“Il-Maħtur Tiegħi li Fih Qalbi Strieħet!”
Kapitlu Tlieta
“Il-Maħtur Tiegħi li Fih Qalbi Strieħet!”
1, 2. Kapitlu 42 taʼ Isaija għala huwa taʼ interess għall-Kristjani llum?
“‘INTOM ix-xhieda tiegħi,’ oraklu tal-Mulej, ‘u l-qaddej tiegħi li jiena ħtart.’” (Isaija 43:10) Din id-dikjarazzjoni minn Jehovah, miktuba mill-profeta Isaija fit-tmien seklu Q.E.K., turi li fil-qedem il-poplu f’patt maʼ Jehovah kien ġens taʼ xhieda. Kien il-qaddej maħtur t’Alla. Xi 2,600 sena wara, fl-1931, Kristjani midlukin xandru pubblikament li dan il-kliem kien japplika għalihom. Huma bdew jissejħu Xhieda taʼ Jehovah u b’qalbhom kollha aċċettaw ir-responsabbiltajiet assoċjati maʼ li jkunu l-qaddej t’Alla fuq l-art.
2 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jixtiequ b’qalbhom kollha li jogħġbu lil Alla. Għal din ir-raġuni, kapitlu 42 tal-ktieb taʼ Isaija huwa taʼ interess bla qjies għal kull wieħed u waħda minnhom, għax jipprovdi deskrizzjoni ħajja taʼ qaddej approvat minn Jehovah u oħra taʼ qaddej li mhux approvat minnu. Meta nikkunsidraw din il-profezija u t-twettiq tagħha ningħataw dehen dwar dak li jwassal għall-approvazzjoni t’Alla u dak li jwassal għad-diżapprovazzjoni tiegħu.
“Qegħedt l-Ispirtu Tiegħi Fuqu”
3. Jehovah x’jipprofetizza permezz taʼ Isaija dwar “il-qaddej tiegħi”?
3 Permezz taʼ Isaija, Jehovah jipprofetizza l-miġja taʼ qaddej li se jkun maħtur minnu: “Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen, il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet! Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu, biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus. Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu; ma jsemmax leħnu fil-pjazez, qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem ma jitfihx. Iġib il-ġustizzja fis-sewwa. Ma jegħjiex, ma jitfarrakx, sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art; u l-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu.”—Isaija 42:1-4.
4. Min hu l-“maħtur” li kien imbassar, u dan kif nafuh?
4 Min hu l-Qaddej li jissemma hawnhekk? Ma nitħallewx fl-għama. Dan il-kliem insibuh kwotat fl-Evanġelju taʼ Mattew u japplika għal Ġesù Kristu. (Mattew 12:15-21) Ġesù hu l-Qaddej maħbub, il-“maħtur.” Jehovah meta qiegħed l-ispirtu tiegħu fuq Ġesù? Fis-sena 29 E.K., fil-magħmudija taʼ Ġesù. Il-kitba ispirata tiddeskrivi din il-magħmudija u tgħid li wara li Ġesù ħareġ mill-ilma, “is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura taʼ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: ‘Inti Ibni l-għażiż: fik sibt l-għaxqa tiegħi.’” B’dan il-mod Jehovah nnifsu wera min kien il-Qaddej maħbub tiegħu. Il-ministeru taʼ Ġesù wara l-magħmudija u x-xogħlijiet mirakolużi li wettaq urew li l-ispirtu taʼ Jehovah kien tabilħaqq fuqu.—Luqa 3:21, 22; 4:14-21; Mattew 3:16, 17.
“Iġib il-Ġustizzja lill-Ġnus”
5. Għala kien meħtieġ li tiġi ċċarata l-ġustizzja fl-ewwel seklu E.K.?
5 Il-Maħtur minn Jehovah kellu ‘jġib,’ jew jagħmel tispikka, il-ġustizzja vera. “Hu jxandar il-ġustizzja lill-ġnus.” (Mattew 12:18) Kemm kien meħtieġ dan fl-ewwel seklu E.K.! Il-mexxejja reliġjużi Lhud għallmu dwar il-ġustizzja u t-tjieba skond il-ħarsa mgħawġa tagħhom. Huma fittxew li jiksbu t-tjieba billi segwew lista taʼ liġijiet ħorox—ħafna minnhom ivvintati minnhom stess. Il-ġustizzja tagħhom ibbażata fuq il-liġijiet kienet nieqsa minn kull ħniena u mogħdrija.
6. Ġesù b’liema mod għarrafha l-ġustizzja vera?
6 B’kuntrast, Ġesù rrivela l-ħarsa t’Alla dwar il-ġustizzja. B’dak li għallem u bil-mod kif għex, Ġesù wera li l-ġustizzja vera taf tagħder u tħenn. Ikkunsidra ftit il-Priedka famuża tiegħu taʼ fuq il-Muntanja. (Mattew, kapitli 5-7) Xi spjegazzjoni mill-aqwa dwar kif għandhom jiġu prattikati l-ġustizzja u t-tjieba! Meta naqraw ir-rakkonti taʼ l-Evanġelju, ma niġux aħna mqanqlin mill-mogħdrija li wera Ġesù mal-foqra u mal-magħkusin? (Mattew 20:34; Mark 1:41; 6:34; Luqa 7:13) Hu wassal il-messaġġ tiegħu taʼ faraġ għand ħafna li kienu bħal qasab imġelġel, milwi u jixxejjer ’l hawn u ’l hinn. Huma kienu bħal musbieħ inemnem li se jintefa, bl-aħħar xrara taʼ ħajjithom kważi mitfija. Ġesù la kisser “qasba mġelġla” u lanqas tefa “musbieħ inemnem.” Minflok, il-kliem u l-azzjonijiet tiegħu mimlijin imħabba u mogħdrija qawwew il-qlub tal-ġwejdin.—Mattew 11:28-30.
7. Il-profezija għala setgħet tgħid li Ġesù ma kellux ‘jgħajjat jew jgħolli leħnu fil-pjazez’?
7 Iżda l-profezija għala tgħid li Ġesù ma kellux ‘jgħajjat, jgħolli leħnu, jew isemmaʼ leħnu fil-pjazez’? Għaliex ma ftaħarx bih innifsu, bħalma għamlu ħafna fi żmienu. (Mattew 6:5) Meta fejjaq wieħed imġiddem, qallu: “Qis li ma tgħid xejn lil ħadd.” (Mark 1:40-44) Ġesù ma fittixx li jkun magħruf minn kulħadd biex in-nies jaslu għal konklużjonijiet fuq dak li jisimgħu mingħand ħaddieħor. Hu riedhom jagħrfu għalihom infushom fuq il-bażi taʼ evidenza soda li hu kien il-Kristu, il-Qaddej midluk taʼ Jehovah.
8. (a) Ġesù kif ġieb il-“ġustizzja lill-ġnus”? (b) It-tixbiha taʼ Ġesù dwar is-Samaritan li ġieb ruħu taʼ proxxmu x’tgħallimna dwar il-ġustizzja?
8 Il-Qaddej Maħtur kellu jġib “ġustizzja lill-ġnus.” Ġesù hekk għamel. Barra li enfasizza li l-ġustizzja divina taf tagħder, Ġesù għallem ukoll li din għandha tħaddan lin-nies kollha. Darba minnhom Ġesù fakkar lil raġel għaref fil-Liġi li għandu jħobb lil Alla u lill-proxxmu tiegħu. Ir-raġel staqsa lil Ġesù: “U l-proxxmu tiegħi min hu?” Forsi hu stenna li Ġesù se jwieġeb: “Min hu Lhudi bħalek.” Imma Ġesù rrakkonta l-parabbola tas-Samaritan li ġieb ruħu taʼ proxxmu. Fil-parabbola wieħed Samaritan għen lil raġel li qabżu fuqu xi ħallelin, waqt li Levita u qassis kienu rrifjutaw li jgħinuh. Dak li għamel il-mistoqsija kellu jammetti li din id-darba s-Samaritan imżeblaħ kien il-proxxmu, mhux il-Levita jew il-qassis. Ġesù temm it-tixbiha tiegħu billi ta dan il-parir: “Agħmel hekk int ukoll.”—Luqa 10:25-37; Levitiku 19:18.
“Ma Jegħjiex, Ma Jitfarrakx”
9. Kif se jeffettwana li nifhmu xi tfisser eżatt il-ġustizzja vera?
9 Peress li Ġesù ċċara xi tfisser eżatt il-ġustizzja vera, id-dixxipli tiegħu tgħallmu kif juru din il-kwalità. Hekk ukoll irridu nagħmlu aħna. L-ewwelnett, irridu naċċettaw il-livelli t’Alla dwar dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, ladarba hu għandu d-dritt jiddetermina x’inhu ġust u taʼ tjieba. Hekk kif nistinkaw biex nagħmlu l-affarijiet kif irid Jehovah, il-kondotta retta tagħna se turi b’mod ċar x’inhi l-ġustizzja vera.—1 Pietru 2:12.
10. Li nuru l-ġustizzja għala jinkludi li nieħdu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar u tat-tagħlim?
10 Il-ġustizzja vera nuruha wkoll meta nieħdu sehem b’mod ħabrieki fl-attività taʼ l-ippridkar u tat-tagħlim. B’mod ġeneruż, Jehovah pprovda għarfien li jsalva l-ħajja dwaru nnifsu, dwar Ibnu, u dwar l-iskopijiet tiegħu. (Ġwann 17:3) Ma tkunx ħaġa tajba jew ġusta li nżommu dan l-għarfien għalina biss. “Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux, meta dan tistaʼ tagħmlu,” jgħid Salamun. (Proverbji 3:27) Ejja b’qalbna kollha naqsmu dak li nafu dwar Alla man-nies kollha, hu liema hu l-isfond razzjali, etniku, jew nazzjonali tagħhom.—Atti 10:34, 35.
11. Biex nimitaw lil Ġesù, kif għandna nittrattawhom lill-oħrajn?
11 Iżjed minn hekk, Kristjan ġenwin jittratta lill-oħrajn kif għamel Ġesù. Ħafna llum jiffaċċjaw problemi li jaqtgħulhom qalbhom, u għalhekk jeħtieġu l-mogħdrija u l-inkuraġġiment. Anki xi Kristjani dedikati jistgħu jħossuhom tant imfarrkin minħabba ċ-ċirkustanzi li jinsabu fihom li jsiru jixbhu lil qasab imġelġel jew imsiebaħ inemnmu. M’għandniex nagħtuhom l-għajnuna tagħna? (Luqa 22:32; Atti 11:23) Xi pjaċir li tkun parti minn sħubija taʼ Kristjani veri, li jipprovaw jimitaw lil Ġesù f’li juru l-ġustizzja!
12. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li l-ġustizzja għal kulħadd dalwaqt se ssir realtà?
12 Qatt se jkun hawn ġustizzja għal kulħadd? Iva, se jkun hawn. Il-Maħtur minn Jehovah ‘ma jegħjiex, ma jitfarrakx, sakemm iwaqqaf il-ġustizzja fuq l-art.’ Fi żmien qasir is-Sultan imqiegħed fuq it-tron, Kristu Ġesù rxoxtat, se “jħallas lil dawk li ma jagħrfux lil Alla.” (2 Tessalonikin 1:6-9; Apokalissi 16:14-16) Is-Saltna t’Alla se tieħu post il-ħakma mill-bniedem. Il-ġustizzja u t-tjieba se jkunu kotrana. (Proverbji 2:21, 22; Isaija 11:3-5; Danjel 2:44; 2 Pietru 3:13) Bi stennija ħerqana, il-qaddejja taʼ Jehovah kullimkien, saħansitra dawk fil-“gżejjer” li jinsabu f’postijiet imwarrbin, jistennew dak il-jum.
‘Jagħmel Minnu Dawl għall-Ġnus’
13. Jehovah x’jipprofetizza dwar il-Qaddej Maħtur tiegħu?
13 Ikompli Isaija: “Dan jgħid Alla, il-Mulej, li ħalaq u firex is-smewwiet, u l-medda taʼ l-art bil-frott u l-ħdura tagħha, li jagħti l-ħajja lill-poplu li hemm fiha, u r-ruħ lil dawk li jgħixu fiha.” (Isaija 42:5) X’deskrizzjoni impressjonanti taʼ Jehovah, il-Ħallieq! Din it-tfakkira dwar is-setgħa taʼ Jehovah tenfasizza s-sinifikat taʼ kliemu. Jgħid Jehovah: “Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa, qbadtek minn idek u ħaristek, u għamilt minnek patt tal-poplu, dawl għall-ġnus, biex int tiftaħ għajnejn l-għomja, toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs, u ’l dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq.”—Isaija 42:6, 7.
14. (a) X’ifisser il-fatt li Jehovah jaqbad id il-Qaddej li hu approvat minnu? (b) Il-Qaddej Maħtur xi rwol għandu?
14 Il-Ħallieq Grandjuż taʼ l-univers, Dak li jagħti u jsostni l-ħajja, jaqbad id il-Qaddej Maħtur tiegħu u jwiegħdu appoġġ sħiħ u kontinwu. Kemm jassigurana dan! Barra minn hekk, Jehovah jħarsu sabiex jagħmel minnu “patt tal-poplu.” Patt huwa kuntratt, ftehim, wegħda solenni. Huwa digriet ċert. Iva, Jehovah għamel lill-Qaddej tiegħu “rabta mal-poplu.”—Il-Bibbja taʼ Karm Żammit.
15, 16. Ġesù b’liema mod qeda bħala “dawl għall-ġnus”?
15 Bħala “dawl għall-ġnus,” il-Qaddej imwiegħed se jiftaħ “għajnejn l-għomja” u jeħles lil “dawk li hemm fid-dlam.” Ġesù għamlu dan. Billi xehed għall-verità, hu gglorifika isem Missieru tas-sema. (Ġwann 17:4, 6) Ġesù kixef il-qerq reliġjuż, ippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna, u fetaħ il-bieb tal-ħelsien spiritwali għal dawk li kienu fil-jasar reliġjuż. (Mattew 15:3-9; Luqa 4:43; Ġwann 18:37) Hu wissa kontra li wieħed jagħmel xogħlijiet li jappartjenu lid-dlam u espona lil Satana bħala “missier il-gideb” u “l-Prinċep taʼ din id-dinja.”—Ġwann 3:19-21; 8:44; 16:11.
16 Ġesù qal: “Jiena d-dawl tad-dinja.” (Ġwann 8:12) Hu wera dan b’mod taʼ l-għaġeb meta offra l-ħajja umana u perfetta tiegħu bħala fidwa. B’hekk, hu fetaħ it-triq biex dawk li juru fidi jkollhom il-maħfra tad-dnubiet, relazzjoni approvata m’Alla, u l-prospett taʼ ħajja eterna. (Mattew 20:28; Ġwann 3:16) Billi baqaʼ devot lejn Alla b’mod perfett matul ħajtu kollha, Ġesù appoġġa s-sovranità taʼ Jehovah u wera li x-Xitan hu giddieb. Ġesù verament li ta d-dawl lill-għomja u ħeles lil dawk imjassrin fi dlam spiritwali.
17. B’liema modi naqdu bħala wħud li nġorru d-dawl?
17 Fil-Priedka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Intom id-dawl tad-dinja.” (Mattew 5:14) Aħna mhux ukoll inġorru d-dawl? Bil-mod taʼ kif ngħixu u bix-xogħol taʼ l-ippridkar li nagħmlu, aħna għandna l-privileġġ li niggwidaw lil oħrajn lejn Jehovah, is-Sors li verament idawwalna. Biex nimitaw lil Ġesù, aħna ngħarrfu isem Jehovah, nappoġġaw is-sovranità Tiegħu, u nxandru s-Saltna Tiegħu bħala l-unika tama għall-bnedmin. Iżjed minn hekk, bħala wħud li nġorru d-dawl aħna nikxfu l-qerq reliġjuż, inwissu kontra xogħlijiet mhux safjin li jappartjenu lid-dlam, u nesponu lil Satana, il-wieħed mill-agħar.—Atti 1:8; 1 Ġwann 5:19.
“Għannu lill-Mulej Għanja Ġdida”
18. Jehovah x’iġagħalhom ikunu jafu lin-nies tiegħu?
18 Issa Jehovah jdawwar l-attenzjoni lejn il-poplu tiegħu, billi jgħid: “Jiena l-Mulej, dan hu ismi; ma nċedi lil ħadd il-glorja tiegħi; lanqas lill-idoli t-tifħir tiegħi. Il-ġrajjiet li tħabbru qabel, ara, veru seħħu. U jiena nħabbar ħwejjeġ ġodda, u nsemmagħhomlkom qabel ma jinbtu.” (Isaija 42:8, 9) Il-profezija dwar “il-qaddej tiegħi” ma tlissnitx minn wieħed mill-allat li ma jiswew xejn, imma mill-uniku Alla veru u ħaj. Kienet ħaġa ċerta li se sseħħ, u hekk ġara. Alla Jehovah hu tabilħaqq l-Awtur t’affarijiet ġodda, u hu jġiegħel li n-nies tiegħu jkunu jafuhom qabel ma jseħħu. Aħna kif għandna nirreaġixxu?
19, 20. (a) Liema għanja trid titkanta? (b) Min huma dawk li llum qegħdin ikantaw l-għanja taʼ tifħir lil Jehovah?
19 Jikteb Isaija: “Għannu lill-Mulej għanja ġdida; ħa jitlaʼ minn truf l-art it-tifħir tiegħu! Ħa jsebbħuh il-baħar u kull ma fih, il-gżejjer u min jgħammar fihom. Jerfaʼ leħnu d-deżert u l-ibliet tiegħu, l-irħula fejn jgħammru wlied Kedar; jgħannulu ferħana dawk li jgħammru f’Sela, jgħajjtu bil-ferħ fuq qċaċet il-muntanji. Ħa jagħtu glorja lill-Mulej u jxandru t-tifħir tiegħu fil-gżejjer.”—Isaija 42:10-12.
20 L-abitanti tal-bliet, taʼ l-irħula fid-deżert, tal-gżejjer, saħansitra taʼ “Kedar,” jew it-tined fid-deżert, f’kelma waħda, in-nies kullimkien, huma mħeġġin jgħannu għanja taʼ tifħir lil Jehovah. Kemm huwa eċċitanti li fi żmienna miljuni sħaħ wieġbu għal dan l-appell profetiku! Huma ħaddnu l-verità tal-Kelma t’Alla u lil Jehovah għamluh Alla tagħhom. In-nies taʼ Jehovah qegħdin jgħannu din l-għanja l-ġdida, li tagħti glorja lil Jehovah, f’iktar minn 230 pajjiż. Kemm huwa kommoventi li ngħannu f’dan il-kor taʼ ħafna kulturi, lingwi, u razez!
21. L-għedewwa tal-poplu t’Alla għala ma jistax jirnexxilhom isikktu l-għanja taʼ tifħir lil Jehovah?
21 Jistgħu l-opponenti jiqfulu lil Alla u jsikktu din l-għanja taʼ tifħir? Impossibbli! “Joħroġ il-Mulej bħal wieħed qawwi, u jqanqal bħal gwerrier il-ħeġġa tiegħu; jgħajjat l-għajta tal-gwerra, ħa juri kontra l-għedewwa l-qawwa tiegħu.” (Isaija 42:13) Liema qawwa tistaʼ tiqaflu lil Jehovah? Xi 3,500 sena ilu, il-profeta Mosè u wlied Iżrael għannew: “Il-Mulej gwerrier, Jaħweh ismu! L-imriekeb tal-Fargħun u qawwietu tefagħhom fil-baħar; l-aħjar fost il-gwerriera tiegħu f’Baħar il-Qasab għarraqhom!” (Eżodu 15:3, 4) Jehovah ħareġ rebbieħ fuq il-qawwa militari l-iktar setgħana taʼ dak iż-żmien. Ebda għadu tal-poplu t’Alla ma jistaʼ jkollu suċċess meta Jehovah joħroġ bħala gwerrier setgħan.
“Ili Ħafna Żmien Inżomm is-Skiet”
22, 23. Jehovah għala ‘jżomm is-skiet għal ħafna żmien’?
22 Jehovah hu rett u ġust, anki meta jesegwixxi l-ħaqq kontra l-għedewwa tiegħu. Hu jgħid: “Ili ħafna żmien inżomm is-skiet, qgħadt bi kwieti u trażżant. Bħal mara fl-uġigħ tal-ħlas se ngħajjat, nonfoħ u nilheġ f’nifs wieħed. Il-muntanji u l-għoljiet nagħmilhom ħerba, innixxfilhom ħdurithom kollha. Nbiddel ix-xmajjar f’xagħri, u nnixxef l-ilma qiegħed.”—Isaija 42:14, 15.
23 Qabel ma jagħmel ġudizzju, Jehovah jħalli ż-żmien jgħaddi sabiex lil dawk li jiżbaljaw jagħtihom l-opportunità li jduru lura mit-triqat ħżiena tagħhom. (Ġeremija 18:7-10; 2 Pietru 3:9) Ikkunsidra l-każ tal-Babiloniżi li, bħala l-qawwa dinjija dominanti, jagħmlu ħerba lil Ġerusalemm fis-sena 607 Q.E.K. Jehovah jippermetti dan sabiex jiddixxiplina lill-Iżraelin minħabba l-infedeltà tagħhom. Madankollu, il-Babiloniżi ma jirrikonoxxuhx l-irwol li jingħataw. Huma jittrattaw lill-poplu t’Alla ferm iktar bl-aħrax milli jitlob il-ħaqq t’Alla. (Isaija 47:6, 7; Żakkarija 1:15) Min jaf kif iħossu l-veru Alla meta jara lill-poplu tiegħu jsofri! Imma, bħalma ġie mbassar, hu ma jiħux azzjoni waqt li jissaporti l-uġigħ bħal mara tgħajjat, tonfoħ, u tilheġ hi u twelled. Fl-aħħar, jasal iż-żmien stabbilit minnu biex ‘jagħmel ħerbaʼ u ‘jnixxef’ lil Babilonja. Hu jagħmel dan, billi jibda mis-sena 539 Q.E.K.
24. Jehovah liema prospett jiftaħ għall-poplu tiegħu Iżrael?
24 Min jaf kemm iħossuhom se jtiru bil-ferħ in-nies t’Alla meta, wara tant u tant snin fl-eżilju, fl-aħħar it-triq lura lejn darhom tinfetħilhom mill-ġdid! (2 Kronaki 36:22, 23) Żgur se jitgħaxxqu meta jesperjenzaw it-twettiq tal-wegħda taʼ Jehovah: “Nmexxi lill-għomja fi triq li ma jafuhiex; mogħdijiet li ma jafuhomx inqabbadhom. Id-dlam inbiddlu f’dawl quddiemhom, it-triqat mgħawwġa niddrittahom. Dan kollu nagħmlu għalihom, u qatt iżjed ma nabbandunahom.”—Isaija 42:16.
25. (a) Il-poplu taʼ Jehovah llum dwar liema ħaġa jistaʼ jkun ċert? (b) X’għandha tkun id-determinazzjoni tagħna?
25 Illum, dan il-kliem kif japplika? Sewwa, Jehovah issa ilu żmien twil, sekli sħaħ, iħalli lill-ġnus jagħmlu dak li jogħġobhom. Madankollu, iż-żmien stabbilit minnu biex jissetilja l-affarijiet huwa qrib. Fi żmienna hu qajjem poplu biex jagħti xiehda għal ismu. Billi xejjen kull oppożizzjoni li qamet kontrihom, hu wittielhom it-triq biex iqimuh “fl-ispirtu u l-verità.” (Ġwann 4:24) Hu wiegħed: “Qatt iżjed ma nabbandunahom,” u żamm kelmtu. Xi ngħidu għal dawk illi jippersistu li jqimu lill-allat foloz? Jgħid Jehovah: “Iduru lura kollhom mistħija, dawk kollha li jittamaw fl-idoli, dawk li jgħidu lix-xbihat: ‘Intom allatna.’” (Isaija 42:17) Kemm huwa vitali li nibqgħu leali lejn Jehovah, bħalma għamel il-Maħtur tiegħu!
‘Qaddej li Hu Trux u Agħma’
26, 27. Iżrael kif juri li hu ‘qaddej trux u agħma,’ u b’liema konsegwenzi?
26 Ġesù Kristu, il-Qaddej Maħtur t’Alla, baqaʼ leali sal-mewt. Iżda Iżrael, il-poplu taʼ Jehovah, juri li hu qaddej mhux leali, trux u agħma f’sens spiritwali. Waqt li jindirizzahom, Jehovah jgħid: “Intom torox, isimgħu! Intom għomja, ħarsu u araw! Min hu agħma ħlief il-qaddej tiegħi? Min hu trux bħall-messaġġier li bgħatt? Min hu agħma bħall-maħbub tiegħi? U trux bħall-qaddej tal-Mulej? Jara ħafna ħwejjeġ, u ma jagħtix kas; widnejh miftuħa, iżda ma jismax. Għad li għoġob lill-Mulej bil-ġustizzja tiegħu li jkabbar u jsebbaħ il-liġi tiegħu.”—Isaija 42:18-21.
27 X’falliment tal-biki hu Iżrael! In-nies tiegħu jaqgħu ripetutament biex iqimu lill-allat demoniċi tal-ġnus. Għal darba wara l-oħra, Jehovah jibqaʼ jibgħat lill-messaġġiera tiegħu, imma l-poplu tiegħu ma jagħtix kas. (2 Kronaki 36:14-16) Isaija jbassar il-konsegwenzi: “Hu poplu misruq u mneżżaʼ; maqbudin ilkoll fil-ħofor, magħluqin fil-ħabsijiet. Ħatfuhom u ħadd ma ħelishom; neżżgħuhom u ħadd ma jgħajjat: Rodd! Min minnkom jagħti widen għal dan, u jaħseb fih u jismaʼ għal li ġej? Min kien li telaq lil Ġakobb biex jisirquh? Min telaq lil Iżrael għall-priża? M’hux il-Mulej, għax kontrieh dinbu? Ma ridux jimxu fi triqatu, u l-liġi tiegħu ma obdewhiex. Għalhekk sawwab fuqu n-nar tal-korla tiegħu, u l-qilla tal-gwerra, qabdet ħuġġieġa madwaru u ma ndunax; ikkunsmatu, u ma daħħalx f’rasu.”—Isaija 42:22-25.
28. (a) X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ l-abitanti taʼ Ġuda? (b) Kif nistgħu nfittxu l-approvazzjoni taʼ Jehovah?
28 Minħabba l-infedeltà taʼ l-abitanti tiegħu, Jehovah jippermetti li l-pajjiż taʼ Ġuda jiġi misruq u mneżżaʼ fis-sena 607 Q.E.K. Il-Babiloniżi jaħarqu t-tempju taʼ Jehovah, jagħmlu ħerba lil Ġerusalemm, u jieħdu lil-Lhud fil-jasar. (2 Kronaki 36:17-21) Jalla ndaħħlu f’qalbna dan l-eżempju taʼ twissija u qatt ma nsoddu widnejna għall-istruzzjonijiet taʼ Jehovah jew nagħlqu għajnejna għall-Kelma miktuba tiegħu. Minflok, jalla nfittxu l-approvazzjoni taʼ Jehovah billi nimitaw lil Kristu Ġesù, il-Qaddej approvat minn Jehovah nnifsu. Bħal Ġesù, jalla nagħmluha magħrufa l-ġustizzja vera b’dak li ngħidu u nagħmlu. B’dan il-mod, se nibqgħu fost il-poplu taʼ Jehovah, billi naqdu bħala wħud li nġorru d-dawl u li nfaħħru lill-veru Alla u nagħtuh glorja.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampi f’paġna 33]
Il-ġustizzja vera taf tagħder u tħenn
[Stampa f’paġna 34]
Fil-parabbola tas-Samaritan li ġieb ruħu taʼ proxxmu, Ġesù wera li l-ġustizzja vera tħaddan lin-nies kollha
[Stampi f’paġna 36]
Billi ninkuraġġixxu lill-oħrajn u nuruhom qalb tajba, aħna nuru ġustizzja divina
[Stampi f’paġna 39]
Permezz taʼ l-ippridkar tagħna, aħna nuru ġustizzja divina
[Stampa f’paġna 40]
Il-Qaddej approvat ngħata bħala “dawl għall-ġnus”