‘Għajtu bil-Ferħ Ilkoll Flimkien’!
Kapitlu Tlettax
‘Għajtu bil-Ferħ Ilkoll Flimkien’!
1. Il-kliem profetiku taʼ Isaija kapitlu 52 għala huwa sors taʼ ferħ, u liema żewġ twettiqiet għandu?
ĦELSIEN! Jistaʼ jkun hemm prospett iktar ferrieħi għal poplu li qiegħed fil-jasar? Ladarba l-ħelsien u t-tiġdid huma tema ewlenija fil-ktieb taʼ Isaija, ma niskantawx li minbarra s-Salmi, dan il-ktieb Bibliku fih iktar espressjonijiet taʼ ferħ minn kwalunkwe ktieb ieħor. B’mod speċjali, Isaija kapitlu 52 jagħti raġuni lin-nies t’Alla biex jifirħu. Il-kliem profetiku tiegħu jitwettaq fuq Ġerusalemm fis-sena 537 Q.E.K. U għandu twettiq akbar li jinvolvi lil “Ġerusalemm taʼ fuq,” l-organizzazzjoni taʼ Jehovah fformata minn ħlejjaq spirti fis-sema, li kultant tiġi deskritta bħala omm u mara miżżewġa.—Galatin 4:26; Apokalissi 12:1.
“Xidd il-Qawwa Tiegħek, Sijon!”
2. Sijon meta tistenbaħ, u dan kif iseħħ?
2 Permezz taʼ Isaija, Jehovah jsejjaħ lil Sijon, il-belt maħbuba Tiegħu: “Stenbaħ! Stenbaħ! Xidd il-qawwa tiegħek, Sijon! Ilbes mill-isbaħ, Ġerusalemm, belt qaddisa! Fik il-pagan jew l-imniġġes ma jidħolx aktar. Tfarfar mit-trab, qum, lsira Ġerusalemm, ħoll l-irbit minn għonqok, lsira bint Sijon!” (Isaija 52:1, 2) Minħabba li l-abitanti tagħha qanqlu r-rabja taʼ Jehovah, Ġerusalemm ilha ħerba 70 sena. (2 Slaten 24:4; 2 Kronaki 36:15-21; Ġeremija 25:8-11; Danjel 9:2) Issa wasal iż-żmien biex hi tistenbaħ mill-perijodu twil taʼ inattività u xxidd l-ilbiesi sbieħ tal-ħelsien. Jehovah qanqal qalb Ċiru biex jeħles lill-“ilsira bint Sijon” sabiex dawk li qabel kienu jgħixu f’Ġerusalemm u nisilhom ikunu jistgħu jitilqu minn Babilonja, imorru lura lejn Ġerusalemm, u jistabbilixxu mill-ġdid il-qima vera. Ma jrid jinstab ħadd f’Ġerusalemm li ma jkunx ċirkonċiż u nadif.—Esdra 1:1-4.
3. Il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin għala tistaʼ tissejjaħ “bint Sijon,” u dawn f’liema sens huma meħlusin?
3 Dan il-kliem taʼ Isaija jitwettaq ukoll fuq il-kongregazzjoni Kristjana. Il-kongregazzjoni taʼ Kristjani midlukin tistaʼ tiġi deskritta bħala “bint Sijon” taʼ żmienna, ladarba “Ġerusalemm taʼ fuq” hi ommhom. a Wara li nħelsu mit-tagħlim pagan u mid-duttrini apostati, il-midlukin iridu jżommu waqfa nadifa quddiem Jehovah, mhux billi jkunu ċirkonċiżi fil-ġisem, imma billi jkunu ċirkonċiżi fil-qalb. (Ġeremija 31:33; Rumani 2:25-29) Dan jinkludi li jibqgħu nodfa spiritwalment, mentalment, u moralment quddiem Jehovah.—1 Korintin 7:18 [7:19, NW]; Efesin 2:3.
4. Għalkemm “Ġerusalemm taʼ fuq” obdietu dejjem lil Jehovah, liema esperjenzi tar-rappreżentanti tagħha fuq l-art jirriflettu dawk taʼ l-abitanti taʼ Ġerusalemm tal-qedem?
4 Huwa minnu li “Ġerusalemm taʼ fuq” obdietu dejjem lil Jehovah. Madankollu, matul l-ewwel gwerra dinjija, ir-rappreżentanti tagħha fuq l-art—il-Kristjani midlukin—bla ma riedu kisru l-liġi taʼ Jehovah għaliex ma fehmux sew x’hemm involut fin-newtralità Kristjana vera. B’riżultat taʼ dan, huma tilfu l-favur divin u daħlu f’jasar spiritwali taħt “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji taʼ reliġjon falza. (Apokalissi 17:5) Il-kundizzjoni tagħhom fil-jasar laħqet il-quċċata f’Ġunju taʼ l-1918 meta tmien rappreżentanti tal-Watch Tower Society ġew mitfugħin il-ħabs fuq akkużi foloz, inkluż it-tradiment. F’dan il-punt l-ippridkar organizzat taʼ l-aħbar tajba kważi waqaf għalkollox. Madankollu, fl-1919 dwiet stedina qawwija biex jistenbħu spiritwalment. Il-Kristjani midlukin bdew jisseparaw ruħhom iktar bis-sħiħ mill-ħmieġ morali u spiritwali taʼ Babilonja l-Kbira. Huma qamu mit-trab tal-jasar, u “Ġerusalemm taʼ fuq” saret tiddi bħala “belt qaddisa” fejn il-ħmieġ spiritwali m’huwiex permess.
5. Jehovah għala għandu kull dritt li jixtri lura lin-nies tiegħu mingħajr ma jħallas ebda kumpens lil dawk li ħaduhom fil-jasar?
5 Kemm fis-sena 537 Q.E.K. kif ukoll fl-1919 E.K., Jehovah kellu kull dritt li jeħles lill-poplu tiegħu. Jispjega Isaija: “Dan jgħid il-Mulej: ‘Kontu mibjugħa b’xejn, u mingħajr flus tinfdew.’” (Isaija 52:3) La Babilonja tal-qedem u lanqas Babilonja l-Kbira ma ħallsu xi ħaġa meta ħadu taħt idejhom bħala lsiera lill-poplu f’patt m’Alla. Ladarba ma seħħ ebda negozju li jinvolvi l-flus, Jehovah kien għadu s-Sid legali tal-poplu tiegħu. Kellu hu jħossu midjun lejn xi ħadd? Dażgur li le. Fiż-żewġ każi, Jehovah setaʼ bi dritt jixtri lura lill-adoraturi tiegħu mingħajr ma jħallas ebda kumpens lil dawk li ħaduhom fil-jasar.—Isaija 45:13.
6. L-għedewwa taʼ Jehovah ma tawx kas taʼ liema eżempji mill-istorja?
6 L-istorja ma kienet għallmithom xejn lill-għedewwa taʼ Jehovah. Naqraw: “Dan jgħid sidi l-Mulej: ‘Niżel il-poplu tiegħi żmien ilu fl-Eġittu, biex jgħammar hemm barrani; u l-Assirja għakksitu għal xejn b’xejn.’” (Isaija 52:4) Il-Fargħun taʼ l-Eġittu xeħet fil-jasar lill-Iżraelin, li kienu ġew mistidnin biex jintwerew ospitalità f’pajjiżu. Imma Jehovah għarraq lill-Fargħun u lill-eżerċtu tiegħu fil-Baħar l-Aħmar. (Eżodu 1:11-14; 14:27, 28) Meta s-Sultan Sanħerib taʼ l-Assirja hedded lil Ġerusalemm, l-anġlu taʼ Jehovah qatel 185,000 mis-suldati tas-sultan. (Isaija 37:33-37) B’mod simili, la Babilonja tal-qedem u lanqas Babilonja l-Kbira ma jistgħu jiskansaw il-konsegwenzi talli għakksu lill-poplu t’Alla.
“Il-Poplu Tiegħi Jagħraf Ismi”
7. Il-jasar tan-nies taʼ Jehovah x’effett kellu fuq ismu?
7 Il-kundizzjoni taʼ jasar tal-poplu taʼ Jehovah teffettwa lil ismu, bħalma turi l-profezija: “Issa x’se nagħmel jien hawnhekk? Oraklu tal-Mulej. Il-poplu tiegħi kien meħud bla flus, u l-ħakkiema tiegħu jiftaħru b’dan, Oraklu tal-Mulej. Ismi mkasbar kull jum. Għalhekk il-poplu tiegħi jagħraf ismi; jagħraf dakinhar li [jien] hu li kont ngħid: ‘Hawn jien!’” (Isaija 52:5, 6) Jehovah x’interess għandu fis-sitwazzjoni? Għala jikkonċernah li Iżrael qiegħed fil-jasar f’Babilonja? Jehovah jrid jaġixxi għaliex Babilonja ħadet lin-nies tiegħu fil-jasar u għoxiet għax trijonfat fuqhom. Dan il-ftaħir wassal biex Babilonja tittratta l-isem taʼ Jehovah b’nuqqas taʼ rispett. (Eżekjel 36:20, 21) Hi ma rrikonoxxietx li Ġerusalemm tinsab f’kundizzjoni taʼ ħerba minħabba li Jehovah hu nkorlat għall-poplu tiegħu. Minflok, Babilonja qieset il-jasar tal-Lhud bħala evidenza tad-dgħjufija t’Alla tagħhom. Beltassar taʼ Babilonja, li qed jaħkem flok missieru, saħansitra jżeblaħ lil Jehovah billi juża reċipjenti mit-tempju Tiegħu waqt festa li saret biex tonora lil xi allat Babiloniżi.—Danjel 5:1-4.
8. Isem Jehovah kif ġie trattat wara l-mewt taʼ l-appostli?
8 Dan kollu kif japplika għal “Ġerusalemm taʼ fuq”? Minn mindu l-apostasija stabbiliet ruħha fost il-Kristjani taʼ l-isem, setaʼ jingħad li ‘l-isem taʼ Alla ġie mżeblaħ fost il-ġnus minħabba fihom.’ (Rumani 2:24; Atti 20:29, 30) Inkwantu għal dan, minħabba s-superstizzjoni, il-Lhud maż-żmien bdew jevitaw l-użu taʼ l-isem divin. Ftit wara l-mewt taʼ l-appostli, Kristjani apostati għamlu bħalhom u ma baqgħux jużaw l-isem persunali t’Alla. Mill-apostasija żviluppa l-Kristjaneżmu, parti kbira ferm minn Babilonja l-Kbira. (2 Tessalonikin 2:3, 7; Apokalissi 17:5) L-immoralità sfaċċata u l-ħtija tad-demm bla mistħija tal-Kristjaneżmu rriflettew ħażin fuq isem Jehovah.—2 Pietru 2:1, 2.
9, 10. Fi żmienna, il-poplu f’patt m’Alla sar għandu liema fehma iktar profonda dwar il-livelli taʼ Jehovah u dwar ismu?
9 Meta fl-1919 Ċiru Akbar, Ġesù Kristu, ħeles lill-poplu f’patt m’Alla mill-jasar taħt Babilonja l-Kbira, huma bdew jifhmu aħjar x’kienu l-ħtiġijiet taʼ Jehovah. Kienu diġà tnaddfu minn ħafna mit-tagħlim tal-Kristjaneżmu li għandu l-għeruq fil-paganiżmu taʼ qabel l-era Kristjana u li jinkludi t-Trinità, l-immortalità tar-ruħ, u t-turment etern fin-nar taʼ l-infern. Issa kienu determinati li jeħilsu minn kull ħaġa li għamlu għax kienu ġew influwenzati minn Babilonja. Bdew jirrealizzaw ukoll l-importanza taʼ li jżommu newtralità stretta fejn għandhom x’jaqsmu l-kwistjonijiet li jikkaġunaw firda fid-dinja. Huma riedu wkoll jissaffew minn kull ħtija tad-demm li xi wħud minnhom setgħu ġabu fuqhom.
10 Il-qaddejja t’Alla fi żmienna kisbu wkoll fehma iktar profonda dwar l-importanza taʼ isem Jehovah. Fl-1931 huma adottaw l-isem Xhieda taʼ Jehovah, u b’hekk ħabbru pubblikament li kienu jappoġġaw lil Jehovah u lil ismu. Iktar minn hekk, permezz tal-pubblikazzjoni tan-New World Translation mill-1950 ’l hawn, ix-Xhieda taʼ Jehovah reġgħu poġġew l-isem divin fil-post xieraq tiegħu fil-Bibbja. Iva, huma saru japprezzaw isem Jehovah u qegħdin jagħmluh magħruf sat-truf taʼ l-art.
“Min Iħabbar il-Bxara”
11. L-għajta “Alla tiegħek isaltan!” għala hija xierqa rigward il-ġrajjiet li seħħew fis-sena 537 Q.E.K.?
11 Issa l-attenzjoni tagħna tmur lura lejn Sijon meta din għadha fi stat taʼ ħerba. Jersaq messaġġier li jġib aħbar tajba: “Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn taʼ min iħabbar il-bxara, taʼ min ixandar is-sliem, taʼ min iħabbar ir-riżq, taʼ min ixandar is-salvazzjoni, u jgħid lil Sijon: ‘Alla tiegħek isaltan!’” (Isaija 52:7, 8a [52:7, “NW”]) Fis-sena 537 Q.E.K., kif jistaʼ jingħad li Alla taʼ Sijon sar Sultan? Jehovah mhux minn dejjem kien Sultan? Tabilħaqq, hu s-“Sultan taʼ l-eternità”! (Rivelazzjoni 15:3, NW) Imma l-għajta “Alla tiegħek isaltan!” hija xierqa għaliex il-waqgħa taʼ Babilonja u d-dikjarazzjoni rjali biex it-tempju f’Ġerusalemm jinbena mill-ġdid u l-qima safja tiġi stabbilita mill-ġdid hemmhekk jifformaw espressjoni ġdida taʼ l-istat taʼ Jehovah bħala sultan.—Salm 97:1.
12. Min kien minn taʼ quddiem biex “iħabbar il-bxara,” u kif?
12 Fi żmien Isaija, ebda individwu jew grupp taʼ individwi ma kien identifikat bħala “min iħabbar il-bxara.” Iżda llum l-identità taʼ min iħabbar il-bxara hija magħrufa. Ġesù Kristu hu l-aqwa messaġġier tas-sliem taʼ Jehovah. Meta kien fuq l-art, hu ppriedka l-aħbar tajba li kellu jkun hemm ħelsien mill-effetti kollha tad-dnub li ntiret minn Adam, inkluż il-mard u l-mewt. (Mattew 9:35) Ġesù ħalla eżempju taʼ żelu f’li jxandar din l-aħbar tajba taʼ xi ħaġa aħjar, billi ħataf kull opportunità biex jgħallem lin-nies dwar is-Saltna t’Alla. (Mattew 5:1, 2; Mark 6:34; Luqa 19:1-10; Ġwann 4:5-26) U d-dixxipli tiegħu segwew l-eżempju tiegħu.
13. (a) L-appostlu Pawlu kif żied fuq it-tifsira taʼ l-espressjoni “Kemm huma sbieħ fuq il-muntanji r-riġlejn taʼ min iħabbar il-bxara”? (b) Għala jistaʼ jingħad li riġlejn il-messaġġiera huma “sbieħ”?
13 Fl-ittra tiegħu lir-Rumani, l-appostlu Pawlu jikkwota Isaija 52:7 biex jenfasizza l-importanza tax-xogħol tax-xandir taʼ l-aħbar tajba. Hu jistaqsi sensiela taʼ mistoqsijiet li jqanqlu l-ħsieb, inkluż ‘Kif jistgħu jisimgħu n-nies jekk ma jxandrulhomx?’ Imbagħad jgħid: “Bħalma hemm miktub: ‘Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid.’” (Rumani 10:14, 15) Pawlu b’hekk iżid l-applikar taʼ Isaija 52:7, billi juża l-forma fil-plural “dawk” minflok is-singular “min,” li tidher fit-test oriġinali taʼ Isaija. Peress li jimitaw lil Ġesù Kristu, il-Kristjani kollha huma messaġġiera taʼ l-aħbar tajba tas-sliem. Riġlejhom kif inhuma “sbieħ”? Isaija jitkellem bħallikieku l-messaġġier riesaq lejn Ġerusalemm mill-muntanji taʼ Ġuda fil-qrib. Mill-bogħod huwa impossibbli li tara riġlejn il-messaġġier. Minflok, hawnhekk l-enfasi qiegħda fuq il-messaġġier, billi r-riġlejn jirrappreżentaw lill-messaġġier innifsu. Sewwa sew bħalma Ġesù u d-dixxipli tiegħu kienu jidhru sbieħ għall-ġwejdin fl-ewwel seklu, ix-Xhieda taʼ żmienna huma attraenti għan-nies umlin li jagħtu kas il-messaġġ taʼ l-aħbar tajba li jsalva l-ħajja.
14. Jehovah kif sar Sultan fi żmienna, u minn meta tħabbar dan lill-bnedmin?
14 Fi żmienna, minn meta nstemgħet l-għajta “Alla tiegħek isaltan!”? Mill-1919 ’l hawn. F’dik is-sena, f’konvenzjoni li saret f’Cedar Point, Ohio, J. F. Rutherford, li dak iż-żmien kien il-president tal-Watch Tower Society, qanqal lis-semmiegħa tiegħu meta kellimhom dwar is-suġġett: “Taħdita għall-Ħaddiema Sħabna.” Din kienet ibbażata fuq Isaija 52:7 u Apokalissi 15:2, u inkuraġġiet lil dawk kollha preżenti biex jibdew jaħdmu fix-xogħol taʼ l-ippridkar. B’hekk, ‘riġlejn sbieħ’ bdew jidhru fuq “il-muntanji.” L-ewwel il-Kristjani midlukin u iktar tard sħabhom min-“nagħaġ oħra” ħarġu b’mod żeluż jippridkaw l-aħbar tajba li Jehovah kien sar Sultan. (Ġwann 10:16) Jehovah kif kien sar Sultan? Hu esprima mill-ġdid l-istat tiegħu bħala sultan fl-1914 meta ħatar lil Ibnu, Ġesù Kristu, bħala Sultan fis-Saltna tas-sema li kienet għadha kif ġiet stabbilita. U Jehovah għamel jerġaʼ espressjoni oħra taʼ l-istat tiegħu bħala sultan fl-1919 meta ħeles lil “Iżrael taʼ Alla” minn Babilonja l-Kbira.—Galatin 6:16; Salm 47:9 [47:8, NW]; Apokalissi 11:15, 17; 19:6.
“L-Għassiesa Tiegħek Għollew Leħinhom”
15. Min huma l-“għassiesa” li jgħollu leħinhom fis-sena 537 Q.E.K.?
15 L-għajta “Alla tiegħek isaltan!” tqanqal xi rispons? Iva. Jikteb Isaija: “Ismagħha l-għajta! L-għassiesa tiegħek għollew leħenhom, lkoll flimkien jgħajjtu bil-ferħ, għax raw b’għajnejhom lill-Mulej rieġaʼ lura f’Sijon.” (Isaija 52:8b) M’hemmx għassiesa letterali li joqogħdu għassa f’Ġerusalemm fis-sena 537 Q.E.K. biex jilqgħu lura lill-ewwel eżiljati li jirritornaw. Il-belt ilha ħerba 70 sena. (Ġeremija 25:11, 12) Mela l-“għassiesa” li jgħollu leħinhom bilfors li huma dawk l-Iżraelin li taslilhom l-aħbar bil-quddiem rigward li Sijon tiġi stabbilita mill-ġdid u li jħossuhom responsabbli li jgħaddu l-aħbar lill-bqija minn ulied Sijon. Malli jaraw lil Jehovah jagħti lil Babilonja f’idejn Ċiru fis-sena 539 Q.E.K., l-għassiesa ma jibqgħalhom ebda dubju f’moħħhom li Jehovah qed jeħles lill-poplu tiegħu. Flimkien maʼ dawk li jwieġbu għas-sejħa tagħhom, l-għassiesa jibqgħu jgħajtu bil-ferħ flimkien, billi jħallu lil oħrajn jisimgħu l-aħbar tajba.
16. L-għassiesa lil min jaraw “b’għajnejhom,” u f’liema sens?
16 L-għassiesa attenti jistabbilixxu relazzjoni persunali mill-qrib maʼ Jehovah, billi ‘jarawh b’għajnejhom,’ jew bħallikieku, wiċċ imbwiċċ. (Numri 14:14) Il-kuntatt mill-qrib li għandhom maʼ Jehovah u bejniethom jenfasizza l-unità tagħhom u n-natura ferriħija tal-messaġġ tagħhom.—1 Korintin 1:10.
17, 18. (a) Il-klassi taʼ l-għassies fi żmienna kif għolliet leħinha? (b) Il-klassi taʼ l-għassies f’liema sens għajtet flimkien?
17 Fit-twettiq taʼ żmienna, il-klassi taʼ l-għassies, “l-ilsir leali u diskret,” tgħolli leħinha mhux biss lil dawk li diġà qegħdin fl-organizzazzjoni viżibbli t’Alla imma wkoll lill-barranin. (Mattew 24:45-47, NW) Fl-1919 ħarġet sejħa biex jinġabru dawk li kien fadal mill-midlukin, u fl-1922 is-sejħa kompliet titqawwa fil-konvenzjoni li saret f’Cedar Point, Ohio, bl-appell biex ‘jirriklamaw, jirriklamaw, jirriklamaw, lis-Sultan u s-saltna tiegħu.’ Mill-1935 ’l hawn, l-attenzjoni ntefgħet fuq il-ġbir taʼ kotra kbira taʼ wħud bħal nagħaġ. (Apokalissi 7:9, 10) Dan l-aħħar, l-avviż dwar l-istat taʼ Jehovah bħala sultan kompla jitqawwa. Kif? Fis-sena 2000, xi sitt miljun ruħ kienu qegħdin jieħdu sehem f’li jitkellmu dwar l-istat taʼ Jehovah bħala sultan f’iktar minn 230 pajjiż u territorju. Iżjed minn hekk, It-Torri taʼ l-Għassa, l-istrument prinċipali tal-klassi taʼ l-għassies, isemmaʼ dan il-messaġġ ferrieħi f’iktar minn 130 lingwa.
18 Biex tieħu sehem f’xogħol li jgħaqqad bħal dan jeħtieġ li jkollok l-umiltà u li tkun tħobb lill-aħwa. Biex is-sejħa tkun effettiva, dawk kollha li huma involuti jridu jxandru l-istess messaġġ. F’dan il-messaġġ iridu jispikkaw l-isem taʼ Jehovah, il-provvediment li għamel għall-fidwa tal-bnedmin, għerfu, imħabbtu, u Saltnatu. Hekk kif il-Kristjani madwar id-dinja kollha jaħdmu spalla maʼ spalla, ir-rabta persunali li għandhom maʼ Jehovah tissaħħaħ biex flimkien isemmgħu l-bxajjar taʼ ferħ.
19. (a) Il-“ħerbiet taʼ Ġerusalemm” kif isiru ferriħin? (b) Jehovah f’liema sens ‘kixef id-driegħ qaddis tiegħu’?
19 Peress li n-nies t’Alla jgħajtu bil-ferħ, anki l-post fejn jgħammru jidher ferrieħi. Tkompli l-profezija: “Intom, ħerbiet taʼ Ġerusalemm, għajjtu lkoll bil-ferħ, għax farraġ il-Mulej il-poplu tiegħu, feda lil Ġerusalemm. Kixef il-Mulej id-driegħ tiegħu qaddis, quddiem il-ġnus kollha, u raw it-truf kollha taʼ l-art is-salvazzjoni taʼ Alla tagħna.” (Isaija 52:9, 10) Meta jaslu dawk li jirritornaw minn Babilonja, il-postijiet imnikktin tal-ħerbiet f’Ġerusalemm ikollhom dehra ferriħija għaliex issa l-qima safja taʼ Jehovah tistaʼ tiġi stabbilita mill-ġdid. (Isaija 35:1, 2) Jidher ċar li hawn l-id taʼ Jehovah f’dan. Hu ‘kixef id-driegħ qaddis tiegħu,’ bħallikieku xammar il-kmiem sabiex jidħol għax-xogħol li jsalva lill-poplu tiegħu.—Esdra 1:2, 3.
20. X’irriżulta u x’għad irid jirriżulta mill-fatt li Jehovah jikxef id-driegħ qaddis tiegħu fi żmienna?
20 F’dan il-perijodu taʼ “l-aħħar tad-dinja,” Jehovah kixef id-driegħ qaddis tiegħu sabiex jerġaʼ jagħti l-ħajja lill-fdal midluk, iż-“żewġ xhieda” tal-ktieb taʼ l-Apokalissi. (2 Timotju 3:1; Apokalissi 11:3, 7-13) Mill-1919 ’l hawn, dawn iddaħħlu f’ġenna spiritwali, il-qasam spiritwali li issa jgawduh ukoll miljuni minn sħabhom, in-nagħaġ oħra. Meta jasal il-waqt, Jehovah se jikxef id-driegħ qaddis tiegħu sabiex isalva lill-poplu tiegħu f’“Ħarmagedon.” (Apokalissi 16:14, 16) F’dak iż-żmien, ‘it-truf kollha taʼ l-art jaraw is-salvazzjoni taʼ Alla tagħna.’
Ħtieġa Urġenti
21. (a) X’inhu meħtieġ minn dawk li qegħdin ‘iġorru tagħmir il-Mulej’? (b) Il-Lhud li ħerġin minn Babilonja għala m’għandhomx għalfejn jibżgħu?
21 Dawk li joħorġu minn Babilonja biex imorru lura lejn Ġerusalemm iridu jissodisfaw ħtieġa. Jikteb Isaija: “Itilqu, itilqu, oħorġu minn hemm, tmissu xejn imniġġes. Oħorġu minn ġo nofsha! Tnaddfu, intom li ġġorru tagħmir il-Mulej. Għax intom ma toħorġux mgħaġġla, u ma titilqux qiskom maħruba, għax jimxi quddiemkom il-Mulej u warajkom Alla taʼ Iżrael.” (Isaija 52:11, 12) L-Iżraelin li ħerġin minn Babilonja jridu jħallu warajhom kwalunkwe ħaġa li hi mċappsa bil-qima falza taʼ Babilonja. Ladarba qegħdin iġorru t-tagħmir taʼ Jehovah li kien ittieħed mit-tempju f’Ġerusalemm, iridu jkunu nodfa, mhux biss b’mod li jidher u ċerimonjali, imma primarjament fi qlubhom. (2 Slaten 24:11-13; Esdra 1:7) Iżjed minn hekk, Jehovah miexi quddiemhom, u għalhekk m’għandhomx għalfejn jibżgħu, lanqas m’għandhom għalfejn jiġru qishom imġienen, bħallikieku xi ħadd li hu għatxan għad-demm qed jiġri warajhom. Dak Alla taʼ Iżrael qiegħed warajhom biex iħarishom.—Esdra 8:21-23.
22. Pawlu kif jisħaq fuq il-ħtieġa taʼ l-indafa fost il-Kristjani midlukin?
22 Kliem Isaija dwar li wieħed jibqaʼ nadif għandu twettiq ewlieni fuq in-nisel taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq.” Meta Pawlu wissa lill-Kristjani Korintin biex ma jidħlux f’madmad li mhux indaqs maʼ dawk li ma jemmnux, hu kkwota l-kliem li nsibu f’Isaija 52:11: “‘Għalhekk oħorġu minn ġo nofshom, u nfirdu minnhom,’ jgħid il-Mulej; ‘la tmissux l-imniġġes.’” (2 Korintin 6:14-17) Preċiż bħall-Iżraelin li sejrin lejn pajjiżhom minn Babilonja, il-Kristjani jridu jżommu ’l bogħod mill-qima falza Babiloniża.
23. Il-qaddejja taʼ Jehovah llum b’liema mod jistinkaw biex iżommu ruħhom nodfa?
23 Dan kien minnu b’mod partikulari dwar dawk is-segwaċi midlukin taʼ Ġesù Kristu li ħarbu minn Babilonja l-Kbira fl-1919. B’mod progressiv, dawn tnaddfu minn kull ħaġa li kellha x’taqsam mal-qima falza. (Isaija 8:19, 20; Rumani 15:4) Huma saru wkoll dejjem iktar konxji taʼ l-importanza li jibqgħu nodfa moralment. Għalkemm ix-Xhieda taʼ Jehovah dejjem żammew livelli morali għoljin, fl-1952 The Watchtower kien fih artikli li enfasizzaw il-ħtieġa li wħud immorali jiġu dixxiplinati sabiex il-kongregazzjoni tibqaʼ nadifa. Din id-dixxiplina tgħin ukoll lil min jiżbalja biex jirrealizza li għandu bżonn jindem sinċerament.—1 Korintin 5:6, 7, 9-13; 2 Korintin 7:8-10; 2 Ġwann 10, 11.
24. (a) Fi żmienna, x’inhu “tagħmir il-Mulej”? (b) Il-Kristjani llum għala huma fiduċjużi li Jehovah se jkompli jimxi quddiemhom kif ukoll ikun warajhom biex iħarishom?
24 Il-Kristjani midlukin flimkien mal-kotra kbira taʼ nagħaġ oħra huma determinati li ma jmissu xejn li mhux nadif spiritwalment. Il-kundizzjoni msoffija u mnaddfa tagħhom tikkwalifikahom biex iġorru “tagħmir il-Mulej”—il-provvedimenti prezzjużi magħmulin minn Alla għal servizz sagru fil-ministeru minn dar għal dar u fuq studji tal-Bibbja u f’għamliet oħrajn t’attività Kristjana. Billi jżommu waqfa nadifa, in-nies t’Alla llum jistgħu jkunu fiduċjużi li Jehovah se jkompli jimxi quddiemhom kif ukoll ikun warajhom biex iħarishom. Bħala n-nies nodfa t’Alla, għandhom raġunijiet bl-abbundanza biex “ilkoll flimkien jgħajjtu bil-ferħ”!
[Nota taʼ taħt]
a Għal diskussjoni iktar dettaljata dwar ir-relazzjoni li teżisti bejn “Ġerusalemm taʼ fuq” u wliedha, il-midlukin taʼ fuq l-art, ara Kapitlu 15 taʼ dan il-ktieb.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 183]
Sijon se tiġi meħlusa mill-jasar
[Stampa f’paġna 186]
Mill-1919 ’l hawn, ‘riġlejn sbieħ’ dehru mill-ġdid fuq “il-muntanji”
[Stampa f’paġna 189]
Ix-Xhieda taʼ Jehovah jitkellmu flimkien fi qbil
[Stampa f’paġna 192]
Dawk li qegħdin ‘iġorru tagħmir il-Mulej’ iridu jkunu nodfa moralment u spiritwalment