Il-Veru Alla Jbassar Ħelsien
Kapitlu Ħamsa
Il-Veru Alla Jbassar Ħelsien
1, 2. (a) Jehovah liema mistoqsijiet iqajjem? (b) Jehovah kif se jagħti prova li hu biss il-veru Alla?
‘MIN hu l-veru Alla?’ Din il-mistoqsija qamet kemm-il darba matul is-sekli. Għalhekk, kemm huwa sorprendenti li fil-ktieb taʼ Isaija, Jehovah nnifsu jqajjimha din il-mistoqsija! Hu jistieden lill-bnedmin biex jikkunsidraw dan li ġej: ‘Hu Jehovah l-uniku Alla veru? Jew hemm xi ieħor li jistaʼ jisfida l-pożizzjoni tiegħu?’ Wara li jagħti bidu għad-diskussjoni, Jehovah jipprovdi fatturi biex jissetilja l-kwistjoni tad-Divinità. Ir-raġunar li huwa preżentat iwassal lil dawk taʼ qalb onesta għal konklużjoni waħda li ma tistax taħrabha.
2 Fi żmien Isaija, hemm ħafna li jqimu x-xbihat. Fid-diskussjoni ċara u tonda li nsibu f’kapitlu 44 tal-ktieb profetiku taʼ Isaija, kemm tintwera li hi bla fejda l-qima tax-xbihat! Madankollu, in-nies t’Alla stess waqgħu fin-nassa taʼ li jqimu l-idoli. Għaldaqstant, bħalma rajna f’kapitli oħrajn taʼ Isaija, l-Iżraelin se jkollhom jirċievu dixxiplina iebsa. Iżda b’imħabba Jehovah jassigura lill-ġens li għalkemm se jippermetti lil Babilonja li tieħu lin-nies tiegħu fil-jasar, hu se jeħlishom meta jħoss li jkun il-waqt. It-twettiq tal-profeziji dwar il-ħelsien mill-jasar u dwar it-twaqqif mill-ġdid tal-qima safja se juri bla dubju li Jehovah biss hu l-veru Alla, għall-għajb taʼ kulmin iqim lill-allat bla ħajja tal-ġnus.
3. Il-kliem profetiku taʼ Isaija kif jgħinhom lill-Kristjani llum?
3 Illum, il-profeziji li hemm f’din il-parti taʼ Isaija u t-twettiq tagħhom fil-qedem isaħħu l-fidi tal-Kristjani. Iktar minn hekk, il-kliem profetiku taʼ Isaija jitwettaq fi żmienna u saħansitra fil-futur. U dawn il-ġrajjiet jinvolvu ħellies u ħelsien saħansitra akbar minn dawk imbassrin għall-poplu t’Alla tal-qedem.
Tama għal Dawk li Huma taʼ Jehovah
4. Jehovah kif jinkuraġġih lil Iżrael?
4 Kapitlu 44 jibda fuq nota pożittiva billi jfakkar li Iżrael intgħażel minn Alla, separat mill-ġnus taʼ madwaru biex isir il-qaddej tiegħu. Il-profezija tgħid hekk: “U issa, ismaʼ, Ġakobb il-qaddej tiegħi, Iżrael, il-maħtur tiegħi. Dan jgħid il-Mulej, li għamlek, dak li sawwrek sa mill-ġuf, l-għajnuna tiegħek. La tibżax, Ġakobb, il-qaddej tiegħi; Ġesurun, li jien għażilt.” (Isaija 44:1, 2) Jehovah ħa ħsieb Iżrael minn ġuf ommu, jiġifieri, minn mindu Iżrael sar ġens wara li ħareġ mill-Eġittu. Lin-nies tiegħu bħala poplu jsejħilhom “Ġesurun,” li jfisser “Wieħed Rett,” titlu li jesprimi affezzjoni u tenerezza. L-isem ifakkar ukoll li l-Iżraelin iridu jibqgħu retti, xi ħaġa li naqsu fiha kemm-il darba.
5, 6. Jehovah liema provvedimenti rifreskanti jfornilu lil Iżrael, u b’liema riżultat?
5 Kemm hu pjaċevoli u rifreskanti l-kliem taʼ Jehovah li jmiss! Hu jgħid hekk: “Għax jiena nsawwab l-ilma fuq l-art għatxana, u xmajjar fuq in-niexef; hekk fuq nislek insawwab l-ispirtu tiegħi, u l-barka tiegħi fuq uliedek. Jinbtu bħal ħaxix f’nofs l-ilma, bħaż-żafżâf ħdejn l-ilma ġieri.” (Isaija 44:3, 4) Anki f’art niexfa u sħuna, fillieri taʼ siġar jistgħu jinbtu u jikbru jekk ikunu ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma. Meta Jehovah jipprovdi l-ilmijiet tal-verità li jagħtu l-ħajja u jsawwab l-ispirtu qaddis tiegħu, Iżrael se jiffjorixxi bil-kbir, bħal siġar li jkunu maġenb kanali tat-tisqija. (Salm 1:3; Ġeremija 17:7, 8) Jehovah se jagħti lin-nies tiegħu s-saħħa biex iwettqu l-irwol tagħhom bħala xhieda tad-Divinità tiegħu.
6 Riżultat wieħed taʼ dan it-tiswib taʼ l-ispirtu qaddis se jkun li xi individwi jġeddu l-apprezzament tagħhom għar-relazzjoni li Iżrael għandu maʼ Jehovah. B’hekk, naqraw: “Min jgħid: ‘Jiena tal-Mulej,’ u l-ieħor jissejjaħ b’isem Ġakobb, u ieħor jikteb fuq idu: ‘Tal-Mulej,’ u jitlaqqam b’isem Iżrael.” (Isaija 44:5) Iva, se jkun taʼ unur li wieħed iġorr l-isem taʼ Jehovah, għax se jkun jidher li hu l-uniku Alla veru.
Sfida lill-Allat
7, 8. Jehovah kif jisfida lill-allat tal-ġnus?
7 Taħt il-Liġi Mosajka, bniedem setaʼ jinxtara mill-jasar minn feddej, li normalment kien ikun raġel li l-iktar jiġi minnu mill-qrib. (Levitiku 25:47-54; Rut 2:20) Jehovah issa jidentifika ruħu bħala l-Feddej taʼ Iżrael—dak li se jifdi lill-ġens, b’għajb għal Babilonja u l-allat kollha tagħha. (Ġeremija 50:34) Hu jisfida lill-allat foloz u l-adoraturi tagħhom, billi jgħid: “Dan jgħid il-Mulej, is-Sultan taʼ Iżrael; u l-feddej tiegħek, il-Mulej taʼ l-eżerċti: ‘Jien l-ewwel u Jiena l-aħħar, u ħliefi m’hemmx alla ieħor. Min hu bħali? Ħa jqum jitkellem, ħa jxandru u jippruvahuli! Min qatt mill-qedem ħabbar il-ġejjieni? Ħa jbassrilna kull ma għad isir. La tibżgħux, la tinkwetawx: Ma ħabbartlekx u ma għarraftekx minn qabel? Intom ix-xhieda tiegħi! Hemm xi alla ieħor għajri, jew xi blata oħra ħliefi? Jekk hemm, ma nafx.’”—Isaija 44:6-8.
8 Jehovah jisfida lill-allat biex jippreżentaw il-każ tagħhom. Jistgħu huma jgħidu li jeżistu l-affarijiet li ma jeżistux, billi jbassru ġrajjiet futuri b’tant eżattezza li jkun donnu jidher li diġà qegħdin iseħħu? ‘L-ewwel u l-aħħar,’ dak li eżista qabel ma bdew jeżistu l-allat foloz kollha u li se jkun għadu jeżisti meta huma jkunu ilhom li ntesew, hu biss jistaʼ jagħmel ħaġa bħal din. In-nies tiegħu m’għandhomx għalfejn jibżgħu jagħtu xiehda dwar din il-verità, ladarba għandhom l-appoġġ taʼ Jehovah, li hu sod u stabbli daqs blata mill-kbar nett!—Dewteronomju 32:4; 2 Samwel 22:31, 32.
Il-Frugħa tal-Qima lix-Xbihat
9. Kien ħażin li l-Iżraelin jagħmlu xi tip taʼ figura taʼ xi ħaġa ħajja? Spjega.
9 L-isfida li Jehovah jagħmel lill-allat foloz tfakkarna fit-tieni wieħed mill-Għaxar Kmandamenti. Dan il-kmandament stqarr b’mod ċar: “La tagħmilx għalik suriet minquxa u ebda xbieha taʼ ebda ħaġa li hemm fl-għoli tas-sema, jew isfel fl-art, jew fil-baħar taħt l-art. La tmilx quddiemhom: La tadurahomx.” (Eżodu 20:4, 5) M’għandniex xi ngħidu, din il-projbizzjoni ma kinitx tfisser li l-Iżraelin ma setgħux jagħmlu figura taʼ xi ħaġa biex iżejnu biha. Jehovah nnifsu ordna li fit-tabernaklu jitpoġġew figuri taʼ pjanti u kerubini. (Eżodu 25:18, 33; 26:31) Madankollu, dawn ma kellhomx jiġu meqjumin, jew adorati. Ħadd ma kellu jitlob lil dawn ix-xbihat jew joffrilhom sagrifiċċji. Il-kmandament ispirat minn Alla pprojbixxa li jsir xi tip taʼ xbieha biex tintuża bħala oġġett taʼ qima. Meta wieħed iqim lil dawn ix-xbihat jew imil quddiemhom b’rispett kbir ikun qed jagħmel idolatrija.—1 Ġwann 5:21.
10, 11. Jehovah għala jqishom taʼ għajb ix-xbihat?
10 Isaija issa jiddeskrivi kemm ma jiswew xejn ix-xbihat bla ħajja u jiddeskrivi wkoll l-għajb li hemm jistenna lil dawk li jagħmluhom: “Dawk li jaħdmu l-idoli kollha bla moħħ, u x-xogħol għażiż għalihom ma jiswa xejn. Huma stess ix-xhieda: ma jarawx, ma jifhmux, imisshom jistħu. Min hu li jsawwar alla u jfassal xbieha tal-fondut li ma tiswa għal xejn? Araw, sħabu kollha jkollhom jistħu, in-nies tas-sengħa huma bnedmin. Ħa jinġabru lkoll u jersqu ’l quddiem, jitriegħdu u jistħu lkoll flimkien.”—Isaija 44:9-11.
11 Alla għala jqishom daqshekk taʼ għajb dawn ix-xbihat? L-ewwelnett, huwa impossibbli li tirrappreżenta lil Dak li jistaʼ kollox b’mod eżatt b’affarijiet materjali. (Atti 17:29) Iktar minn hekk, li tqim lil xi ħaġa maħluqa minflok ma tqim lill-Ħallieq huwa insult għad-Divinità taʼ Jehovah. U m’hijiex din tassew xi ħaġa li tbaxxih lill-bniedem, li kien maħluq “fuq xbihat Alla”?—Ġenesi 1:27; Rumani 1:23, 25.
12, 13. Il-bniedem għala ma jistax inaqqax xi xbieha li jkun jistħoqqilha li tiġi meqjuma?
12 Tistaʼ b’xi mod tikseb il-qdusija xi ħaġa li tistaʼ taraha u tmissha b’idejk sempliċement għaliex tkun ġiet minquxa bħala oġġett li jiġi meqjum? Isaija jfakkarna li xbieha ssir biss bi sforz tal-bniedem. L-għodod u l-metodi użati minn wieħed li jagħmel ix-xbihat huma l-istess bħal dawk li jintużaw minn kwalunkwe ħaddiem ieħor tas-sengħa: “Il-ħaddied jixħet il-ħadid fil-forġa, jagħtih sura bil-martell, u jirfinah b’qawwiet driegħu. Jieħdu l-ġuħ, tonqsu s-saħħa; u jekk ma jixrobx ilma jħossu mifni. Il-mastrudaxxa jiġbed il-ħajt, u jħożżu bil-ġibs aħmar; jonqxu bl-iskalpell, u jkejjlu bil-kumpass; jagħmel xbieha taʼ bniedem, bħal raġel sabiħ biex jgħammar f’dar.”—Isaija 44:12, 13.
13 Il-veru Alla għamel il-ħlejjaq ħajjin kollha fuq din l-art, inkluż il-bniedem. Il-ħlejjaq li jħossu huma xiehda taʼ l-għaġeb tad-Divinità taʼ Jehovah, imma m’għandniex xi ngħidu, kulma ħalaq Jehovah hu inferjuri għalih. Jistaʼ jkun li l-bniedem kapaċi jagħmel aħjar minn hekk? Jistaʼ hu jagħmel xi ħaġa li hi superjuri għalih—tant superjuri li jkun jistħoqqilha d-devozzjoni tiegħu? Meta bniedem jagħmel xi xbieha, iħossu għajjien, bil-ġuħ, u bil-għatx. Dawn huma affarijiet li juru kemm il-bniedem hu limitat, imma għallinqas juru li hu ħaj. Ix-xbieha li jagħmel forsi tkun tidher qisha bniedem. Tistaʼ wkoll tkun sabiħa. Imma xorta ma jkollhiex ħajja. Ix-xbihat bl-ebda mod m’huma divini. Iżjed minn hekk, ebda xbieha minquxa ma qatt “waqgħet mis-sema,” bħallikieku saret minn xi ħadd aqwa mill-bniedem li jmut.—Atti 19:35.
14. Dawk li jagħmlu x-xbihat kif jiddependu għalkollox fuq Jehovah?
14 Isaija jissokta juri li dawk li jagħmlu x-xbihat jiddependu għalkollox fuq in-natura u l-affarijiet materjali maħluqin minn Jehovah: “Imur jaqtaʼ l-injam taċ-ċedru, jieħu xi biċċa tal-ballut jew ruvlu, li jikber b’saħħtu fil-foresta, jew iħawwel l-arżnu li x-xita tkabbar. Dan kollu jservi l-bniedem għat-tkebbis tan-nar: biċċa minnu jieħdu għas-sħana, b’oħra jqabbad il-forn ħa jaħmi l-ħobż, u l-bqija biex jagħmel xi alla ħa jqimu; jagħmel xi xbieha u jmil quddiemha. Nofsu jaħarqu fin-nar, u fuq il-ġamar jixwi l-laħam, u jiekol ix-xiwi u jixbaʼ, mbagħad jissaħħan u jgħid: ‘Issa sħant, qiegħed inħoss in-nar!’ Mill-fdal imbagħad jagħmel xi alla, ix-xbieha mnaqqxa tiegħu. Imil quddiemu u jadurah, jitolbu u jgħidlu: ‘Eħlisni, int alla tiegħi.’”—Isaija 44:14-17.
15. Wieħed li jagħmel ix-xbihat kif juri li assolutament ma jifhem xejn?
15 Tistaʼ ħatba mhix maħruqa teħles lil xi ħadd? Dażgur li le. Il-veru Alla biss jistaʼ jipprovdi ħelsien. Kif jistgħu n-nies jaduraw affarijiet li m’għandhomx ħajja? Isaija juri li l-problema vera tinsab f’qalb l-individwu: “Dawn in-nies ma jafux u ma jifhmux, għajnejhom għammdilhom li ma jarawx; qalbhom għalqilhom li ma tifhimx. Ħadd ma jdaħħal f’qalbu; u la jagħraf u lanqas jifhem, u jgħid: ‘B’nofs il-ħatab kebbist in-nar, fuq il-ġamar ħmejt il-ħobż; xwejt il-laħam u kilt minnu. Se nagħmel issa minn fdalu ħaġa mistkerrha, u ninżel jien inqim iz-zokk taʼ siġra?’ Bl-irmied jitpaxxa, qalbu mogħwija tellfitu t-triq; ma jistax jeħles u jgħid: ‘Jaqaw m’hix gidba li għandi f’leminti?’” (Isaija 44:18-20) Iva, li wieħed jimmaġina li l-idolatrija tistaʼ tipprovdi xi ħaġa tajba spiritwalment huwa l-istess bħallikieku jiekol l-irmied minflok ikel sustanzjuż.
16. Kif bdiet l-idolatrija, u x’inhu li jagħmilha possibbli?
16 Fil-fatt, l-idolatrija kellha l-bidu tagħha fis-smewwiet meta spirtu setgħan li sar Satana għer għall-qima li kienet tistħoqq lil Jehovah biss. Tant kienet qawwija x-xewqa taʼ Satana li begħditu minn Alla. Dan kien tassew il-bidu taʼ l-idolatrija, ladarba l-appostlu Pawlu qal li r-regħba hija l-istess bħall-idolatrija. (Isaija 14:12-14; Eżekjel 28:13-15, 17; Kolossin 3:5) Satana daħħal ħsibijiet egoistiċi f’moħħ l-ewwel koppja umana. Eva xxennqet għal dak li offrielha Satana: “Jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-tajjeb u l-ħażin.” Ġesù stqarr li r-regħba toħroġ mill-qalb. (Ġenesi 3:5; Mark 7:20-23) L-idolatrija ssir possibbli meta l-qlub jiġu korrotti. Għalhekk, kemm hu importanti li lkoll kemm aħna ‘nħarsu lil qalbna bir-reqqa kollha,’ billi qatt ma nħallu lil xi ħadd jew lil xi ħaġa tieħu l-post li bi dritt Jehovah għandu jkollu f’qalbna!—Proverbji 4:23; Ġakbu 1:14.
Jehovah Jipprova Jilħaq il-Qlub
17. Iżrael x’għandu jdaħħal f’qalbu?
17 Jehovah issa lill-Iżraelin jitlobhom jiftakru li qegħdin f’pożizzjoni privileġġata u responsabbli. Huma x-xhieda tiegħu! Hu jgħid hekk: “Ftakar f’dan Ġakobb, int Iżrael, għax int il-qaddej tiegħi! Jien sawwartek, int il-qaddej tiegħi. Iżrael, jien ma ninsiek qatt. Bħal sħaba neħħejtlek dnubietek, u bħal ċpar ħtijietek. Erġaʼ lura għal għandi, għax jien fdejtek. Għannu, smewwiet, għax il-Mulej għamel dan; għajjtu bil-ferħ, qigħan l-art. Infexxu għannu, muntanji, u l-foresta b’kull siġra fiha. Għax il-Mulej feda lil Ġakobb, u jitfaħħar b’Iżrael.”—Isaija 44:21-23.
18. (a) Iżrael għala għandu għalfejn jifraħ? (b) Il-qaddejja taʼ Jehovah kif jistgħu jimitaw l-eżempju tiegħu taʼ ħniena llum?
18 Iżrael ma sawwarx lil Jehovah. M’huwiex xi alla magħmul mill-bniedem. Minflok, Jehovah sawwar lil Iżrael biex ikun il-qaddej magħżul tiegħu. U se jerġaʼ jagħti prova tad-Divinità tiegħu meta jeħles lill-ġens. Hu jindirizza lin-nies tiegħu bil-ħlewwa, billi jassigurahom li jekk jindmu, hu se jgħattilhom dnubiethom għalkollox, u jaħbilhom ħtijiethom bħallikieku wara sħab oħxon. Kemm għandu għalfejn jifraħ Iżrael! L-eżempju mogħti minn Jehovah jqanqal lill-qaddejja tiegħu taʼ żmienna biex jimitawh fil-ħniena. Dan jistgħu jagħmluh billi jfittxu li jgħinu lil dawk li jiżbaljaw u jipprovaw jerġgħu jsaħħuhom spiritwalment jekk ikun possibbli.—Galatin 6:1, 2.
Il-Prova tad-Divinità Tilħaq il-Quċċata Tagħha
19, 20. (a) Il-każ ta Jehovah b’liema mod jilħaq il-quċċata tiegħu? (b) Jehovah jipprofetizza liema affarijiet li jqawwu l-qalb għan-nies tiegħu, u min se jkun ir-rappreżentant tiegħu li permezz tiegħu se jseħħu dawn l-affarijiet?
19 L-argument legali taʼ Jehovah issa jilħaq il-quċċata tiegħu b’qawwa kbira. Hu wasal biex jippreżenta r-risposta tiegħu stess għall-eħrex prova tad-Divinità—l-abbiltà li jbassar il-futur bl-eżatt. Studjuż tal-Bibbja sejjaħ il-ħames versi li jmiss taʼ Isaija kapitlu 44 “poeżija li turi s-superjorità t’Alla taʼ Iżrael,” l-uniku Ħallieq, l-uniku Wieħed li jikxef il-futur u t-tama taʼ Iżrael għall-ħelsien. Is-silta tasal sal-punt fejn tbellahna billi tħabbar isem ir-raġel li kellu jeħles lill-ġens minn Babilonja.
20 “Dan jgħid il-Mulej, il-feddej tiegħek, li sawwartek sa mill-ġuf: ‘Jiena hu l-Mulej li għamilt kollox, waħdi frixt is-smewwiet u meddejt l-art. U min kien miegħi? Jiena hu li nxejjen is-sinjali tas-saħħara; u noħroġ taʼ boloh il-ħabbarin, li nraġġaʼ lura lill-għorrief, u għerfhom nagħmlu bluha. Jiena hu li nwettaq kliem il-qaddej tiegħi, u ntemm il-ħsieb li jxandru l-messaġġiera tiegħi. Jiena hu li ngħid lil Ġerusalemm: “Għad jerġgħu jgħammru fik.” U lill-ibliet taʼ Ġuda: “Terġgħu tinbnew,” u ntellaʼ mill-ġdid il-ħerbiet tagħha. Jiena hu li ngħid lil qiegħ il-baħar: “Inxef! U nnixxef ix-xmajjar tiegħek.” Jiena hu li ngħid lil Ċiru: “Int tkun ir-ragħaj tiegħi, li jtemm ix-xewqat tiegħi.” U jgħid għal Ġerusalemm: “Ħa tinbena,” u għat-tempju: “Ħa jqiegħdu l-pedament.”’”—Isaija 44:24-28.
21. Kliem Jehovah liema garanzija jipprovdi?
21 Iva, Jehovah m’għandux biss l-abbiltà li jbassar ġrajjiet futuri imma wkoll il-qawwa li jwettaq sa l-iċken dettall dak li jkun irrivela. Din id-dikjarazzjoni se tipprovdilu tama lil Iżrael. Hija garanzija li għalkemm l-eżerċti Babiloniżi se jagħmlu ħerba mill-pajjiż, Ġerusalemm u l-bliet li jiddependu minnha se jinbnew mill-ġdid u l-qima vera se terġaʼ tiġi stabbilita hemmhekk. Imma kif?
22. Iddeskrivi kif tinxef ix-Xmara Ewfrat.
22 Il-bassara li m’humiex ispirati ġeneralment ma jissograwx ikunu speċifiċi żżejjed f’dak li jbassru għax jibżgħu li maż-żmien jinkixfu. B’kuntrast, permezz taʼ Isaija, Jehovah jirrivela saħansitra isem ir-raġel li se juża biex jeħles mill-jasar lin-nies tiegħu sabiex ikunu jistgħu jmorru lura lejn arthom u jibnu mill-ġdid lil Ġerusalemm u t-tempju. Dan ir-raġel jismu Ċiru, u huwa magħruf bħala Ċiru l-Kbir tal-Persja. Jehovah jagħti wkoll id-dettalji taʼ l-istrateġija li se juża Ċiru biex jegħleb id-difiża taʼ Babilonja, difiża qawwija ħafna u elaborata. Babilonja se tkun protetta bi swar għoljin u b’kanali taʼ l-ilma li jgħaddu minn ġol-belt u madwarha. Ċiru se juża parti prinċipali minn din id-difiża, ix-Xmara Ewfrat, u jdawwarha għall-vantaġġ tiegħu. Skond Erodotu u Senofonti, kittieba taʼ l-istorja tal-qedem, f’xi post ’il fuq minn Babilonja, Ċiru dawwar l-ilmijiet taʼ l-Ewfrat sakemm il-livell tax-xmara tbaxxa biżżejjed biex is-suldati tiegħu jkunu jistgħu jgħaddu minn ġo fiha. B’dan il-mod tinxef il-protezzjoni li Babilonja tieħu mis-setgħana Ewfrat.
23. Liema kitba teżisti dwar it-twettiq tal-profezija li Ċiru kellu jeħles lil Iżrael?
23 Xi ngħidu dwar il-wegħda li Ċiru se jeħles lin-nies t’Alla u se jara li Ġerusalemm u t-tempju jinbnew mill-ġdid? Ċiru nnifsu, f’dikjarazzjoni uffiċjali mniżżla fil-Bibbja, iħabbar: “Hekk jgħid Ċiru s-sultan tal-Persja: ‘Il-Mulej, Alla tas-smewwiet, tani s-saltniet kollha taʼ l-art, u qabbadni nibnilu tempju f’Ġerusalemm, belt taʼ Ġuda. Kull min hemm fostkom mill-poplu kollu tiegħu, ħa jkun miegħu Alla tiegħu! Ħa jitlaʼ Ġerusalemm, belt taʼ Ġuda, u jibni t-tempju tal-Mulej, Alla taʼ Iżrael. Hu Alla li qiegħed Ġerusalemm.’” (Esdra 1:2, 3) Il-kelma taʼ Jehovah permezz taʼ Isaija titwettaq għalkollox!
Isaija, Ċiru, u l-Kristjani Llum
24. X’relazzjoni hemm bejn il-ħruġ tal-kmand taʼ Artasersi “biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm” u l-miġja tal-Messija?
24 Isaija kapitlu 44 ifaħħar bil-kbir lil Jehovah bħala l-uniku Alla veru u l-Ħellies tal-poplu tiegħu tal-qedem. Iktar minn hekk, il-profezija għandha tifsira profonda għalina lkoll illum. Id-digriet taʼ Ċiru biex it-tempju taʼ Ġerusalemm jinbena mill-ġdid ngħata fis-sena 538/537 Q.E.K. Dan ta bidu għal ġrajjiet li laħqu l-quċċata tagħhom fit-twettiq taʼ profezija meraviljuża oħra. Id-digriet taʼ Ċiru kien segwit minn dak taʼ ħakkiem li ġie warajh, Artasersi. Dan ħareġ digriet li l-belt taʼ Ġerusalemm għandha tinbena mill-ġdid. Il-ktieb taʼ Danjel irrivela li “minn meta ħarġet il-kelma biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm [fis-sena 455 Q.E.K.] sa ma jasal wieħed ikkonsagrat bħala prinċep,” kellhom jgħaddu 69 “ġimgħa” taʼ 7 snin il-waħda. (Danjel 9:24, 25) Din il-profezija seħħet ukoll. Preċiż skond il-pjan t’Alla, fis-sena 29 E.K., 483 sena wara li d-digriet taʼ Artasersi beda jopera fl-Art Imwiegħda, Ġesù tgħammed u beda l-ministeru tiegħu fuq l-art. a
25. Il-waqgħa taʼ Babilonja taħt idejn Ċiru lejn xiex tipponta fi żmienna?
25 Il-ħelsien taʼ Lhud leali mill-eżilju, li sar possibbli bil-waqgħa taʼ Babilonja, iffigura bil-quddiem il-ħelsien taʼ Kristjani midlukin mill-eżilju spiritwali fl-1919. Dan il-ħelsien wera li Babilonja oħra, deskritta bħala mara żienja, kienet ġarrbet waqgħa. Din hi Babilonja l-Kbira, simbolu tar-reliġjonijiet foloz kollha tad-dinja bħala grupp. Bħalma nsibu fil-ktieb taʼ l-Apokalissi, l-appostlu Ġwanni ra bil-quddiem il-waqgħa tagħha. (Apokalissi 14:8) Hu ra bil-quddiem ukoll il-qerda tagħha għal għarrieda. Il-mod kif Ġwanni jiddeskrivi l-qerda taʼ dan l-imperu dinji miżgħud bl-idoli jixbah b’xi mod id-deskrizzjoni li jagħti Isaija taʼ Ċiru li jikkonkwista b’suċċess il-belt antika taʼ Babilonja. Sewwa sew bħalma l-kanali taʼ l-ilma li kienu jipproteġu lil Babilonja ma rnexxilhomx isalvawha minn Ċiru, hekk l-‘ilmijiet’ tal-bnedmin li jappoġġaw u jipproteġu lil Babilonja l-Kbira se ‘jinxfu’ qabel ma hi tiġi meqruda b’mod ġust.—Apokalissi 16:12. b
26. Il-profezija taʼ Isaija u t-twettiq tagħha kif isaħħulna l-fidi?
26 Meta nħarsu lura, iktar minn żewġ millennji u nofs wara li Isaija ta l-profezija tiegħu, nistgħu naraw li Alla tabilħaqq ‘itemm il-ħsieb li jxandru l-messaġġiera tiegħu.’ (Isaija 44:26) It-twettiq tal-profezija taʼ Isaija huwa għalhekk eżempju li jispikka taʼ kemm huma taʼ min jafdahom il-profeziji kollha li hemm fl-Iskrittura Mqaddsa.
[Noti taʼ taħt]
a Ara kapitlu 11 tal-ktieb Oqgħod Attent għall-Profezija taʼ Danjel!, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
b Ara kapitli 35 u 36 tal-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand!, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 63]
Tistaʼ ħatba mhix maħruqa teħles lil xi ħadd?
[Stampa f’paġna 73]
Ras taʼ l-irħam taʼ sultan Iranjan, possibbilment Ċiru
[Stampa f’paġna 74]
Ċiru jwettaq il-profezija billi jdawwar l-ilmijiet taʼ l-Ewfrat