“Intom ix-Xhieda Tiegħi”!
Kapitlu Erbgħa
“Intom ix-Xhieda Tiegħi”!
1. Jehovah kif jużaha l-profezija, u n-nies tiegħu kif għandhom iwieġbu għall-profezija mwettqa?
L-ABBILTÀ li jbassar il-futur hija waħda mill-affarijiet li jiddistingwu lill-veru Alla mill-allat foloz kollha. Imma meta Jehovah jipprofetizza, f’moħħu ma jkollux biss li jagħti prova tad-Divinità tiegħu. Bħalma jintwera f’Isaija kapitlu 43, permezz tal-profezija Jehovah jagħti prova kemm tad-Divinità tiegħu kif ukoll taʼ l-imħabba tiegħu għall-poplu f’patt miegħu. Mill-banda l-oħra, dawn in-nies m’għandhomx jaraw it-twettiq tal-profezija u jibqgħu ħalqhom magħluq; huma għandhom jagħtu xiehda dwar dak li jkunu raw. Iva, għandhom ikunu xhieda taʼ Jehovah!
2. (a) X’inhi l-kundizzjoni spiritwali taʼ Iżrael fi żmien Isaija? (b) Jehovah kif jiftaħ għajnejn in-nies tiegħu?
2 Jiddispjaċina ngħidu li, fi żmien Isaija, Iżrael jinsab fi stat tant tal-biki li Jehovah jikkunsidra lin-nies bħala li huma inkapaċitati spiritwalment. “Oħroġ il-poplu agħma, għalkemm għandu għajnejh, u trux, għalkemm għandu widnejh.” (Isaija 43:8) Nies li huma għomja u torox spiritwalment kif jistgħu jaqdu lil Jehovah bħala x-xhieda ħajjin tiegħu? Hemm biss mod wieħed. Iridu jinfetħulhom għajnejhom u widnejhom b’mod mirakoluż. U Jehovah hekk jagħmel, jiftaħhomlhom! Kif? L-ewwel, Jehovah jiddixxiplinahom b’mod aħrax—l-abitanti tas-saltna taʼ Iżrael fit-tramuntana jmorru fl-eżilju fis-sena 740 Q.E.K., u dawk taʼ Ġuda, fis-sena 607 Q.E.K. Imbagħad, Jehovah juża l-qawwa tiegħu għan-nom tal-poplu tiegħu billi jeħilsu mill-jasar. Fis-sena 537 Q.E.K. hu jġib lura lejn art twelidu fdal niedem u mogħti l-ħajja mill-ġdid spiritwalment. Fil-fatt, Jehovah hu tant fiduċjuż li l-iskop tiegħu f’dan ir-rigward ma jistax jiġi mfixkel li, xi 200 sena bil-quddiem, hu jitkellem dwar il-ħelsien taʼ Iżrael bħallikieku diġà seħħ.
3. Jehovah kif jinkuraġġihom lil dawk li se jiġu eżiljati?
3 “Dan jgħid il-Mulej, dak li ħalqek, Ġakobb, dak li sawwrek, Iżrael: ‘La tibżax, għax jien fdejtek: jien sejjaħtlek b’ismek; inti tiegħi. Anki jekk tgħaddi mill-ilma, jiena miegħek; jekk taqsam ix-xmajjar, ma jgħerrqukx. Anki jekk tgħaddi min-nar, ma tinħaraqx, u l-fjamma ma tibelgħekx. Għax jiena l-Mulej, Alla tiegħek, il-Qaddis taʼ Iżrael, is-Salvatur tiegħek.’”—Isaija 43:1-3a.
4. Kif inhu li Jehovah hu l-Ħallieq taʼ Iżrael, u lin-nies tiegħu x’assigurazzjoni jagħtihom rigward ir-ritorn tagħhom lejn art twelidhom?
4 Jehovah għandu interess speċjali f’Iżrael għaliex il-ġens huwa tiegħu. Huwa l-ħolqien persunali tiegħu bi twettiq tal-patt li għamel m’Abraham. (Ġenesi 12:1-4a) B’hekk, Salm 100:3 jgħid: “Kunu afu li Jaħweh hu Alla, hu ħalaqna, u aħna tiegħu, aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu.” Bħala l-Ħallieq taʼ Iżrael u Dak li xtrah lura, Jehovah se jġib lin-nies tiegħu qawwijin u sħaħ lura lejn art twelidhom. Diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom, bħalma huma l-ilmijiet, xmajjar li jfuru, u deżerti li jaqbdu, m’humiex se jfixkluhom jew jagħmlulhom ħsara, sewwa sew bħalma affarijiet simili ma waqqfux lil missirijiethom tal-qedem meta kienu fi triqithom lejn l-Art Imwiegħda elf sena qabel.
5. (a) Kliem Jehovah kif ifarraġ lil Iżrael spiritwali? (b) Min huma sħab Iżrael spiritwali, u dawn minn min kienu ffigurati bil-quddiem?
5 Illum, kliem Jehovah jfarraġ ukoll lill-fdal taʼ Iżrael spiritwali, li l-membri tiegħu huma “ħolqien ġdid” imnissel mill-ispirtu. (2 Korintin 5:17) Billi ppreżentaw ruħhom bi qlubija quddiem l-“ilma” taʼ l-umanità, huma gawdew il-protezzjoni kollha mħabba t’Alla meta għaddew minn għargħar figurattiv. In-nar li ħareġ mingħand l-għedewwa tagħhom m’għamlilhomx ħsara imma, pjuttost, serva biex jirfinahom. (Żakkarija 13:9; Apokalissi 12:15-17) Jehovah tefaʼ wkoll il-ħarsien tiegħu fuq il-“kotra kbira” taʼ “nagħaġ oħra,” li ssieħbu mal-ġens spiritwali t’Alla. (Apokalissi 7:9; Ġwann 10:16) Dawn kienu ffigurati bil-quddiem mill-“kotra kbira taʼ nies” li ħarġu mill-Eġittu flimkien maʼ l-Iżraelin, kif ukoll minn dawk li ma kinux Lhud u li rritornaw maʼ l-eżiljati meħlusin mill-jasar f’Babilonja.—Eżodu 12:38; Esdra 2:1, 43, 55, 58.
6. Jehovah kif juri li hu Alla taʼ ġustizzja rigward il-prezz tal-fidwa għal (a) Iżrael tal-laħam? (b) Iżrael spiritwali?
6 Jehovah jwiegħed li jeħles lill-poplu tiegħu minn Babilonja permezz taʼ l-eżerċti tal-Medja u l-Persja. (Isaija 13:17-19; 21:2, 9; 44:28; Danjel 5:28) Bħala Alla taʼ ġustizzja, lill-“qaddejja” Medo-Persjani tiegħu, Jehovah se jagħtihom fidwa xierqa bi tpartit maʼ Iżrael. “Rħejt l-Eġittu b’rikatt [“fidwa,” “Saydon”] għalik, ’il Kus [“Etjopja,” “KŻ”] u ’l Saba minn flokok. Għax int kont għażiż f’għajnejja, kollok ġieħ u jien ħabbejtek. Jien irħejt bnedmin minn flokok, u popli sħaħ partatt maʼ ħajtek.” (Isaija 43:3b, 4) L-istorja tikkonferma li l-Imperu Persjan fil-fatt ikkonkwista l-Eġittu, l-Etjopja, u lil Saba fil-viċin, sewwa sew bħalma bassar Alla. (Proverbji 21:18) Bl-istess mod, fl-1919 Jehovah ħeles mill-jasar lill-fdal taʼ Iżrael spiritwali permezz taʼ Ġesù Kristu. Madankollu, għas-servizzi tiegħu, Ġesù ma ried ebda premju. Ma kienx xi ħakkiem pagan. U kien qed jeħles lil ħutu spiritwali. Minbarra dan, fl-1914, Jehovah kien diġà tah ‘ġnus b’wirtu, u truf l-art bi priża tiegħu.’—Salm 2:8.
7. Jehovah kif iħossu lejn il-poplu tiegħu, kemm fl-antik kif ukoll fi żmienna?
7 Innota kif Jehovah jesprimi bla tlaqliq is-sentimenti teneri tiegħu lejn l-eżiljati li xtara lura, billi jgħidilhom li huma ‘għeżież’ u ‘kollhom ġieħ’ għalih u li hu ‘jħobbhom.’ (Ġeremija 31:3) Hu għandu l-istess sentimenti—u saħansitra iktar—għall-qaddejja leali tiegħu llum. Il-Kristjani midlukin iddaħħlu f’relazzjoni m’Alla, mhux mit-twelid, imma permezz tal-ħidma taʼ l-ispirtu qaddis t’Alla wara li ddedikaw ruħhom lill-Ħallieq tagħhom. Lil dawn, Jehovah ġibidhom lejh u lejn Ibnu filwaqt li kiteb il-liġijiet u l-prinċipji tiegħu fi qlubhom, li kienu lesti li jaċċettawhom.—Ġeremija 31:31-34; Ġwann 6:44.
8. Jehovah b’liema mod iqawwi qalb l-eżiljati, u kif se jħossuhom huma dwar il-ħelsien tagħhom?
8 Waqt li jerġaʼ jkompli jqawwi qalb l-eżiljati, Jehovah jżid: “La tibżax għax jien miegħek; mil-lvant inġib lil uliedek, mill-punent jien niġemgħek. Ngħid lit-tramuntana: Agħtihomli, u lin-nofsinhar: La żżommhomlix! Ġibli s-subjien mill-bogħod, ’il bnieti minn tarf l-art, lil kull min jissejjaħ b’ismi, lil min ħlaqt għall-glorja tiegħi, lil min sawwart u għamilt.” (Isaija 43:5-7) Jehovah se jilħaq anki l-iktar partijiet imbiegħda taʼ l-art meta jasal iż-żmien biex jeħles lil uliedu subien u bniet u jġibhom lura lejn il-maħbuba art twelidhom. (Ġeremija 30:10, 11) Bla dubju, f’għajnejhom dan il-ħelsien se jkun ferm akbar minn dak taʼ qabel meta l-ġens ġie meħlus mill-Eġittu.—Ġeremija 16:14, 15.
9. Jehovah b’liema żewġ modi jorbot l-atti tiegħu taʼ ħelsien maʼ ismu?
9 Jehovah jikkonferma l-wegħda tiegħu li jeħles lil Iżrael billi jfakkar lin-nies tiegħu li huma qegħdin jissejħu b’ismu. (Isaija 54:5, 6) Iżjed minn hekk, Jehovah jorbot ismu mal-wegħdi tiegħu taʼ ħelsien. Billi jagħmel hekk, jassigura ruħu li jkun hu li jirċievi l-glorja meta titwettaq il-kelma profetika tiegħu. Lanqas saħansitra l-konkwistatur taʼ Babilonja ma se jkun intitolat għall-unur li jistħoqq lill-uniku Alla ħaj.
L-Allat Mgħoddijin Ġuri
10. Jehovah liema sfida jpoġġi quddiem il-ġnus u l-allat tagħhom?
10 Jehovah issa jagħmel il-wegħda tiegħu li jeħles lil Iżrael bħala l-bażi għal każ fil-qorti universali li fih jgħaddi ġuri lill-allat tal-ġnus. Naqraw: “Ħa jinġemgħu l-ġnus ilkoll flimkien, ħa jiltaqgħu l-popli. Min [mill-allat tagħhom] jistaʼ jħabbar dan, u jsemmgħalna l-ġrajja taʼ l-imgħoddi? [L-allat tagħhom] ħa jġibu x-xhieda u jippruvaw u n-nies jisimgħuhom u jgħidu: Hekk hu!” (Isaija 43:9) Jehovah jpoġġi sfida iebsa quddiem il-ġnus tad-dinja. Fi kliem ieħor, hu qisu qed jgħid: ‘Ħa jagħtu prova l-allat tagħkom li huma allat billi jbassru l-futur bl-eżatt.’ Billi huwa biss il-veru Alla li jistaʼ jipprofetizza mingħajr ma jiżbalja, din il-prova se tikxef lill-imposturi kollha. (Isaija 48:5) Imma Dak li jistaʼ kollox iżid jerġaʼ ħtieġa legali oħra: Dawk kollha li jsostnu li huma allat veri jridu jġibu x-xhieda, kemm għat-tbassir tagħhom u kemm għat-twettiq tiegħu. Naturalment, Jehovah ma jeskludix lilu nnifsu minn din il-ħtieġa legali.
11. Jehovah liema inkarigu jagħtih lill-qaddej tiegħu, u Jehovah x’jirrivela dwar id-Divinità tiegħu?
11 Billi huma bla saħħa, l-allat foloz ma jistgħux iġibu xhieda. Għaldaqstant, b’mistħija għalihom, il-pedana tax-xhieda tibqaʼ vojta. Imma issa jasal il-waqt biex Jehovah jikkonferma d-Divinità tiegħu. Waqt li jħares lejn in-nies tiegħu, hu jgħid: “Intom ix-xhieda tiegħi . . . u l-qaddej tiegħi li jiena ħtart, biex tagħrfuni u temmnuni u tifhmu li jiena hu. Qabli qatt ma ssawwar xi alla, u lanqas warajja qatt ma jkun hemm. Jiena, jiena l-Mulej, u ħliefi m’hemmx salvatur. Jiena ħabbart u jien salvajt. Jien semmajt, u fostkom alla barrani ma kienx hemm. Intom ix-xhieda tiegħi. . . . Jiena Alla, sa minn dejjem jien hu. M’hemm ħadd li jeħles minn taħt idejja; min jistaʼ jraġġaʼ lura li nagħmel jien?”—Isaija 43:10-13.
12, 13. (a) In-nies taʼ Jehovah liema xiehda abbundanti għandhom x’jippreżentaw? (b) Isem Jehovah kif sar magħruf maʼ kullimkien fi żmienna?
12 B’rispons għall-kliem taʼ Jehovah, il-pedana tax-xhieda malajr issir miżgħuda b’kotra ferriħija taʼ xhieda. L-istqarrija tagħhom hija ċara u soda. Bħal Ġożwè, huma jixhdu li ‘kulma qal Jehovah seħħ. Anqas kelma waħda ma marret fix-xejn.’ (Ġożwè 23:14) In-nies taʼ Jehovah għad għandhom jidwi f’widnejhom il-kliem taʼ Isaija, Ġeremija, Eżekjel, u profeti oħrajn li, qisu b’vuċi waħda, bassru l-eżilju taʼ Ġuda u l-ħelsien mirakoluż tagħha mill-eżilju. (Ġeremija 25:11, 12) Ċiru, il-ħellies taʼ Ġuda, issemma b’ismu ferm qabel ma kien saħansitra twieled!—Isaija 44:26–45:1.
13 Meta tqis din ir-ruxxmata taʼ evidenza, min jistaʼ jiċħad li Jehovah hu l-uniku Alla veru? Kuntrarju għall-allat pagani, Jehovah biss ma ġiex maħluq; hu biss il-veru Alla. a B’riżultat taʼ dan, in-nies li jġorru isem Jehovah għandhom il-privileġġ uniku u eċċitanti li jirrakkontaw l-għemejjel taʼ l-għaġeb tiegħu lil ġenerazzjonijiet taʼ warajhom u lil oħrajn li jistaqsu dwaru. (Salm 78:5-7) B’mod simili, ix-Xhieda taʼ Jehovah fi żmienna għandhom il-privileġġ li jxandru isem Jehovah fl-art kollha. Għall-ħabta taʼ l-1920 l-Istudenti tal-Bibbja saru iżjed konxji taʼ kemm għandu tifsir profond l-isem t’Alla, Jehovah. Imbagħad, fis-26 taʼ Lulju, 1931, f’konvenzjoni li saret f’Columbus, Ohio, il-president tas-Soċjetà, Joseph F. Rutherford, ippreżenta riżoluzzjoni intitolata “Isem Ġdid.” Il-kliem, “Aħna nixtiequ li nkunu magħrufin u msejħin bl-isem, jiġifieri, xhieda taʼ Jehovah,” qanqal lil dawk li attendew il-konvenzjoni, u dawn approvaw ir-riżoluzzjoni b’għajta tidwi taʼ “Iva!” Minn dak in-nhar ’l hawn, isem Jehovah kiseb prominenza mad-dinja kollha.—Salm 83:19 [83:18, NW].
14. Jehovah dwar xiex ifakkarhom lill-Iżraelin, u din it-tfakkira għala hi f’waqtha?
14 Jehovah jgħożżhom lil dawk li jġorru ismu b’mod onorabbli, billi jħares lejhom “bħall-mimmi taʼ għajnejh.” Hu jfakkar lill-Iżraelin dwar dan, billi jgħidilhom kif ħelishom mill-Eġittu u għaddiehom qawwijin u sħaħ minn ġod-deżert. (Dewteronomju 32:10, 12) F’dak iż-żmien ma kien hemm ebda alla barrani fosthom, għax huma raw b’għajnejhom stess kif ġew umiljati għalkollox l-allat kollha taʼ l-Eġittu. Iva, l-allat kollha kemm huma taʼ l-Eġittu la setgħu jipproteġu lill-Eġittu lanqas iżommu lil Iżrael milli jitlaq. (Eżodu 12:12) Bl-istess mod, is-setgħana Babilonja, li fiha hemm minn taʼ l-inqas 50 tempju dedikat lil allat foloz, mhux se jkollha l-ħila żżommlu idu lil Dak li jistaʼ kollox meta jeħles lin-nies tiegħu. Jidher ċar li “m’hemmx salvatur” ħlief Jehovah.
Żwiemel tal-Gwerra Jaqgħu, Ħabsijiet Jinfetħu
15. Jehovah x’jipprofetizza dwar Babilonja?
15 “Dan jgħid il-Mulej, il-feddej tiegħek, il-Qaddis taʼ Iżrael: ‘Minħabba fikom nibgħat f’Babilonja u nniżżel l-iżbarri kollha, u l-Kaldin jixhru fuq l-iġfien. Jiena, il-Mulej, il-Qaddis tagħkom, il-ħallieq taʼ Iżrael, is-sultan tagħkom.’ Dan jgħid il-Mulej, li fetaħ triq fil-baħar, mogħdija fl-ilmijiet qawwija; dak li ħareġ karrijiet u żwiemel, eżerċti u rġiel qalbiena f’daqqa; nxteħtu fl-art, biex aktar ma qamux; nħlew bħal ftila, u ntfew.”—Isaija 43:14-17.
16. X’se jiġrilhom Babilonja, il-merkanti Kaldin, u dawk kollha li jipprovaw jiddefendu lil Babilonja?
16 Għall-eżiljati, Babilonja hija bħal ħabs għaliex ma tħallihomx jirritornaw lejn Ġerusalemm. Imma d-difiżi taʼ Babilonja m’humiex se jwaqqfu lil Dak li jistaʼ kollox, Dak li snin qabel “fetaħ triq fil-baħar [l-Aħmar], mogħdija fl-ilmijiet qawwija,” milli jidher tal-Ġordan. (Eżodu 14:16; Ġożwè 3:13) B’mod simili, Ċiru, ir-rappreżentant taʼ Jehovah, se jbaxxi l-ilmijiet tax-xmara setgħana Ewfrat, u b’hekk il-gwerriera tiegħu jkunu jistgħu jidħlu fil-belt. Il-merkanti Kaldin li jivvjaġġaw ’il fuq u ’l isfel fil-kanali—toroq fil-baħar għal eluf taʼ xwieni kummerċjali u għal braken li jġorru l-allat taʼ Babilonja—se jnewħu bin-niket meta taqaʼ l-belt kapitali u setgħana tagħhom. Il-karrijiet veloċi taʼ Babilonja ma se jiswew għalxejn, bħalma ma swew għalxejn il-karrijiet tal-Fargħun fil-Baħar l-Aħmar. M’humiex se jsalvawha. Daqskemm huwa faċli li wieħed jitfi l-ftila taʼ musbieħ taż-żejt, daqshekk ieħor se jkun faċli li jintemmu l-ħajjiet taʼ dawk li jipprovaw jiddefenduha.
Jehovah Jwassal lin-Nies Tiegħu f’Arthom Qawwijin u Sħaħ
17, 18. (a) Jehovah liema ħaġa “ġdida” jipprofetizza? (b) In-nies b’liema mod m’għandhomx jiftakru dak li ġara qabel, u għala?
17 Waqt li jqabbel l-atti taʼ ħelsien tiegħu li wettaq snin qabel maʼ dak li wasal biex jagħmel issa, Jehovah jgħid: “La tiftakrux iżjed fi ġrajjiet l-imgħoddi; la taħsbux fuq dak li ġara qabel. Arawni, sejjer nagħmel ħaġa ġdida: feġġet issa; għadkom ma ttendejtux? Se niftaħ triq fix-xagħri, xmajjar fid-deżert. Ifaħħruni l-bhejjem selvaġġi, ix-xakalli u wlied in-ngħam, għax noħroġ l-ilma fix-xagħri, xmajjar fid-deżert, biex nisqi l-poplu tiegħi, il-maħtur tiegħi, il-poplu li sawwart għalija, biex ixandar it-tifħir tiegħi.”—Isaija 43:18-21.
18 Meta jgħid, “taħsbux fuq dak li ġara qabel,” Jehovah mhux qed jissuġġerixxi li l-qaddejja tiegħu jinsew l-atti tiegħu taʼ salvazzjoni li għaddew. Fil-fatt, ħafna minn dawn l-atti huma parti mill-istorja taʼ Iżrael ispirata b’mod divin, u Jehovah kkmanda li l-ħruġ mill-Eġittu jitfakkar kull sena fiċ-ċelebrazzjoni tal-Qbiż. (Levitiku 23:5; Dewteronomju 16:1-4) Madankollu, Jehovah issa jrid li n-nies tiegħu jigglorifikawh fuq il-bażi taʼ xi “ħaġa ġdida”—xi ħaġa li se jesperjenzawha direttament. Dan ma jinkludix biss il-ħelsien tagħhom mill-jasar taʼ Babilonja imma wkoll il-vjaġġ mirakoluż tagħhom lejn arthom, forsi mit-triq iktar diretta tad-deżert. F’din l-art moxa, Jehovah se jiftħilhom “triq” u se jwettaq affarijiet setgħana li jfakkruhom f’dak li għamel għall-Iżraelin fi żmien Mosè—tabilħaqq, hu se jitmaʼ fid-deżert lil dawk li sejrin lura u jaqtgħalhom l-għatx bi xmajjar reali. Tant se jkunu kotrana l-provvisti taʼ Jehovah li saħansitra l-bhejjem salvaġġi se jigglorifikaw lil Alla u m’humiex se jattakkaw lin-nies.
19. Il-fdal taʼ Iżrael spiritwali u sħabhom kif jimxu fit-“Triq il-Qaddisa”?
19 B’mod simili, fl-1919 il-membri tal-fdal taʼ Iżrael spiritwali ġew meħlusin mill-jasar taʼ Babilonja, u rħewlha għal għonq it-triq li kienet tħejjiet għalihom minn Jehovah, “it-Triq il-Qaddisa.” (Isaija 35:8) Kuntrarju għall-Iżraelin, huma ma kellhomx għalfejn jgħaddu minn ġo deżert jikwi biex imorru minn post għall-ieħor, u l-vjaġġ tagħhom ma spiċċax wara ftit xhur b’wasla f’Ġerusalemm. Madankollu, “it-Triq il-Qaddisa” fil-fatt daħħlet lill-membri tal-fdal taʼ Kristjani midlukin f’ġenna spiritwali. Fil-każ tagħhom, huma jibqgħu f’din “it-Triq il-Qaddisa,” ladarba għad iridu jivvjaġġaw biex jgħaddu minn din is-sistema dinjija. Sakemm jibqgħu fil-mogħdija—sakemm josservaw il-livelli t’Alla f’dik li hi ndafa u qdusija—huma jibqgħu fil-ġenna spiritwali. U x’ferħ għalihom li tissieħeb magħhom kotra kbira taʼ ħbieb “mhux Iżraelin”! B’kuntrast qawwi maʼ dawk li jittamaw fis-sistema taʼ Satana, kemm il-fdal kif ukoll sħabhom ikomplu jgawdu mejda taʼ ikel spiritwali bnin minn id Jehovah. (Isaija 25:6; 65:13, 14) Billi indunaw li l-barka taʼ Jehovah qiegħda fuq il-poplu tiegħu, ħafna li kienu jixbhu lill-bhejjem bidlu ħajjithom u gglorifikaw lill-veru Alla.—Isaija 11:6-9.
Jehovah Juri li Hu Mweġġaʼ
20. Iżrael taʼ żmien Isaija kif naqas lil Jehovah?
20 Fil-qedem, il-fdal taʼ Iżrael mifdi mill-jasar hu poplu mibdul meta jitqabbel mal-ġenerazzjoni mill-agħar taʼ Isaija. Dwar dawn taʼ l-aħħar, Jehovah jgħid: “B’danakollu, int, Ġakobb, ma sejjaħtlix, għax int xbajt minni, O Iżrael! Ma ġibtlix in-nagħaġ tiegħek għas-sagrifiċċju tal-ħruq, u ma weġġaħtnix bis-sagrifiċċji tiegħek. Jien ma għabbejtekx bl-offerti, lanqas fnejtek bl-inċens. Ma xtrajtlix bi flusek qasab bil-fwieħa, lanqas xebbajtni bix-xaħam tal-vittmi. Imma għabbejtni bi dnubietek, fnejtni bi ħżunitek.”—Isaija 43:22-24.
21, 22. (a) Għala jistaʼ jingħad li l-ħtiġijiet taʼ Jehovah m’humiex taʼ piż? (b) In-nies, fil-fatt, kif iġagħlu lil Jehovah jaqdihom?
21 Meta jgħid, “Jien ma għabbejtekx bl-offerti, lanqas fnejtek bl-inċens,” Jehovah mhux qed jissuġġerixxi li s-sagrifiċċji u l-inċens m’humiex meħtiġin. Tabilħaqq, dawn huma parti integrali mill-qima vera taħt il-patt tal-Liġi. L-istess jistaʼ jingħad dwar il-“qasab,” li jirreferi għal ħaxixa aromatika tfuħ, wieħed mill-ingredjenti li kien fih iż-żejt qaddis tad-dlik. L-Iżraelin kienu qed jonqsu li jużawhom dawn l-affarijiet fis-servizz tat-tempju. Imma huma taʼ piż dawn il-ħtiġijiet? Dażgur li m’humiex! Il-ħtiġijiet taʼ Jehovah huma ħfief meta tqabbilhom maʼ dawk taʼ l-allat foloz. Per eżempju, l-alla falz Molek esiġa l-issagrifikar tat-tfal—xi ħaġa li Jehovah qatt ma riedha!—Dewteronomju 30:11; Mikea 6:3, 4, 8.
22 O li kieku l-Iżraelin kellhom dehen spiritwali, kieku qatt ma kienu se ‘jixbgħu minn Jehovah’! Billi jħarsu fil-Liġi tiegħu, kienu se jaraw l-imħabba profonda tiegħu għalihom u bil-ferħ joffrulu x-“xaħam,” l-aqwa parti mis-sagrifiċċji tagħhom. Minflok, bir-regħba huma jżommu x-xaħam għalihom infushom. (Levitiku 3:9-11, 16) Kemm inikktuh lil Jehovah n-nies taʼ dan il-ġens mill-agħar bil-piż taʼ dnubiethom—fil-fatt, iġagħluh jaqdihom!—Neħemija 9:28-30.
Id-Dixxiplina Taħsad il-Frott
23. (a) Għala hija mistħoqqa sew id-dixxiplina taʼ Jehovah? (b) X’hemm involut fid-dixxiplina li Alla jagħti lil Iżrael?
23 Għalkemm id-dixxiplina taʼ Jehovah hija ħarxa, u bix-xieraq, din tikseb ir-riżultati mixtiqin, u b’hekk il-ħniena ssir possibbli. “Jien, jien hu, li nħassar dnubietek minħabba fija, u li ħtijietek iżjed ma niftakarhomx. Fakkarni, ħa nitħaddtuha; tkellem int u uri s-sewwa tiegħek. L-ewwel ma dineb missierek; u l-medjaturi tiegħek ixxewwxu għalija. Għalhekk jien kasbart il-prinċpijiet tas-santwarju, u rħejt għall-qerda lil Ġakobb, lil Iżrael għat-tagħjir.” (Isaija 43:25-28) Iżrael, bħall-ġnus kollha tad-dinja, huwa dixxendent taʼ Adam, “l-ewwel” bniedem. Għaldaqstant, ebda Iżraeli ma jistaʼ jagħti prova li hu fis-“sewwa.” Saħansitra l-“medjaturi”—l-għalliema, jew dawk li jinterpretaw il-Liġi f’Iżrael—dinbu kontra Jehovah u għallmu l-gideb. Mill-banda l-oħra, Jehovah se jerħi l-ġens tiegħu kollu kemm hu “għall-qerda” u “għat-tagħjir.” Hu se jkasbar ukoll lil dawk kollha li qegħdin imexxu l-funzjonijiet fis-“santwarju,” jew il-post qaddis, tiegħu.
24. Jehovah għal liema raġuni ewlenija jaħfrilhom lin-nies tiegħu, kemm fil-qedem u kemm fi żmienna, u madankollu kif iħossu lejhom?
24 Iżda, innota li l-ħniena divina li tintwera ma tiġix sempliċement minħabba li Iżrael jisgħobbih; din tintwera minħabba Jehovah nnifsu. Iva, ismu hu involut. Kieku kellu jħalli lil Iżrael f’eżilju għal dejjem, ismu stess kien se jitkasbar minn dawk li jaraw x’qed jiġri. (Salm 79:9; Eżekjel 20:8-10) Bl-istess mod illum, is-salvazzjoni tal-bnedmin hija marbuta mat-taqdis taʼ isem Jehovah u l-ivvindikar tas-sovranità tiegħu. Minkejja dan, Jehovah jħobbhom lil dawk li jaċċettaw id-dixxiplina tiegħu mingħajr tlaqliq u li jqimuh bl-ispirtu u l-verità. Hu juri mħabbtu lejn dawn—kemm jekk huma midlukin kif ukoll min-nagħaġ oħra—billi jħassrilhom dnubiethom fuq il-bażi tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù Kristu.—Ġwann 3:16; 4:23, 24.
25. Jehovah liema affarijiet li jqanqlu l-biżaʼ se jwettaq fil-futur qarib, u aħna kif nistgħu nuru l-apprezzament tagħna issa?
25 Barra minn hekk, Jehovah dalwaqt se juri mħabbtu lejn kotra kbira t’adoraturi leali tiegħu meta jagħmel xi ħaġa ġdida għan-nom tagħhom billi jgħaddihom qawwijin u sħaħ “mit-taħbit il-kbir” għal ġo “art ġdida” mnaddfa. (Apokalissi 7:14; 2 Pietru 3:13) Dawn se jaraw b’għajnejhom l-akbar turija tal-qawwa taʼ Jehovah li qatt raw il-bnedmin. Billi jafu li din il-ġrajja se titwettaq żgur, il-fdal midluk u dawk kollha li se jifformaw il-kotra kbira jħossuhom henjin u jgħixu kull ġurnata fi qbil maʼ dan l-inkarigu sublimi: “Intom ix-xhieda tiegħi”!—Isaija 43:10.
[Nota taʼ taħt]
a Fil-mitoloġiji tal-ġnus, ħafna allat “jitwieldu” u jkollhom it-“tfal.”
[Mistoqsijiet taʼ Studju]
[Stampa f’paġna 48, 49]
Jehovah se jgħin lil-Lhud huma u sejrin lejn darhom f’Ġerusalemm
[Stampi f’paġna 52]
Jehovah jisfida lill-ġnus biex jipproduċu xhieda għall-allat tagħhom
1. Statwa tal-bronż taʼ Bagħal 2. Figurini tat-tafal taʼ Għastoret 3. Trinità Eġizzjana taʼ Ħorus, Osiris, u Isis 4. L-allat Griegi Atena (xellug) u Afrodite
[Stampa f’paġna 58]
“Intom ix-xhieda tiegħi.”—Isaija 43:10