Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Il-Qima Vera Tinfirex mad-Dinja Kollha

Il-Qima Vera Tinfirex mad-Dinja Kollha

Kapitlu Wieħed u Għoxrin

Il-​Qima Vera Tinfirex mad-​Dinja Kollha

Isaija 60:1-22

1. Isaija kapitlu 60 fih liema messaġġ inkuraġġanti?

 KAPITLU 60 taʼ Isaija huwa miktub bħala dramm li jqanqlek. Fl-​ewwel versi, l-​attenzjoni tagħna tinġibed lejn xena kommoventi. Sensiela taʼ ġrajjiet isseħħ b’għaġla kbira, waħda wara l-​oħra, u din twassalna għal tmiem kommoventi. Il-​kapitlu jiddeskrivi bi kliem ħaj kif il-​qima vera ġiet stabbilita mill-​ġdid f’Ġerusalemm tal-​qedem u kif infirxet mad-​dinja kollha llum. Iktar minn hekk, jiġbdilna l-​attenzjoni lejn il-​barkiet eterni li hemm maħżunin għall-​adoraturi leali kollha t’Alla. Kull wieħed minna jistaʼ jkollu parti fit-​twettiq taʼ din is-​silta ferm interessanti mill-​profezija taʼ Isaija. Għalhekk, ejja neżaminawha bir-​reqqa.

Dawl Jiddi fid-​Dlam

2. Liema kmand jingħata lil waħda mara li hi mixħuta fid-​dlam, u għala huwa urġenti li hi tobdi?

2 L-​ewwel kliem taʼ dan il-​kapitlu taʼ Isaija huwa indirizzat lil waħda mara li tinsab f’ċirkustanzi taʼ swied il-​qalb. B’mod evidenti, tinsab mixħuta minn tulha maʼ l-​art fid-​dlam. F’daqqa waħda, dawl jinfed id-​dlam hekk kif Jehovah, permezz taʼ Isaija, jgħajjat: “Qum [“O mara,” “NW”]! Ħa jiddi wiċċek! Id-​dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-​Mulej!” (Isaija 60:1) Iva, il-​“mara” għandha tqum bil-​wieqfa u tirrifletti l-​glorja t’Alla! Din għala hija kwistjoni t’urġenza? Tkompli l-​profezija: “Ara d-​dlamijiet jiksu l-​art, u sħab iswed il-​popli: iżda fuqek jiddi l-​Mulej, u sebħu jfiġġ fuqek.” (Isaija 60:2) Il-​“mara” trid ‘tiddi’ għall-​benefiċċju taʼ dawk taʼ madwarha li għadhom iteftfu fid-​dlam. X’se jkun ir-​riżultat? “Il-​ġnus għad jimxu fid-​dawl tiegħek, u s-​slaten fid-​dija taʼ sbiħek.” (Isaija 60:3) Dan l-​ewwel kliem jipprovdi s-​sugu taʼ dak li se jiġi spjegat f’iktar dettall fil-​versi li ġejjin—il-​qima vera trid tinfirex mad-​dinja kollha!

3. (a) Min hi l-​“mara”? (b) Il-​“mara” għala kienet mixħuta fid-​dlam?

3 Għalkemm qiegħed jitkellem dwar ġrajjiet li għad iridu jseħħu, Jehovah lil din il-​“mara” jgħidilha li d-​dawl tagħha “wasal.” Dan jenfasizza kemm hi ħaġa ċerta li l-​profezija se titwettaq. Il-​“mara” li ssir referenza għaliha hawnhekk hija Sijon, jew Ġerusalemm, il-​belt kapitali taʼ Ġuda. (Isaija 52:1, 2; 60:14) Il-​belt tirrappreżenta lill-​ġens kollu kemm hu. Fi żmien l-​ewwel twettiq taʼ din il-​profezija, il-​“mara” tinsab mixħuta fid-​dlam, fejn ilha minn meta nqerdet Ġerusalemm fis-​sena 607 Q.E.K. Madankollu, fis-​sena 537 Q.E.K., fdal leali taʼ Lhud eżiljati jirritorna lejn Ġerusalemm u jistabbilixxi mill-​ġdid il-​qima safja. Sa fl-​aħħar, Jehovah jġiegħel li dawl jiddi fuq il-​“mara” tiegħu, u n-​nies tiegħu li nħelsu mill-​jasar isiru sors taʼ tidwil fost il-​ġnus li jinsabu fid-​dlam spiritwalment.

Twettiq Akbar

4. Illum, min jirrappreżenta lill-​“mara” fuq l-​art, u l-​kliem profetiku għal min japplika wkoll?

4 L-​interess li għandna f’dan il-​kliem profetiku ma jinkludix biss it-​twettiq tiegħu fuq Ġerusalemm tal-​qedem. Illum, il-​“mara” li Jehovah għandu fis-​sema hija rappreżentata fuq l-​art mill-​“Iżrael taʼ Alla.” (Galatin 6:16) Matul il-​perijodu taʼ l-​eżistenza tiegħu, minn Pentekoste tas-​sena 33 E.K. s’issa, dan il-​ġens spiritwali sar jinkludi total taʼ 144,000 membru midluk bl-​ispirtu, “il-​mifdija mill-​art” li għandhom il-​prospett li jaħkmu maʼ Kristu fis-​sema. (Apokalissi 14:1, 3) Fi żmienna, it-​twettiq taʼ Isaija kapitlu 60 jiċċentra fuq dawk mill-​144,000 li huma ħajjin fuq l-​art matul “l-​aħħar tad-​dinja.” (2 Timotju 3:1) Il-​profezija tapplika wkoll għal sħab dawn il-​Kristjani midlukin, il-​“kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra.”—Apokalissi 7:9; Ġwann 10:11, 16.

5. Il-​membri taʼ l-​Iżrael t’Alla li kienu għadhom ħajjin meta sabu ruħhom mixħutin fid-​dlam, u d-​dawl taʼ Jehovah meta idda fuqhom?

5 Għal perijodu qasir fil-​bidu tas-​seklu 20, dawk mill-​Iżrael t’Alla li kienu għadhom fuq l-​art sabu ruħhom mixħutin minn tulhom fid-​dlam, biex ngħidu hekk. Meta l-​ewwel gwerra dinjija kienet waslet biex tispiċċa, huma kienu f’sitwazzjoni li hi deskritta b’mod simboliku fil-​ktieb taʼ l-​Apokalissi—l-​iġsma mejtin tagħhom mixħutin “fil-​pjazza tal-​Belt il-​Kbira, li jsejjħulha b’tixbiha Sodoma u Eġittu.” (Apokalissi 11:8) Madankollu, fl-​1919 Jehovah xeħet id-​dawl tiegħu fuqhom. Għal dan huma qamu bil-​wieqfa u rriflettew id-​dawl t’Alla, billi bla biżaʼ xandru l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla.—Mattew 5:14-16; 24:14.

6. Id-​dinja in ġenerali kif irreaġixxiet meta xxandret il-​preżenza rjali taʼ Ġesù, imma min inġibed lejn id-​dawl taʼ Jehovah?

6 Il-​bnedmin in ġenerali, billi huma influwenzati minn Satana, il-​kap tal-​“Prinċpijiet taʼ din id-​dinja taʼ dlamijiet,” irrifjutawha l-​aħbar dwar il-​preżenza rjali taʼ Ġesù Kristu, “id-​dawl tad-​dinja.” (Efesin 6:12; Ġwann 8:12; 2 Korintin 4:3, 4) Minkejja dan, miljuni sħaħ inġibdu lejn id-​dawl taʼ Jehovah, inkluż “slaten” (dawk li jsiru werrieta midlukin tas-​Saltna tas-​sema) u “ġnus” (il-kotra kbira taʼ nagħaġ oħra).

Iż-​Żjieda Ġġib Ferħ mill-​Qalb

7. Il-​“mara” liema dehra inkuraġġanti tara?

7 Waqt li jiżviluppa t-​tema li nsibu f’Isaija 60:3, Jehovah jagħti kmand ieħor lill-​“mara”: “Għolli u dawwar għajnejk madwarek u ara.” Meta l-​“mara” tismaʼ minnu, tara quddiemha dehra inkuraġġanti—uliedha ġejjin id-​dar! “Ilkoll miġbura ġejjin għandek. Uliedek ġejjin mill-​bogħod, u [lil] bnietek iġorruhom fuq id-​dirgħajn.” (Isaija 60:4) Bħala riżultat tax-​xandir tas-​Saltna mad-​dinja kollha li beda fl-​1919, eluf taʼ ‘wlied subien u bniet’ midlukin oħrajn żdiedu u ssieħbu maʼ l-​Iżrael t’Alla. B’dan il-​mod Jehovah ħa passi biex jiġbor l-​għadd sħiħ imbassar taʼ 144,000, li se jaħkmu maʼ Kristu.—Apokalissi 5:9, 10.

8. L-​Iżrael t’Alla għalfejn kellu raġun jithenna mill-​1919 ’l hawn?

8 Din iż-​żjieda ġabet hena kbir. “Mbagħad tħares u wiċċek jiddi, u tħabbat u timtela qalbek, għax fuqek taqaʼ l-​kotra tal-​ġid taʼ l-​ibħra, u l-​għana tal-​ġnus jiġi għandek.” (Isaija 60:5) Il-​ġbir tal-​midlukin matul is-​snin 20 u 30 tas-​seklu l-​ieħor ġab hena kbir lill-​Iżrael t’Alla. Madankollu, dawn kellhom raġuni oħra biex jifirħu. Speċjalment minn nofs is-​snin 30 tas-​seklu l-​ieħor, individwi li darba kienu parti mill-​“baħar” taʼ bnedmin imbegħdin minn Alla ħarġu mill-​ġnus kollha biex iqimu maʼ l-​Iżrael t’Alla. (Isaija 57:20; Ħaggaj 2:7) Dawn l-​individwi ma jitilqux biex jaqdu lil Alla, kull wieħed kif jidhirlu hu. Pjuttost, huma jiġu għand il-​“mara” t’Alla u jsiru parti mill-​merħla magħquda t’Alla. B’riżultat taʼ dan, il-​qaddejja kollha t’Alla jieħdu sehem biex il-​qima vera tikber u tinfirex.

Ġnus Jiġu bi Ħġarhom Lejn Ġerusalemm

9, 10. Min huma dawk li jidhru ġejjin bi ħġarhom lejn Ġerusalemm, u Jehovah kif jilqagħhom?

9 Waqt li juża tixbih li n-​nies taʼ żmien Isaija huma familjari miegħu, Jehovah jiddeskrivi ż-​żjieda. Il-​“mara,” waqt li tħares mill-​post vantaġġuż tagħha fuq il-​Muntanja Sijon, l-​ewwel tifli x-​xefaq tal-​lvant. X’tara hemmhekk? “Mrieħel taʼ iġmla għad jgħattuk, l-​iġmla żgħar taʼ Midjan u Għefa; lkoll minn Seba jiġu, mgħobbija bid-​deheb u l-​inċens, u jxandru t-​tifħir tal-​Mulej.” (Isaija 60:6) Karavani taʼ iġmla li jintużaw minn merkanti li jivvjaġġaw taʼ diversi tribujiet jgħaddu mit-​toroq li jwasslu għal Ġerusalemm. (Ġenesi 37:25, 28; Mħallfin 6:1, 5; 1 Slaten 10:1, 2) L-​iġmla jinsabu kullimkien, bħal għargħar li jiksi l-​pajjiż! Il-​karavani jġibu għotjiet taʼ valur, u b’hekk juru li n-​negozjanti jiġu b’intenzjonijiet taʼ sliem. Huma jridu jqimu lil Jehovah u jagħtuh l-​aħjar li jistgħu joffru.

10 Dawn il-​merkanti m’humiex l-​uniċi li għaddejjin fit-​toroq. “L-​imrieħel kollha taʼ Kedar jinġabru fik, u l-​kbiex taʼ Nebajot jaqduk.” Iva, tribujiet taʼ rgħajja wkoll qegħdin jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm. Huma jiġu b’għotjiet mill-​iktar prezzjużi li għandhom—imrieħel taʼ nagħaġ—u joffru ruħhom bħala ministri. Jehovah kif se jilqagħhom? Hu jgħid: “Jilqgħuhom u joffruhom fuq l-​artal tiegħi, u jiena nsebbaħ dar il-​kobor tiegħi.” (Isaija 60:7) Jehovah jaċċettahom l-​għotjiet tagħhom li se jintużaw fil-​qima safja.—Isaija 56:7; Ġeremija 49:28, 29.

11, 12. (a) Il-​“mara” liema dehra tara hekk kif tħares fiss lejn il-​punent? (b) Ħafna għala qegħdin jgħaġġlu lejn Ġerusalemm?

11 Jehovah issa jikkmanda lill-​“mara” biex tħares lejn ix-​xefaq tal-​punent, u jistaqsi: “Min huma dawn li bħal sħab jittajjru, bħal ħamiem lejn il-​bejtiet tagħhom?” Jehovah nnifsu jwieġeb: “Għalija jinġabru l-​bastimenti tal-​gżejjer, bl-​iġfna taʼ Tarsis quddiemnett, biex iġibu ’l uliedek mill-​bogħod, u magħhom il-​fidda u dehebhom, f’ġieħ isem Jaħweh Alla tiegħek, il-​Qaddis taʼ Iżrael, għax hu li sebbħek.”—Isaija 60:8, 9.

12 Immaġinak qiegħed bil-​wieqfa ħdejn il-​“mara,” tħares fiss lejn il-​punent għal fuq il-​Baħar il-​Kbir. X’tara hemmhekk? Fil-​bogħod tara sħaba taʼ tikek bojod jiċċaqalqu ħelu ħelu fuq wiċċ l-​ilma. Jidhru qishom għasafar, imma hekk kif jersqu iktar qrib, tinduna li huma bastimenti bil-​qlugħ miftuħin. Dawn ġew “mill-​bogħod.” a (Isaija 49:12) Tant hemm iġfna ġejjin b’ħeffa kbira lejn Sijon li dawn jixbhu lil qatgħa ħamiem sejrin lejn il-​barumbara. Il-​flotta għala hija mgħaġġla daqshekk? Għax hi ħerqana biex twassal it-​tagħbija tagħha t’adoraturi taʼ Jehovah li ġejjin minn portijiet fil-​bogħod. Tabilħaqq, dawn kollha li għadhom kif waslu—kemm Iżraelin kif ukoll barranin, mil-​lvant jew mill-​punent u minn pajjiżi viċin jew fil-​bogħod—qegħdin jgħaġġlu lejn Ġerusalemm biex jiddedikaw ruħhom u dak kollu li għandhom lill-​isem taʼ Jehovah, Alla tagħhom.—Isaija 55:5.

13. Fi żmienna, min huma l-​‘ulied subien u bniet,’ u min huma “l-​għana tal-​ġnus”?

13 Xi stampa ħajja jagħti Isaija 60:4-9 taż-​żjieda li seħħet mad-​dinja kollha mindu l-​“mara” taʼ Jehovah bdiet tixħet id-​dawl fost id-​dlam taʼ din id-​dinja! L-​ewwel ġew l-​‘ulied subien u bniet’ taʼ Sijon tas-​sema, dawk li saru Kristjani midlukin. Fl-​1931 dawn identifikaw ruħhom pubblikament bħala x-​Xhieda taʼ Jehovah. Imbagħad sħaba taʼ nies ġwejdin, “l-​għana tal-​ġnus” u “l-​ġid taʼ l-​ibħra,” irsistew biex jissieħbu maʼ dawk li kien fadal mill-​aħwa taʼ Kristu. b Illum dawn il-​qaddejja kollha taʼ Jehovah li ġejjin mill-​erbaʼ rkejjen tal-​globu u minn kull livell tal-​ħajja jissieħbu maʼ l-​Iżrael t’Alla biex ifaħħru lil Jehovah, il-​Mulej Sovran tagħhom, u biex jgħollu lil ismu bħala l-​iktar isem grandjuż fl-​univers kollu.

14. Għala jingħad li dawk li għadhom kif waslu ‘jiġu offruti fuq l-​artal t’Alla’?

14 Iżda, x’ifisser li dawk li għadhom kif waslu mill-​ġnus ‘jiġu offruti fuq l-​artal t’Alla’? Sagrifiċċju jitpoġġa fuq l-​artal. L-​appostlu Pawlu uża espressjoni li tinvolvi sagrifiċċju meta kiteb: “Nitlobkom . . . offru ġisimkom b’sagrifiċċju ħaj, qaddis, jogħġob lil Alla, jiġifieri l-​qima spiritwali tagħkom.” (Rumani 12:1) Il-​Kristjani ġenwini huma lesti li jagħtu minnhom infushom. (Luqa 9:23, 24) Huma jiddedikaw il-​ħin, l-​enerġija, u l-​kapaċitajiet tagħhom biex iġibu ’l quddiem il-​qima safja. (Rumani 6:13) Meta jagħmlu dan, ikunu qed joffru sagrifiċċji taʼ tifħir aċċettabbli għal Alla. (Lhud 13:15) Kemm huwa inkuraġġanti li miljuni t’adoraturi taʼ Jehovah llum, kemm żgħażagħ kif ukoll xjuħ, poġġew ix-​xewqat persunali tagħhom fit-​tieni post, wara l-​interessi tas-​Saltna t’Alla! Dawn juru spirtu ġenwin taʼ ssagrifikar tagħhom infushom.—Mattew 6:33; 2 Korintin 5:15.

Dawk li Għadhom Kif Waslu Jgħinu biex Tinfirex il-​Qima Vera

15. (a) Fil-​qedem, il-​ħniena taʼ Jehovah kif intweriet rigward il-​barranin? (b) Fi żmienna, “il-​barranin” kif ħadu sehem fit-​tisħiħ tal-​qima vera?

15 Dawk li għadhom kif waslu joffru kemm il-​ġid li għandhom kif ukoll is-​servizzi persunali tagħhom biex jappoġġaw lill-​“mara” taʼ Jehovah. “Il-​barranin jibnulek swarek, u jaqduk is-​slaten tagħhom, għax jekk sawwattek fil-​qilla tiegħi, fil-​ħniena tiegħi jien ħennejt għalik.” (Isaija 60:10) Il-​ħniena taʼ Jehovah ntweriet fis-​sitt seklu Q.E.K. meta xi barranin għenu fix-​xogħol tal-​bini f’Ġerusalemm. (Esdra 3:7; Neħemija 3:26) Fit-​twettiq akbar taʼ llum, “il-​barranin,” il-​kotra kbira, jappoġġaw lill-​fdal midluk biex isaħħu u jibnu l-​qima vera. Huma jgħinu biex jibnu kwalitajiet Kristjani fl-​istudenti tal-​Bibbja, u b’hekk iqawwu l-​kongregazzjonijiet Kristjani u fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah jsaħħu s-​‘swar’ bħal dawk li jdawru l-​belt. (1 Korintin 3:10-15) Huma jibnu wkoll b’mod letterali, billi jaħdmu iebes fil-​bini taʼ Swali tas-​Saltna, Swali għall-​Assembleat, u djar taʼ Betel. B’hekk, huma jissieħbu maʼ ħuthom il-​midlukin biex jieħdu ħsieb il-​ħtiġijiet taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah li qed tinfirex.—Isaija 61:5.

16, 17. (a) Il-​“bibien” taʼ l-​organizzazzjoni t’Alla kif inżammu miftuħin? (b) Xi “slaten” kif qdew lil Sijon? (ċ) X’se jiġrilhom dawk li jipprovaw jagħlqu l-​“bibien” li Jehovah jixtieq li jitħallew miftuħin?

16 Kull sena bħala riżultat tal-​programm taʼ bini spiritwali, mijiet t’eluf taʼ “barranin” jibdew jassoċjaw maʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah, u t-​triq għadha miftuħa għal iktar individwi. Jgħid Jehovah: “Il-​bibien tiegħek ikunu miftuħin dejjem, lejl u nhar ma jingħalqux, biex jiġi għandek il-​ġid tal-​ġnus, u s-​slaten tagħhom miexja quddiem.” (Isaija 60:11) Iżda, min huma s-​“slaten” li mexjin quddiem biex iġibu l-​ġid tal-​ġnus għand Sijon? Fil-​qedem, Jehovah qanqal il-​qlub taʼ ċerti ħakkiema biex ‘jaqdu’ lil Sijon. Per eżempju, Ċiru ħa l-​inizjattiva biex jibgħat lil-​Lhud lura lejn Ġerusalemm ħalli jerġgħu jibnu t-​tempju. Iktar tard, Artasersi kkontribwixxa l-​mezzi u bagħat lil Neħemija biex jerġaʼ jibni s-​swar taʼ Ġerusalemm. (Esdra 1:2, 3; Neħemija 2:1-8) Verament, “qalb is-​sultan nixxiegħa ilma f’id il-​Mulej.” (Proverbji 21:1) Alla tagħna jistaʼ jqanqal saħansitra lil ħakkiema setgħanin biex jaġixxu fi qbil mar-​rieda tiegħu.

17 Fi żmienna ħafna “slaten,” jew awtoritajiet sekulari, ipprovaw jagħlqu l-​“bibien” taʼ l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. Madankollu, kien hemm oħrajn li qdew lil Sijon billi ħadu deċiżjonijiet li għenu biex dawn il-​“bibien” jibqgħu miftuħin. (Rumani 13:4) Fl-​1919, awtoritajiet sekulari ħelsu lil Joseph F. Rutherford u lil sħabu minn priġunerija inġusta. (Apokalissi 11:13) Gvernijiet umani ‘belgħu’ d-​dilluvju taʼ persekuzzjoni li twaddab minn Satana wara li tkeċċa mis-​sema. (Apokalissi 12:16) Xi gvernijiet appoġġaw it-​tolleranza reliġjuża, kultant speċifikament għan-​nom tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Billi qdew b’dan il-​mod, huma għamluha iktar faċli għall-​folol taʼ nies ġwejdin biex jgħaddu mill-​“bibien” miftuħin u jidħlu fl-​organizzazzjoni taʼ Jehovah. U xi ngħidu għal dawk l-​opponenti li jipprovaw jagħlqu dawn il-​“bibien”? Qatt ma se jirnexxu. Dwarhom, Jehovah jgħid: “Il-​ġens u s-​saltna li ma taqdikx tinqered: ġnus bħal dawn jinqerdu għalkollox.” (Isaija 60:12) Se jgħib kulmin jiġġieled kontra l-​“mara” t’Alla—kemm jekk ikunu individwi jew organizzazzjonijiet—jekk mhux issa, iktar tard fil-​gwerra li ġejja t’Armageddon.—Apokalissi 16:14, 16.

18. (a) Xi tfisser il-​wegħda li s-​siġar se jiffjorixxu f’Iżrael? (b) Illum x’inhu ‘l-​mirfes taʼ riġlejn Jehovah’?

18 Wara din it-​twissija taʼ ġudizzju, il-​profezija ddur lura għal wegħdi taʼ glorja u prosperità. Waqt li jkellem lill-​“mara” tiegħu, Jehovah jgħid: “Ġmiel il-​Libanu jiġi għandek, iċ-​ċipress u ċ-​ċedru u l-​bux magħhom, għat-​tiżjin tat-​tempju mqaddes tiegħi, u għas-​sebħ taʼ mirfes riġlejja.” (Isaija 60:13) Siġar kbar iħaddru jissimbolizzaw ġmiel u abbundanza. (Isaija 41:19; 55:13) L-​espressjonijiet “tempju mqaddes” u “mirfes riġlejja” f’dan il-​vers jirreferu għat-​tempju taʼ Ġerusalemm. (1 Kronaki 28:2; Salm 99:5) Madankollu, l-​appostlu Pawlu spjega li t-​tempju f’Ġerusalemm kien rappreżentazzjoni li fix-​xebh tagħha ffigurat bil-​quddiem tempju spiritwali akbar, l-​arranġament li bih dak li jkun jersaq lejn Jehovah biex iqimu fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu. (Lhud 8:1-5; 9:2-10, 23) Illum Jehovah jigglorifika lil ‘mirfes riġlejh,’ il-​btieħi fuq l-​art taʼ dan it-​tempju spiritwali kbir. Dawn isiru tant attraenti li nies mill-​ġnus kollha jinġibdu lejhom biex jieħdu sehem fil-​qima vera hemmhekk.—Isaija 2:1-4; Ħaggaj 2:7.

19. L-​opponenti x’se jiġu sforzati jirrikonoxxu, u meta, jekk mhux issa, żgur se jagħmluh dan?

19 Issa, waqt li jdawwar l-​attenzjoni tiegħu lura lejn l-​opponenti, Jehovah jgħid: “Jiġu għandek rashom baxxa wlied dawk li ħaqruk, u jinżlu wiċċhom fl-​art quddiemek dawk li żebilħuk, u jsejjħulek: ‘Belt tal-​Mulej,’ ‘Sijon tal-​Qaddis taʼ Iżrael.’” (Isaija 60:14) Iva, meta jaraw iż-​żjieda abbundanti u l-​mod taʼ ħajja superjuri li l-​barka t’Alla ġġib lin-​nies tiegħu, xi opponenti se jiġu mġagħlin ibaxxu rashom u jsejħu lill-​“mara.” Jiġifieri, se jiġu sforzati jirrikonoxxu—jekk mhux issa, f’Armageddon żgur—li l-​membri tal-​fdal midluk u sħabhom verament jirrappreżentaw l-​organizzazzjoni li Alla għandu fis-​sema, ‘Belt tal-​Mulej, Sijon tal-​Qaddis taʼ Iżrael.’

Jużaw il-​Mezzi Disponibbli

20. Liema bidla kbira sseħħ fiċ-​ċirkustanzi tal-​“mara”?

20 X’bidla kbira se sseħħ fiċ-​ċirkustanzi tal-​“mara” taʼ Jehovah! Jgħid Jehovah: “Għax kont mitluqa, u kienu jobogħduk, u ħadd ma kien jgħaddi minnek, nagħmlek kbira għal dejjem u l-​għaxqa taʼ kull żmien. Bħal tarbija terdaʼ ħalib il-​ġnus, u titmantna minn sider is-​slaten, biex tagħraf li jien il-​Mulej, is-​Salvatur tiegħek, il-​Feddej tiegħek, il-​Qawwi taʼ Ġakobb.”—Isaija 60:15, 16.

21. (a) Ġerusalemm tal-​qedem kif issir “kbira”? (b) Il-​qaddejja midlukin taʼ Jehovah liema barkiet gawdew mill-​1919 ’l hawn, u kif redgħu “ħalib il-​ġnus”?

21 Għal 70 sena sħaħ, Ġerusalemm tal-​qedem ma tibqax teżisti, biex ngħidu hekk, ‘ħadd ma jgħaddi minnha.’ Imma mis-​sena 537 Q.E.K. ’l quddiem, Jehovah jerġaʼ jimla l-​belt bin-​nies, u b’hekk jagħmilha “kbira.” B’mod simili, lejn tmiem l-​ewwel gwerra dinjija, l-​Iżrael t’Alla għadda minn perijodu taʼ tiġrib li fih ħassu ‘mitluq’ għalkollox. Imma fl-​1919, Jehovah xtara lura mill-​jasar lill-​qaddejja midlukin tiegħu, u minn dakinhar ’l hawn berikhom b’żjieda li qatt ma kien hawn bħalha u bi prosperità spiritwali. In-​nies tiegħu redgħu “ħalib il-​ġnus,” billi użaw xi riżorsi mill-​ġnus biex javanzaw il-​qima vera. Per eżempju, l-​użu għaqli tat-​teknoloġija moderna għamilha possibbli li jiġu tradotti u pubblikati Bibbji u letteratura Biblika f’mijiet taʼ lingwi. B’riżultat taʼ dan, mijiet t’eluf kull sena jistudjaw il-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Jehovah u jsiru jafu li Jehovah, permezz taʼ Kristu, hu s-​Salvatur u l-​Feddej tagħhom.—Atti 5:31; 1 Ġwann 4:14.

Progress Organizzazzjonali

22. Jehovah liema tip speċjali taʼ progress iwiegħed?

22 It-​tkabbir fl-​għadd tan-​nies taʼ Jehovah jġib miegħu l-​progress organizzazzjonali. Jistqarr Jehovah: “Minflok il-​bronż, nġiblek id-​deheb; flok il-​ħadid, il-​fidda; flok l-​injam, il-​bronż; flok il-​ġebel, il-​ħadid. U nagħmel is-​Sliem it-​tmexxija tiegħek, u l-​Ġustizzja l-​ħakma tiegħek.” (Isaija 60:17) Meta d-​deheb jieħu post il-​bronż tkun qed titjieb is-​sitwazzjoni, u l-​istess jgħodd għall-​materjali l-​oħrajn imsemmijin hawnhekk. Fi qbil maʼ dan, in-​nies taʼ Jehovah esperjenzaw arranġamenti organizzazzjonali mtejbin matul l-​aħħar jiem.

23, 24. In-​nies taʼ Jehovah liema arranġamenti organizzazzjonali mtejbin esperjenzaw mill-​1919 ’l hawn?

23 Sa l-​1919, l-​anzjani u d-​djakni fil-​kongregazzjonijiet kienu jiġu eletti b’mod demokratiku. Minn dik is-​sena, direttur tas-​servizz beda jinħatar b’mod teokratiku biex jindokra l-​attivitajiet tas-​servizz taʼ l-​għalqa fil-​kongregazzjoni, imma kien hemm każi meta xi anzjani li ġew eletti ħaduha kontra d-​direttur tas-​servizz. Fl-​1932, l-​affarijiet inbidlu. Permezz tar-​rivista Watchtower, il-​kongregazzjonijiet intqalilhom biex ma jibqgħux jaħtru l-​anzjani u d-​djakni b’elezzjoni. Minflok, kellu jiġi elett kumitat tas-​servizz biex jaħdem id f’id mad-​direttur tas-​servizz. Dan kien titjib kbir.

24 Fl-​1938, iddaħħal iktar “deheb” meta ġie stabbilit li l-​qaddejja kollha fil-​kongregazzjoni kellhom jinħatru b’mod teokratiku. L-​amministrazzjoni tal-​kongregazzjoni bdiet tiġi fdata f’idejn qaddej tal-​kumpanija (iktar tard, qaddej tal-​kongregazzjoni) u d-​diversi qaddejja li kienu jassistuh, ilkoll maħturin taħt l-​indokrar taʼ “l-​ilsir leali u diskret.” c (Mattew 24:45-47, NW) Madankollu, fl-​1972 kien mifhum li l-​metodu Skritturali taʼ kif tiġi indokrata kongregazzjoni huwa permezz taʼ ġemgħa t’anzjani u mhux permezz taʼ raġel wieħed. (Filippin 1:1) Bidliet oħrajn saru kemm fil-​kongregazzjoni kif ukoll fil-​Ġemgħa li Tiggverna. Eżempju taʼ dan taʼ l-​aħħar deher nhar is-​7 t’Ottubru, 2000, meta tħabbar li l-​membri tal-​Ġemgħa li Tiggverna li kienu qegħdin jaqdu bħala diretturi tal-​Watch Tower Society of Pennsylvania u taʼ korporazzjonijiet imseħbin magħha kienu rriżenjaw volontarjament. B’dan il-​mod, il-​Ġemgħa li Tiggverna, li tirrappreżenta lill-​ilsir leali u diskret, tistaʼ tagħti iktar attenzjoni lejn li tieħu ħsieb l-​indokrar spiritwali tal-​kongregazzjoni t’Alla u l-​imseħbin tagħha, in-​nagħaġ oħra. (Atti 20:28) Dawn l-​arranġamenti kollha kienu titjib. Saħħew l-​organizzazzjoni taʼ Jehovah u bierku lill-​adoraturi tiegħu.

25. Min kien hemm wara l-​progress organizzazzjonali tan-​nies taʼ Jehovah, u dawn liema benefiċċji ħasdu?

25 Min kien hemm wara dan it-​titjib? Sar dan minħabba l-​abbiltà organizzazzjonali jew il-​moħħ intelliġenti taʼ xi bnedmin? Le, għax Jehovah qal: “Inġiblek id-​deheb.” Dan il-​progress kollu huwa r-​riżultat taʼ gwida divina. Hekk kif in-​nies taʼ Jehovah jissottomettu ruħhom għall-​gwida tiegħu u jagħmlu xi aġġustamenti, dawn jaħsdu l-​benefiċċji. Is-​sliem isaltan fosthom, u l-​imħabba għat-​tjieba ġġagħalhom jaqduh.

26. Liema marka li tidentifika lill-​Kristjani veri tiġi notata saħansitra minn dawk li jopponu?

26 Is-​sliem li jagħti Alla kapaċi jġib bidla kbira. Jehovah jwiegħed: “Ma tinstemax aktar dnewwa f’artek, u ħerba u qerda fi trufijietek; swarek jissejjħu: ‘Ħelsien,’ u bwiebek: ‘Foħrija.’” (Isaija 60:18) Kemm hu veru dan! Anki dawk li jopponu jammettu li s-​sliem huwa marka li tispikka fost il-​Kristjani veri. (Mikea 4:3) Permezz taʼ dan is-​sliem m’Alla u fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah nfushom, kull post fejn jiltaqgħu dawn il-​Kristjani jsir bħal oasi rifreskanti f’dinja vjolenti. (1 Pietru 2:17) Hawnhekk qegħdin iduqu bil-​quddiem l-​abbundanza taʼ sliem li se jkun hemm meta l-​abitanti kollha taʼ l-​art se jkunu “mgħallma mill-​Mulej.”—Isaija 11:9; 54:13.

Id-​Dawl Glorjuż taʼ l-​Approvazzjoni Divina

27. Liema dawl kontinwu jiddi fuq il-​“mara” taʼ Jehovah?

27 Il-​qawwa tad-​dawl li jiddi fuq Ġerusalemm hija deskritta minn Jehovah meta jgħid: “Ma ddawwlekx aktar ix-​xemx binhar, u lanqas jiddi għalik il-​qamar billejl, għax il-​Mulej ikunlek id-​dawl għal dejjem u Alla tiegħek ikun sebħek. Ma tinżilx aktar ix-​xemx għalik u lanqas jgħib il-​qamar, għax il-​Mulej ikun id-​dawl tiegħek għal dejjem u jintemmu l-​jiem tal-​vistu tiegħek.” (Isaija 60:19, 20) Jehovah se jkompli jkun ‘dawl għal dejjem’ għall-​“mara” tiegħu. Hu qatt ma ‘jinżel’ bħax-​xemx jew “jgħib” bħall-​qamar. d Id-​dawl kontinwu t’approvazzjoni tiegħu jiddi fuq il-​Kristjani midlukin, ir-​rappreżentanti umani tal-​“mara” t’Alla. Huma, flimkien mal-​kotra kbira, igawdu ħuġġieġa tant kbira taʼ dawl spiritwali li ebda dlam fix-​xena politika jew ekonomika tad-​dinja ma jistaʼ jbattiha. U għandhom fiduċja fil-​futur jiddi li Jehovah poġġa quddiemhom.—Rumani 2:7; Apokalissi 21:3-5.

28. (a) X’inhu mwiegħed dwar l-​abitanti taʼ Ġerusalemm li jiġu lura? (b) Il-​Kristjani midlukin x’wirtu fl-​1919? (ċ) It-​twajbin għal kemm żmien se jirtuha l-​art?

28 Dwar l-​abitanti taʼ Ġerusalemm, Jehovah jissokta jgħid: “Kulħadd ikun ġust fil-​poplu tiegħek u jirtu l-​art għal dejjem [“għal żmien indefinit,” “NW”]; huma xitla li jien ħawwilt, xogħol idejja għal foħriti.” (Isaija 60:21) Meta l-​Iżraelin naturali ġew lura minn Babilonja, ‘wirtu l-​art.’ Imma f’dan il-​każ, iż-​“żmien indefinit” kien sa l-​ewwel seklu E.K. meta l-​eżerċti Rumani qerdu lil Ġerusalemm u l-​istat Lhudi. Fl-​1919, il-​membri tal-​fdal taʼ Kristjani midlukin ħarġu mill-​jasar spiritwali u wirtu art spiritwali. (Isaija 66:8) Din l-​art, jew qasam t’attività, hija mmarkata bi prosperità spiritwali bħal ġenna li mhix se tbatti. Kuntrarju għal Iżrael tal-​qedem, Iżrael spiritwali bħala ġemgħa mhux se jkun infidil. Iktar minn hekk, il-​profezija taʼ Isaija se jkollha wkoll twettiq materjali meta l-​art issir ġenna taʼ l-​art letterali li tkun mimlija bi “sliem kotran.” Imbagħad it-​twajbin li għandhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art se jirtu l-​art għal dejjem.—Salm 37:11, 29.

29, 30. “L-​iżgħar” kif sar “elf”?

29 Fit-​tmiem taʼ Isaija kapitlu 60 nistgħu nsibu wegħda solenni, li Jehovah jiggarantixxi b’ismu stess, meta jgħid: “L-​iżgħar fostkom isir tribù [“elf,” “KŻ”] u l-​iċken isir ġens qawwi. Jien il-​Mulej, li nfittex nagħmel dan kollu f’waqtu.” (Isaija 60:22) Meta l-​midlukin li kienu mxerrdin reġgħu saru attivi fl-​1919, huma kienu “l-​iżgħar.” e Imma l-​għadd tagħhom immoltiplika hekk kif iddaħħlu l-​Iżraelin spiritwali li kien fadal. U ż-​żjieda saret fenomenali meta bdiet tinġabar il-​kotra kbira.

30 Fi żmien qasir, is-​sliem u t-​tjieba li kienu jeżistu fost il-​poplu t’Alla ġibdu lil tant nies taʼ qalb onesta li “l-​iżgħar” letteralment kiber u sar “ġens qawwi.” Bħalissa, il-​ġens fih iktar nies minn għadd konsiderevoli taʼ stati sovrani fid-​dinja. B’mod ċar, permezz taʼ Ġesù Kristu, Jehovah dderieġa x-​xogħol tas-​Saltna u ħaffiflu l-​pass. Kemm hu kommoventi li tara l-​qima vera tinfirex mad-​dinja kollha u li jkollok sehem f’dan! Iva, tħoss ferħ meta tirrealizza li din iż-​żjieda tigglorifika lil Jehovah, li pprofetizza dawn l-​affarijiet żmien twil ilu.

[Noti taʼ taħt]

a X’aktarx li Tarsis kienet tinsab fil-​post li llum huwa magħruf bħala Spanja. Madankollu, skond xi kotba taʼ referenza, l-​espressjoni “iġfna taʼ Tarsis” tirreferi għat-​tip taʼ iġfna—“iġfna b’arbli għoljin li jsalpaw fl-​oċeani”—li kienu “jifilħu għall-​baħar biex jivvjaġġaw lejn Tarsis,” fi kliem ieħor, iġfna li kienu meqjusin bħala addattati biex jagħmlu vjaġġi twal lejn portijiet fil-​bogħod.—1 Slaten 22:49 [22:48, NW].

b Waqt li qabel l-​1930 kien hemm Kristjani attivi u żelużi li kellhom it-​tama li jgħixu fuq l-​art u li kienu assoċjati maʼ l-​Iżrael t’Alla, madankollu l-​għadd tagħhom beda jiżdied b’mod evidenti fis-​snin 30 tas-​seklu l-​ieħor.

c Dak iż-​żmien, il-​kongregazzjonijiet lokali kienu jissejħu kumpaniji.

d L-​appostlu Ġwanni juża lingwaġġ simili meta jiddeskrivi lil “Ġerusalemm il-​ġdida,” il-​144,000 fil-​glorja tas-​sema. (Apokalissi 3:12; 21:10, 22-26) Dan huwa xieraq, għax “Ġerusalemm il-​ġdida” tirrappreżenta lill-​membri kollha taʼ l-​Iżrael t’Alla wara li jirċievu l-​premju tagħhom fis-​sema, u b’hekk, flimkien maʼ Ġesù Kristu, isiru l-​parti prinċipali tal-​“mara” t’Alla, “Ġerusalemm taʼ fuq.”—Galatin 4:26.

e Fl-​1918 l-​għadd medju taʼ dawk li ħadu sehem fl-​ippridkar tal-​kelma kull xahar kien inqas minn 4,000.

[Mistoqsijiet taʼ Studju]

[Stampa f’paġna 305]

Il-​“mara” tiġi kmandata biex ‘tqum’

[Stampa f’paġna 312, 313]

“L-​iġfna taʼ Tarsis” iġorru t-​tagħbija tagħhom t’adoraturi taʼ Jehovah