Faraġ għall-Poplu t’Alla
Kapitlu Tnax
Faraġ għall-Poplu t’Alla
1. Xi prospetti koroh għandhom quddiemhom Ġerusalemm u l-abitanti tagħha, u madankollu x’tama hemm?
SEBGĦIN sena—għomor normali taʼ bniedem—daqshekk se jdum fil-jasar f’Babilonja l-ġens taʼ Ġuda. (Salm 90:10; Ġeremija 25:11; 29:10) Il-biċċa l-kbira mill-Iżraelin li jittieħdu fil-jasar se jixjieħu u jmutu f’Babilonja. Aħseb ftit kemm se jiġu umiljati mit-tinbix u t-twaqqigħ għaċ-ċajt taʼ l-għedewwa tagħhom. Aħseb ftit, ukoll, dwar it-tmaqdir li se jaqaʼ fuq Alla tagħhom, Jehovah, meta l-belt li fuqha poġġa ismu tibqaʼ ħerba għal dan iż-żmien kollu. (Neħemija 1:9; Salm 132:13; 137:1-3) It-tempju maħbub, li kien mimli bil-glorja t’Alla meta ġie dedikat minn Salamun, se jinqered. (2 Kronaki 7:1-3) Xi prospetti koroh! Imma permezz taʼ Isaija, Jehovah jipprofetizza li kollox se jerġaʼ jiġi kif kien qabel. (Isaija 43:14; 44:26-28) F’kapitlu 51 tal-ktieb taʼ Isaija, insibu profeziji oħrajn dwar din it-tema taʼ faraġ u serħan il-moħħ.
2. (a) Jehovah, permezz taʼ Isaija, lil min jindirizzah il-messaġġ taʼ faraġ tiegħu? (b) Il-Lhud leali kif ‘jiġru wara t-tjieba’?
2 Lil dawk f’Ġuda li jagħtuh widen minn qalbhom, Jehovah jgħidilhom: “Isimgħuni, intom li tiġru wara l-ġustizzja [“t-tjieba,” “NW”]; intom li tfittxu lill-Mulej.” (Isaija 51:1a) Il-‘ġiri wara t-tjieba’ jfisser azzjoni. Dawk li qegħdin ‘jiġru wara t-tjieba’ mhux biss se jgħidu li huma l-poplu t’Alla, imma wkoll se jistinkaw biex biż-żelu jimxu fit-tjieba u jgħixu fi qbil mar-rieda t’Alla. (Salm 34:16 [34:15, NW]; Proverbji 21:21) Huma se jħarsu lejn Jehovah bħala l-uniku Sors tat-tjieba, u se ‘jfittxu lill-Mulej’ Jehovah. (Salm 11:7; 145:17) Dan ma jfissirx li mhux se jkunu diġà jafu min hu Jehovah jew kif se jersqu lejh bit-talb. Minflok, se jagħmlu ħilithom biex jersqu eqreb lejh, iqimuh, jitolbuh, u jfittxu d-direzzjoni tiegħu f’kulma jagħmlu.
3, 4. (a) Min hu “l-blata” li minnha nqatgħu l-Lhud, u min hi “l-barriera” li minnha ttieħdu? (b) Il-fatt li jiftakru fl-oriġini tagħhom għala se jfarraġhom lil-Lhud?
3 Madankollu, f’Ġuda, dawk li verament jiġru wara t-tjieba huma ftit, u dan jistaʼ jġagħalhom iħossuhom qalbhom maqtugħa u skuraġġiti għall-aħħar. Għalhekk, waqt li juża t-tixbiha taʼ barriera, Jehovah jinkuraġġihom: “Ħarsu lejn il-blata mnejn inqtajtu, lejn il-barriera mnejn itteħidtu. Ħarsu lejn Abraham missierkom, u lejn Sara li wilditkom. Meta kien waħdu jien sejjaħtlu, u beriktu u kattartu bis-sħiħ.” (Isaija 51:1b, 2) “Il-blata” li minnha nqatgħu l-Lhud tirreferi għal Abraham, persunaġġ storiku li l-ġens taʼ Iżrael huwa kburi ħafna bih. (Mattew 3:9; Ġwann 8:33, 39) Hu l-antenat ewlieni, is-sors uman, tal-ġens. “Il-barriera” hija Sara, li minn ġufha ġie Iżakk, missier Iżrael.
4 Abraham u Sara kienu xjaħu u ma kellhomx tfal. Madankollu, Jehovah wiegħed li jbierek lil Abraham u ‘jkattru bis-sħiħ.’ (Ġenesi 17:1-6, 15-17) Peress li Alla ġedded il-qawwiet ġenerattivi tagħhom, Abraham u Sara wildu tifel fi xjuħithom, u minnu ħareġ il-ġens tal-patt m’Alla. B’hekk, lil dan ir-raġel wieħed, Jehovah għamlu missier taʼ ġens kbir li l-għadd tiegħu ma setax jingħadd daqskemm ma jistgħux jingħaddu l-kwiekeb tas-smewwiet. (Ġenesi 15:5; Atti 7:5) Jekk Jehovah setaʼ b’dan il-mod jieħu lil Abraham minn pajjiż imbiegħed u jifformah f’ġens setgħan, ċertament li jistaʼ jwettaq il-wegħda tiegħu li jeħles lill-membri tal-fdal leali mill-jasar f’Babilonja, jiħodhom lura lejn art twelidhom, u mill-ġdid jifformahom f’ġens kbir. Il-wegħda t’Alla lil Abraham twettqet; il-wegħda tiegħu lil dawn il-Lhud li qegħdin fil-jasar se titwettaq ukoll.
5. (a) Abraham u Sara lil min jiffiguraw? Spjega. (b) Fit-twettiq finali, min huma dawk li joriġinaw mill-“blata”?
5 Il-qtugħ tal-blat simboliku li jissemma f’Isaija 51:1, 2 x’aktarx li jistaʼ jiġi applikat mod ieħor. F’Dewteronomju 32:18, Jehovah jissejjaħ ‘il-Blata li nisslet u wildet’ lil Iżrael. F’din l-espressjoni jintuża l-istess verb Ebrajk bħal dak li jidher f’Isaija 51:2 rigward Sara li tiled lil Iżrael. Għaldaqstant, Abraham jiffigura profetikament lil Jehovah, Abraham Akbar. Sara, mart Abraham, tiffigura l-organizzazzjoni universali u ċelestjali taʼ ħlejjaq spirti taʼ Jehovah, li fl-Iskrittura Mqaddsa hi rappreżentata bħala l-mara t’Alla. (Ġenesi 3:15; Apokalissi 12:1, 5) Fit-twettiq finali taʼ dan il-kliem mill-profezija taʼ Isaija, il-ġens li joħroġ mill-“blata” huwa “Iżrael taʼ Alla,” il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin bl-ispirtu, li twieldet nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K. Bħalma ddiskutejna fil-kapitli taʼ qabel f’dan il-ktieb, fl-1918 dan il-ġens waqaʼ fil-jasar taħt Babilonja imma fl-1919 inġieb lura għal stat taʼ riżq spiritwali.—Galatin 3:26-29; 4:28; 6:16.
6. (a) X’hemm merfugħ għall-pajjiż taʼ Ġuda, u liema tiġdid se jkun hemm bżonn? (b) Isaija 51:3 jfakkarna f’liema tiġdid li seħħ fi żmienna?
6 Il-faraġ li Jehovah jagħti lil Sijon, jew Ġerusalemm, ma jinkludix biss wegħda li jkollha ġens numeruż. Naqraw: “Il-Mulej iħenn għal Sijon; iħenn għall-ħrieb kollha tagħha. Jagħmel Għeden mid-deżert u ġnien tal-Mulej mix-xagħri tagħha. Fiha jinsabu ferħ u hena, tifħir u għana bid-daqq.” (Isaija 51:3) Matul is-70 sena li jdum ħerba, il-pajjiż taʼ Ġuda se jerġaʼ jsir deżert, miżgħud b’xewk, għollieq, u ħxejjex salvaġġi oħrajn. (Isaija 64:9 [64:10, NW]; Ġeremija 4:26; 9:9-11 [9:10-12, NW]) Għalhekk, minbarra li Ġuda tissetilja f’artha mill-ġdid, se jkun hemm bżonn ukoll it-tiġdid tal-pajjiż, li se jinbidel fi ġnien bħal taʼ Għeden, b’għelieqi għammiela u ġonna tal-frott imsoqqijin sew. L-art se tkun tidher qisha qed tifraħ. Meta jitqabbel maʼ kif kien ħerba matul l-eżilju, il-pajjiż se jkun qisu ġenna taʼ l-art. Il-membri tal-fdal midluk taʼ l-Iżrael t’Alla wkoll daħlu f’ġenna f’sens spiritwali fl-1919.—Isaija 11:6-9; 35:1-7.
Raġunijiet għal Fiduċja f’Jehovah
7, 8. (a) Xi tfisser is-sejħa taʼ Jehovah biex jingħata widen? (b) Għala huwa importanti li Ġuda tagħti kas Jehovah?
7 Waqt li jerġaʼ jinsisti biex jisimgħu minnu, Jehovah jgħid: “Ismaʼ minni, poplu tiegħi, u int, ġensi, agħtini widen. Għax tagħlim joħroġ mingħandi; u s-sewwa tiegħi jkun dawl għall-popli. Qorbot il-ġustizzja tiegħi; ħarġet is-salvazzjoni tiegħi. Driegħi jagħmel ħaqq mill-popli; fija jittamaw il-gżejjer, u ’l driegħi jistennew.”—Isaija 51:4, 5.
8 Is-sejħa taʼ Jehovah lill-ġens biex jagħtih widen tfisser iktar milli sempliċement jismaʼ l-messaġġ tiegħu. Tfisser li jrid joqgħod attent bl-iskop li jaġixxi fuq dak li jismaʼ. (Salm 49:2 [49:1, NW]; 78:1) Il-ġens irid japprezza li Jehovah hu s-Sors taʼ l-istruzzjoni, il-ġustizzja, u s-salvazzjoni. Hu biss huwa s-Sors tat-tidwil spiritwali. (2 Korintin 4:6) Hu l-Imħallef aħħari tal-bnedmin. Il-liġijiet u d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li ġejjin mingħand Jehovah huma dawl għal dawk li jħallu lilhom infushom jiġu gwidati minnhom.—Salm 43:3; 119:105; Proverbji 6:23.
9. Minbarra l-poplu f’patt m’Alla, min se jibbenefika mill-atti taʼ salvazzjoni minn Jehovah?
9 Dan kollu jrid ikun minnu mhux biss rigward il-poplu f’patt m’Alla imma wkoll rigward in-nies li għandhom dispożizzjoni tajba, jgħixu fejn jgħixu, saħansitra fuq l-iktar gżejjer imbegħdin tal-baħar. Il-fiduċja tagħhom f’Alla u fl-abbiltà tiegħu li jaġixxi għan-nom tal-qaddejja leali tiegħu u li jsalvahom mhix se tkun taʼ diżappunt. Is-setgħa, jew qawwa, tiegħu rappreżentata minn driegħu, hi ċerta; ħadd ma jistaʼ jwaqqafha. (Isaija 40:10; Luqa 1:51, 52) Illum bl-istess mod, ix-xogħol taʼ l-ippridkar żeluż mill-membri li fadal taʼ l-Iżrael t’Alla wassal lil miljuni sħaħ, ħafna minnhom minn gżejjer imbegħdin tal-baħar, biex iduru lejn Jehovah u jpoġġu fidi fih.
10. (a) Is-Sultan Nabukodonosor liema verità se jiġi sforzat jagħraf? (b) Liema “smewwiet” u “art” se jintemmu?
10 Jehovah mbagħad jirreferi għal verità li s-Sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja se jkollu jagħrafha. Ħadd u xejn fost dawk li hemm fis-sema jew fuq l-art ma jistaʼ jwaqqaf lil Jehovah milli jwettaq ir-rieda Tiegħu. (Danjel 4:31, 32 [4:34, 35, NW]) Naqraw: “Erfgħu għajnejkom lejn is-smewwiet, u ħarsu lejn l-art hawn taħt. Is-smewwiet jgħibu bħad-duħħan, l-art bħal-libsa titherra; u jmut bħan-nemus min jgħammar fiha. Imma s-salvazzjoni tiegħi tibqaʼ għal dejjem, u l-ġustizzja tiegħi ma tonqos qatt.” (Isaija 51:6) Għalkemm m’hijiex il-politika tas-slaten Babiloniżi li jħallu lill-ilsiera jmorru lura lejn pajjiżhom, ħadd u xejn m’hu se jfixkel lil Jehovah milli jsalva lill-poplu tiegħu. (Isaija 14:16, 17) Is-“smewwiet” taʼ Babilonja, jew il-qawwiet li jaħkmu tagħha, se jgħibu fit-telfa. L-“art” Babiloniża, is-sudditi taʼ dawn il-qawwiet li jaħkmu, se tispiċċa bil-mod il-mod. Iva, saħansitra l-akbar qawwa li teżisti ma tistax tieqaf kontra s-setgħa taʼ Jehovah jew iżżommu milli jwettaq atti taʼ salvazzjoni.
11. It-twettiq sħiħ tal-profezija li s-“smewwiet” u l-“art” taʼ Babilonja se jinġiebu fi tmiem għala huwa inkuraġġanti għall-Kristjani llum?
11 Kemm hu inkuraġġanti għall-Kristjani llum li jkunu jafu li dan il-kliem profetiku twettaq bis-sħiħ! Għala? Għaliex l-appostlu Pietru uża espressjonijiet simili dwar ġrajja li għad trid isseħħ. Hu tkellem dwar jum Jehovah li riesaq b’għaġla kbira, li permezz tiegħu “s-smewwiet jinħarqu u jinħallu, u l-elementi tad-dinja jinqerdu bin-nar.” Imbagħad qal: “Skond il-wegħda tiegħu, nistennew smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:12, 13; Isaija 34:4; Apokalissi 6:12-14) Għalkemm il-ġnus setgħanin u l-ħakkiema tagħhom li huma fl-għoli bħall-kwiekeb jistgħu jisfidaw lil Jehovah, fiż-żmien stabbilit minnu dawn se jinġiebu fix-xejn—se jgħaffiġhom qisu qed jgħaffeġ insett. (Salm 2:1-9) Huwa l-gvern taʼ tjieba t’Alla biss li se jaħkem għal dejjem, fuq soċjetà umana taʼ tjieba.—Danjel 2:44; Apokalissi 21:1-4.
12. Il-qaddejja t’Alla għala m’għandhomx għalfejn jibżgħu meta jiġu mgħajrin minn bnedmin li jopponuhom?
12 Waqt li jkellem lin-‘nies li qegħdin jiġru wara t-tjieba,’ Jehovah issa jgħid: “Isimgħuni, intom li tagħrfu l-ġustizzja; poplu li għandek il-liġi tiegħi f’qalbek. La tibżgħux mit-tagħjir tan-nies; u minn tkasbirhom la tiregħxux. Għax bħal biċċa drapp tikolhom il-kamla, u bħas-suf jikolhom il-wirdien. Il-ġustizzja tiegħi tibqaʼ għal dejjem; u s-salvazzjoni tiegħi minn nisel għal nisel.” (Isaija 51:7, 8) Dawk li qegħdin jafdaw f’Jehovah se jiġu mgħajrin u mkasbrin minħabba l-waqfa kuraġġuża tagħhom, imma din m’hijiex xi ħaġa li jridu jibżgħu minnha. Dawk li jkasbruhom huma sempliċi bnedmin tad-demm u l-laħam li se ‘jittieklu,’ sewwa sew bħalma biċċa drapp tas-suf tittiekel mill-kamla. a Bħal-Lhud leali tal-qedem, il-Kristjani veri llum m’għandhomx għalfejn jibżgħu minn dawk li jopponuhom. Jehovah, dak Alla etern, hu s-salvazzjoni tagħhom. (Salm 37:1, 2) It-tkasbir mingħand l-għedewwa t’Alla qiegħed bħala evidenza li n-nies taʼ Jehovah għandhom l-ispirtu tiegħu.—Mattew 5:11, 12; 10:24-31.
13, 14. X’inhu ffigurat mill-espressjonijiet “Raħab” u “Dragun,” u kif jiġi ‘mqattaʼ biċċiet’ u ‘minfud’?
13 Bħallikieku qed isejjaħ lil Jehovah biex jaġixxi għan-nom tal-poplu mjassar Tiegħu, Isaija jgħid: “Stenbaħ, stenbaħ, xidd il-qawwa, driegħ il-Mulej! Stenbaħ bħal fi żmien il-qedem, fiż-żminijiet li ilhom li għaddew. M’hux int kont li għamilt bċejjeċ lil Raħab, li niffidt lid-Dragun? M’hux int li nixxift il-baħar, l-ilma taʼ l-abbissi l-kbar? M’hux int li għamilt triq fl-ibħra, biex jgħaddu l-mifdija?”—Isaija 51:9, 10.
14 L-eżempji storiċi li jitkellem dwarhom Isaija huma magħżulin tajjeb. Kull Iżraeli jaf kif il-ġens ġie meħlus mill-Eġittu u kif għadda minn ġol-Baħar l-Aħmar. (Eżodu 12:24-27; 14:26-31) L-espressjonijiet “Raħab” u “Dragun” jirreferu għall-Eġittu taħt Fargħun li ma riedx iħalli lil Iżrael joħroġ mill-Eġittu. (Salm 74:13; 87:4; Isaija 30:7) Peress li kien jibda mill-bokka tax-Xmara Nil u jibqaʼ sejjer fit-tul għal mijiet taʼ kilometri mal-Wied fertili tax-Xmara Nil, l-Eġittu tal-qedem kien jixbah lil serpent mostruż. (Eżekjel 29:3) Imma dan il-mostru tqattaʼ biċċiet meta Jehovah sawwab l-Għaxar Kastigi fuqu. Ġie minfud, ferut bl-ikrah, u mdgħajjef meta l-eżerċtu tiegħu nqered fl-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar. Iva, Jehovah wera l-qawwa taʼ driegħu mill-mod kif ittratta maʼ l-Eġittu. Se jkun hu inqas ansjuż li jiġġieled għall-poplu tiegħu eżiljat f’Babilonja?
15. (a) Meta u kif se jgħibu n-niket u t-tnehid taʼ Sijon? (b) In-niket u t-tnehid meta għabu għall-Iżrael t’Alla fi żmienna?
15 Waqt li issa tħares ’il quddiem lejn il-ħelsien taʼ Iżrael minn Babilonja, il-profezija tissokta: “Lura jerġgħu l-mifdija tal-Mulej, u jidħlu f’Sijon b’għajat taʼ ferħ. Iroxx fuqhom hena għal dejjem; hena u ferħ jiksbu, u jgħibu n-niket u t-tnehid!” (Isaija 51:11) Hi kemm hi taʼ niket is-sitwazzjoni tagħhom f’Babilonja, dawk li jfittxu t-tjieba taʼ Jehovah għandhom prospetti glorjużi. Se jiġi żmien meta n-niket u t-tnehid se jgħibu. Għajat taʼ ferħ, hena u ferħ—dawn se jinstemgħu minn xofftejn il-mifdijin. Fit-twettiq modern taʼ dan il-kliem profetiku, l-Iżrael t’Alla ġie meħlus mill-jasar f’Babilonja fl-1919. Huma rritornaw lejn il-qasam spiritwali tagħhom b’hena kbir—hena li għadu sejjer fi żmienna.
16. Xi prezz jitħallas sabiex jinfdew il-Lhud?
16 X’se jkun il-prezz tal-fidwa tal-Lhud? Il-profezija taʼ Isaija diġà rrivelat li Jehovah jagħti “l-Eġittu b’fidwa tiegħek, l-Etjopja u ’l Seba għalik.” (Isaija 43:1-4, KŻ) Dan se jseħħ iktar tard. Wara li jikkonkwista lil Babilonja u jeħles lill-ilsiera Lhud, l-Imperu Persjan se jikkonkwista lill-Eġittu, lill-Etjopja, u lil Seba. Dawn se jingħataw minflok l-Iżraelin. Dan hu fi qbil mal-prinċipju li nsibu fi Proverbji 21:18: “Iħallas il-ħażin għall-fidwa tal-ġust; u t-traditur għal min hu leali.”
Iktar Serħan il-Moħħ
17. Il-Lhud għala m’għandhomx għalfejn jibżgħu mill-qilla taʼ Babilonja?
17 Jehovah jkompli jserraħ moħħ il-poplu tiegħu: “Jiena, jien hu li nfarraġkom! Min int biex tibżaʼ minn bniedem li jmut? Minn bin Adam li bħal ħaxix jitqies? Int insejt il-Mulej il-ħallieq tiegħek, li firex is-smewwiet, u sejjes l-art. Il-jum kollu kont imbeżżaʼ mill-qilla taʼ l-oppressur. Kien ifittex li jeqirdek, imma issa fejn hi l-qilla tiegħu?” (Isaija 51:12, 13) Ġejjin snin t’eżilju. Xorta waħda, m’hemmx lok għal biżaʼ mill-qilla taʼ Babilonja. Għalkemm dan il-ġens, it-tielet qawwa dinjija msemmija fil-Bibbja, se jikkonkwista lin-nies t’Alla u jfittex li ‘jeqridhom,’ jew iżommhom milli jaħarbu, il-Lhud leali jafu li Jehovah bassar il-waqgħa taʼ Babilonja taħt idejn Ċiru. (Isaija 44:8, 24-28) B’kuntrast mal-Ħallieq—dak Alla taʼ dejjem, Jehovah—l-abitanti taʼ Babilonja se jgħibu bħall-ħaxix li jidbiel taħt ir-raġġi jaħarqu tax-xemx matul l-istaġun tan-nixfa. Imbagħad fejn se jkunu t-theddid u l-qilla tagħhom? Kemm ma jkunx għaqli min jibżaʼ mill-bniedem u jinsa lil Jehovah, dak li għamel is-sema u l-art!
18. Għalkemm in-nies tiegħu se jkunu priġunieri għal xi żmien, Jehovah kif iserrħilhom moħħhom?
18 Għalkemm in-nies taʼ Jehovah se jkunu lsiera għal xi żmien, bħallikieku ‘milwijin’ fil-ktajjen, il-ħelsien tagħhom se jiġi ħabta u sabta. M’humiex se jinqerdu għalkollox f’Babilonja jew imutu bil-ġuħ bħala priġunieri, lanqas jispiċċaw bla ħajja f’Xeol, il-ħofra. (Salm 30:4 [30:3, NW]; 88:4-6 [88:3-5, NW]) Jehovah jserrħilhom moħħhom: “Il-milwi taħtha dalwaqt jinħeles, ma jmutx u ma jwaddbuhx fil-ħofra, u lanqas ma jonqsu l-ħobż.”—Isaija 51:14.
19. Il-Lhud leali għala jistaʼ jkollhom fiduċja sħiħa fi kliem Jehovah?
19 Waqt li għadu jfarraġ lil Sijon, Jehovah jissokta: “Jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, dak li jqanqal il-baħar, u jgargru l-imwieġ tiegħu, Jaħweh taʼ l-eżerċti jismu. Jien qegħedt kliemi fuq fommok, u b’dell idi għattejtek, biex frixt is-smewwiet, u sejjist l-art, u għedt lil Sijon: ‘Inti l-poplu tiegħi.’” (Isaija 51:15, 16) Il-Bibbja kemm-il darba ssemmi kif Alla għandu l-ħila jifrex il-qawwa tiegħu għal fuq il-baħar u jikkontrollah. (Ġob 26:12; Salm 89:10 [89:9, NW]; Ġeremija 31:35) Hu għandu kontroll sħiħ fuq l-elementi, bħalma wera meta ħeles lill-poplu tiegħu mill-Eġittu. Min jistaʼ jitqabbel, saħansitra bl-iktar mod insinifikanti, maʼ “Jaħweh taʼ l-eżerċti”?—Salm 24:10.
20. Liema “smewwiet” u “art” se jibdew jeżistu meta Jehovah jerġaʼ jibni lil Sijon, u liema kliem taʼ faraġ se jlissen?
20 Il-Lhud jibqgħu l-poplu f’patt m’Alla, u Jehovah jserrħilhom moħħhom li se jirritornaw lejn art twelidhom, biex għal darb’oħra jgħixu taħt il-Liġi tiegħu. Hemmhekk se jibnu mill-ġdid lil Ġerusalemm u t-tempju u jerġgħu jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom taħt il-patt li Jehovah għamel magħhom permezz taʼ Mosè. Meta l-pajjiż jibda jimtela mill-ġdid bl-Iżraelin li jirritornaw u bl-annimali domestiċi tagħhom, se tibda teżisti “art ġdida.” Fuqha se jitpoġġew “smewwiet ġodda,” sistema governattiva ġdida. (Isaija 65:17-19; Ħaggaj 1:1, 14) Jehovah se jerġaʼ jgħid lil Sijon: “Inti l-poplu tiegħi.”
Sejħa għal Azzjoni
21. Jehovah joħroġ liema sejħa għal azzjoni?
21 Wara li jkun assigura lil Sijon, Jehovah joħroġ sejħa għal azzjoni. Waqt li jitkellem bħallikieku s-sofferenzi tagħha kienu diġà ntemmu, hu jgħid: “Stenbaħ! Stenbaħ! Qum Ġerusalemm! Int li xrobt il-kus taʼ għadbu minn id l-Mulej, xrobt it-tazza tal-mejt sal-qiegħ.” (Isaija 51:17) Iva, Ġerusalemm trid tqum mill-kundizzjoni diżastruża tagħha u terġaʼ tikseb il-pożizzjoni u l-glorja li kellha qabel. Se jiġi ż-żmien meta hi se tkun xorbot sa qiegħ it-tazza simbolika taʼ tpattija divina. Ma se jibqaʼ xejn mir-rabja t’Alla lejha.
22, 23. X’se ġġarrab Ġerusalemm meta tixrob it-tazza tar-rabja taʼ Jehovah?
22 Minkejja dan, waqt li Ġerusalemm qed tiġi kastigata, ħadd mill-abitanti tagħha, “uliedha,” ma se jkollu l-ħila jżomm lura dak li qed jiġri. (Isaija 43:5-7; Ġeremija 3:14) Tgħid il-profezija: “Ma kellha ’l ħadd li jmexxiha, minn fost l-ulied li wildet. Ma kien hemm ħadd li joħdilha idha, minn fost uliedha li rabbiet.” (Isaija 51:18) Kemm se ssofri taħt idejn il-Babiloniżi! “Żewġ ħsarat laħquk,– min se jħenn għalik? – ħerba u qerda; ġuħ u xabla. Min sa jfarrġek? Uliedek mitruħa mitluqa maʼ kull kantuniera, bħal għażżiela maqbuda f’xibka. Mimlija bil-qilla tal-Mulej, bit-tehdid taʼ Alla tiegħek.”—Isaija 51:19, 20.
23 Povra Ġerusalemm! Se jkollha tissaporti “ħerba u qerda” kif ukoll “ġuħ u xabla.” Peress li ma jistgħux jiggwidawha u jżommuha fuq saqajha, “uliedha” se jkunu bla ħila, għadma u ġilda, m’għandhomx saħħa biżżejjed biex jilqgħu l-attakk taʼ l-invażuri Babiloniżi. Fejn jidhru, maʼ kull kantuniera, se jintelqu mitruħa, dgħajfin, u mifnijin. (Lamentazzjonijiet 2:19; 4:1, 2) Se jkunu xorbu t-tazza taʼ l-għadab t’Alla u se jkunu bla saħħa bħal annimali li jinqabdu f’xibka.
24, 25. (a) Liema ħaġa mhix se tkun ripetuta għal Ġerusalemm? (b) Wara Ġerusalemm, min imissu jixrob it-tazza tar-rabja taʼ Jehovah?
24 Imma din is-sitwazzjoni taʼ niket se tispiċċa. Isaija jgħid b’faraġ: “Għalhekk ismaʼ din, msejkna, sakrana, imma mhux bl-inbid. Dan jgħid sidek il-Mulej, Alla tiegħek li jaqbeż għall-poplu tiegħu: ‘Arani, jien neħodlok minn idek il-kus tal-mejt; it-tazza taʼ għadbi ma tixrobhiex aktar. U nqegħedha f’idejn dawk li ħaqruk, dawk li qalulek: “Tgħawweġ ħa ngħaddu minn fuqek.” U int dahrek għamiltu bħal qiegħa taʼ l-art, u bħal triq biex jgħaddu minnha n-nies.’” (Isaija 51:21-23) Wara li jiddixxiplina lil Ġerusalemm, Jehovah lest li jitħassarha u juriha spirtu taʼ maħfra.
25 Jehovah issa se jneħħi r-rabja tiegħu minn fuq Ġerusalemm u jixħetha fuq Babilonja. Babilonja se tkun qerdet għalkollox lil Ġerusalemm u umiljatha. (Salm 137:7-9) Imma Ġerusalemm mhux se jkollha għalfejn terġaʼ tixrob minn din it-tazza taħt idejn Babilonja jew l-alleati tagħha. Minflok, it-tazza se tittieħed minn id Ġerusalemm u tingħata lil dawk li ferħu bl-għajb tagħha. (Lamentazzjonijiet 4:21, 22) Babilonja se taqaʼ, mejta bis-sakra. (Ġeremija 51:6-8) Sadanittant, Sijon se tqum! Kif inqalbet il-folja! Verament, Sijon tistaʼ titfarraġ bi prospett bħal dan. U l-qaddejja taʼ Jehovah jistgħu jiġu żgurati li ismu se jitqaddes permezz taʼ l-atti taʼ salvazzjoni tiegħu.
[Nota taʼ taħt]
a Il-kamla li ssir referenza għaliha hawnhekk hija b’mod evidenti l-kamla li tiekol il-ħwejjeġ, b’mod partikulari meta tkun dudu għadu kif faqqas li jagħmel ħafna ħsara.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 167]
Jehovah, Abraham Akbar, hu “l-blata” li minnha ‘nqataʼ’ l-poplu tiegħu
[Stampa f’paġna 170]
Dawk li jopponu lill-poplu t’Alla se jgħibu, bħal biċċa drapp mikula mill-kamla
[Stampa f’paġna 176, 177]
Jehovah wera l-qawwa tiegħu biex jikkontrolla l-elementi
[Stampa f’paġna 178]
It-tazza li se tkun xorbot minnha Ġerusalemm se tingħata lil Babilonja u l-alleati tagħha