Dawl għall-Ġnus
Kapitlu Tmienja u Għoxrin
Dawl għall-Ġnus
1, 2. Id-dawl għala huwa vitali, u liema xorta taʼ dlam jiksi l-art illum?
JEHOVAH hu s-Sors tad-dawl; “għamel ix-xemx għad-dawl binhar, il-qamar u l-kwiekeb b’liġijiethom għad-dawl billejl.” (Ġeremija 31:35) Fuq din il-bażi biss ukoll għandu jiġi rikonoxxut bħala s-Sors tal-ħajja, ladarba d-dawl ifisser ħajja. Kieku l-art ma kinitx il-ħin kollu mdawra bis-sħana u d-dawl tax-xemx, il-ħajja kif nafuha aħna ma kinitx tkun possibbli. Il-pjaneta tagħna ma kinitx tkun abitabbli.
2 Għaldaqstant, għandna għalfejn nitħassbu li, meta ħares ’il quddiem lejn żmienna, Jehovah bassar żmien taʼ dlam, mhux taʼ dawl. Taħt ispirazzjoni, Isaija kiteb: “Ara d-dlamijiet jiksu l-art, u sħab iswed il-popli.” (Isaija 60:2) M’għandniex xi ngħidu, dan il-kliem kellu x’jaqsam mad-dlam spiritwali, mhux letterali, imma m’għandniex nonqsu li niħduh bis-serjetà. Il-ħajja maż-żmien issir impossibbli għal dawk li m’għandhomx dawl spiritwali, sewwa sew bħalma ssir impossibbli għal dawk li jiġu mċaħħdin mid-dawl tax-xemx.
3. F’dawn iż-żminijiet mudlama, fejn nistgħu nduru għad-dawl?
3 Matul dawn iż-żminijiet mudlama, ma nistgħux ninjoraw id-dawl spiritwali li Jehovah jagħmel disponibbli għalina. Huwa essenzjali li nfittxu l-Kelma t’Alla biex iddawlilna l-mogħdija tagħna, billi naqraw il-Bibbja kuljum jekk jistaʼ jkun. (Salm 119:105) Il-laqgħat Kristjani jipprovdulna opportunitajiet biex ninkuraġġixxu lil xulxin ħalli nibqgħu fi “triq it-tajbin.” (Proverbji 4:18; Lhud 10:23-25) Is-saħħa li niksbu minn studju bil-għaqal tal-Bibbja u minn sħubija Kristjana bnina tgħinna nevitaw li ninbelgħu mid-dlam taʼ dan iż-żmien taʼ “l-aħħar tad-dinja,” li se jilħaq il-quċċata tiegħu fil-jum il-kbir tal-korla taʼ Jehovah. (2 Timotju 3:1; Sofonija 2:3) Dan il-jum riesaq b’pass mgħaġġel! Dan se jiġi żgur daqskemm ġie jum simili fuq l-abitanti taʼ Ġerusalemm tal-qedem.
Jehovah “Jagħmel il-Ħaqq”
4, 5. (a) Jehovah b’liema mod jiġi kontra Ġerusalemm? (b) Għala nistgħu nikkonkludu li huwa biss għadd relattivament żgħir li se jibqaʼ ħaj wara l-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K.? (Ara n-nota taʼ taħt.)
4 Fl-aħħar versi tal-profezija kommoventi taʼ Isaija, Jehovah jiddeskrivi b’mod ħaj il-ġrajjiet li jwasslu għall-jum tar-rabja tiegħu. Naqraw: “Arawh! Ġej il-Mulej imdawwar bin-nar, bħal riefnu l-imriekeb tiegħu, u jferraʼ għadbu fis-saħna tiegħu, u jheddu bl-ilsna tan-nar. Għax bin-nar il-Mulej mill-art kollha jagħmel il-ħaqq, bix-xabla tiegħu minn kull bniedem; kotra kbira joqtol il-Mulej.”—Isaija 66:15, 16.
5 Dan il-kliem għandu jgħin lin-nies taʼ żmien Isaija jirrealizzaw kemm hi serja s-sitwazzjoni tagħhom. Riesaq iż-żmien meta l-Babiloniżi, li ntużaw minn Jehovah biex jesegwixxu l-ħaqq tiegħu, se jiġu kontra Ġerusalemm, u l-imriekeb tagħhom se jqanqlu sħaba kbira taʼ trab preċiż bħalma jagħmel riefnu. X’dehra li tqanqal il-biżaʼ se tkun din! Jehovah se juża lill-invażuri biex iwettqu l-ġudizzju jaħraq tiegħu kontra l-‘bnedmin’ Lhud kollha li m’humiex leali. B’dan il-mod se jkun bħallikieku Jehovah nnifsu qed jiġġieled kontra l-poplu tiegħu. Is-“saħna” tiegħu mhux se tbatti. Ħafna Lhud se jaqgħu bħala ‘l-maqtulin tal-Mulej.’ Din il-profezija titwettaq fis-sena 607 Q.E.K. a
6. Liema prattiċi taʼ min jikkundannahom isiru f’Ġuda?
6 Għandu raġun Jehovah “jagħmel il-ħaqq” kontra l-poplu tiegħu? Ċertament! Bosta drabi fid-diskussjoni tagħna dwar il-ktieb taʼ Isaija, rajna li l-Lhud, għalkemm suppost kienu dedikati lil Jehovah, kienu mgħaddsin fil-qima falza—u Jehovah m’għalaqx għajnejh għal dak li għamlu. Dan narawh mill-ġdid fil-kliem li ġej tal-profezija: “‘Dawk li jitqaddsu u jitnaddfu, u jmorru fil-ġonna wara xulxin fid-dawra tas-sħarijiet, dawk li jieklu l-laħam tal-ħanżir, il-qżiżijiet u l-ġrieden, ilkoll jintemmu f’daqqa,’ oraklu tal-Mulej.” (Isaija 66:17) Qegħdin dawn il-Lhud “jitqaddsu u jitnaddfu” sabiex iħejju ruħhom għall-qima safja? Ċertament li le. Minflok, qegħdin jieħdu sehem f’riti pagani taʼ purifikazzjoni f’ġonna speċjali. Wara dan, huma jieklu b’regħba l-laħam tal-ħanżir u taʼ ħlejjaq oħrajn meqjusin bħala mniġġsin taħt il-Liġi Mosajka.—Levitiku 11:7, 21-23.
7. Il-Kristjaneżmu kif jixbah lil Ġuda idolatruża?
7 X’sitwazzjoni taʼ għajb għal ġens li għamel patt maʼ l-uniku Alla veru! Imma ikkunsidra: Sitwazzjoni daqstant taʼ għajb teżisti llum fost ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu. Dawn bl-istess mod isostnu li qed jaqdu lil Alla, u ħafna mill-mexxejja tagħhom taħsibhom xi qaddisin. Madankollu, huma jitniġġsu b’tagħlim u tradizzjonijiet pagani, u b’hekk juru li qegħdin fi dlam spiritwali. Kemm hu tabilħaqq kbir dan id-dlam!—Mattew 6:23; Ġwann 3:19, 20.
‘Dawn Jaraw is-Sebħ Tiegħi’
8. (a) Kemm Ġuda kif ukoll il-Kristjaneżmu x’se jiġrilhom? (b) Il-ġnus f’liema sens se “jaraw is-sebħ” taʼ Jehovah?
8 Jinnotahom Jehovah l-azzjonijiet taʼ min jikkundannahom u t-tagħlim falz tal-Kristjaneżmu? Aqra l-kliem li ġej taʼ Jehovah, imniżżel bil-miktub minn Isaija, u ara x’tikkonkludi: “Jiena naf b’għemilhom u fehmithom; għad niġi niġbor il-ġnus kollha, u l-popli taʼ kull ilsien; dawn jiġu u jaraw is-sebħ tiegħi.” (Isaija 66:18) Jehovah jaf u lest biex jiġġudika mhux biss ix-xogħlijiet imma wkoll il-ħsibijiet taʼ dawk li jgħidu li huma l-qaddejja tiegħu. Ġuda tgħid li temmen b’Jehovah, imma x-xogħlijiet idolatrużi u l-prattiċi pagani tagħha juru li qed tigdeb. Huwa għalxejn li ċ-ċittadini tagħha “jippurifikaw” lilhom infushom skond ir-riti pagani. Il-ġens se jsir ħerba, u meta jseħħ dan, se jkunu jistgħu jarawh b’għajnejhom il-pajjiżi ġirien tiegħu li jqimu l-idoli. Dawn se “jaraw is-sebħ” taʼ Jehovah billi jkunu xhieda tal-ġrajjiet u jkollhom jammettu li l-kelma taʼ Jehovah seħħet. Dan kollu kif japplika għall-Kristjaneżmu? Meta jasal fi tmiemu, ħafna minn dawk li qabel kienu l-ħbieb u l-imseħbin tiegħu fin-negozju se jkollhom jieqfu u jħarsu bla ma jistgħu jagħmlu xejn hekk kif titwettaq il-kelma taʼ Jehovah.—Ġeremija 25:31-33; Apokalissi 17:15-18; 18:9-19.
9. Jehovah liema aħbar tajba jiddikjara?
9 Tfisser il-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. li Jehovah mhux se jkollu iktar xhieda fuq l-art? Le. Individwi li jispikkaw bħala wħud li jżommu l-integrità, bħalma huma Danjel u t-tliet sħabu, se jkomplu jaqdu lil Jehovah saħansitra bħala wħud eżiljati f’Babilonja. (Danjel 1:6, 7) Iva, il-linja taʼ xhieda leali taʼ Jehovah se tibqaʼ sħiħa, u fi tmiem is-70 sena, irġiel u nisa leali se jitilqu minn Babilonja, jirritornaw lejn Ġuda, u jistabbilixxu mill-ġdid il-qima safja hemmhekk. Jehovah għal dan jalludi issa: “Jiena ngħolli għalihom sinjal, u nibgħat lil xi wħud mill-fdal taʼ Iżrael għand il-ġnus, f’Tarsis, Put, Lud, u Mesek, Ros, Tubal u Ġawan, u lejn ix-xtut imbiegħda li qatt ma semgħu bija, u qatt ma raw is-sebħ tiegħi, u huma jxandru s-sebħ tiegħi qalb il-ġnus.”—Isaija 66:19.
10. (a) Il-Lhud leali li jinħelsu minn Babilonja f’liema sens se jservu bħala sinjal? (b) Illum min iservi bħala sinjal?
10 L-għadd taʼ rġiel u nisa leali li jirritornaw lejn Ġerusalemm fis-sena 537 Q.E.K. se jservi bħala sinjal taʼ l-għaġeb, evidenza li Jehovah ħeles lill-poplu tiegħu. Min kien joħlom li l-ilsiera Lhud se jkunu xi darba ħelsin li jipprattikaw il-qima safja fit-tempju taʼ Jehovah? B’mod simili fl-ewwel seklu, dawk li kienu jaqdu bħala “sinjali u għeġubijiet” kienu l-Kristjani midlukin, li lejhom ġrew bi ħġarhom il-ġwejdin li riedu jaqdu lil Jehovah. (Isaija 8:18; Lhud 2:13) Illum il-Kristjani midlukin, li qed ikollhom ir-riżq fil-pajjiż tagħhom li reġaʼ ngħata l-ħajja, iservu bħala sinjal taʼ l-għaġeb fuq l-art. (Isaija 66:8) Huma evidenza ħajja tal-qawwa taʼ l-ispirtu taʼ Jehovah, u qed jiġbdu lejhom lill-ġwejdin li qlubhom iqanqluhom biex jaqdu lil Jehovah.
11. (a) Wara t-tiġdid, kif se jiġri li nies tal-ġnus jiġu biex jitgħallmu dwar Jehovah? (b) Żakkarija 8:23 kif twettaq l-ewwel darba?
11 Iżda, wara t-tiġdid li seħħ fis-sena 537 Q.E.K., nies tal-ġnus li ma semgħux b’Jehovah kif se jsiru jafuh? Sewwa, mhux il-Lhud leali kollha se jirritornaw lejn Ġerusalemm fi tmiem il-jasar f’Babilonja. Xi wħud, bħal Danjel, se jibqgħu f’Babilonja. Oħrajn se jixterdu maʼ l-erbaʼ rkejjen taʼ l-art. Sal-ħames seklu Q.E.K., kien hemm Lhud imxerrdin maʼ l-Imperu Persjan kollu. (Ester 1:1; 3:8) Bla dubju xi wħud minnhom tkellmu mal-ġirien pagani tagħhom dwar Jehovah, għax ħafna min-nies taʼ dawn il-ġnus saru proseliti Lhud. Milli jidher dan kien il-każ taʼ l-ewnuku Etjopjan, li lilu d-dixxiplu Kristjan Filippu ppriedka fl-ewwel seklu. (Atti 8:26-40) Dan kollu seħħ bħala l-ewwel twettiq tal-kliem tal-profeta Żakkarija: “F’dawk il-jiem għaxart irġiel mill-ilsna kollha tal-ġnus jaqbdu Lhudi u jżommuh minn tarf il-libsa tiegħu, u jgħidulu: ‘Ħa niġu magħkom, għaliex smajna li Alla magħkom!’” (Żakkarija 8:23) Tabilħaqq, Jehovah bagħtilhom id-dawl lill-ġnus!—Salm 43:3.
Tinġieb “Offerta lill-Mulej”
12, 13. B’liema mod se jkun hemm ‘aħwa’ li jinġiebu lejn Ġerusalemm b’seħħ mis-sena 537 Q.E.K.?
12 Wara li Ġerusalemm tinbena mill-ġdid, il-Lhud li huma mxerrdin ’il bogħod minn arthom se jħarsu lejn il-belt u lejn is-saċerdozju tagħha, li twaqqaf mill-ġdid, bħala ċ-ċentru tal-qima safja. Ħafna minnhom se jivvjaġġaw distanzi twal biex jattendu għall-festi annwali hemmhekk. Taħt ispirazzjoni, Isaija jikteb: “‘Iġibu lil ħutkom kollha minn kull ġens, bħala offerta lill-Mulej; iġibuhom fuq żwiemel u karrijiet, fuq suġġetti u bgħula u iġmla, għal fuq il-muntanja qaddisa tiegħi, f’Ġerusalemm,’ jgħid il-Mulej, ‘bħalma wlied Iżrael iġibu l-offerti tal-qmuħ tagħhom f’ġarar indaf fit-tempju tal-Mulej. U lil xi wħud minnhom neħodhom b’qassisin u Leviti.’”—Isaija 66:20, 21.
13 Xi wħud minn dawn “ħutkom kollha minn kull ġens” kienu preżenti nhar jum il-Pentekoste meta l-ispirtu qaddis tferraʼ fuq id-dixxipli taʼ Ġesù. Ir-rakkont jgħid: “F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema.” (Atti 2:5) Dawn ġew Ġerusalemm biex iqimu skond id-drawwa Lhudija, imma meta semgħu l-aħbar tajba dwar Ġesù Kristu, ħafna eżerċitaw fidi fih u tgħammdu.
14, 15. (a) Il-Kristjani midlukin kif ġabru iktar ‘aħwa’ spiritwali wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, u dawn kif inġiebu lil Jehovah bħala ‘offerta f’ġarra nadifa’? (b) Jehovah b’liema mod ‘ħa lil xi wħud minnhom b’qassisin’? (ċ) Min kienu xi Kristjani midlukin li kienu involuti fil-ġbir taʼ ħuthom spiritwali? (Ara l-kaxxa f’din il-paġna.)
14 Qiegħda din il-profezija titwettaq fi żmienna? Iva, tabilħaqq. Wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, il-qaddejja midlukin taʼ Jehovah għarfu mill-Iskrittura li s-Saltna t’Alla kienet ġiet stabbilita fis-sema fl-1914. Permezz taʼ studju bir-reqqa mill-Bibbja, saru jafu li kellhom jinġabru ‘aħwa,’ jew werrieta, oħrajn tas-Saltna. Ministri qalbenin ivvjaġġaw “sa truf l-art” b’kull mezz taʼ trasport biex ifittxu membri prospettivi tal-fdal midluk, li l-biċċa l-kbira minnhom ħarġu mill-knejjes tal-Kristjaneżmu. Meta kienu jinstabu, kienu jinġiebu bħala offerta lil Jehovah.—Atti 1:8.
15 Il-midlukin li nġabru fis-snin tal-bidu ma stennewx li Jehovah se jaċċettahom kif kienu qabel ma waslu għal għarfien dwar il-verità tal-Bibbja. Huma ħadu passi biex jindafu minn tinġis spiritwali u morali sabiex setgħu jiġu preżentati bħala ‘offerta f’ġarra nadifa,’ jew bħalma qal l-appostlu Pawlu, bħal ‘xebba safja mressqa quddiem Kristu.’ (2 Korintin 11:2) Minbarra li jiċħdu duttrini żbaljati, il-midlukin kellhom jitgħallmu kif jibqgħu newtrali b’mod assolut fil-kwistjonijiet politiċi taʼ din id-dinja. Fl-1931, meta l-qaddejja tiegħu kienu tnaddfu sal-punt li setgħu jkunu aċċettabbli, Jehovah b’qalb tajba tahom il-privileġġ li jġorru ismu bħala Xhieda taʼ Jehovah. (Isaija 43:10-12) Iżda, Jehovah b’liema mod ‘ħa lil xi wħud minnhom b’qassisin’? Bħala grupp, dawn il-midlukin saru parti minn “saċerdozju rjali, nazzjon qaddis,” u offrew sagrifiċċji taʼ tifħir lil Alla.—1 Pietru 2:9; Isaija 54:1; Lhud 13:15.
Il-Ġbir Ikompli
16, 17. Min hu “nisilkom” wara l-Ewwel Gwerra Dinjija?
16 In-numru sħiħ taʼ dak is-“saċerdozju rjali” huwa 144,000, u maż-żmien, il-ġbir tagħhom tlesta. (Apokalissi 7:1-8; 14:1) Kien dan it-tmiem tax-xogħol tal-ġbir? Le. Il-profezija taʼ Isaija tkompli: “‘Bħalma jibqgħu quddiemi s-smewwiet ġodda, u l-art ġdida li jiena nagħmel,’ jgħid il-Mulej, ‘hekk jibqaʼ nisilkom u isimkom.’” (Isaija 66:22) Fl-ewwel twettiq taʼ dan il-kliem, il-Lhud li jirritornaw mill-jasar f’Babilonja se jibdew irabbu t-tfal. B’hekk, il-fdal Lhudi li rritorna, “l-art ġdida,” taħt l-amministrazzjoni Lhudija l-ġdida, “is-smewwiet ġodda,” se jkun stabbilit fis-sod. Madankollu, il-profezija kellha twettiq mill-iktar notevoli fi żmienna.
17 ‘In-nisel’ li l-ġens t’aħwa spiritwali jipproduċi huwa l-“kotra kbira,” li għandha t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fuq l-art. Dawn jiġu “minn kull ġens u tribù, minn kull poplu u lsien,” u huma weqfin “quddiem it-tron u quddiem il-Ħaruf.” Dawn ‘ħaslu l-ilbiesi tagħhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf.’ (Apokalissi 7:9-14; 22:17) Illum il-membri tal-“kotra kbira” qegħdin joħorġu mid-dlam spiritwali għad-dawl li jipprovdi Jehovah. Huma jeżerċitaw fidi f’Ġesù Kristu, u bħal ħuthom il-midlukin, jistinkaw biex jibqgħu nodfa spiritwalment u moralment. Bħala grupp huma jkomplu jaqdu taħt id-direzzjoni taʼ Kristu u se ‘jibqgħu weqfin’ għal dejjem!—Salm 37:11, 29.
18. (a) Il-membri tal-kotra kbira kif aġixxew bħal ħuthom il-midlukin? (b) Il-midlukin u sħabhom kif iqimu lil Jehovah “minn xahar għal xahar, u minn Sibt għal Sibt”?
18 Dawn l-irġiel u n-nisa li jaħdmu iebes u li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art jafu li waqt li huwa vitali li jibqgħu nodfa moralment u spiritwalment, hemm iktar involut biex wieħed jogħġob lil Jehovah. Ix-xogħol tal-ġbir qiegħed fl-aqwa tiegħu, u huma jridu li jkollhom sehem fih. Il-ktieb taʼ l-Apokalissi jipprofetizza dwarhom: “Jinsabu quddiem it-tron taʼ Alla, lejl u nhar jaqduh fit-tempju tiegħu.” (Apokalissi 7:15) Dan il-kliem ifakkarna fit-tieni vers mill-aħħar fil-profezija taʼ Isaija: “‘Jiġri li minn xahar għal xahar, u minn Sibt għal Sibt, kulħadd jiġi jinxteħet quddiemi,’ jgħid il-Mulej.” (Isaija 66:23) Dan qed iseħħ illum. “Minn xahar għal xahar, u minn Sibt għal Sibt”—jiġifieri, regolarment, kull ġimgħa taʼ kull xahar—il-Kristjani midlukin u sħabhom, il-kotra kbira, jiltaqgħu flimkien biex iqimu lil Jehovah. Dan jagħmluh billi, fost affarijiet oħrajn, jattendu l-laqgħat Kristjani u jieħdu sehem fil-ministeru pubbliku. Int wieħed minn dawk li regolarment ‘jiġu jinxteħtu quddiem Jehovah’? In-nies taʼ Jehovah jsibu ferħ kbir f’li jagħmlu dan, u dawk tal-kotra kbira jħarsu ’l quddiem lejn iż-żmien meta “kulħadd”—il-bnedmin ħajjin kollha—se jaqdi lil Jehovah “minn xahar għal xahar, u minn Sibt għal Sibt” għall-eternità kollha.
It-Tmiem Finali taʼ l-Għedewwa t’Alla
19, 20. Geħenna għal xiex kienet isservi fi żminijiet Bibliċi, u x’tissimbolizza?
19 Vers wieħed baqaʼ fl-istudju tagħna mill-profezija taʼ Isaija. Il-ktieb jikkonkludi b’dan il-kliem: “Meta joħorġu, jaraw l-iġsma tan-nies li xxewwxu kontrija. Id-dud tagħhom ma jmutx, lanqas jintefa n-nar tagħhom, u kulħadd jistmellhom.” (Isaija 66:24) Ġesù Kristu x’aktarx li kellu din il-profezija f’moħħu meta inkuraġġixxa lid-dixxipli tiegħu biex jissimplifikaw ħajjithom u jpoġġu l-interessi tas-Saltna l-ewwel. Hu qal: “Jekk għajnek hi għalik okkażjoni taʼ dnub, aqlagħha barra; jaħbatlek aħjar li tidħol b’għajn waħda fis-Saltna taʼ Alla milli tinxteħet b’għajnejk it-tnejn [“f’Geħenna,” NW], fejn id-dud tagħhom ma jmutx u fejn in-nar ma jintefiex.”—Mark 9:47, 48; Mattew 5:29, 30; 6:33.
20 X’inhu dan il-post imsejjaħ Geħenna? Sekli ilu, l-istudjuż Lhudi David Kimhi kiteb: “Huwa post . . . imiss maʼ Ġerusalemm, u huwa post moqżież, u fih jitfgħu affarijiet imniġġsin u iġsma mejtin. Kien hemm ukoll nar kontinwu hemmhekk biex jaħraq l-affarijiet imniġġsin u l-għadam taʼ l-iġsma mejtin. Għaldaqstant, il-ġudizzju tal-ħżiena jissejjaħ simbolikament Geħinnom.” Jekk, bħalma jissuġġerixxi dan l-istudjuż Lhudi, Geħenna kienet tintuża biex jintremew fiha ż-żibel u l-iġsma mejtin taʼ dawk li kienu jitqiesu indenji li jindifnu, in-nar kien ikun mezz addattat biex jiġi eliminat dan l-iskart. Dak li ma kienx jiġi konsmat min-nar, kien jikkonsmah id-dud. Xi stampa xierqa tat-tmiem finali taʼ l-għedewwa kollha t’Alla! b
21. Il-ktieb taʼ Isaija għal min jikkonkludi fuq nota pożittiva, u għala?
21 B’referenza bħal din għal katavri, nar, u dud, m’huwiex minnu li l-profezija kommoventi taʼ Isaija tikkonkludi fuq nota tal-waħx? Bla dubju, l-għedewwa akkaniti t’Alla hekk jaħsbu. Imma għall-ħbieb t’Alla huwa inkuraġġanti ferm il-mod kif Isaija jiddeskrivi l-qerda taʼ dejjem taʼ dawk li huma mill-agħar. In-nies taʼ Jehovah għandhom bżonnha din l-assiguranza li l-għedewwa tagħhom qatt ma se jerġaʼ jkollhom il-kontroll f’idejhom. Dawn l-għedewwa, li tant nikktu lill-adoraturi t’Alla u tant ġabu tmaqdir fuq ismu, se jinqerdu għal dejjem. Imbagħad, “in-niket mhux se jqum it-tieni darba.”—Naħum 1:9, NW.
22, 23. (a) Spjega kif ibbenefikajt mill-istudju tiegħek mill-ktieb taʼ Isaija. (b) Issa li studjajt il-ktieb taʼ Isaija, x’inhi d-determinazzjoni tiegħek, u x’inhi t-tama tiegħek?
22 Hekk kif nikkonkludu l-istudju tagħna mill-ktieb taʼ Isaija, ċertament li napprezzaw li dan il-ktieb Bibliku m’huwiex sempliċement storja antika. Għal kuntrarju, għandu messaġġ għalina llum. Meta nirriflettu fuq iż-żminijiet mudlama li kien jgħix fihom Isaija, nistgħu naraw ix-xebh li hemm bejn dak il-perijodu u żmienna. It-taqlib fil-qasam politiku, l-ipokrisija fost in-nies reliġjużi, il-korruzzjoni fis-sistema ġudizzjarja, u l-moħqrija taʼ dawk li huma leali u foqra kienu karatteristika taʼ żmien Isaija, u huma karatteristika taʼ żmienna. Il-Lhud leali fis-sitt seklu Q.E.K. bilfors li kienu grati għall-profezija taʼ Isaija, u aħna llum niġu mfarrġin hekk kif nistudjawha.
23 F’dawn iż-żminijiet kritiċi meta d-dlam jiksi l-art u l-ġnus mgħottijin bi sħab iswed, ilkoll kemm aħna ninsabu grati profondament li Jehovah, permezz taʼ Isaija, ipprovda dawl għall-bnedmin kollha! Dan id-dawl spiritwali ma jfisser xejn inqas minn ħajja taʼ dejjem għal dawk kollha li jaċċettawh b’qalbhom kollha, hi x’inhi l-oriġini nazzjonali jew l-isfond etniku tagħhom. (Atti 10:34, 35) Għalhekk, jalla nkomplu mexjin fid-dawl tal-Kelma t’Alla, naqrawha kuljum, nimmeditaw fuqha, u ngħożżu l-messaġġ li fiha. Dan se jkun għalina taʼ barka eterna u se jġib tifħir fuq l-isem qaddis taʼ Jehovah!
[Noti taʼ taħt]
a Rigward is-sitwazzjoni li eżistiet wara li Ġerusalemm waqgħet taħt idejn il-Babiloniżi, Ġeremija 52:15 jitkellem dwar “kull min kien fadal mill-poplu, li kienu baqgħu fil-belt.” (Korsiv tagħna.) Waqt li jikkummenta fuq dan, l-Insight on the Scriptures, l-ewwel Volum, paġna 415, jgħid: “L-espressjoni ‘li kienu baqgħu fil-belt’ milli jidher tindika li għadd kbir minnhom kienu mietu bil-ġuħ, bil-mard, jew bin-nar, jew inkella nqatlu fil-gwerra.”
b Ladarba iġsma mejtin, u mhux nies ħajjin, jispiċċaw f’Geħenna, dan il-post ma jissimbolizzax turment etern.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa f’paġna 409]
Offerti għal Jehovah taʼ Midlukin mill-Ġnus Kollha
Fl-1920, Juan Muñiz telaq mill-Istati Uniti biex imur Spanja u mbagħad ivvjaġġa lejn l-Arġentina, fejn organizza kongregazzjonijiet taʼ wħud midlukin. Mill-1923 ’il quddiem, id-dawl tal-verità idda fuq nies taʼ qalb onesta fl-Afrika tal-Punent meta l-missjunarju William R. Brown (spiss imsejjaħ Bible Brown) irħielha lejn postijiet bħalma huma Sierra Leone, il-Gana, il-Liberja, Il-Gambja, u n-Niġerja biex jippriedka l-messaġġ tas-Saltna. Dik l-istess sena l-Kanadiż George Young niżel il-Brażil u mbagħad ivvjaġġa lejn l-Arġentina, il-Kosta Rika, il-Panama, il-Venezwela, u saħansitra l-Unjoni Sovjetika. Madwar l-istess żmien, Edwin Skinner baħħar mill-Ingilterra lejn l-Indja, fejn ħadem għal ħafna snin fix-xogħol tal-ħsad.
[Stampa f’paġna 411]
Xi Lhud f’Pentekoste kienu ‘aħwa li nġiebu minn kull ġens’
[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 413]