Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Mara Ħawlija Tithenna

Il-Mara Ħawlija Tithenna

Kapitlu Ħmistax

Il-​Mara Ħawlija Tithenna

Isaija 54:1-17

1. Sara għala kienet tixtieq ħafna li jkollha t-​tfal, u x’kienet l-​esperjenza tagħha f’dan ir-​rigward?

 SARA kienet imxennqa biex ikollha t-​tfal. B’sogħba, kienet ħawlija, u dan nikkitha ferm. Fi żmienha, li mara ma jkollhiex tfal kien jitqies bħala diżunur, imma ma kienx dan biss li nikket lil Sara. Hi xtaqet tara t-​twettiq tal-​wegħda li Alla kien għamel lil żewġha. Abraham kellu jkun il-​missier taʼ nisel li permezz tiegħu kellhom jitbierku l-​familji kollha taʼ l-​art. (Ġenesi 12:1-4 [12:1-3, NW]) Madankollu, għaxriet taʼ snin wara li Alla kien għamel din il-​wegħda, kien għad m’hemm ebda iben. Sara xjieħet u baqgħet bla tfal. Forsi kultant kienet toqgħod taħseb jekk it-​tama tagħha kinitx fiergħa. Iżda, jum fost l-​oħrajn id-​disprament tagħha nbidel f’hena!

2. Għala għandha tinteressana l-​profezija li nsibu f’Isaija kapitlu 54?

2 L-​istat imwiegħer taʼ Sara jgħinna nifhmu l-​profezija li nsibu f’Isaija kapitlu 54. Hawnhekk Ġerusalemm tissemma bħallikieku kienet xi mara ħawlija li ġġarrab il-​ferħ kbir li jkollha ħafna tfal. Jehovah juri s-​sentimenti teneri tiegħu lejn in-​nies tal-​qedem tiegħu billi bħala ġens isejħilhom martu. Iktar minn hekk, dan il-​kapitlu taʼ Isaija jgħinna niskopru aspett kruċjali taʼ dak li l-​Bibbja ssejjaħlu “misteru,” jew sigriet, sagru. (Rumani 16:25, 26) Illum, l-​identità tal-​“mara” u l-​esperjenzi tagħha mbassrin f’din il-​profezija jitfgħu dawl importanti fuq il-​qima safja.

Il-​“Mara” Identifikata

3. Il-​“mara” ħawlija għala se jkollha raġun tifraħ?

3 Kapitlu 54 jibda b’nota ferriħija: “‘Ifraħ int, mara bla tfal li ma wlidtx; infexx għanni u għajjat bil-​ferħ, int li qatt ma ħassejt uġigħ il-​ħlas! Għax ħafna aktar huma wlied il-​mitluqa minn ulied il-​miżżewwġa,’ jgħid il-​Mulej.” (Isaija 54:1) Min jaf kif tqanqal Isaija meta qal dan il-​kliem! U t-​twettiq taʼ dan il-​kliem x’faraġ se jġibilhom lil-​Lhud eżiljati f’Babilonja! F’dak iż-​żmien Ġerusalemm se tkun għadha ħerba. Minn kif jara l-​affarijiet il-​bniedem, ma se jkun jidher li hemm ebda tama li xi darba se terġaʼ tkun mimlija bin-​nies, sewwa sew bħalma mara ħawlija ma tistax normalment tittama li jkollha t-​tfal fi xjuħitha. Imma din il-​“mara” se titbierek bil-​kbir fil-​futur—se ssir fertili u mhix se tibqaʼ ħawlija. Ġerusalemm se tkun f’estasi bil-​ferħ. Se terġaʼ tkun miżgħuda bl-​“ulied,” jew bl-​abitanti.

4. (a) L-​appostlu Pawlu kif jgħinna naraw li Isaija kapitlu 54 irid ikollu twettiq akbar minn dak li seħħ fis-​sena 537 Q.E.K.? (b) X’inhi “Ġerusalemm taʼ fuq”?

4 Forsi Isaija ma jafux dan, imma l-​profezija tiegħu se jkollha iktar minn twettiq wieħed. L-​appostlu Pawlu jikkwota minn Isaija kapitlu 54 u jispjega li l-​“mara” tissinjifika xi ħaġa ferm iktar importanti mill-​belt taʼ Ġerusalemm fuq l-​art. Hu jikteb: “Ġerusalemm taʼ fuq, li hi ommna, hi ħielsa.” (Galatin 4:26) X’inhi din “Ġerusalemm taʼ fuq”? Jidher ċar li m’hijiex il-​belt taʼ Ġerusalemm fl-​Art Imwiegħda. Din il-​belt hija taʼ l-​art, mhux “taʼ fuq,” fil-​qasam tas-​sema. “Ġerusalemm taʼ fuq” hija l-​“mara” li Alla għandu fis-​sema, l-​organizzazzjoni tiegħu taʼ ħlejjaq spirti setgħanin.

5. Fid-​dramm simboliku li hemm f’Galatin 4:22-31, min hu ffigurat minn (a) Abraham? (b) Sara? (ċ) Iżakk? (d) Ħagar? (e) Ismagħel?

5 Iżda, Jehovah kif jistaʼ jkollu żewġ nisa simboliċi—waħda tas-​sema u l-​oħra taʼ l-​art? Hawn xi nuqqas taʼ qbil hawnhekk? Lanqas xejn. L-​appostlu Pawlu juri li r-​risposta tinsab fl-​istampa profetika provduta mill-​familja t’Abraham. (Galatin 4:22-31; ara “Il-​Familja t’Abraham—Stampa Profetika,” f’paġna 218.) Sara, il-​“ħielsa,” mart Abraham, tiffigura l-​organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti li għal Jehovah hi bħal martu. Ħagar, tfajla lsira u l-​mara sekondarja, jew konkubina, t’Abraham, tiffigura lil Ġerusalemm taʼ l-​art.

6. L-​organizzazzjoni li Alla għandu fis-​sema f’liema sens għaddiet minn perijodu twil bla tfal?

6 B’dan l-​isfond, nibdew naraw is-​sinifikat profond taʼ Isaija 54:1. Wara għaxriet taʼ snin bħala mara ħawlija, Sara wildet lil Iżakk meta kellha 90 sena. Bl-​istess mod, l-​organizzazzjoni li Jehovah għandu fis-​sema għaddiet minn perijodu twil li fih kienet bla tfal. Lura fil-​ġnien taʼ Għeden, Jehovah wiegħed li l-​“mara” tiegħu kienet se tipproduċi n-​‘nisel.’ (Ġenesi 3:15) Iktar minn 2,000 sena wara, Jehovah għamel il-​patt tiegħu m’Abraham rigward in-​Nisel tal-​wegħda. Imma l-​“mara” li Alla għandu fis-​sema kellha tistenna ħafna u ħafna iktar sekli qabel ma tipproduċi dan in-​Nisel. Xorta waħda, wasal iż-​żmien meta t-​tfal taʼ din li darba kienet “mara bla tfal” kienu iktar numerużi minn dawk taʼ Iżrael tal-​laħam. It-​tixbiha tal-​mara ħawlija tgħinna naraw għala l-​anġli kienu daqshekk ħerqanin biex jaraw b’għajnejhom il-​wasla tan-​Nisel imbassar. (1 Pietru 1:12) Dan meta seħħ finalment?

7. “Ġerusalemm taʼ fuq” meta kellha għalfejn tifraħ, bħalma tbassar f’Isaija 54:1, u għala twieġeb hekk?

7 It-​twelid taʼ Ġesù bħala tarbija ċertament li kien okkażjoni taʼ ferħ fost l-​anġli. (Luqa 2:9-14) Imma din ma kinitx il-​ġrajja mbassra f’Isaija 54:1. Kien biss meta Ġesù tnissel bl-​ispirtu qaddis fis-​sena 29 E.K. li hu sar iben spiritwali taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq,” rikonoxxut pubblikament minn Alla nnifsu bħala ‘Ibnu, l-​għażiż.’ (Mark 1:10, 11; Lhud 1:5; 5:4, 5) Kien f’dan iż-​żmien li l-​“mara” li Alla għandu fis-​sema kellha għalfejn tifraħ, bi twettiq taʼ Isaija 54:1. Sa fl-​aħħar kienet ipproduċiet in-​Nisel imwiegħed, il-​Messija! Is-​sekli sħaħ li fihom kienet bla tfal kienu għaddew. Madankollu, il-​ferħ tagħha ma ntemmx hawnhekk.

Ulied Numerużi għall-​Mara Ħawlija

8. Il-​“mara” li Alla għandu fis-​sema għala kellha raġun tifraħ wara li pproduċiet in-​Nisel imwiegħed?

8 Wara l-​mewt u l-​irxoxt taʼ Ġesù, il-​“mara” li Alla għandu fis-​sema ferħet meta ħadet lura lil dan l-​Iben favorit bħala “l-​kbir li qam mill-​imwiet.” (Kolossin 1:18) Imbagħad bdiet tipproduċi iktar ulied spiritwali. Nhar Pentekoste tas-​sena 33 E.K., madwar 120 mis-​segwaċi taʼ Ġesù ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis, u b’hekk ġew adottati bħala werrieta sħab maʼ Kristu. Iktar tard dak il-​jum żdiedu 3,000 oħra. (Ġwann 1:12; Atti 1:13-15; 2:1-4, 41; Rumani 8:14-16) Dan il-​grupp taʼ wlied baqaʼ jikber. Matul l-​ewwel sekli taʼ l-​apostasija fil-​Kristjaneżmu, it-​tkabbir kważi waqaf għalkollox. Madankollu, dan kellu jinbidel fis-​seklu 20.

9, 10. Għal mara li fil-​qedem kienet tgħammar fit-​tined, x’kienet tfisser l-​istruzzjoni biex ‘tkabbar il-​post taʼ l-​għarix tagħha,’ u dan għala jkun żmien taʼ ferħ għaliha?

9 Isaija jissokta jipprofetizza dwar perijodu taʼ tkabbir impressjonanti: “Kabbar il-​post taʼ l-​għarix tiegħek, wessaʼ t-​tined taʼ l-​għamajjar tiegħek, tibżax għalihom; tawwal il-​ħbula tiegħek, waħħal tajjeb il-​kunjardi. Għax lejn il-​lemin għad tinfirex u lejn ix-​xellug, u nislek jiret il-​ġnus, u fl-​ibliet mitluqa jgħammar. Tibżax, int ma jkollokx mniex tistħi! Tħammarx aktar wiċċek, għax għajb ma jkollokx aktar. Int għad tinsa l-​għajb taʼ rmulitek, ma tiftakarx iżjed fil-​mistħija tar-​romol tiegħek.”—Isaija 54:2-4.

10 Hawnhekk Ġerusalemm tissemma bħallikieku kienet mara miżżewġa u omm li qed tgħammar fit-​tined, preċiż bħalma kienet Sara. Meta titbierek b’familja li qed tikber, ikun wasal iż-​żmien biex omm bħal din tieħu ħsieb tkabbar darha. Ikollha bżonn twessaʼ t-​tined, ittawwal il-​ħbula, u twaħħal il-​kunjardi fil-​pożizzjonijiet ġodda tagħhom. Dan hu xogħol hieni għaliha, u f’dan iż-​żmien meta jkollha ħafna x’tagħmel, ikun faċli għaliha li tinsa s-​snin li qattgħet tinkwieta jekk hux se jkollha tfal biex tkompli r-​razza.

11. (a) Il-​“mara” li Alla għandu fis-​sema kif tbierket fl-​1914? (Ara n-​nota taʼ taħt.) (b) Mill-​1919 ’il quddiem, il-​midlukin fuq l-​art liema barka esperjenzaw?

11 Ġerusalemm taʼ l-​art tbierket bi żmien taʼ tiġdid bħal dan wara l-​eżilju f’Babilonja. “Ġerusalemm taʼ fuq” tbierket saħansitra iktar. a B’mod partikulari mill-​1919 ’l hawn, il-​membri tan-​‘nisel’ midluk tagħha ffjorixxew fil-​kundizzjoni spiritwali tagħhom li kienet għadha kif ġiet imġedda. (Isaija 61:4; 66:8) Huma ‘wirtu l-​ġnus’ fis-​sens li marru f’ħafna pajjiżi biex ifittxu lil dawk kollha li riedu jissieħbu mal-​familja spiritwali tagħhom. Bħala riżultat, seħħ tkabbir mgħaġġel ħafna fil-​ġbir taʼ l-​ulied midlukin. L-​għadd finali tagħhom taʼ 144,000 deher li mtela f’xi żmien f’nofs is-​snin tletin tas-​seklu l-​ieħor. (Apokalissi 14:3) F’dak iż-​żmien ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar ma baqax immirat fuq li jinġabru l-​midlukin. Xorta waħda, it-​tkabbir ma waqafx meta nġabru l-​midlukin.

12. Minbarra l-​midlukin, min huma dawk li nġabru fil-​kongregazzjoni Kristjana mis-​snin tletin tas-​seklu l-​ieħor ’l hawn?

12 Ġesù nnifsu bassar li, minbarra l-​“merħla ċkejkna” taʼ ħutu l-​midlukin, kien se jkollu “nagħaġ oħra” li jridu jiddaħħlu fil-​maqjel tan-​nagħaġ ifformat minn Kristjani veri. (Luqa 12:32; Ġwann 10:16) Għalkemm ma jinsabux fost l-​ulied midlukin taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq,” dawn l-​imseħbin leali tal-​midlukin iwettqu sehem importanti li ġie profetizzat żmien twil ilu. (Żakkarija 8:23) Mis-​snin tletin tas-​seklu l-​ieħor sa llum, inġabret “kotra kbira” minnhom, u dan wassal biex il-​kongregazzjoni Kristjana kibret iżjed minn qatt qabel. (Apokalissi 7:9, 10) Illum din il-​kotra kbira tgħodd bil-​miljuni. Dan it-​tkabbir kollu ħoloq ħtieġa urġenti għal iktar Swali tas-​Saltna, Swali taʼ l-​Assembleat, u fergħat b’kumplessi taʼ bini. Kliem Isaija jidher dejjem iktar xieraq. Xi privileġġ li tkun parti minn dan it-​tkabbir imbassar!

Omm li Tħoss għal Nisilha

13, 14. (a) Liema diffikultà donnha tidher li hemm dwar ftit mill-​espressjonijiet diretti lejn il-​“mara” li Alla għandu fis-​sema? (b) Liema dehen nistgħu niksbu mill-​mod kif Alla juża r-​relazzjonijiet tal-​familja bħala tixbiha?

13 Rajna li fit-​twettiq akbar, il-​“mara” tal-​profezija tirrappreżenta lill-​organizzazzjoni li Jehovah għandu fis-​sema. Imma wara li naqraw Isaija 54:4, għandna mnejn niskantaw kif din l-​organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti qatt sofriet l-​għajb jew it-​tmaqdir. Il-​versi taʼ wara jgħidu li l-​“mara” t’Alla se tiġi miċħuda, imnikkta, u attakkata. Hi saħansitra se tqanqal l-​għadab t’Alla. Kif jistgħu dawn l-​affarijiet japplikaw għal organizzazzjoni taʼ ħlejjaq spirti perfetti li qatt ma dinbu? Ir-​risposta tinsab fin-​natura tal-​familja.

14 Jehovah juża relazzjonijiet tal-​familja—raġel u mara miżżewġin, omm u tfal—biex iwassal veritajiet spiritwali profondi għaliex dawn is-​simboli huma sinifikanti għall-​bnedmin. Huma kemm huma l-​esperjenzi tal-​familja tagħna stess jew hi x’inhi l-​kwalità tagħhom, aħna x’aktarx li għandna xi idea dwar kif għandhom ikunu żwieġ tajjeb u relazzjoni tajba bejn il-​ġenituri u t-​tfal. Għalhekk, kemm jgħallimna b’mod ċar Jehovah li hu għandu relazzjoni intima mill-​qalb u taʼ fiduċja mal-​qtajjaʼ kbar taʼ qaddejja spirti tiegħu! U kemm jgħallimna b’mod impressjonanti li l-​organizzazzjoni tiegħu fis-​sema tħoss għan-​nisel tagħha fuq l-​art li hu mnissel bl-​ispirtu! Meta l-​qaddejja umani jsofru, il-​qaddejja leali fis-​sema, “Ġerusalemm taʼ fuq,” isofru. Bl-​istess mod, Ġesù qal: “Kull ma għamiltu maʼ wieħed mill-​iżgħar fost dawn ħuti [midlukin bl-​ispirtu], għamiltuh miegħi.”—Mattew 25:40.

15, 16. Liema hu l-​ewwel twettiq taʼ Isaija 54:5, 6, u liema hu t-​twettiq akbar?

15 Għalhekk, m’għandux jissorprendina li ħafna minn dak li jintqal lill-​“mara” li Jehovah għandu fis-​sema jirrifletti l-​esperjenzi taʼ wliedha fuq l-​art. Qis dan il-​kliem: “L-​għarus tiegħek il-​Ħallieq tiegħek, Jaħweh taʼ l-​eżerċti jismu; il-​feddej tiegħek, il-​Qaddis taʼ Iżrael, ‘Alla taʼ l-​art kollha’ jissejjaħ. Iva, bħal mara mitluqa u mdejjqa f’qalbha sejjaħlek il-​Mulej, ‘bħal mara mitluqa f’żgħożitha,’ jgħid il-​Mulej Alla tiegħek.”—Isaija 54:5, 6.

16 Min hi l-​mara miżżewġa msemmija hawnhekk? Fl-​ewwel twettiq, din hija Ġerusalemm, li tirrappreżenta lin-​nies t’Alla. Matul is-​70 sena t’eżilju f’Babilonja, huma se jħossu li Jehovah bħallikieku ċaħadhom u telaqhom għalkollox. Fit-​twettiq akbar, il-​kliem jirreferi għal “Ġerusalemm taʼ fuq” u l-​esperjenza tagħha f’li finalment tipproduċi n-​‘nisel’ bi twettiq taʼ Ġenesi 3:15.

Dixxiplina għal Ftit, Barkiet għal Dejjem

17. (a) Ġerusalemm taʼ l-​art kif se ġġarrab “saħna” taʼ korla divina? (b) L-​ulied taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq” liema “saħna” ġarrbu?

17 Tkompli l-​profezija: “‘Għal ftit jien tlaqtek; imma bi mħabba bla qjies jien nerġaʼ niġbrok. Fis-​saħna tal-​korla ħbejt wiċċi għal ftit minnek; bi mħabba taʼ dejjem inħenn għalik,’ jgħid il-​Mulej, il-​Feddej tiegħek.” (Isaija 54:7, 8) Ġerusalemm taʼ l-​art tinfena mis-​“saħna” tal-​korla t’Alla meta l-​qawwiet armati Babiloniżi jattakkawha fis-​sena 607 Q.E.K. Is-​sebgħin sena t’eżilju jistgħu jidhru li huma żmien twil. Xorta waħda, dawn il-​provi jdumu “għal ftit” meta jitqabblu mal-​barkiet għal dejjem li hemm maħżunin għal dawk li jaċċettaw id-​dixxiplina. Bl-​istess mod, l-​ulied midlukin taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq” ħassew bħallikieku kienu nfnew minn “saħna” t’għadab divin meta Jehovah ħalliehom jiġu attakkati mill-​elementi politiċi li kienu mxewxin minn Babilonja l-​Kbira. Imma kemm dehret qasira iktar tard din il-​miżura taʼ dixxiplina, meta tqabbilha mas-​snin taʼ barkiet spiritwali li ġew mill-​1919 ’l hawn!

18. Liema prinċipju importanti nistgħu nitgħallmu rigward l-​għadab taʼ Jehovah kontra l-​poplu tiegħu, u dan kif jistaʼ jeffettwana personalment?

18 Dawn il-​versi jesprimu verità kbira oħra—l-​għadab t’Alla jdum għal ftit, imma l-​ħniena tiegħu tibqaʼ għal dejjem. Ir-​rabja tiegħu tixgħel kontra l-​ħażen, imma din tkun dejjem kontrollata, dejjem bi skop. U jekk naċċettaw id-​dixxiplina taʼ Jehovah, ir-​rabja tiegħu ddum “għal ftit,” imbagħad tbatti. Minflokha jagħtina “mħabba bla qjies”—il-​maħfra u l-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu. Dawn idumu għal “dejjem.” Għalhekk, meta nagħmlu xi dnub, qatt m’għandna naħsbuha darbtejn biex nindmu u nfittxu li nerġgħu nitħabbu m’Alla. Jekk id-​dnub ikun taʼ natura serja, għandna navviċinaw immedjatament lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni. (Ġakbu 5:14) Veru, forsi tkun meħtieġa d-​dixxiplina, u jistaʼ jkun diffiċli li naċċettawha. (Lhud 12:11) Imma se tkun qasira meta titqabbel mal-​barkiet għal dejjem li jgelglu mingħand Alla Jehovah meta wieħed jirċievi l-​maħfra tiegħu!

19, 20. (a) X’inhu l-​patt tal-​qawsalla, u x’importanza għandu għall-​eżiljati f’Babilonja? (b) Illum ‘il-​patt tas-​sliem’ jipprovdi liema assiguranza għall-​Kristjani midlukin?

19 Jehovah issa joffri rassiguranza taʼ faraġ lin-​nies tiegħu: “‘Dan għalija bħal fi żmien Noè, meta ħlift li l-​ilma ma jerġax jgħarraq l-​art. Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik, u lanqas ma nċanfrek. Jistgħu jitħarrku l-​muntanji, jitheżhżu l-​għoljiet, imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx, u s-​sliem tal-​patt tiegħi ma jitheżhiżx,’ jgħid il-​Mulej li jħenn għalik.” (Isaija 54:9, 10) Wara d-​Dilluvju, Alla għamel patt—kultant magħruf bħala l-​patt tal-​qawsalla—maʼ Noè u maʼ kull ruħ ħajja oħra. Jehovah wiegħed li mhux se jġib qerda iktar fuq l-​art permezz taʼ dilluvju globali. (Ġenesi 9:8-17) X’ifisser dan għal Isaija u n-​nies tiegħu?

20 Huwa taʼ faraġ li jkunu jafu li l-​kastig li jridu jsofru—l-​eżilju taʼ 70 sena f’Babilonja—se jseħħ darba biss. Meta jgħaddi, qatt iktar ma jerġaʼ jseħħ. Minn dakinhar ’il quddiem se jibda jopera ‘l-​patt tas-​sliem’ t’Alla. Il-​kelma Ebrajka għal “sliem” ma tfissirx biss li ma jkunx hemm gwerer imma wkoll li jkun hemm benesseri taʼ kull tip. Min-​naħa t’Alla dan il-​patt huwa permanenti. Iktar faċli li jgħibu l-​għoljiet u l-​muntanji milli tintemm il-​qalb tajba bl-​imħabba tiegħu lejn il-​poplu leali tiegħu. B’sogħba, il-​membri tal-​ġens tiegħu fuq l-​art fl-​aħħar mill-​aħħar m’humiex se jonorawh il-​patt min-​naħa tagħhom u se jiksru s-​sliem tagħhom stess billi jiċħdu lill-​Messija. Madankollu, ulied “Ġerusalemm taʼ fuq” marru ferm aħjar. Meta għadda l-​perijodu taʼ dixxiplina diffiċli tagħhom, huma kienu ċerti li se jkollhom il-​protezzjoni divina.

Is-​Sigurtà Spiritwali tal-​Poplu t’Alla

21, 22. (a) Għala jingħad li “Ġerusalemm taʼ fuq” ġiet mgħakksa u mħabbta mill-​irwiefen? (b) Il-​kundizzjoni mbierka tal-​“mara” li Alla għandu fis-​sema x’kellha tfisser għan-​‘nisel’ tagħha fuq l-​art?

21 Jehovah jissokta jbassar sigurtà għall-​poplu leali tiegħu: “Magħkusa, mħabbta mill-​irwiefen, mara bla faraġ! Jien inqiegħed il-​ġebel tiegħek bl-​ifjen tajn; u l-​pedamenti tiegħek biż-​żaffir. Nagħmel l-​amberżuni taʼ swarek tar-​rubini, u bwiebek tal-​karbunkli, u d-​dawra tas-​swar tal-​ħaġar prezzjuż. Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-​Mulej, kbir għad ikun ġid uliedek. Fuq sies il-​ġustizzja titwaqqaf, ’il bogħod mit-​tagħkis, għax ma għandekx mniex tibżaʼ; u ’l bogħod mit-​twerwir, għax ma jersaqx lejk. Jekk jaħbtu għalik, ma jkunx minni; min jaħbat għalik, jaqaʼ quddiemek.”—Isaija 54:11-15.

22 M’għandniex xi ngħidu, il-​“mara” taʼ Jehovah fil-​qasam taʼ l-​ispirti qatt ma ġiet mgħakksa jew imħabbta mill-​irwiefen direttament. Imma sofriet meta sofrew il-​membri tan-​‘nisel’ midluk tagħha fuq l-​art, speċjalment meta kienu f’jasar spiritwali matul il-​perijodu taʼ l-​1918-19. Mill-​banda l-​oħra, meta l-​“mara” tas-​sema tiġi glorifikata, dan juri li fost il-​membri taʼ nisilha jeżisti stat simili. Għalhekk, ikkunsidra d-​deskrizzjoni taʼ tifħir għal “Ġerusalemm taʼ fuq.” Bħalma jinnota xogħol taʼ referenza, il-​ħaġar prezzjuż fuq il-​bibien, l-​“ifjen tajn” li jiswa l-​flus, il-​pedamenti, u saħansitra d-​dawra tas-​swar jissuġġerixxu “ġmiel, sbuħija, safa, saħħa, u qawwa.” X’kien li se jwassal lill-​Kristjani midlukin f’din il-​kundizzjoni mbierka u mimlija sigurtà?

23. (a) Li jkunu “mgħallma mill-​Mulej” kellu liema effett fuq il-​Kristjani midlukin fl-​aħħar jiem? (b) In-​nies t’Alla f’liema sens tbierku b’“dawra tas-​swar tal-​ħaġar prezzjuż”?

23 It-​tweġiba qiegħda fil-​vers 13 taʼ Isaija kapitlu 54—ilkoll se jkunu “mgħallma mill-​Mulej.” Ġesù nnifsu applika l-​kliem taʼ dan il-​vers għas-​segwaċi midlukin tiegħu. (Ġwann 6:45) Il-​profeta Danjel bassar li matul dan iż-​“żmien taʼ l-​aħħar,” il-​midlukin kienu se jitbierku b’abbundanza t’għarfien veru u dehen spiritwali. (Danjel 12:3, 4) Bis-​saħħa taʼ dan id-​dehen huma setgħu jmexxu l-​akbar kampanja edukattiva fl-​istorja tad-​dinja, dik li jxerrdu t-​tagħlim divin maʼ l-​art kollha. (Mattew 24:14) Fl-​istess waqt, dan id-​dehen għenhom jaraw id-​differenza li hemm bejn ir-​reliġjon vera u dik falza. Isaija 54:12 isemmi “dawra tas-​swar tal-​ħaġar prezzjuż.” Mill-​1919 ’l hawn, Jehovah ta lill-​midlukin fehma li dejjem tiċċara iktar dwar id-​dawra tas-​swar—il-​fruntieri spiritwali. B’dan hu sseparahom mir-​reliġjon falza u mill-​elementi tad-​dinja li jiċħdu ’l Alla. (Eżekjel 44:23; Ġwann 17:14; Ġakbu 1:27) Huma b’hekk jiġu separati bħala l-​poplu t’Alla.—1 Pietru 2:9.

24. Kif nistgħu naċċertaw ruħna li qed niġu mgħallmin minn Jehovah?

24 B’hekk, kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu, ‘Qiegħed jien niġi mgħallem minn Jehovah?’ Dan it-​tagħlim ma nirċivuhx awtomatikament. Irridu nagħmlu sforz. Jekk naqraw il-​Kelma t’Alla regolarment u nimmeditaw fuqha u jekk nieħdu l-​istruzzjoni billi naqraw il-​letteratura bbażata fuq il-​Bibbja u pubblikata mill-​“ilsir leali u diskret” u billi nippreparaw għal-​laqgħat Kristjani u nattenduhom, tabilħaqq li se nkunu mgħallmin minn Jehovah. (Mattew 24:45-47, NW) Jekk nagħmlu ħilitna biex napplikaw dak li nitgħallmu u nibqgħu mqajmin u għassa spiritwalment, it-​tagħlim divin se jisseparana bħala li aħna differenti minn dawk li qegħdin f’din id-​dinja taʼ mingħajr Alla. (1 Pietru 5:8, 9) U fuq kollox, dan se jgħinna ‘nersqu lejn Alla.’—Ġakbu 1:22-25; 4:8.

25. Il-​wegħda t’Alla li se jkollhom is-​sliem xi tfisser għan-​nies tiegħu fi żmienna?

25 Il-​profezija taʼ Isaija turi wkoll li l-​midlukin jitbierku bi sliem abbundanti. Ifisser dan li huma qatt ma jiġu attakkati? Le, imma Alla jassigurahom li hu la se jibgħat dawn l-​attakki u lanqas se jħallihom jirnexxu. Naqraw: “‘Ara, jiena ħlaqt il-​ħaddied li jonfoħ fuq in-​nar tal-​ġamar, u joħroġ l-​għodda skond l-​għan tagħha, u jiena ħlaqt il-​qerried biex iħarbat. Ebda arma magħmula kontrik ma tiswa, u kull ilsien li jħaqqaq kontrik toħorġu b’ħati. Din hi x-​xorti [jew, il-​wirt] tal-​qaddejja tal-​Mulej; mingħandi jieħdu r-​raġun,’ oraklu tal-​Mulej.”—Isaija 54:16, 17.

26. Għala huwa rassiguranti li tkun taf li Jehovah hu l-​Ħallieq tal-​bnedmin kollha?

26 Għat-​tieni darba f’dan il-​kapitlu taʼ Isaija, Jehovah jfakkar lill-​qaddejja tiegħu li hu l-​Ħallieq. Iktar kmieni, hu jgħid lill-​mara simbolika tiegħu li hu l-​“Ħallieq” tagħha. Issa jgħid li hu l-​Ħallieq tal-​bnedmin kollha. Vers 16 jiddeskrivi ħaddied li jonfoħ fuq il-​ġamar taʼ l-​inkwina tiegħu hekk kif isawwar l-​armi qerrieda tiegħu u gwerrier, “qerried biex iħarbat.” Nies bħal dawn jistgħu jidhru li huma tal-​biżaʼ għal sħabhom il-​bnedmin, imma kif jistgħu biss jittamaw li se jirbħu kontra l-​Ħallieq tagħhom? Hekk ukoll illum, anki meta l-​qawwiet armati l-​iktar b’saħħithom taʼ din id-​dinja jattakkaw lin-​nies taʼ Jehovah, fl-​aħħar mill-​aħħar ma se jkollhom ebda ċans li jirnexxu. Kif jistaʼ jkun dan?

27, 28. Dwar liema ħaġa nistgħu nkunu ċerti matul dawn iż-​żminijiet mimlijin inkwiet, u għala nafu li l-​attakki taʼ Satana kontrina mhux se jkunu effettivi?

27 Għadda ż-​żmien biex isir attakk qerriedi kontra n-​nies t’Alla u l-​qima tagħhom bl-​ispirtu u l-​verità. (Ġwann 4:23, 24) Jehovah ppermetta li Babilonja l-​Kbira twettaq attakk wieħed li fil-​fatt irnexxa għal ftit. Għal mument wieħed, “Ġerusalemm taʼ fuq” rat lil nisilha jiġi msikket kważi għalkollox hekk kif ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar fuq l-​art kważi waqaf għalkollox. Qatt iktar! Issa hi tifraħ minħabba wliedha, għax, f’sens spiritwali, ħadd ma jistaʼ jirbħilhom. (Ġwann 16:33; 1 Ġwann 5:4) Iva, kien hemm armi għall-​attakk imsawrin kontrihom, u se jkun hemm iktar. (Apokalissi 12:17) Imma dawn la rnexxew u lanqas se jirnexxu. Satana m’għandu ebda arma li biha jistaʼ jirbaħ il-​fidi u jitfi ż-​żelu jaħraq tal-​midlukin u taʼ sħabhom. Dan is-​sliem spiritwali huwa l-​wirt tal-​qaddejja taʼ Jehovah, u għalhekk ħadd ma jistaʼ jiħodhulhom bil-​forza.—Salm 118:6; Rumani 8:38, 39.

28 Le, xejn minn dak li tistaʼ tagħmel id-​dinja taʼ Satana ma qatt se jwaqqaf ix-​xogħol u l-​qima safja u dejjiema li jagħtu lil Alla l-​qaddejja dedikati tiegħu. In-​nisel midluk taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq” kiseb faraġ kbir minn din l-​assiguranza. Il-​membri tal-​kotra l-​kbira wkoll jiksbu faraġ minn dan. Iktar ma nsiru nafu dwar l-​organizzazzjoni li Jehovah għandu fis-​sema u dwar il-​mod kif din taġixxi maʼ l-​adoraturi tiegħu fuq l-​art, iktar se tissaħħaħ il-​fidi tagħna. Dment li l-​fidi tagħna tkun b’saħħitha, l-​armi taʼ Satana se juru li huma bla fejda fil-​ġlieda kontrina!

[Nota taʼ taħt]

a Skond Apokalissi 12:1-17, il-​“mara” t’Alla tbierket bil-​kbir għax wildet ‘nisel’ importanti ferm—mhux xi iben spirtu, imma s-​Saltna Messjanika fis-​sema. Dan it-​twelid seħħ fl-​1914. (Ara Revelation—Its Grand Climax At Hand!, paġni 177-86.) Il-​profezija taʼ Isaija tiffoka fuq il-​ferħ li din tħoss bħala riżultat tal-​barka t’Alla fuq l-​ulied midlukin li għandha fuq l-​art.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Kaxxa f’paġna 218, 219]

Il-​Familja t’Abraham—Stampa Profetika

L-​appostlu Pawlu spjega li l-​familja t’Abraham isservi bħala dramm simboliku, stampa profetika tar-​relazzjoni li Jehovah għandu maʼ l-​organizzazzjoni tiegħu fis-​sema u mal-​ġens taʼ Iżrael fuq l-​art taħt il-​patt tal-​Liġi Mosajka.—Galatin 4:22-31.

Abraham, bħala l-​kap tal-​familja, jirrappreżenta lil Alla Jehovah. Hu kien lest li joffri lill-​għażiż ibnu Iżakk bħala sagrifiċċju. Dan jiffigura bil-​quddiem il-​fatt li Jehovah kien lest li joffri lil Ibnu l-​maħbub bħala sagrifiċċju għad-​dnubiet tal-​bnedmin.—Ġenesi 22:1-13; Ġwann 3:16.

Sara tiffigura lill-​“mara” li Alla għandu fis-​sema, l-​organizzazzjoni tiegħu taʼ ħlejjaq spirti. Din l-​organizzazzjoni tas-​sema hija deskritta b’mod xieraq bħala mart Jehovah, għax hi msieħba b’mod intimu miegħu, hi sottomessa lejh bħala l-​kap tagħha, u tikkoopera bis-​sħiħ fit-​twettiq taʼ l-​iskopijiet tiegħu. Hi tissejjaħ ukoll “Ġerusalemm taʼ fuq.” (Galatin 4:26) L-​istess “mara” tissemma f’Ġenesi 3:15, u hi deskritta fil-​viżjoni t’Apokalissi 12:1-6, 13-17.

Iżakk jirrappreżenta lin-​Nisel spiritwali tal-​mara t’Alla. Primarjament, dan hu Ġesù Kristu. Madankollu, in-​nisel sar jinkludi wkoll lil ħut Kristu, il-​midlukin, li huma adottati bħala wlied spiritwali u jsiru werrieta mseħbin maʼ Kristu.—Rumani 8:15-17; Galatin 3:16, 29.

Ħagar, il-​mara sekondarja, jew konkubina, t’Abraham, kienet ilsira. Hi tiffigura b’mod xieraq lil Ġerusalemm taʼ l-​art, li kienet gvernata mill-​kodiċi tal-​Liġi Mosajka. Din il-​Liġi wriet li s-​segwaċi kollha tagħha kienu lsiera tad-​dnub u l-​mewt. Pawlu qal li “Ħagar hija l-​muntanja Sinaj li hi fl-​Għarabja,” għaliex il-​patt ­tal-Liġi kien stabbilit hemmhekk.—Galatin 3:10, 13; 4:25.

Ismagħel, bin Ħagar, jiffigura lil-​Lhud taʼ l-​ewwel seklu, ulied Ġerusalemm li kien għadhom imjassrin taħt il-​Liġi Mosajka. Bħalma Ismagħel ippersegwita lil Iżakk, hekk ukoll dawn il-​Lhud ippersegwitaw lill-​Kristjani, li kienu l-​ulied midlukin taʼ “Ġerusalemm taʼ fuq,” li hi ffigurata minn Sara. U sewwa sew bħalma Abraham keċċa lil Ħagar u lil Ismagħel, Jehovah fl-​aħħar mill-​aħħar warrab lil Ġerusalemm u lill-​ulied ribellużi tagħha.—Mattew 23:37, 38.

[Stampa f’paġna 220]

Wara l-​magħmudija tiegħu, Ġesù ġie midluk bl-​ispirtu qaddis, u Isaija 54:1 beda jkollu l-​iktar twettiq importanti tiegħu

[Stampa f’paġna 225]

Jehovah ħeba wiċċu minn Ġerusalemm “għal ftit”

[Stampi f’paġna 231]

Jistgħu l-​gwerrier u l-​ħaddied jirbħu kontra l-​Ħallieq tagħhom?