzata lill-poplu f’patt m’Alla taʼ żmien Isaija stess, imma t-twettiq tagħha jestendi matul is-sekli sa żmienna.
Dak li Hu Meħtieġ għas-Salvazzjoni
3. Jekk il-Lhud ifittxu s-salvazzjoni mingħand Alla, x’iridu jagħmlu?
3 Isaija kapitlu 56 jibda bi twissija lil-Lhud. Madankollu, l-adoraturi veri kollha għandhom jagħtu kas dak li jikteb il-profeta. Naqraw: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Żommu s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja, għax is-salvazzjoni tiegħi għoddha waslet, u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ. Hieni r-raġel li jagħmel dan, u l-bniedem li jżomm sħiħ fih, iħares is-Sibt u ma jiksrux, u jżomm idu ’l bogħod mill-għemil ħażin.’” (Isaija 56:1, 2) L-abitanti taʼ Ġuda li jfittxu s-salvazzjoni mingħand Alla jridu jobdu l-Liġi Mosajka, billi josservaw il-ġustizzja u jgħixu ħajja taʼ tjieba. Għala? Għaliex Jehovah nnifsu kollu tjieba. Dawk li jimxu fit-triq tat-tjieba jgawdu l-hena li jiġi milli jkollhom il-favur taʼ Jehovah.—Salm 144:15b.
4. Għala huwa importanti f’Iżrael li wieħed iħares is-Sabat?
4 Il-profezija tenfasizza li wieħed għandu jħares is-Sabat għaliex is-Sabat huwa karatteristika importanti tal-Liġi Mosajka. Tabilħaqq, waħda mir-raġunijiet għala l-abitanti taʼ Ġuda eventwalment imorru fl-eżilju hija l-fatt li ttraskuraw is-Sabat. (Levitiku 26:34, 35; 2 Kronaki 36:20, 21) Is-Sabat huwa sinjal tar-relazzjoni speċjali li teżisti bejn Jehovah u l-Lhud, u dawk li jħarsu s-Sabat juru li japprezzawha din ir-relazzjoni. (Eżodu 31:13) Iżjed minn hekk, li jħarsu s-Sabat kien se jfakkar lin-nies taʼ żmien Isaija li Jehovah hu l-Ħallieq. Kien ifakkarhom ukoll fil-ħniena li kien jurihom. (Eżodu 20:8-11; Dewteronomju 5:12-15) Fl-aħħarnett, li jħarsu s-Sabat kien se jipprovdi arranġament regulari u organizzat f’dik li hi qima lejn Jehovah. Il-fatt li jistrieħu darba fil-ġimgħa mix-xogħol regulari tagħhom kien se jagħti opportunità lill-abitanti taʼ Ġuda biex jitolbu, jistudjaw, u jimmeditaw.
5. Fil-prinċipju, il-Kristjani kif jistgħu japplikaw il-parir biex iħarsu s-Sabat?
5 Iżda, xi ngħidu għall-Kristjani? Japplika għalihom l-inkuraġġiment li jħarsu s-Sabat? Mhux direttament, ladarba l-Kristjani m’humiex taħt il-Liġi, u għalhekk m’humiex obbligati li jħarsu s-Sabat. (Kolossin 2:16, 17) Xorta waħda, l-appostlu Pawlu spjega li hemm “mistrieħ tas-Sibt” għall-Kristjani leali. Dan il-“mistrieħ tas-Sibt” jinvolvi li l-individwu juri fidi fis-sagrifiċċju li Ġesù ħallas bħala prezz tal-fidwa għas-salvazzjoni u li ma jibqax jistrieħ fuq l-opri biss. (Lhud 4:6-10) Għaldaqstant, il-kliem tal-profezija taʼ Isaija rigward is-Sabat ifakkar lill-qaddejja taʼ Jehovah llum kemm huwa vitali li jkollhom fidi fl-arranġament t’Alla għas-salvazzjoni. Ifakkarhom ukoll kemm għandhom bżonn jikkultivaw relazzjoni mill-qrib maʼ Jehovah u li jkunu regulari u konsistenti fil-qima tagħhom.
Faraġ għall-Barrani u għall-Ewnuku
6. Liema żewġ gruppi issa jingħataw l-attenzjoni?
6 Jehovah issa jindirizza lil żewġ gruppi li jridu jaqduh imma li taħt il-Liġi Mosajka jinżammu milli jidħlu fil-kongregazzjoni Lhudija. Naqraw: “[Ħa] ma jgħidx il-frustier li jintrabat mal-Mulej: ‘Se jifridni l-Mulej mill-poplu tiegħu.’ Ma jgħidx l-ewnuku: ‘Arawni, jiena siġra niexfa!’” (Isaija 56:3) Il-frustier, jew il-barrani, qed jibżaʼ li se jinqataʼ minn maʼ Iżrael. L-ewnuku huwa mħasseb għaliex qatt ma se jkollu tfal biex ismu jibqaʼ jissemma. Iż-żewġ gruppi għandhom irabbu l-kuraġġ. Qabel ma naraw għala, ejja nikkunsidraw x’inhi l-pożizzjoni tagħhom taħt il-Liġi f’relazzjoni mal-ġens taʼ Iżrael.
7. Il-Liġi liema limiti tpoġġi fuq il-barranin f’Iżrael?
7 Il-barranin mhux ċirkonċiżi ma jistgħux jieħdu sehem fil-qima maʼ Iżrael. Per eżempju, ma jitħallewx jieklu mill-ħaruf tal-Qbiż. (Eżodu 12:43) Il-barranin li ma jiksrux il-liġijiet tal-pajjiż bħallikieku bi sfida jgawdu l-ġustizzja u l-ospitalità, imma m’għandhomx rabtiet permanenti mal-ġens. M’għandniex xi ngħidu, xi wħud iħaddnu l-Liġi bis-sħiħ, u bħala sinjal taʼ dan, l-irġiel isiru ċirkonċiżi. B’hekk isiru proseliti bil-privileġġ li jqimu fil-bitħa tad-dar taʼ Jehovah u jitqiesu bħala parti mill-kongregazzjoni taʼ Iżrael. (Levitiku 17:10-14; 20:2; 24:22) Madankollu, anki l-proseliti ma jipparteċipawx bis-sħiħ fil-patt taʼ Jehovah maʼ Iżrael, u m’għandhomx wirt fl-Art Imwiegħda. Barranin oħrajn jistgħu jduru lejn it-tempju biex jitolbu, u milli jidher jistgħu joffru sagrifiċċji permezz tas-saċerdozju sakemm is-sagrifiċċji jkunu jaqblu mal-Liġi. (Levitiku 22:25; 1 Slaten 8:41-43) Imma l-Iżraelin m’għandhomx jassoċjaw mill-qrib magħhom.
L-Ewnuki Jirċievu Isem għal Dejjem
8. (a) Fil-Liġi, kif kienu jitqiesu l-ewnuki? (b) L-ewnuki kif kienu jintużaw fi ġnus pagani, u kultant il-kelma “ewnuku” għalxiex tistaʼ tirreferi?
8 L-ewnuki, anki jekk il-ġenituri tagħhom ikunu Lhud, jiġu miċħudin sħubija sħiħa mal-ġens taʼ Iżrael. a (Dewteronomju 23:2 [23:1, NW]) Fost xi ġnus pagani taʼ żminijiet Bibliċi, l-ewnuki kellhom post speċjali u kienet id-drawwa li ftit mit-tfal li jittieħdu fil-jasar fil-gwerra jiġu kastrati. L-ewnuki kienu jinħatru bħala uffiċjali fil-palazzi rjali. Ewnuku setaʼ jkun “inkarigat min-nisa,” “inkarigat mill-konkubini,” jew qaddej tas-sultana. (Ester 2:3, 12-15; 4:4-6, 9) M’hemm ebda evidenza li l-Iżraelin segwew dawn il-prattiċi jew li l-ewnuki kienu mfittxijin b’mod speċjali għal impjieg fis-servizz tas-slaten Iżraelin. b
9. Jehovah liema kliem taʼ konsolazzjoni jgħid lill-ewnuki fiżiċi?
9 Minbarra li jistgħu jieħdu sehem b’mod limitat biss fil-qima taʼ dak Alla veru, l-ewnuki fiżiċi f’Iżrael isofru umiljazzjoni kbira għax ma jistgħux ikollhom tfal biex l-isem tal-familja tagħhom jibqaʼ minn ġenerazzjoni għal oħra. Kemm hu taʼ faraġ, għalhekk, il-kliem li jmiss tal-profezija! Naqraw: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Għall-ewnuki li jħarsu Sibtijieti, u jagħżlu dak li jogħġob lili, u jżommu sħiħ fil-patt tiegħi, jiena nagħtihom f’dari u swari, nagħtihom monument u isem, xi ħaġa aħjar minn subjien u bniet; nagħtihom isem għal dejjem, li ma jitħassar qatt.’”—Isaija 56:4, 5.
10. Is-sitwazzjoni taʼ l-ewnuki meta nbidlet, u minn dakinhar ’l hawn liema privileġġ kien miftuħ għalihom?
10 Iva, se jasal iż-żmien meta li wieħed ikun saħansitra ewnuku fiżiku ma jitqiesx iktar bħala impediment biex jiġi aċċettat bis-sħiħ bħala l-qaddej taʼ Jehovah. Jekk ikunu ubbidjenti, l-ewnuki se jkollhom “monument,” jew post, fid-dar taʼ Jehovah u isem, aħjar minn ulied subien u bniet. Meta jseħħ dan? Mhux qabel ma jkun miet Ġesù Kristu. F’dak iż-żmien il-patt il-ġdid jieħu post il-patt il-qadim tal-Liġi, u l-“Iżrael taʼ Alla” jieħu post Iżrael tal-laħam. (Galatin 6:16) Minn dakinhar ’l hawn, dawk kollha li juru fidi setgħu jqimu lil Alla b’mod aċċettabbli. Id-distinzjonijiet bejn in-nies u l-kundizzjoni fiżika m’għadhomx jgħoddu. Dawk li jissaportu fedelment, hu x’inhu l-istat fiżiku tagħhom, se jkollhom “isem għal dejjem, li ma jitħassar qatt.” Jehovah mhux se jinsiehom. Ismijiethom se jkunu miktubin fi “ktieb it-tifkiriet” tiegħu. Fiż-żmien stabbilit minn Alla, dawn se jirċievu ħajja taʼ dejjem.—Malakija 3:16; Proverbji 22:1; 1 Ġwann 2:17.
Barranin Iqimu mal-Poplu t’Alla
11. Biex jirċievu l-barkiet, il-barranin x’inhuma inkuraġġiti jagħmlu?
11 Iżda, xi ngħidu għall-barranin? Il-profezija issa terġaʼ tirreferi għal dawn, u Jehovah għandu kliem taʼ faraġ kbir għalihom. Jikteb Isaija: “Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh, u biex iħobbu isem il-Mulej, u jkunu qaddejja tiegħu, kull min iħares is-Sibt u ma jiksrux u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi, lil dawn inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi, u nferraħhom f’dar it-talb tiegħi; il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom ikunu jogħġbuni telgħin minn fuq l-artal tiegħi, għax dari ‘dar it-talb’ tissejjaħ għall-popli kollha.”—Isaija 56:6, 7.
12. Kif kienu jifhmuha qabel il-profezija taʼ Ġesù dwar in-“nagħaġ oħra”?
12 Fi żmienna l-barranin bdew jidhru bil-mod il-mod. Qabel l-ewwel gwerra dinjija, kien mifhum li n-numru taʼ individwi li kienu se jirċievu s-salvazzjoni kien akbar min-numru taʼ dawk li kellhom it-tama li jaħkmu fis-sema maʼ Ġesù—dawk li llum nirrikonoxxuhom bħala l-Iżrael t’Alla. L-istudenti tal-Bibbja kienu konxji tal-kliem taʼ Ġesù li nsibu fi Ġwann 10:16: “Għandi wkoll nagħaġ oħra, li m’humiex minn dan il-maqjel; lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor, u huma jisimgħu leħni, u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed.” Kienu jifhmu li dawn in-“nagħaġ oħra” huma klassi taʼ l-art. Imma l-biċċa l-kbira mill-istudenti tal-Bibbja emmnu li n-nagħaġ oħra kienu se jidhru matul ir-Renju Millennjali taʼ Ġesù Kristu.
13. Għala ġie raġunat li n-nagħaġ taʼ Mattew kapitlu 25 iridu jidhru matul l-aħħar jiem taʼ din is-sistema t’affarijiet?
13 Maż-żmien, sar progress f’dik li hi fehma dwar skrittura relatata li titkellem dwar in-nagħaġ. F’Mattew kapitlu 25 insibu r-rakkont tal-parabbola taʼ Ġesù dwar in-nagħaġ u l-mogħoż. Skond din il-parabbola, in-nagħaġ jirċievu ħajja taʼ dejjem għaliex jappoġġaw lil ħut Ġesù. Għaldaqstant, huma klassi separata u distinta mill-aħwa midlukin taʼ Kristu. Fis-sena 1923, waqt konvenzjoni li saret f’Los Angeles, Kalifornja, fl-Istati Uniti taʼ l-Amerika, ġie spjegat li dawn in-nagħaġ iridu jidhru matul l-aħħar jiem taʼ din is-sistema t’affarijiet u mhux matul il-Millennju. Għala? Għaliex Ġesù ta l-parabbola bħala parti mit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsija: “Dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal tal-miġja tiegħek u taʼ tmiem id-dinja?”—Mattew 24:3.
14, 15. Kif sar il-progress f’dik li hi fehma dwar il-pożizzjoni tan-nagħaġ oħra fiż-żmien taʼ l-aħħar?
14 Matul is-snin 20 tas-seklu l-ieħor, xi individwi li kienu mseħbin maʼ l-Istudenti tal-Bibbja bdew iħossu li l-ispirtu taʼ Jehovah ma kienx qed jixhdilhom li kienu msejħin għas-sema. Madankollu, kienu qaddejja żelużi taʼ dak Alla l-Iktar Għoli. Fl-1931 il-pożizzjoni tagħhom kienet mifhuma aħjar meta ġie pubblikat il-ktieb Vindication. Bħala parti minn diskussjoni vers b’vers tal-ktieb Bibliku taʼ Eżekjel, il-ktieb Vindication spjega l-viżjoni tar-“raġel” li għandu l-qarn tal-linka biex jikteb. (Eżekjel 9:1-11) Dan “ir-raġel” jidher għaddej minn Ġerusalemm jimmarka fuq ġbinhom lil dawk li qegħdin jitniehdu u jitbikkew minħabba l-qżiżijiet kollha li qed isiru hemmhekk. “Ir-raġel” jirrappreżenta lil ħut Ġesù, il-membri tal-fdal tal-Kristjani midlukin li jkunu ħajjin fuq l-art matul iż-żmien taʼ ġudizzju fuq il-Kristjaneżmu, li hu ffigurat minn Ġerusalemm. Dawk li jiġu mmarkati huma n-nagħaġ oħra li jkunu ħajjin matul dan iż-żmien. Fil-viżjoni dawn jiġu meħlusin meta l-esekuturi taʼ Jehovah jġibu vendetta fuq din il-belt apostata.
15 Fis-sena 1932 fehma iktar profonda dwar id-dramm profetiku tas-Sultan Ġeħu taʼ Iżrael u Ġeħonadab, li kien jappoġġah għalkemm ma kienx Iżraeli, uriet kif jaġixxu dawn in-nagħaġ oħra biex jappoġġaw lill-aħwa midlukin taʼ Kristu—sewwa sew bħalma Ġeħonadab mar maʼ Ġeħu u appoġġah fil-qerda tal-qima lil Bagħal. Fl-aħħarnett, fl-1935 in-nagħaġ oħra, li kienu ħajjin matul iż-żmien tat-tmiem taʼ din is-sistema t’affarijiet, kienu rikonoxxuti bħala li huma l-kotra kbira li tidher fil-viżjoni li ra l-appostlu Ġwanni. Dan kien spjegat għall-ewwel darba fil-konvenzjoni li ssemmiet qabel u li saret f’Washington, D.C., meta Joseph F. Rutherford ġibed l-attenzjoni lejn dawk li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art u qal li dawn huma “l-kotra kbira.”
16. Il-barranin igawdu liema privileġġi u responsabbiltajiet?
16 B’hekk, bil-mod il-mod in-nies t’Alla fehmu li l-barranin għandhom parti kbira ferm x’iwettqu fl-iskopijiet taʼ Jehovah matul dawn l-aħħar jiem. Dawn jiġu għand l-Iżrael t’Alla sabiex iqimu lil Jehovah. (Żakkarija 8:23) Maʼ dan il-ġens spiritwali, huma joffru sagrifiċċji aċċettabbli lil Alla u jidħlu fil-mistrieħ tas-sabat. (Lhud 13:15, 16) Iktar minn hekk, huma jqimu fit-tempju spiritwali t’Alla li, bħat-tempju li kien hemm Ġerusalemm, huwa “dar it-talb għall-ġnus kollha.” (Mark 11:17) Huma jeżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju li Ġesù Kristu ħallas bħala prezz tal-fidwa, billi ‘jaħslu l-ilbiesi tagħhom u jbajduhom fid-demm tal-Ħaruf.’ U huma jaqdu lil Jehovah l-ħin kollu, billi jagħtuh servizz sagru lejl u nhar.—Apokalissi 7:14, 15.
17. Il-barranin taʼ żmienna kif iżommu sħiħ fil-patt il-ġdid?
17 Dawn il-barranin taʼ żmienna jżommu sħiħ fil-patt il-ġdid fis-sens li, billi jassoċjaw maʼ l-Iżrael t’Alla, huma jgawdu benefiċċji u barkiet li jiġu permezz tal-patt il-ġdid. Waqt li ma jipparteċipawx f’dan il-patt, huma jissottomettu ruħhom b’qalbhom kollha għal-liġijiet assoċjati miegħu. B’hekk il-liġi taʼ Jehovah qiegħda f’qalbhom, u huma jsiru jafu lil Jehovah bħala Missierhom tas-sema u s-Sovran suprem.—Ġeremija 31:33, 34; Mattew 6:9; Ġwann 17:3.
18. Liema xogħol taʼ ġbir qed jitwettaq matul iż-żmien taʼ l-aħħar?
18 Tkompli l-profezija taʼ Isaija: “Oraklu taʼ Sidi l-Mulej, li jiġbor l-imxerrdin taʼ Iżrael; ‘Nissokta niġbor l-itturufnati tiegħu flimkien maʼ dawk li diġà ġbart.’” (Isaija 56:8) Matul iż-żmien taʼ l-aħħar, Jehovah ġabar “l-imxerrdin taʼ Iżrael,” il-membri tal-fdal midluk. Iżjed minn hekk, qed jiġbor lil oħrajn, dawk tal-kotra kbira. Dawn iqimu flimkien fis-sliem u f’unità taħt il-ħarsien taʼ Jehovah u taʼ Kristu Ġesù, is-Sultan tiegħu fuq it-tron. Minħabba l-lealtà tagħhom lejn il-gvern taʼ Jehovah bi Kristu, ir-Ragħaj mill-Aħjar għamilhom merħla magħquda u ferriħija.
Għassiesa Għomja, Klieb Muti
19. Liema stedina ssirilhom lill-annimali salvaġġi tar-rabaʼ u tal-foresta?
19 Il-kliem t’hawn fuq li jibni u li ġej mill-qalb jiġi segwit minn kuntrast qawwi li kważi jaħsdek. Jehovah hu lest li jaġixxi bil-ħniena mal-barranin u l-ewnuki. Imma ħafna li jsostnu li huma membri fil-kongregazzjoni t’Alla huma kundannati u hemm ġudizzju jistenniehom. Iktar minn hekk, lanqas biss jixirqilhom difna deċenti u huma tajbin biss biex jibilgħuhom annimali li huma mejtin bil-ġuħ. B’hekk, naqraw: “Intom bhejjem tar-rabaʼ, ejjew kulu, intom bhejjem tal-foresta.” (Isaija 56:9) Dawn l-annimali salvaġġi minn xiex se jagħmlu festa? Il-profezija se tispjegah dan. B’hekk din tistaʼ tfakkarna fit-tmiem li hemm jistenna lil dawk li jopponu ’l Alla fil-gwerra li ġejja t’Armageddon, li l-iġsma maqtulin tagħhom jitħallew biex jinbelgħu mill-għasafar tas-sema.—Apokalissi 19:17, 18.
20, 21. Liema nuqqasijiet jagħmlu lill-mexxejja reliġjużi ma jiswew xejn bħala gwidi spiritwali?
20 Tkompli l-profezija: “L-għassiesa tal-poplu tiegħi, lkoll għomja, ma jintebħu b’xejn; lkoll klieb muti, ma jistgħux jinbħu. Jimteddu u joħolmu, ħsiebhom biex jorqdu. Huma klieb rgħiba, ma jixbgħu qatt. Dawn huma r-rgħajja, li ma jafux jaħsbu. Qabdu triqthom ilkoll, kulħadd jaħseb għal rasu. Ejjew ħa nġibu l-inbid, u niskru bix-xorb qawwi. Għada jkun bħal-lum, anzi aħjar, u ħafna aħjar.”—Isaija 56:10-12.
21 Il-mexxejja reliġjużi taʼ Ġuda jgħidu li qed iqimu lil Jehovah; isostnu li huma “l-għassiesa” tiegħu. Imma huma għomja, muti, u bi nagħas spiritwalment. Jekk ma jistgħux jibqgħu għassa u jsemmgħu t-twissija taʼ periklu, x’jiswew? Dawn l-għassiesa reliġjużi m’għandhomx dehen, u għalhekk m’humiex f’pożizzjoni li jagħtu direzzjoni spiritwali lin-nies li huma bħal nagħaġ. Iktar minn hekk, huma korrotti. Għandhom xewqat egoistiċi bla xabaʼ. Minflok ma jsegwu d-direzzjoni taʼ Jehovah, jagħmlu dak li jfettlilhom, ifittxu l-qligħ inġust, jiskru bix-xorb qawwi, u jinkuraġġixxu lil ħaddieħor biex jagħmel bħalhom. Tant m’humiex konxji tal-ġudizzju li wasal t’Alla illi lin-nies jgħidulhom li m’għandhomx għalfejn jinkwetaw.
22. Il-mexxejja reliġjużi taʼ żmien Ġesù kif inhuma bħal dawk taʼ Ġuda tal-qedem?
22 Iktar kmieni fil-profezija tiegħu, Isaija uża lingwaġġ figurattiv simili biex jiddeskrivi lill-mexxejja reliġjużi infidili taʼ Ġuda—spiritwalment fis-sakra, bi nagħas, u bla fehma. Huma għabbew lin-nies bi tradizzjonijiet tal-bnedmin, tkellmu l-gideb f’isem ir-reliġjon, u fdaw fl-Assirja għall-għajnuna minflok ma fittxew lil Alla. (2 Slaten 16:5-9; Isaija 29:1, 9-14) Jidher ċar li ma tgħallmu xejn. B’sogħba, l-istess tip taʼ mexxejja kienu preżenti fl-ewwel seklu. Minflok ma ħaddnu l-aħbar tajba li ġabilhom l-Iben t’Alla stess, dawn ċaħdu lil Ġesù u kkonfoffaw biex joqtluh. Ġesù sejħilhom bla tlaqliq “mexxejja taʼ l-għomja,” u żied li jekk “agħma jmexxi lil agħma ieħor, it-tnejn jaqgħu ġol-ħofra.”—Mattew 15:14.
Għassiesa taʼ Llum
23. Liema profezija taʼ Pietru rigward il-mexxejja reliġjużi twettqet?
23 L-appostlu Pietru wissa li kienu se jqumu wkoll għalliema foloz biex jiżvijaw lill-Kristjani, meta kiteb: “Dehru wkoll profeti foloz fost il-poplu [taʼ Iżrael], kif għad ikun hemm għalliema foloz fostkom. Dawn idaħħlu firdiet, li jġibu l-qerda, sa jaslu biex jiċħdu s-Sid li għalih kisibhom u malajr iġibu l-qerda fuqhom infushom.” (2 Pietru 2:1) X’irriżulta mit-tagħlim falz u mis-setet li ħolqu dawn l-għalliema foloz? Il-Kristjaneżmu, li l-mexxejja reliġjużi tiegħu llum jitolbu għall-barka t’Alla fuq il-ħbieb politiċi tagħhom u mbagħad iwiegħdu futur mill-isbaħ. Il-mexxejja reliġjużi tal-Kristjaneżmu wrew li huma għomja, muti, u bi nagħas rigward l-affarijiet spiritwali.
24. Liema unità teżisti bejn Iżrael spiritwali u l-barranin?
24 Madankollu, Jehovah qed iġib miljuni sħaħ taʼ barranin biex iqimu maʼ l-aħħar individwi taʼ l-Iżrael t’Alla fid-dar tat-talb spiritwali u kbira tiegħu. Għalkemm ġejjin minn ħafna ġnus, razez, u lingwi, dawn il-barranin qegħdin f’unità bejniethom u maʼ l-Iżrael t’Alla. Huma konvinti li s-salvazzjoni tistaʼ tiġi biss mingħand Alla Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu. L-imħabba li għandhom għal Jehovah tqanqalhom biex jissieħbu maʼ l-aħwa midlukin taʼ Kristu ħalli ma jibqgħux muti imma jitkellmu dwar il-fidi tagħhom. U jitfarrġu profondament bil-kliem taʼ l-appostlu ispirat li kiteb: “Jekk inti tistqarr b’fommok, ‘Ġesù hu l-Mulej’, u temmen b’qalbek li Alla qajjmu mill-imwiet, inti ssalva.”—Rumani 10:9.
[Noti taʼ taħt]
a Il-kelma “ewnuku” saret tirreferi wkoll għal uffiċjal tal-palazz, mingħajr ma tirreferi għal immankar sesswali. Ladarba l-Etjopjan li ġie mgħammed minn Filippu jidher li kien proselita, dan setaʼ jitgħammed qabel ma nfetħet it-triq għal dawk li ma kinux Lhud u ma kinux ċirkonċiżi. Għalhekk bilfors li kien ewnuku f’dan is-sens.—Atti 8:27-39.
b Għebed-melek, li għen lil Ġeremija u li kellu permess li jidħol għand is-Sultan Żedekija, jissejjaħ ewnuku. Dan donnu jidher li jirreferi għall-fatt li hu kien uffiċjal, u mhux li kien immankat sesswalment.—Ġeremija 38:7-13.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 250]
Is-Sabat kellu jipprovdi opportunità għal talb, studju, u meditazzjoni
[Stampi f’paġna 256]
Il-pożizzjoni tan-nagħaġ oħra ġiet spjegata b’mod ċar f’konvenzjoni li saret f’Washington, D.C., fl-1935 (il-magħmudija fl-istampa hawn taħt, il-programm fuq il-lemin)
[Stampa f’paġna 259]
L-annimali salvaġġi huma mistidnin biex jiġu jagħmlu festa
[Stampi f’paġna 261]
Il-barranin u l-Iżrael t’Alla huma f’unità bejniethom