Id Jehovah Ma Qsaritx
Kapitlu Għoxrin
Id Jehovah Ma Qsaritx
1. X’inhi s-sitwazzjoni f’Ġuda, u ħafna x’jistaqsu?
IL-ĠENS taʼ Ġuda jsostni li qiegħed f’relazzjoni taʼ patt maʼ Jehovah. Madankollu, kulfejn tħares hemm l-inkwiet. Il-ġustizzja hija skarsa, il-kriminalità u l-moħqrija huma mifruxin maʼ kullimkien, u t-tama li jkun hemm xi titjib ma titwettaqx. Hemm xi ħaġa li hi żbaljata serjament. Ħafna jistaqsu jekk Jehovah hux qatt se jirranġa l-affarijiet. Din hi s-sitwazzjoni fi żmien Isaija. Imma r-rakkont taʼ Isaija dwar dan iż-żmien m’huwiex biss sempliċi storja taʼ l-antik. Kliemu fih twissijiet profetiċi għal kulmin isostni li jqim ’l Alla imma jinjora l-liġijiet Tiegħu. U l-profezija ispirata li nsibu f’Isaija kapitlu 59 tipprovdi inkuraġġiment qawwi għal dawk kollha li jistinkaw biex jaqdu lil Jehovah minkejja li jgħixu fi żminijiet diffiċli u perikolużi.
Firda minn Dak Alla Veru
2, 3. Jehovah għala mhux qed jipproteġi lil Ġuda?
2 Immaġina—in-nies f’patt maʼ Jehovah saru apostati! Huma taw daharhom lil Dak li għamilhom, u b’hekk ma baqgħux taħt il-protezzjoni tiegħu. Minħabba f’dan, qegħdin iġarrbu niket kbir. Qegħdin forsi huma jwaħħlu f’Jehovah għaż-żminijiet ibsin li għaddejjin minnhom? Jgħidilhom Isaija: “Araw, id il-Mulej ma qsaritx li ma ssalvax, lanqas widnejh ma tqalu biex jisimgħu. Imma ħżunijietkom firdukom minn Alla tagħkom, u dnubietkom ħbewlu wiċċu minnkom, biex ma jismagħkomx.”—Isaija 59:1, 2.
3 Dan il-kliem huwa dirett imma veru. Jehovah għadu dak Alla tas-salvazzjoni. Bħala Semmiegħ it-talb, hu jagħti widen għat-talb tal-qaddejja leali tiegħu. (Salm 65:3 [65:2, NW]) Madankollu, lill-ħżiena ma jberikhomx. In-nies infushom huma responsabbli li tbiegħdu minn Jehovah. Il-ħażen tagħhom stess wasslu biex jaħbi wiċċu minnhom.
4. Liema akkużi jinġiebu kontra Ġuda?
4 Il-verità hi li n-nies taʼ Ġuda mxew ħażin ħafna. Il-profezija taʼ Isaija ssemmi ftit mill-akkużi li għandhom kontrihom: “Wiċċ idejkom imċappas bid-demm, u subgħajkom bil-ħażen. Xufftejkom jgħidu l-gideb, u lsienkom itaqtaq il-qerq.” (Isaija 59:3) In-nies jigdbu u jgħidu affarijiet qarrieqa. Il-kliem “wiċċ idejkom imċappas bid-demm” jindika li xi wħud kienu saħansitra ħatja taʼ qtil. X’diżunur lil Alla li l-Liġi tiegħu mhux biss tipprojbixxi l-qtil imma wkoll li wieħed ‘jobgħod lil ħuh f’qalbu’! (Levitiku 19:17) Il-ħażen bla kontroll li waqgħu fih l-abitanti taʼ Ġuda u r-riżultat inevitabbli li dan ġab miegħu għandhom ifakkru lil kull wieħed u waħda minna llum li għandna bżonn nikkontrollaw il-ħsibijiet u l-ġibdiet midinbin tagħna. Inkella, nistgħu nispiċċaw nikkommettu atti mill-agħar li jifirduna minn Alla.—Rumani 12:9; Galatin 5:15; Ġakbu 1:14, 15.
5. Safejn waslet il-korruzzjoni taʼ Ġuda?
5 Il-marda tad-dnub infettat lill-ġens kollu kemm hu. Tgħid il-profezija: “Ħadd ma jagħmel kawża għall-ġustizzja; ħadd ma jiddefendi s-sewwa. Jittamaw fix-xejn u jlissnu l-gideb; inisslu l-ħażen u jildu d-deni.” (Isaija 59:4) Ħadd m’hu qed jitkellem bit-tjieba. Saħansitra fil-qrati rari ssib lil xi ħadd li tistaʼ torbot fuqu jew li hu leali. Ġuda tat daharha lil Jehovah u poġġiet il-fiduċja tagħha f’alleanzi mal-ġnus, saħansitra f’idoli li m’għandhomx ħajja. Dawn kollha qishom “xejn,” assolutament bla ebda valur. (Isaija 40:17, 23; 41:29) B’riżultat taʼ dan, hemm ħafna tpaċpiċ, imma kollu ma jiswa xejn. Jinħolqu l-pjanijiet, imma dawn jirriżultaw f’inkwiet u deni.
6. Il-pożizzjoni tal-Kristjaneżmu kif inhi bħal dik taʼ Ġuda?
6 Il-ħażen u l-vjolenza f’Ġuda għandhom similarità impressjonanti fil-Kristjaneżmu. (Ara “Ġerusalemm Apostata—Ix-Xebh tal-Kristjaneżmu,” f’paġna 294.) Żewġ gwerer dinjin kefrin ferm ġew miġġildin bejn l-hekk imsejħin ġnus Kristjani. Sa żmienna, il-forma taʼ reliġjon tal-Kristjaneżmu wriet li m’għandhiex il-qawwa biex twaqqaf it-tindif etniku u t-tbiċċir bejn it-tribujiet fost il-membri tiegħu stess. (2 Timotju 3:5) Għalkemm Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jafdaw fis-Saltna t’Alla, il-ġnus tal-Kristjaneżmu jkomplu jistrieħu għas-sigurtà fuq ħażniet kbar t’armamenti militari u f’alleanzi politiċi. (Mattew 6:10) Tabilħaqq, il-biċċa l-kbira mill-manifatturi l-kbar taʼ l-armamenti fid-dinja jinsabu fil-ġnus tal-Kristjaneżmu! Iva, meta l-Kristjaneżmu jafda fi sforzi u istituzzjonijiet umani għal futur fis-sigurtà, hu wkoll ikun qed jafda fix-“xejn.”
Jaħsdu Frott Qares
7. Il-proġetti taʼ Ġuda għala jirriżultaw biss f’dak li hu taʼ ħsara?
7 L-idolatrija u d-diżonestà ma jistgħux jipproduċu soċjetà b’saħħitha. Peress li aġixxew b’dan il-mod, il-Lhud infidili issa qegħdin jaħsdu l-inkwiet li żergħu huma nfushom. Naqraw: “Ifaqqsu bajd is-sriep, u jinsġu għanqbut il-brimb. Min jiekol mill-bajd tagħhom imut; u jekk tkisser waħda minnhom tfaqqas lifgħa.” (Isaija 59:5) Mindu jitnisslu sa meta jitwettqu, il-proġetti taʼ Ġuda ma jipproduċu xejn taʼ sustanza. Il-ħsieb żbaljat tagħhom jirriżulta biss fi ħsara, sewwa sew bħalma l-bajd taʼ serp velenuż jipproduċi biss sriep velenużi. U l-ġens isofri.
8. Liema ħaġa turi li l-ħsieb taʼ Ġuda huwa difettuż?
8 Xi abitanti taʼ Ġuda għandhom mnejn jirrikorru għall-vjolenza biex forsi jipproteġu ruħhom, imma se jfallilhom. Il-forza fiżika ma tistax tieħu post il-fiduċja f’Jehovah u x-xogħlijiet taʼ tjieba bħala protezzjoni bħalma l-għanqbut ma jistax jieħu post id-drapp veru bħala protezzjoni kontra l-elementi tan-natura. Isaija jiddikjara: “L-għanqbut tagħhom ma jlibbisx, u b’xogħolhom in-nies ma jilbsux għax xogħolhom xogħol il-ħażen, u għemil il-vjolenza għemil idejhom. Riġlejhom mgħaġġla għad-deni, u ħfief biex ixerrdu d-demm bla ħtija. Ħsibijiethom ħsibijiet il-ħażen, qerda u ħerba hemm fi triqathom.” (Isaija 59:6, 7) Il-ħsieb taʼ Ġuda huwa difettuż. Billi tirrikorri għall-vjolenza biex tipprova ssolvi l-problemi tagħha, hi turi attitudni li tiċħad ’l Alla. Ftit jimpurtaha li ħafna mill-vittmi tagħha huma innoċenti u li xi wħud huma qaddejja ġenwini t’Alla.
9. Il-mexxejja tal-Kristjaneżmu għala qatt ma se jaslu biex ikollhom is-sliem veru?
9 Dan il-kliem ispirat ifakkarna fl-istorja mdemmija tal-Kristjaneżmu. Hija ħaġa ċerta li Jehovah se jitlob kont minnu għall-mod traġiku kif irrappreżenta ħażin lill-Kristjanità! Bħal-Lhud taʼ żmien Isaija, il-Kristjaneżmu aġixxa b’mod moralment pervers għaliex il-mexxejja tiegħu jemmnu li dan huwa l-uniku mod prattiku. Waqt li jitkellmu dwar is-sliem, jaġixxu b’inġustizzja. X’ipokrisija! Ladarba l-mexxejja tal-Kristjaneżmu jkomplu jużaw din it-tattika, qatt ma se jaslu biex ikollhom is-sliem veru. Huwa preċiż bħalma tissokta tgħid il-profezija: “Triq is-sliem ma jafuhiex, u ma hemmx id-dritt f’mixjiethom. Għawwġu mogħdijiethom, u min jgħaddi minnhom ma jafx bi sliem.”—Isaija 59:8.
Iteftfu fi Dlam Spiritwali
10. Isaija liema stqarrija jagħmel għan-nom taʼ Ġuda?
10 Jehovah ma jistax ibierek il-mogħdijiet qarrieqa u qerrieda taʼ Ġuda. (Salm 11:5) Għalhekk, waqt li jitkellem għan-nom tal-ġens kollu kemm hu, Isaija jistqarr il-ħtija taʼ Ġuda: “Għalhekk tbiegħed is-sewwa minna, u l-ġustizzja ma taslilniex. Stennejna d-dawl, u sibna d-dlam; stennejna d-dija, u dħalna fis-swied. Bħal għomja mal-ħajt inteftfu, nteftfu bħan-nies mingħajr għajnejn. Nitfixklu f’nofsinhar bħal fil-għaxija u fl-aqwa tagħna qisna mejtin. Ilkoll ingargru bħall-orsijiet, u ngorru dejjem bħall-ħamiem.” (Isaija 59:9-11a) Il-Lhud ma ħallewx il-Kelma t’Alla tkun fanal għal riġlejhom u dawl għall-mogħdija tagħhom. (Salm 119:105) Minħabba f’hekk, l-affarijiet jidhru mudlama. Saħansitra fl-aqwa tal-jum, huma jteftfu bħallikieku kien bil-lejl. Bħallikieku qishom mejtin. Imxennqin għal serħan, huma jgħajtu bħal orsijiet feruti jew bil-ġuħ. Xi wħud igorru dejjem bħal ħamiem.
11. Għala huwa għalxejn li Ġuda tittama għall-ġustizzja u s-salvazzjoni?
11 Isaija jaf sew li r-raġuni għall-istat imwiegħer taʼ Ġuda hija għax irribellat kontra Alla. Jgħid Isaija: “Nistennew il-ġustizzja, u ma ssibhiex; nistennew is-salvazzjoni, u din titbiegħed minna. Għax dnubietna kotru quddiemek; u ħtijietna jixhdu kontrina. Għax dnubietna magħna, u ħżunijietna nafuhom: nidinbu u niċħdu lill-Mulej, u nerġgħu lura minn wara Alla tagħna; naħqru u nxewwxu, kliem il-gideb minn qalbna nlissnu.” (Isaija 59:11b-13) Ladarba l-abitanti taʼ Ġuda ma nidmux, dnubiethom għadhom ma nħafrux. Il-ġustizzja tbiegħdet mill-pajjiż għaliex il-poplu telaq lil Jehovah. Huma wrew li huma foloz b’kull mod, saħansitra billi ħaqru lil ħuthom. Kemm jixbhu lil dawk fil-Kristjaneżmu llum! Ħafna minnhom mhux biss jinjoraw il-ġustizzja imma wkoll jippersegwitaw bl-aħrax lix-Xhieda leali taʼ Jehovah li jfittxu li jagħmlu r-rieda t’Alla.
Jehovah Jwettaq il-Ħaqq
12. X’inhi l-attitudni taʼ dawk li huma responsabbli li jamministraw il-ġustizzja f’Ġuda?
12 Donnu li m’hemm ebda ġustizzja, tjieba, jew verità f’Ġuda. “Twarrab is-sewwa, u l-ġustizzja baqgħet ’il bogħod. Is-sinċerità tfixklet fil-pjazza, u l-onestà ma tistax tidħol.” (Isaija 59:14) Wara l-bibien tal-belt f’Ġuda, hemm pjazez pubbliċi fejn jiltaqgħu l-irġiel ixjeħ biex jikkunsidraw każi legali. (Rut 4:1, 2, 11) Dawn l-irġiel għandhom jiġġudikaw bit-tjieba u jimxu bil-ġustizzja, mhux jaċċettaw it-tixħim. (Dewteronomju 16:18-20) Minflok, huma jiġġudikaw skond l-ideat egoistiċi tagħhom stess. Jerġaʼ agħar, huma jaħtfu taħt idejhom lil kulmin jipprova bis-sinċerità kollha jagħmel it-tajjeb. Naqraw: “Għabet is-sinċerità, u min jitbiegħed mill-ħażen jisirquh.”—Isaija 59:15a.
13. Ladarba l-imħallfin taʼ Ġuda huma traskurati fi dmirhom, x’se jagħmel Jehovah?
13 Dawk li ma jiftħux ħalqhom biex jikkundannaw il-perversjoni morali jinsew li Alla m’huwiex agħma, injorant, jew bla qawwa. Jikteb Isaija: “Il-Mulej ra dan u ddispjaċieh, għax is-sewwa ma kienx hemm. U ra li ma kien hemm ħadd, u stagħġeb li ħadd ma ndaħal. Il-qawwa taʼ driegħu għenitu, u s-sewwa tiegħu wieżnu.” (Isaija 59:15b, 16) Ladarba l-imħallfin maħturin huma traskurati fi dmirhom, Jehovah se jindaħal fil-kwistjoni. Meta jagħmel dan, se jaġixxi bit-tjieba u bil-qawwa.
14. (a) Illum ħafna nies x’attitudni għandhom? (b) Jehovah kif iħejji ruħu għall-azzjoni?
14 Illum teżisti sitwazzjoni simili. Aħna ngħixu f’dinja li fiha ħafna “tilfu kull sentiment” morali. (Efesin 4:19) Ftit huma dawk li jemmnu li Jehovah xi darba se jindaħal biex ineħħi l-ħażen minn fuq l-art. Imma l-profezija taʼ Isaija turi li Jehovah josserva mill-qrib dak li jsir fuq l-art. Hu jagħmel il-ħaqq, u fiż-żmien stabbilit minnu jaġixxi skond dan il-ħaqq. Huwa ġust il-ħaqq tiegħu? Isaija juri li hu. Fil-każ tal-ġens taʼ Ġuda, hu jikteb: “[Jehovah] libes il-ġustizzja bħal kurazza, u l-elmu tas-salvazzjoni f’rasu. Libes il-ħwejjeġ tal-vendetta, u tgħatta bil-mantar tal-ħeġġa.” (Isaija 59:17) Dan il-kliem profetiku jpinġi lil Jehovah bħala gwerrier li qed jitħażżem għall-battalja. Hu intenzjonat li jsalva l-kawża tiegħu. Hu ċert mit-tjieba assoluta tiegħu stess li ma tistax tiġi attakkata. U se jkun żeluż bla biżaʼ fl-atti taʼ ħaqq tiegħu. M’hemm ebda dubju li s-sewwa se jirbaħ.
15. (a) Il-Kristjani veri kif se jġibu ruħhom meta Jehovah jwettaq il-ħaqq? (b) X’jistaʼ jingħad dwar il-ħaqq taʼ Jehovah?
15 Illum f’xi pajjiżi, l-għedewwa tal-verità jipprovaw ifixklu x-xogħol tal-qaddejja taʼ Jehovah billi jxerrdu propaganda falza u taʼ malafama. Il-Kristjani veri ma jaħsbuhiex darbtejn biex jiddefendu l-verità, imma qatt ma jieħdu l-vendetta b’idejhom. (Rumani 12:19) Anki meta Jehovah jissetilja l-kontijiet mal-Kristjaneżmu apostat, l-adoraturi taʼ Jehovah fuq l-art m’humiex se jipparteċipaw fil-qerda tal-Kristjaneżmu. Huma jafu li Jehovah żammha għalih il-vendetta u li hu se jieħu azzjoni xierqa meta jasal iż-żmien. Il-profezija tassigurana: “Skond għemilhom iħallashom; saħna kontra l-avversarji tiegħu, u ħlas għall-għedewwa tiegħu, u jagħtihom ħaqqhom lill-artijiet tax-xtut.” (Isaija 59:18) Bħalma sar fi żmien Isaija, il-ħaqq t’Alla mhux biss se jkun ġust imma wkoll se jkun komplet. Se jasal saħansitra sa l-“artijiet tax-xtut,” sa partijiet ’il bogħod. Ħadd ma se jkun tant imwarrab jew iżolat li mhux se jintlaħaq mill-atti taʼ ħaqq taʼ Jehovah.
16. Min huma dawk li se jsalvaw mill-atti taʼ ħaqq minn Jehovah, u x’se jitgħallmu mill-fatt li jibqgħu ħajjin?
16 Dawk li jistinkaw biex jagħmlu s-sewwa jiġu ġudikati bi tjieba minn Jehovah. Isaija jbassar li minn xefaq sa xefaq—maʼ l-art kollha kemm hi—dawn l-individwi se jibqgħu ħajjin. U l-fatt li jesperjenzaw il-protezzjoni taʼ Jehovah se jsaħħilhom profondament il-qima u r-rispett li għandhom lejh. (Malakija 1:11) Naqraw: “Jaraw mill-punent isem il-Mulej, u minn tlugħ ix-xemx il-glorja tiegħu. Għax tiġi bħal xmara mfawwra, misjuqa b’nifs il-Mulej.” (Isaija 59:19) Biex titwettaq ir-rieda taʼ Jehovah, l-ispirtu tiegħu se jiknes minn quddiemu kull xkiel, bħal tempesta taʼ riħ qawwi li tqajjem mewġa taʼ ilma qerriedi li tkaxkar kulma ssib quddiemha. L-ispirtu tiegħu huwa iktar qawwi minn kwalunkwe forza li għandu l-bniedem. Meta jużah biex iwettaq il-ħaqq fuq il-bnedmin u l-ġnus, hu żgur se jkollu suċċess komplet.
Tama u Barka għal Dawk li Jindmu
17. Min hu l-Feddej taʼ Sijon, u meta jixtriha lura?
17 Taħt il-Liġi taʼ Mosè, Iżraeli li jkun biegħ lilu nnifsu fil-jasar setaʼ jinfeda mill-jasar minn feddej. Qabel, fil-ktieb profetiku taʼ Isaija, Jehovah kien karatterizzat bħala l-Feddej taʼ individwi li jindmu. (Isaija 48:17) Issa jerġaʼ jiġi deskritt bħala l-Feddej taʼ wħud li jindmu. Isaija jniżżel bil-miktub il-wegħda taʼ Jehovah: “‘Feddej jiġi għal Sijon, u għal nies Ġakobb li jħallu dnubhom,’ oraklu tal-Mulej.” (Isaija 59:20) Din il-wegħda li tqawwi l-qalb titwettaq fis-sena 537 Q.E.K. Imma għandha twettiq ieħor. L-appostlu Pawlu kkwota dan il-kliem mill-verżjoni tas-Settanta u applikah għall-Kristjani. Hu kiteb: “Hekk Iżrael kollu jkun salv. Kif inhu miktub: ‘Għad joħroġ minn Sijon il-Feddej; ineħħi l-ħażen minn Ġakobb. U dan ikun il-patt tiegħi magħhom: meta nneħħilhom dnubiethom.’” (Rumani 11:26, 27) Tabilħaqq, il-profezija taʼ Isaija tapplika matul perijodu mifrux ferm—perijodu li jasal sa żmienna u wkoll fil-futur. Kif?
18. Jehovah meta u kif ta l-ħajja lill-“Iżrael taʼ Alla”?
18 Fl-ewwel seklu, fdal żgħir mill-ġens taʼ Iżrael aċċetta lil Ġesù bħala l-Messija. (Rumani 9:27; 11:5) Nhar Pentekoste tas-sena 33 E.K., Jehovah sawwab l-ispirtu qaddis tiegħu fuq madwar 120 minn dawn li emmnu u daħħalhom fil-patt il-ġdid tiegħu permezz taʼ Ġesù Kristu bħala medjatur. (Ġeremija 31:31-33; Lhud 9:15) Dak in-nhar beda jeżisti l-“Iżrael taʼ Alla,” ġens ġdid li l-membri tiegħu m’humiex karatterizzati permezz taʼ dixxendenza minn Abraham skond il-ġisem, imma permezz taʼ tnissil bl-ispirtu t’Alla. (Galatin 6:16) Il-ġens ġdid kien fih ukoll Ġentili mhux ċirkonċiżi, li l-ewwel wieħed minnhom kien Kornelju. (Atti 10:24-48; Apokalissi 5:9, 10) B’hekk, huma ġew adottati minn Alla Jehovah u saru wliedu spiritwali, werrieta mseħbin maʼ Ġesù.—Rumani 8:16, 17.
19. Jehovah liema patt jagħmel maʼ l-Iżrael t’Alla?
19 Jehovah issa jagħmel patt maʼ l-Iżrael t’Alla. Naqraw: “‘Dan hu l-patt tiegħi magħhom,’ jgħid il-Mulej: ‘L-ispirtu tiegħi li hemm fik u kliemi li qegħedt f’fommok, ma jitbegħdux minn fommok jew minn fomm uliedek, u wlied uliedek, minn issa u għal dejjem,’ jgħid il-Mulej.” (Isaija 59:21) Kemm jekk dan il-kliem kien japplika għal Isaija nnifsu u kemm jekk le, ċertament li twettaq fuq Ġesù, li kien żgurat li ‘għad jara lil nislu.’ (Isaija 53:10) Ġesù qal kliem li kien tgħallem mingħand Jehovah, u l-ispirtu taʼ Jehovah straħ fuqu. (Ġwann 1:18; 7:16) B’mod xieraq, ħutu li huma werrieta miegħu, membri taʼ l-Iżrael t’Alla, ukoll jirċievu l-ispirtu qaddis taʼ Jehovah u jippridkaw messaġġ li tgħallmu mingħand Missierhom tas-sema. Dawn kollha huma “mgħallma mill-Mulej.” (Isaija 54:13; Luqa 12:12; Atti 2:38) Jew permezz taʼ Isaija jew permezz taʼ Ġesù, li kien iffigurat profetikament minn Isaija, Jehovah issa jagħmel patt b’wegħda li qatt ma se jqiegħed lil xi ħadd flokhom imma se jużahom għal dejjem bħala x-xhieda tiegħu. (Isaija 43:10) Iżda, min huma ‘wliedhom’ li wkoll jibbenefikaw minn dan il-patt?
20. Il-wegħda li Jehovah għamel lil Abraham kif twettqet fl-ewwel seklu?
20 Fil-qedem Jehovah wiegħed lil Abraham: “Jitbierku b’nislek il-ġnus kollha taʼ l-art.” (Ġenesi 22:18) Fi qbil maʼ dan, il-fdal żgħir taʼ Iżraelin naturali li aċċettaw lill-Messija ħarġu f’ħafna ġnus, jippridkaw l-aħbar tajba dwar il-Kristu. Ħafna Ġentili mhux ċirkonċiżi, li l-ewwel wieħed minnhom kien Kornelju, ‘tbierku’ permezz taʼ Ġesù, Nisel Abraham. Dawn saru parti mill-Iżrael t’Alla u parti sekondarja minn nisel Abraham. Huma parti min-“nazzjon qaddis” taʼ Jehovah u l-inkarigu tagħhom hu li ‘jxandru t-tifħir taʼ dak li sejħilhom mid-dlam għad-dawl tiegħu taʼ l-għaġeb.’—1 Pietru 2:9; Galatin 3:7-9, 14, 26-29.
21. (a) L-Iżrael t’Alla liema ‘nisel’ ipproduċa fi żmienna? (b) Il-membri tan-‘nisel’ kif jitfarrġu bil-patt, jew kuntratt, li Jehovah għamel maʼ l-Iżrael t’Alla?
21 Illum jidher li n-numru sħiħ taʼ l-Iżrael t’Alla nġabar. Xorta waħda, il-ġnus ikomplu jitbierku—u fuq skala kbira. Kif? Għaliex l-Iżrael t’Alla kellu ‘nisel,’ dixxipli taʼ Ġesù li t-tama tagħhom hi ħajja taʼ dejjem fuq art magħmula ġenna. (Salm 37:11, 29) Il-membri taʼ dan in-‘nisel’ ukoll jiġu mgħallmin minn Jehovah u jiġu istruwiti fil-mogħdijiet tiegħu. (Isaija 2:2-4) Waqt li ma jitgħammdux bl-ispirtu qaddis jew jitqiesu li huma parteċipanti fil-patt il-ġdid, dawn jissaħħu bl-ispirtu qaddis taʼ Jehovah biex jegħlbu l-ostakli kollha li Satana jpoġġilhom quddiemhom fix-xogħol taʼ l-ippridkar tagħhom. (Isaija 40:28-31) L-għadd tagħhom issa jilħaq il-miljuni u jkompli jikber hekk kif jipproduċu n-nisel tagħhom stess. Il-patt, jew kuntratt, taʼ Jehovah mal-midlukin jagħti lil dawn il-membri tan-‘nisel’ fiduċja li Jehovah se jkompli jużahom ukoll bħala l-kelliema tiegħu għal dejjem.—Apokalissi 21:3, 4, 7.
22. Liema fiduċja jistaʼ jkollna f’Jehovah, u dan kif għandu jeffettwana?
22 Għalhekk, jalla lkoll kemm aħna nżommu l-fidi tagħna f’Jehovah. Hu lest li jsalvana u żgur li kapaċi jagħmel dan! Idu qatt ma se tiqsar; hu dejjem se jeħles lill-poplu leali tiegħu. Dawk kollha li jafdaw fih se jkomplu jġorru fuq fommhom il-kliem tajjeb tiegħu “minn issa u għal dejjem.”
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Kaxxa f’paġna 294]
Ġerusalemm Apostata—Ix-Xebh tal-Kristjaneżmu
Ġerusalemm, il-belt kapitali tal-ġens magħżul minn Alla, tiffigura l-organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti li Alla għandu fis-sema, kif ukoll il-ġemgħa taʼ Kristjani midlukin li ġew irxoxtati fis-sema biex jifformaw l-għarusa taʼ Kristu. (Galatin 4:25, 26; Apokalissi 21:2) Madankollu, l-abitanti taʼ Ġerusalemm spiss kienu infidili lejn Jehovah, u l-belt ġiet deskritta bħala prostituta u adultera. (Eżekjel 16:3, 15, 30-42) F’dan l-istat, Ġerusalemm ipprovdiet mudell xieraq għall-Kristjaneżmu apostat.
Ġesù qal lil Ġerusalemm: “Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera.” (Luqa 13:34; Mattew 16:21) Bħal Ġerusalemm infidila, il-Kristjaneżmu jsostni li jaqdi lil dak Alla veru imma jitbiegħed ferm mit-triqat taʼ tjieba Tiegħu. Aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li Jehovah se jiġġudika lill-Kristjaneżmu bl-istess livelli taʼ tjieba li bihom iġġudika lil Ġerusalemm apostata.
[Stampa f’paġna 296]
Imħallef għandu jiġġudika bit-tjieba, għandu jfittex il-ġustizzja, u ma jaċċetta ebda tixħim
[Stampa f’paġna 298]
Bħal xmara li qed tfur, il-ħaqq taʼ Jehovah se jkaxkar minn quddiemu kull ħaġa li tfixkel l-għemil tar-rieda tiegħu
[Stampa f’paġna 302]
Jehovah jagħmel patt li n-nies tiegħu qatt ma se jitilfu l-privileġġ li jkunu x-xhieda tiegħu